Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0007

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/7 tat-30 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 fir-rigward tal-irkantar ta' 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-fond ta' innovazzjoni u li jelenka pjattaforma tal-irkant li għandha tinħatar mill-Ġermanja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/7019

ĠU L 2, 4.1.2019, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2830

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/7/oj

4.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/7

tat-30 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 fir-rigward tal-irkantar ta' 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-fond ta' innovazzjoni u li jelenka pjattaforma tal-irkant li għandha tinħatar mill-Ġermanja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3d(3), 10(4) u 10a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi fond li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-territorju tal-Unjoni billi tagħmel 400 miljun kwota disponibbli mill-volum totali ta' kwoti għall-perjodu 2021 sa 2030 bħala parti mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (“fond ta' innovazzjoni”). Barra minn hekk, 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva għall-istabbiltà tas-suq jenħtieġ li jissupplimentaw kwalunkwe dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perjodu 2013 sa 2020 taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (2), u jenħtieġ li jintużaw b'mod f'waqtu għall-fond ta' innovazzjoni qabel l-2021.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-fond ta' innovazzjoni jinsab f'pożizzjoni li jipprovdi appoġġ qabel l-2021, huwa neċessarju li jiġu monetizzati 50 miljun kwota għall-fond ta' innovazzjoni permezz ta' rkanti b'konformità mar-regoli u l-modalitajiet għall-irkanti fuq il-Pjattaforma Komuni tal-Irkanti, stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (3).

(3)

Bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u titjieb l-effiċjenza ġenerali, il-volum ta' 50 miljun kwota mill-fond ta' innovazzjoni jenħtieġ li jiżdied mal-volumi tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati fuq il-Pjattaforma Komuni tal-Irkanti fl-2020 mill-Istati Membri li fl-1 ta' Jannar 2018 kienu jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta skont l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010.

(4)

L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirkantaw is-sehem tagħhom ta' 50 miljun kwota għall-fond ta' innovazzjoni permezz tal-irkantaturi tagħhom. Sabiex jirċievi r-rikavati rispettivi tal-fond ta' innovazzjoni, kull irkantatur jenħtieġ li jagħżel, sal-1 ta' Ottubru 2019, kont bankarju tal-irkantatur innominat għar-riċevuta ta' dawn ir-rikavati tal-irkant. L-irkantaturi jistgħu jagħżlu l-kont bankarju nnominat tal-irkantatur eżistenti tagħhom għar-rikavati tal-irkant dovuti lill-Istat Membru tagħhom, kont bankarju nnominat tal-irkantatur separat iddedikat għar-rikavati tal-irkant għall-fond ta' innovazzjoni, jew il-kont bankarju nnominat tal-irkantatur ta' irkantatur ieħor ta' Stat Membru li se jirkanta l-kwoti għall-fond ta' innovazzjoni.

(5)

L-irkantaturi maħtura biex imexxu l-irkant ta' 50 miljun kwota għall-fond ta' innovazzjoni jenħtieġ li jiżguraw li r-rikavati tal-irkant għall-fond ta' innovazzjoni jiġu żborżati fil-kont innotifikat lilhom mill-Kummissjoni għall-finijiet ta' dak il-fond, mill-inqas 15-il jum wara tmiem ix-xahar li fih ir-rikavati tal-irkant ġew iġġenerati.

(6)

Kwalunkwe tariffi addizzjonali li jirriżultaw miż-żamma ta' dawn ir-rikavati tal-irkant fil-kont bankarju nnominat tal-irkantatur u mill-iżborż tagħhom jistgħu jitnaqqsu mill-irkantatur mir-rikavati tal-irkant qabel l-iżborż tagħhom. Qabel l-ewwel tnaqqis u qabel kwalunkwe tibdil f'tali tariffi, l-irkantatur rispettiv tal-Istat Membru jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar l-ammont u l-għan tat-tariffi addizzjonali li l-irkantatur jkollu l-intenzjoni li jnaqqas.

(7)

L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 attwalment jipprovdi għat-tħabbir simultanju mill-pjattaforma tal-irkant tar-riżultati dettaljati ta' kull irkant u n-notifika lill-offerenti rebbieħa tar-riżultati individwali. Madankollu, il-livell ta' dettall tar-riżultati tal-irkant li għandhom jitħabbru ma jippermettix il-pubblikazzjoni simultanja tagħhom man-notifika tar-riżultati individwali lill-offerenti rebbieħa. Sabiex din id-dispożizzjoni tiġi allinjata mal-prattika tas-suq u sabiex tissalvagwardja kontra l-abbuż tas-suq, il-pjattaforma tal-irkant tista' tippubblika, qabel it-tħabbir tal-bqija tad-dettalji tar-riżultat tal-irkant, il-volum ta' kwoti rkantati u l-prezz tal-ikklirjar tal-irkant, sabiex dawn jiġu ppubblikati b'mod simultanju filwaqt li l-pjattaforma tinnotifika r-riżultati tal-irkant lill-offerenti rebbieħa. Il-bqija tar-riżultati tal-irkant jenħtieġ li jitħabbru mhux aktar tard minn 15-il minuta wara l-għeluq tal-perjodu għall-offerti.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jippermetti lill-Istati Membri li mhux jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif stipulat f'paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament li jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess għall-irkantar tas-sehem tagħhom tal-volum ta' kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-ħatra ta' pjattaformi tal-irkant bħal dawn hija soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III, b'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(9)

Skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, il-Ġermanja informat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li ma tipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif stipulat f'paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament, u li taħtar il-pjattaforma tal-irkant tagħha stess.

(10)

Fit-12 ta' April 2018, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li taħtar lill-European Energy Exchange AG bħala l-pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għal perjodu massimu ta' ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. It-terminu tal-ħatra, il-bażi legali tal-ħatra u l-kundizzjonijiet u l-obbligi applikabbli għall-European Energy Exchange AG bħala l-pjattaforma tal-irkant tal-Ġermanja għal dak il-perjodu jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(11)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(12)

Sabiex ikunu żgurati rkanti prevedibbli u f'waqthom mill-pjattaforma tal-irkant li għandha tinħatar mill-Ġermanja, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni urġenti.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom jiġu rkantati fl-2020 għandhom jinkludu wkoll il-volum ta' 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva ta' stabbiltà tas-suq imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) ta' dik id-Direttiva. Dawk il-kwoti għandhom jinqasmu f'ammonti ugwali bejn l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta skont l-Artikolu 26(1) ta' dan ir-Regolament fl-1 ta' Jannar 2018 u għandhom jiżdiedu mal-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati għal kull wieħed minnhom. Il-volum ta' 50 miljun kwota għandu fil-prinċipju jitqassam b'mod ugwali bejn l-irkanti li jsiru fl-2020.”

(2)

L-Artikolu 23 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Il-funzjonijiet tal-irkantatur

1.   L-irkantatur għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jirkanta l-volum tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati minn kull Stat Membru li jkun ħatru;

(b)

jirċievi r-rikavati mill-irkant dovuti lil kull Stat Membru li jkun ħatru;

(c)

jiżborża r-rikavati mill-irkant dovuti lil kull Stat Membru li jkun ħatru.

2.   L-irkantatur ta' kull Stat Membru li jirkanta l-kwoti skont l-Artikolu 10(5) għandu jirċievi r-rikavati tal-irkant minn dawk il-kwoti fuq il-kont bankarju nnominat tal-irkantatur magħżul minnu mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2019 għar-riċevuta tal-pagamenti dovuti skont l-Artikolu 10(5). L-irkantatur għandu jiżgura li dawn ir-rikavati mill-irkant jiġu żborżati fil-kont innotifikat lilu mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, mhux aktar tard minn 15-il jum wara tmiem ix-xahar li fih ir-rikavati tal-irkant ġew iġġenerati. L-irkantatur jista' jnaqqas qabel l-iżborż kwalunkwe tariffi addizzjonali għaż-żamma jew l-iżborż tagħhom, soġġett għan-notifika minn qabel tal-ammont u r-raġuni għal dawn it-tariffi mill-Istat Membru tiegħu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra kollha.”;

(3)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 61 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Skont il-paragrafu 1, il-pjattaforma tal-irkant għandha tħabbar mill-inqas ir-riżultati li ġejjin għal kull irkant:

(a)

il-volum tal-kwoti rkantati;

(b)

il-prezz tal-ikklirjar tal-irkant f'euro;

(c)

il-volum totali ta' offerti sottomessi;

(d)

l-għadd totali ta' offerenti u l-għadd ta' offerenti rebbieħa;

(e)

fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' rkant, l-irkanti li dak il-volum jgħaddi għal għandhom;

(f)

id-dħul totali rikavat mill-irkant;

(g)

id-distribuzzjoni tad-dħul bejn l-Istati Membri, fil-każ ta' pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) u (2).”;

(4)

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 61 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fl-istess ħin li l-pjattaforma tal-irkant tħabbar ir-riżultati ta' kull irkant skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, il-pjattaforma tal-irkant għandha tinnotifika lil kull offerent rebbieħ li jissottometti l-offerti permezz tas-sistemi tagħha:

(a)

l-għadd totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati lil dak l-offerent;

(b)

liema mill-offerti marbuta tiegħu, jekk kien hemm, intgħażlu b'mod aleatorju;

(c)

il-ħlas dovut kemm fl-euro jew fil-munita tal-Istat Membru mhux membru taż-żona tal-euro, kif jagħżel l-offerent sakemm is-sistema tal-ikklirjar jew is-sistema tas-saldu tkun kapaċi timmaniġġja l-valuta nazzjonali inkwistjoni;

(d)

id-data sa liema għandu jsir il-ħlas dovut f'fondi kklirjati fil-kont bankarju nnominat tal-irkantatur.”;

(5)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, tiżdied il-parti 5 li ġejja:

Pjattaformi ta' rkant maħtura mill-Ġermanja

5

Pjattaforma ta' rkant

European Energy Exchange AG (EEX)

 

Bażi ġuridika

L-Artikolu 30(1)

 

Terminu tal-ħatra

L-iktar kmieni mill-5 ta' Jannar 2019 għal perjodu massimu ta' ħames snin sal-4 ta' Jannar 2024, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5).

 

Kundizzjonijiet

Id-dħul għall-irkanti ma għandux jiddependi fuq li wieħed isir membru jew parteċipant fis-suq sekondarju organizzat mill-EEX jew ta' kwalunkwe post tan-negozjar operat mill-EEX jew minn kwalunkwe parti terza.

 

Obbligi

1.

Fi żmien xahrejn mill-5 ta' Jannar 2019, l-EEX għandha tissottometti lill-Ġermanja l-istrateġija ta' ħruġ tagħha. L-istrateġija ta' ħruġ għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-EEX kif stabbiliti fil-kuntratt mal-Kummissjoni u l-Istati Membri konkluż skont l-Artikolu 26 u għad-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri taħt dak il-kuntratt.

2.

Il-Ġermanja għandha tinnotifika l-Kummissjoni dwar kwalunkwe emendi sostantivi fir-relazzjonijiet kuntrattwali rilevanti mal-EEX innotifikati lill-Kummissjoni fit-12 ta' April 2018.”


Top