Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1893

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

ST/12995/2019/INIT

ĠU L 291, 12.11.2019, pp. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1893/oj

12.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1893

tal-11 ta’ Novembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.

(2)

Il-Kunsill issottolinja li l-miżuri restrittivi huma gradwali, immirati, flessibbli u riversibbli, ma jaffettwawx lill-popolazzjoni ġenerali u għandhom l-għan li jrawmu proċess kredibbli u sinifikattiv li jista’ jwassal għal soluzzjoni negozjata u paċifika.

(3)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, fit-22 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/90 (2) li ddeżinjat seba’ persuni fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

(4)

Fit-28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li ddikjaraw li l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fil-Venezwela flimkien mal-elezzjonijiet reġjonali li saru fl-20 ta’ Mejju 2018 la kienu ħielsa u lanqas ġusti. L-Unjoni appellat li jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda u ddikkjarat li hija ser taġixxi malajr bil-għan li timponi miżuri restrittivi addizzjonali li jkunu mmirati u riversibbli.

(5)

Fil-25 ta’ Ġunju 2018, bħala segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/901 (3) li ddeżinjat ħdax-il persuna.

(6)

Fil-25 ta’ Ottubru 2018, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħarġet dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li ddikjarat li l-Unjoni kienet għadha konvinta li jista’ jkun hemm biss soluzzjoni demokratika, politika u paċifika għall-kriżi attwali u ssottolinjat l-impenn tal-Unjoni li tuża l-istrumenti politiċi kollha tagħha biex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ soluzzjoni bħal din.

(7)

Fis-6 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1656 (4) li ġeddiet il-miżuri restrittivi fis-seħħ minħabba s-sitwazzjoni fil-Venezwela fid-dawl tal-kriżi politika, ekonomika u soċjali kontinwa u li qed taggrava f’dak il-pajjiż.

(8)

F’Jannar, Frar, Marzu u April 2019, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet dikjarazzjonijiet f’isem l-Unjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela li enfasizzaw ir-rieda tal-Unjoni li tkompli tagħmel kull sforz possibbli sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti d-demokrazija u l-istat tad-dritt, sabiex tieħu azzjoni ulterjuri u biex tirreaġixxi permezz ta’ miżuri xierqa għal deċiżjonijiet u azzjonijiet li jkomplu jdgħajfu l-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

(9)

Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1171 (5) li aġġornat id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal tliet persuni elenkati.

(10)

Fis-16 ta’ Lulju 2019, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet dikjarazzjoni f’isem l-UE li ddikjarat li r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonferma b’mod ċar u dettaljat il-grad u s-severità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-erożjoni tal-istat tad-dritt u ż-żarmar tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Venezwela. L-Unjoni indikat ukoll li lesta tibda l-ħidma lejn l-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati għal dawk il-membri tal-forzi tas-sigurtà involuti fit-tortura u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem.

(11)

Fis-26 ta’ Settembru 2019, bħala segwitu għad-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Lulju 2019 u fid-dawl tas-sitwazzjoni serja kontinwa fil-Venezwela, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1596 (6) li ddeżinjat seba’ persuni.

(12)

F’dak il-kuntest, u f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, il-Kunsill irreveda l-miżuri restrittivi fis-seħħ fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.

(13)

Wara li qies il-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja li għaddejja bħalissa fil-Venezwela u b’azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi fis-seħħ, inkluż id-deżinjazzjonijiet kollha, jiġġeddu sal-14 ta’ Novembru 2020. Dawn il-miżuri ma jaffettwawx lill-popolazzjoni ġenerali u jistgħu jitreġġgħu lura fid-dawl tal-progress li jkun sar lejn ir-restawr tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

(14)

Id-deżinjazzjonijiet individwali li jinsabu fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 ġew riveduti u l-informazzjoni dwar tmien persuni jenħtieġ li tiġi emendata.

(15)

Barra minn hekk, jenħtieġ li tiżdied dispożizzjoni fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 li tispeċifika li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dik id-Deċiżjoni.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 hija emendata kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

ir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija ta’ emendi u għall-emendar tal-Annessi I u II;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Annessi I u II.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti marbuta ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Annessi I u II.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nnominati bħala “kontrolluri” fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

(*1)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”."

(2)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

”Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-14 ta’ Novembru 2020.”.

(3)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/90 tat-22 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 16 I, 22.1.2018, p. 14).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 160 I, 25.6.2018, p. 12).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1656 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1171 tat-8 ta’ Lulju 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 183, 9.7.2019, p. 9).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1596 tas-26 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 74).


ANNESS

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, l-entrati 1, 3, 6, 10, 13, 15, 19 u 21 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

”1.

Néstor Luis Reverol Torres

Data tat-twelid: 28 ta’ Ottubru 1964

Sess: raġel

Ministru għall-Intern, Ġustizzja u Paċi mill-2016. Maħtur ukoll bħala Viċi-President tax-Xogħlijiet u s-Servizzi Pubbliċi u Segretarju Eżekuttiv tal-Persunal Ġenerali għall-Elettriku f’April 2019. Eks Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura ta’ priġunieri (politiċi), u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluż il-projbizzjoni u r-repressjoni ta’ dimostrazzjonijiet politiċi, imwettqa mill-forzi tas-sigurtà taħt il-kmand tiegħu.

22.1.2018

3.

Tibisay Lucena Ramírez

Data tat-twelid: 26 ta’ April 1959

Sess: mara

President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)). L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi naqsu milli jiżguraw li s-CNE jibqa’ istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni Venezwelana u b’hekk iffaċilitat l-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti u l-elezzjoni mill-ġdid ta’ Nicolás Maduro f’Mejju 2018 permezz ta’ elezzjonijiet presidenzjali li la kienu ħielsa u lanqas ġusti.

22.1.2018

6.

Tarek William Saab Halabi

Data tat-twelid: 10 ta’ Settembru 1963

Post tat-twelid:

El Tigre, Stat ta’ Anzoátegui, Venezwela

Sess: raġel

Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F’dan ir-rwol, u fir-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-Gvern tal-Venezwela u l-irtirar ta’ kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

10.

Jesús Rafael Suárez Chourio

Data tat-twelid: 19 ta’ Lulju 1962

Sess: raġel

Kap Kmandant tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana Venezwelana u Kap tal-Persunal Ġenerali għall-Kap Kmandant. Eks Kmandant Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana Venezwelana u eks Kmandant tar-Reġjun ta’ Difiża Komprensiv tal-Venezwela taż-Żona Ċentrali (REDI Central). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi taħt il-kmand tiegħu matul il-mandat tiegħu bħala Kmandant Ġenerali tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana Venezwelana, inkluż l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti. Kellu fil-mira tiegħu l-oppożizzjoni demokratika u appoġġa l-użu ta’ qrati militari għall-proċessi ta’ dimostranti ċivili.

25.6.2018

13.

Elías José Jaua Milano

Data tat-twelid: 16 ta’ Diċembru 1969

Sess: raġel

Eks Ministru għas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni. Eks President tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela permezz tar-rwol tiegħu li wassal għall-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima.

25.6.2018

15.

Freddy Alirio Bernal Rosales

Data tat-twelid: 16 ta’ Ġunju 1962

Post tat-twelid: San Cristóbal, Stat ta’ Táchira, Venezwela

Sess: raġel

Kap taċ-Ċentru ta’ Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u Protettur tal-Istat ta’ Táchira. Huwa ukoll Kummissarju Ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Bħala Kap tal-CLAP u Protettur tal-Istat ta’ Táchira jista’ jamar lill-Forzi Speċjali (FAES) u jista’ jinfluwenza l-ħatra ta’ mħallfin u prosekuturi. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk, bħala Kummissarju Ġenerali ta’ SEBIN huwa responsabbli għall-attivitajiet ta’ SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

25.6.2018

19.

Nestor Neptali Blanco Hurtado

Data tat-twelid: 26 ta’ Settembru 1982

Numru tal-ID: V-15222057

Sess: raġel

Maġġur fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana (GNB), opera flimkien ma’ uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2017. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM.

27.9.2019

21.

Carlos Alberto Calderon Chirinos

Numru tal-ID: V-10352300

Sess: raġel

Uffiċjal għoli (imsejjaħ Kummissarju, Direttur u Direttur Ġenerali) fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tas-SEBIN. B’mod partikolari, huwa pparteċipa u kien responsabbli għal atti ta’ tortura u għat-trattament krudili, inuman u degradanti tad-detenuti f’El Helicoide, ħabs tas-SEBIN.

27.9.2019”.


Top