Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0165

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/165 tal-1 ta' Frar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni

    C/2019/688

    ĠU L 32, 4.2.2019, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/165/oj

    4.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 32/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/165

    tal-1 ta' Frar 2019

    li tistabbilixxi regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u ta' sospensjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) u skont l-Anness IX tiegħu kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1588 (2). Dawk il-kompiti huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju ta' Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (“IDOC”), li huwa direttorat mehmuż mad-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà. Proċedimenti dixxiplinari jistgħu jinkludu investigazzjonijiet immexxija mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

    (2)

    Fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jiġbru u jipproċessaw l-informazzjoni rilevanti. Dik l-informazzjoni tinkludi data personali, b'mod partikolari data dwar l-identifikazzjoni, ta' kuntatt u dwar l-imġiba. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jittrasmettu data personali lil servizzi oħra tal-Kummissjoni fuq bażi ta' tagħrif li jkun meħtieġ.

    (3)

    Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku u sigur biex ma jkunx hemm aċċess illegali jew trasferiment ta' data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu. Wara li jintemm l-ipproċessar, id-data tinżamm f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Kummissjoni (3).

    (4)

    Meta twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tikkonforma ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali u biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati u tax-xhieda, b'mod partikolari l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-persuna kkonċernata.

    (5)

    F'ċerti ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa ta' effettività ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti lill-Kummissjoni bil-possibbiltà li tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament.

    (6)

    Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali lill-persuna kkonċernata fil-bidu ta' inkjesta amministrattiva. L-għoti ta' dik l-informazzjoni jista' jaffettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li tmexxi l-inkjesta amministrattiva, pereżempju minħabba li l-persuna kkonċernata tista' teqred evidenza qabel ma tiġi eżaminata mill-Kummissjoni jew tinterferixxi ma' xhieda potenzjali qabel ma jinstemgħu. Bl-istess mod, l-għoti ta' aċċess għal data personali waqt fażijiet tal-proċedura fejn il-persuna kkonċernata ma jkollhiex aċċess għall-fajl, bħal waqt il-valutazzjoni preliminari jew l-inkjesta amministrattiva, tista' tiżvela informazzjoni li tista' taffettwa ħażin it-tmexxija tal-inkjesta amministrattiva. Fiż-żewġ każijiet, il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata tista' tkun meħtieġa għas-salvagwardja ta' funzjoni ta' monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali f'każ fejn huwa kkonċernat għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li l-persunal tal-Kummissjoni jirrispetta l-obbligi statutorji tiegħu u jaġixxi b'mod etiku.

    (7)

    Jista' jkun meħtieġ ukoll li jiġi limitat id-dritt ta' aċċess għal data personali mill-persuna kkonċernata meta aċċess bħal dan jiżvela informazzjoni dwar xhud jew informatur li jkun talab biex l-identità tiegħu ma tiġix żvelata. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirrestrinġi l-aċċess għad-dikjarazzjoni dwar il-persuna kkonċernata sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta' dan ix-xhud jew informatur.

    (8)

    Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-effettività tal-inkjesti amministrattivi, il-proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ li jiġu adottati regoli interni li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f'konformità mal-Artikolu 25(1) (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (9)

    Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha, inkluż operazzjonijiet ta' pproċessar mwettqa qabel il-ftuħ ta' inkjesta amministrattiva u matul l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali barra l-attivitajiet tagħha.

    (10)

    Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti permezz ta' avviż ta' protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħarraf individwalment, f'format xieraq, is-suġġetti tad-data involuti f'inkjesta amministrattiva jew fi proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

    (11)

    Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva jista' jkun meħtieġ għall-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-attivitajiet ta' pproċessar ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE jew tal-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji, awtoritajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar ir-raġunijiet rilevanti biex timponi restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet, sakemm dawn ma jfixklux l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

    (12)

    Il-Kummissjoni tista' wkoll ikollha tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tissodisfa d-dmir ta' kooperazzjoni tagħha ma' dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet u b'hekk tissalvagwardja għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    (13)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti.

    (14)

    Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta' informazzjoni fuq ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni fi kwalunkwe każ jikkomprometti l-fini tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (15)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa mill-Kummissjoni biex tkun tista' tmexxi l-inkjesti amministrattivi tagħha kif ukoll proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

    (16)

    Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha.

    (17)

    Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-deċiżjoni.

    (18)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta' Diċembru 2018.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

    2.   Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal -Artikoli 4(1) (a), 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) ta' dak ir- Regolament.

    3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness IX tiegħu, kif ukoll id-Deċiżjoni C (2004) 1588.

    4.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni sakemm din tipproċessa data personali għal finijiet relatati ma' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

    5.   Il-kategoriji ta' data personali koperti b'din id-Deċiżjoni jinkludu d-data għall-identifikazzjoni, il-kuntatt u dwar l-imġiba.

    Artikolu 2

    Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

    1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

    2.   Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament, meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta' preġudizzju għall-inkjesti amministrattivi u proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni jew ikun jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

    3.   Skont l-Artikoli 3 sa 7, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' data personali miksuba minn servizzi oħra tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħrajn tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħrajn previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (7);

    (b)

    meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

    (c)

    fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-tmexxija tal-inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

    Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija pprovduta minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti jew li din il-konsultazzjoni tqiegħed f'periklu l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

    Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.

    Artikolu 3

    L-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-avviżi tal-protezzjoni tad-data li jinformaw lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf individwalment, f'format xieraq, lill-persuna kkonċernata minn inkjesta amministrattiva jew proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari jew ta' sospensjoni, kif ukoll ix-xhieda mitluba jipprovdu informazzjoni fir-rigward ta' dawk il-proċedimenti, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

    3.   Meta l-Kummissjoni tillimita skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

    Artikolu 4

    Dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta' tħassir u dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar

    1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir, jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali talli sar hekk, u bil-possibbiltà li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

    4.   Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Artikolu 5

    Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali tas-suġġetti tad-data

    Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali għas-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni każ b'każ tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' tali restrizzjoni.

    Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-għan tal-inkjesta amministrattiva u l-proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew li jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

    2.   Ir-reġistru u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    Artikolu 7

    Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

    1.   Restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

    2.   Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u f'kull każ fi tmiem inkjesta amministrattiva u proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari jew ta' sospensjoni. Minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-ħtieġa li jinżamm differiment fuq bażi annwali.

    Artikolu 8

    Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea

    1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.

    2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 1588 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni dwar it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u ta' proċeduri dixxiplinari.

    (3)  Il-lista komuni ta' ritenzjoni fil-livell ta' Kummissjoni għall-fajls tal-Kummissjoni Ewropea — SEC(2012)713

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


    Top