Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2056

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2056 tas-6 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

ST/14463/2017/INIT

ĠU L 329, 27.12.2018, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/2056/oj

27.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/2056

tas-6 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 (1) jipprevedi li l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali jrid ikollha siġill elettroniku avvanzat ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat u maħluq b'tagħmir li joħloq firem siguri, f'konformità mad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, is-siġilli elettroniċi, it-timbri tal-ħin elettroniċi, id-dokumenti elettroniċi, is-servizzi elettroniċi ta' konsenja reġistrati u s-servizzi ta' ċertifikazzjoni tal-awtentikazzjoni ta' siti elettroniċi.

(3)

L-awtentikazzjoni bis-siġill elettroniku toffri garanziji komparabbli għal dawk ipprovduti b'firma elettronika. L-użu ta' siġill elettroniku li jawtentika l-Ġurnal Uffiċjali jgħaġġel il-proċedura għall-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali fuq is-sit elettroniku tal-EUR-Lex.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 216/2013 jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 216/2013, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandu jkollha firma elettronika kwalifikata definita f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew siġill elettroniku kwalifikat definit f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-firma elettronika jew għas-siġill elettroniku u t-tiġdid tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fis-sit elettroniku tal-EUR-Lex biex il-pubbliku jkun jista' jivverifika l-firma elettronika kwalifikata jew is-siġill elettroniku kwalifikat u l-awtentiċità tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. KICKL


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta' Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettronċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).


Top