Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L1581

    Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1581 tad-19 ta' Ottubru 2018 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE fir-rigward tal-metodi ta' kalkolu tal-obbligi ta' ħżin

    C/2018/6817

    ĠU L 263, 22.10.2018, p. 57–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2018/1581/oj

    22.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/57


    DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1581

    tad-19 ta' Ottubru 2018

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE fir-rigward tal-metodi ta' kalkolu tal-obbligi ta' ħżin

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u/jew ta' prodotti petroliferi (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/119/KE il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha (“evalwazzjoni ta' nofs it-terminu”), li wriet il-bżonn li jiddaħħlu għadd ta' bidliet tekniċi tad-Direttiva, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħha (2).

    (2)

    Jekk il-bidu l-obbligu tal-istokkijiet annwali ġodda skont id-Direttiva 2009/119/KE jiġi pospost bi tliet xhur, dan għandu jippermetti li l-Istati Membri jkollhom aktar żmien biex jikkompletaw il-proċeduri amministrattivi interni u jiffaċilita l-konformità skont l-iskadenza u, possibbilment, b'kostijiet aktar baxxi.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa punt ta' referenza għad-definizzjoni ta' “ħażniet taż-żejt” u għall-identifikazzjoni ta' prodotti petroliferi differenti li huma rilevanti biex jiġi kkalkolat l-obbligu tal-ħżin, il-livell ta' emerġenza u l-ħażniet speċifiċi miżmuma u għal skopijiet ta' rappurtar. Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 ġie emendat bosta drabi. Għaldaqstant, referenzi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008, tad-Direttiva 2009/119/KE skadew u jeħtieġ jiġu adattati b'tali mod li jirreferu għad-dispożizzjonijiet xierqa ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    L-applikazzjoni ta' żewġ formuli differenti għall-kalkolu tal-kwantitajiet ta' nafta li mhumiex rilevanti għall-kalkolu tal-obbligu tal-ħżin, skont jekk ir-rendiment f'nafta matul is-sena preċedenti kienx iżgħar jew akbar minn 7 %, fil-prattika wassal għal fluttwazzjonijiet fl-obbligi ta' ħżin għal xi Stati Membri li jista' jikkawża piż finanzjarju sostanzjali u nuqqas ta' konformità, mingħajr ma kienu ġġustifikati mill-għanijiet tad-Direttiva. It-tneħħija tal-limitu ta' 7 % u l-għoti tal-istess għażliet għall-Istati Membri kollha għandu jelimina l-inugwaljanzi u l-varjazzjonijiet mhux ġustifikati.

    (5)

    B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (4), l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2009/119/KE,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2009/119/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(i)

    “ħażniet ta' żejt” tfisser il-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008”;

    (2)

    Fl-Artikolu 3, il-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Madankollu, minkejja l-paragrafu 2, il-medji ta' kuljum tal-importazzjoni netta u tal-konsum intern, kif imsemmija f'dak il-paragrafu, għandhom jiġu ddeterminati, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena kalendarja, abbażi tal-kwantitajiet importati jew ikkonsmati matul is-sena ta' qabel dik preċedenti għas-sena kalendarja involuta.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 6, it-tieni sentenza tal-paragrafu (1) hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Dak ir-reġistru għandu jkun fih, b'mod partikolari, l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu indikati b'mod preċiż, id-depost, ir-raffinerija jew il-faċilità għal ħżin fejn il-ħażniet ikkonċernati jinsabu, kif ukoll il-kwantitajiet involuti, lil min jappartjenu l-ħażniet u n-natura tagħhom, b'referenza għall-kategoriji identifikati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.”;

    (4)

    Fl-Artiklu 9, l-ewwel sentenza tal-paragrafu (2) hija sostitwita b'dan li ġej:

    “2.   Il-ħażniet speċifiċi jistgħu jkunu magħmulin biss minn wieħed jew aktar mill-kategoriji ta' prodotti li ġejjin, kif definiti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008:”;

    (5)

    Fl-Artikolu 9, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “L-ekwivalenti f'żejt mhux maħdum imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi huma kkalkulati b'multiplikazzjoni b'fattur ta' 1,2 tas-somma tal-“konsenji grossi osservati interni” aggregati, kif definit fit-Taqsima 3.2.2.11 tal-Anness C tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008, għall-prodotti inklużi fil-kategoriji użati jew ikkonċernati. L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu”;

    (6)

    Fl-Anness II, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-konsum intern huwa t-total tal-‘konsenji grossi osservati interni’ aggregati, kif definit fit-Taqsima 3.2.2.11 tal-Anness C tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-prodotti li ġejjin biss: petrol għall-magni, petrol għall-avjazzjoni, fjuwil għall-ġettijiet tat-tip petrol (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), fjuwil għall-ġettijiet tat-tip pitrolju, pitrolju ieħor, żejt tal-gass/tad-diżil (żejt tal-fjuwil distillat) u żejt tal-fjuwil (b'kontenut għoli ta' kubrit u b'kontenut baxx ta' kubrit) kif definit fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.”;

    (7)

    Fl-Anness III, il-punt (a) tas-sitt subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 u jikkalkolaw l-ekwivalenti f'żejt mhux maħdum b'multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b'fattur ta' 1,065; jew”.

    (8)

    L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9.

    (2)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (SWD (2017) 439 final).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

    (4)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    ANNESS I

    METODU GĦALL-KALKOLU TAL-EKWIVALENTI F'ŻEJT MHUX MAĦDUM TAL-IMPORTAZZJONI TA' PRODOTTI PETROLIFERI

    L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-ekwivalenti f'żejt mhux maħdum tal-importazzjoni ta' prodotti petroliferi, kif imsemmi fl-Artikolu 3, bl-użu tal-metodu li ġej.

    (1)

    It-total tal-importazzjoni netta ta' żejt mhux maħdum, ta' likwidi tal-gass naturali (NGL), ta' materja prima tar-raffineriji u ta' idrokarburi oħra, kif definit fl-Anness A, Kapitolu 3.4. tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 (*1), għandu jiġi kkalkulat u aġġustat biex jittieħed kont ta' kwalunkwe bidliet fl-istokk. Mill-figura li tirriżulta, se titnaqqas waħda mill-figuri li ġejjin għar-rendiment ta' nafta:

    4 %;

    ir-rendiment medju ta' nafta;

    il-konsum attwali nett ta' nafta.

    (2)

    It-total ta' importazzjonijiet netti ta' prodotti petrolifiċi, kif definit fl-Anness A, Kapitolu 3.4. tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008, bl-esklużjoni tan-nafta, għandu jiġi kkalkulat u aġġustat biex jittieħed kont tal-bidliet fl-istokk u għandu jiġu mmultiplikat b'fattur ta' 1,065.

    Is-somma taċ-ċifri li jirriżultaw mill-passi (1) u (2) tirrappreżenta l-ekwivalenti f'żejt mhux maħdum.

    L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.



    Top