This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R1025
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/1025 of 24 June 2016 amending Annex I to Council Regulation (EC) No 1342/2008 as regards the definition of beam trawl gear groupings in certain geographical areas
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1025 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 rigward id-definizzjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti tax-xbieki tat-tkarkir bi travu f'ċerti żoni ġeografiċi
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1025 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 rigward id-definizzjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti tax-xbieki tat-tkarkir bi travu f'ċerti żoni ġeografiċi
C/2016/3856
ĠU L 168, 25.6.2016, p. 7–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0973
25.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/7 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1025
tal-24 ta' Ġunju 2016
li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 rigward id-definizzjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti tax-xbieki tat-tkarkir bi travu f'ċerti żoni ġeografiċi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jistipula li l-limiti tal-isforz tas-sajd huma assenjati lil gruppi ta' sforz iddefiniti skont ir-raggruppamenti tal-irkapti u skont iż-żoni ġeografiċi stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. |
(2) |
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li telimina l-prattika ħalja tar-rimi. L-obbligu tal-iżbark se jidħol progressivament fis-seħħ għal ċertu sajd demersali li bħalissa huwa kopert mir-reġim tal-isforz tas-sajd skont ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008. Dan il-perjodu jibda mill-2016 u jispiċċa l-aktar tard sal-2019. |
(3) |
Minħabba l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark, tinħtieġ aktar flessibbiltà fir-reġim attwali tal-isforz tas-sajd biex is-sajjieda jkunu jistgħu jużaw irkaptu li jkun aktar selettiv u li jkollu malja akbar. F'dan il-kuntest, deher li kien hemm bżonn analiżi biex jiġi evalwat kemm l-istruttura attwali tar-raggruppamenti tal-isforz kienet għadha kosteffiċjenti f'termini ta' piż tal-ġestjoni mqabbel mal-bżonnijiet tal-konservazzjoni. |
(4) |
B'riżultat ta' dan, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) intalab jagħti parir dwar il-possibbiltà li ssir fużjoni tar-raggruppamenti attwali tal-irkapti tax-xbieki tat-tkarkir bi travu BT1 u BT2 li jintużaw biex jiddefinixxu l-gruppi tal-isforz. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jikkonkludi (2) li hemm riskju li tiżdied il-mortalità mis-sajd tal-merluzz jekk issir il-fużjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2. L-STECF jikkonkludi wkoll li din il-fużjoni ġdida tar-raggruppament tkun aktar eteroġena f'termini ta' stokkijiet bijoloġiċi maqbuda milli huma r-raggruppamenti separati tal-BT1 u tal-BT2 u li x'aktarx mhux se tiżdied il-kosteffiċjenza peress li jkollhom jittieħdu miżuri addizzjonali biex jopponu l-possibbiltà li tiżdied il-mortalità mis-sajd tal-merluzz. Madankollu, il-konklużjonijiet tal-STECF juru wkoll li jekk il-fużjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti ssir, is-sajjieda jkunu jistgħu jistadu b'mod aktar selettiv. Il-fużjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti tista' tnaqqas il-qbid inċidentali tal-barbun tat-tbajja' u ta' speċijiet oħra ta' pixxiċatt. |
(5) |
L-STECF jirrapporta wkoll li b'mod kumulattiv, l-irkaptu BT1 u BT2 jammonta għal 5 % biss tal-qbid ġenerali tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramunata u li l-impatti potenzjali ta' din il-fużjoni fuq il-mortalità tal-merluzz se jkunu limitati. |
(6) |
Il-fużjoni riċenti tar-raggruppamenti tal-irkapti TR tax-xibka tat-tkarkir tal-qiegħ u tat-tartarun bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2324 (3) kellu konsegwenzi negattivi fuq dawk l-Istati Membri li jittrasferixxu l-isforzi b'mod regolari mir-raggruppamenti BT fir-raggruppament TR2. Il-fużjoni tar-raggruppamenti BT se tirrimedja għal dawn l-effetti negattivi. |
(7) |
Il-fużjoni se tnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż ta' ġestjoni billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għas-sajjieda. Peress li ħafna sajjieda jużaw irkaptu differenti u għalhekk huma parti minn diversi raggruppamenti tal-isforz, dawn ikollhom bżonn ta' kalkoli kumplessi meta jallokaw l-isforzi tas-sajd. |
(8) |
Skont il-parir tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) (4), l-istatus ta' konservazzjoni tal-istokk tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana fis-Subżona IV tal-ICES, fid-Diviżjoni VIId tal-ICES u fil-parti tal-Punent tad-Diviżjoni IIIa tal-ICES (Skagerrak) tjieb ħafna. |
(9) |
Għalhekk mhuwiex xieraq li r-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 jibqgħu separati fl-oqsma li ġejjin: Skagerrak, dik il-parti taż-żona IIIa tal-ICES li mhix koperta minn Skagerrak u Kattegat; iż-żona IV tal-ICES u l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona IIa tal-ICES, u ż-żona VIId tal-ICES. Minħabba l-qagħda ħażina tal-istokk tal-merluzz fiż-żoni ta' Kattegat, iż-żona VIIa tal-ICES, iż-żona VIa tal-ICES u l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona Vb tal-ICES, il-fużjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti ma għandhiex tapplika għal dawn iż-żoni. |
(10) |
Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-effetti tal-fużjoni tar-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 fuq il-mortalità mis-sajd tal-merluzz. Jekk ikun xieraq se taddatta l-istruttura tar-raggruppamenti tal-irkapti skont ir-riżultati ta' din is-sorveljanza jekk tiżdied il-mortalità mis-sajd tal-merluzz minħabba r-rimi. |
(11) |
Biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw kif se tevolvi din is-sitwazzjoni mingħajr ma jġarrbu spejjeż amministrattivi addizzjonali, jixraq li s-sistema ta' rappurtar attwali ma tinbidilx. |
(12) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu jiġi emendat, |
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jiżdied il-punt li ġej:
“4. |
B'deroga mill-punt 1, għall-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fiż-żona msemmija fil-punt 2(b), ir-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 għandhom jitqiesu bħala raggruppament wieħed b'malja ta' daqs ta' 80 mm jew ikbar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-użu tal-isforz b'mod separat għar-raggruppamenti tal-irkapti BT1 u BT2 kif meħtieġ mill-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.
(2) Merging of the BT1 and BT2 gear categories in the North Sea (STECF-16-02).
(3) ĠU L 328, 12.12.2015, p. 101.
(4) Parir tal-ICES dwar l-opportunitajiet tas-sajd, il-qbid u l-isforz fl-ekoreġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir u tal-Ibħra Ċeltiċi: 6.3.4 Merluzz (Gadus morhua) fis-Subżona IV u fid-Diviżjonijiet VIId u IIIa tal-Punent (il-Baħar tat-Tramuntana, il-Kanal Ingliż tal-Lvant, Skagerrak), 30.6.2015.