Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1368

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura

ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1368/oj

8.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1368

tas-6 ta' Awwissu 2015

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a) u (c) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 u l-Artikolu 223(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 58(4) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(5) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 64(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħa post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) u jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-għajnuna fis-settur tal-apikultura. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema ta' għajnuna fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti bħal dawn. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 (4). Dak ir-Regolament huwa mħassar mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 (5).

(2)

L-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jkopru perjodu ta' tliet snin (“programmi tal-apikultura”). F'konformità mal-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà għandhom jagħmlu studju dwar l-istruttura tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-setturi tagħhom tat-trobbija tan-naħal. Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi li għandu jkun fihom dawk il-programmi u l-istudji.

(3)

Il-programmi tal-apikultura proposti mill-Istati Membri għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita skadenza għan-notifika tal-programmi mill-Istati Membri u proċedura għall-approvazzjoni tal-programmi mill-Kummissjoni.

(4)

Billi s-settur tal-apikultura jinvolvi numru kbir ta' produtturi żgħar, ladarba jiġu approvati l-programmi tal-apikultura għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-pubbliku mill-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(5)

Sabiex ikun hemm flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jemendaw il-miżuri inklużi fihom matul l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi, sakemm il-limitu massimu totali ta' nefqa annwali pjanata ma jinqabiżx u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-programmi tibqa' ekwivalenti ta' 50 % tan-nefqa mġarrba mill-Istati Membri. Madankollu, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli proċedurali għal emendi sinifikanti fi programm.

(6)

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura. Il-proċedura applikata mill-Istati Membri għal verifiki ta' monitoraġġ għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Din il-proċedura għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri flimkien mal-programmi.

(7)

Sabiex jivverifikaw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' finanzjament mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki amministrattivi u fuq il-post. Għall-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm verifiki minn tal-anqas 5 % tal-applikanti għall-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjun ta' applikanti ċċekkjati mill-popolazzjoni kollha tal-applikanti, inkluża parti aleatorja sabiex tinkiseb rata ta' żbalji rappreżentattiva u parti bbażata fuq ir-riskju, li għandha jkollha fil-mira tagħha l-oqsma fejn ir-riskju ta' żball huwa l-ogħla.

(8)

Skont ir-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 54, 58 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema adatta ta' korrezzjonijiet u penali għall-irregolaritajiet li tippermetti l-irkupru ta' kwalunkwe ammont imħallas dovut flimkien mal-interess ikkalkulat f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (6). Din il-proċedura għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri flimkien mal-programmi.

(9)

Is-Sena tal-Apikultura għandha tkopri perjodu ta' żmien li jippermetti lill-Istati Membri jwettqu l-verifiki relatati mal-miżuri tal-apikultura.

(10)

Sabiex tevalwa l-impatt tal-programmi tal-apikultura filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u s-settur tal-apikultura, jeħtieġ li l-Istati Membri jressqu lill-Kummissjoni rapport annwali ta' implimentazzjoni li jipprovdi s-sommarju tal-infiq u r-riżultati miksuba bl-użu tal-indikaturi tal-prestazzjoni għal kull miżura tal-programm.

(11)

Għandha tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-miżuri inklużi fi programmi tal-apikultura u programmi ta' żvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) matul l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura. Għal dan il-għan, fil-programmi tal-apikultura tagħhom l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-kriterji li huma jkunu stabbilew biex jevitaw il-finanzjament doppju tal-programmi tal-apikultura bħala parti mill-għajnuna fil-qasam tal-apikultura, abbażi tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni li jirregolaw l-għajnuna tal-Unjoni għall-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura kif imsemmi fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“programmi tal-apikultura”).

Artikolu 2

Is-Sena tal-Apikoltura

Għall-finijiet tal-programmi tal-apikultura, “is-Sena tal-Apikoltura” għandha tfisser il-perjodu ta' 12-il xahar konsekuttiv mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju.

KAPITOLU 2

PROGRAMMI TAL-APIKOLTURA

Artikolu 3

Notifika tal-programmi tal-apikultura

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-proposta tiegħu għal programm tal-apikultura uniku għat-territorju kollu tiegħu sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu li jiġi qabel tibda l-ewwel Sena tal-Apikultura tal-programm.

Artikolu 4

Kontenut tal-programmi tal-apikultura

Il-programmi tal-apikultura għandhom jinkludu l-elementi elenkati fl-Anness.

Artikolu 5

Approvazzjoni tal-programmi tal-apikultura

1.   Il-programmi tal-apikultura għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni skont il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju li jiġi qabel il-bidu tal-ewwel Sena tal-Apikultura tal-programm tal-apikultura kkonċernat.

2.   Il-programmi tal-apikultura approvati għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni fuq is-sit tagħha.

Artikolu 6

Emendi għall-programmi tal-apikultura

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-miżuri inklużi fil-programmi tal-apikultura tagħhom matul is-sena tal-apikultura, pereżempju billi jintroduċu jew jirtiraw miżuri jew tipi ta' azzjonijiet, billi jintroduċu bidliet fid-deskrizzjoni tal-miżuri jew bidliet fil-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà jew billi jittrasferixxu fondi bejn il-miżuri tal-programm, sakemm dawk il-miżuri jibqgħu jikkonformaw mal-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Il-limiti finanzjarji għal kull miżura jistgħu jiġu emendati, sakemm il-limitu massimu totali tal-previżjonijiet tal-ispejjeż annwali ma jinqabiżx u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura jibqa' ekwivalenti ta' 50 % tal-infiq magħmul mill-Istati Membri għal dawk il-programmi kif approvati.

2.   Talbiet għal emendi għall-programmi tal-apikultura li jinvolvi l-introduzzjoni ta' miżura ġdida jew l-irtirar ta' miżura għandu jiġi nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati.

3.   It-talbiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura li ġejja:

(a)

l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi li kkollaboraw mal-Istati Membru fit-tħejjija tal-programmi tal-apikoltura jiġu kkonsultati;

(b)

l-emenda għandha titqies bħala approvata jekk il-Kummissjoni ma tkunx għamlet osservazzjonijiet dwar it-talba wara perijodu ta' 21 jum tax-xogħol minn meta tasal it-talba. Jekk il-Kummissjoni tkun għamlet osservazzjonijiet, l-emenda għandha titqies bħala approvata malli l-Istat Membru jkun infurmat mill-Kummissjoni li l-osservazzjonijiet tiegħu ġew indirizzati b'mod sħiħ.

KAPITOLU 3

KONTRIBUZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 7

Eliġibbiltà ta' infiq u ħlasijiet

Hija biss in-nefqa magħmula fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programm tal-apikultura tal-Istat Membru li għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Il-pagamenti, mill-Istati Membri lill-benefiċjarji, b'rabta ma' miżuri implimentati matul kull Sena tal-Apikultura għandhom isiru fi żmien il-perjodu ta' 12-il xahar li jibda fis-16 ta' Ottubru ta' dik is-Sena tal-Apikultura u jintemm fil-15 ta' Ottubru tas-sena ta' wara.

KAPITOLU 4

MONITORAĠĠ U VERIFIKI

Artikolu 8

Verifiki

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki biex jaraw li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament tal-Unjoni jintlaħqu. Dawk il-verifiki għandhom jikkonsistu kemm f'verifiki amministrattivi kif ukoll dawk fuq il-post u jsegwu l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Fejn jidħlu l-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu verifika ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri inklużi fil-programmi tal-apikultura, b'mod partikolari l-miżuri ta' investiment u tas-servizzi;

(b)

in-nefqa mġarrba realment hija minn tal-anqas ekwivalenti għall-appoġġ finanzjarju mitlub,

(c)

fejn rilevanti, l-għadd ta' duqqajs dikjarat huwa konsistenti mal-għadd ta' duqqajs misjub li jinżammu mill-applikant meta titqies id-dejta addizzjonali mogħtija minn dawk li jrabbu n-naħal dwar attività matul is-Sena tal-Apikultura kkonċernata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minn tal-anqas 5 % tal-applikanti għall-għajnuna fi ħdan il-qafas tal-programmi ta' apikultura tagħhom isirulhom verifiki fuq il-post.

Il-kampjuni għall-verifika għandhom jittieħdu mill-popolazzjoni kollha tal-applikanti u għandhom jinkludu:

(a)

għadd ta' applikanti magħżula b'mod aleatorju sabiex tinkiseb rata ta' żball rappreżentattiva;

(b)

għadd ta' applikanti magħżula abbażi ta' analiżi tar-riskju bbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(i)

l-ammont ta' finanzjament allokat lill-benefiċjarji;

(ii)

in-natura tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-miżuri tal-apikultura;

(iii)

il-konklużjonijiet ta' verifiki fuq il-post preċedenti;

(iv)

kriterji oħra li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri.

Artikolu 9

Pagamenti mhux dovuti u penali

1.   L-interess miżjud mal-ammont ta' pagamenti mhux dovuti rkuprati f'konformità mal-Artikolu 54(1), 58(1)(e) jew 63(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

2.   F'każ ta' frodi jew ta' negliġenza serja li huma responsabbli għaliha, il-benefiċjarji għandhom, apparti milli jroddu lura l-pagamenti mhux dovuti u l-interessi tagħhom f'konformità mal-Artikolu 63(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, iħallsu ammont daqs id-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huma intitolati għalih.

KAPITOLU 5

REGOLI DWAR IN-NOTIFIKI U L-PUBBLIKAZZJONI

Artikolu 10

Rapport annwali ta' implimentazzjoni

1.   Sal-15 ta' Marzu ta' kull sena mill-2018, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni rapport annwali ta' implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-programm ta' apikultura tagħhom matul is-Sena tal-Apikultura preċedenti.

2.   Ir-rapport ta' implimentazzjoni annwali għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

sommarju tal-ispiża mġarrba f'euro matul is-Sena tal-Apikultura, miġbura skont il-miżura;

(b)

ir-riżultati abbażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni magħżula għal kull miżura implimentata.

Artikolu 11

Data tan-notifika tal-għadd ta' duqqajs

In-notifika msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1366 għandha ssir sal-15 ta' Marzu ta' kull sena mill-2017.

Artikolu 12

Regoli dwar in-notifiki

In-notifiki msemmija fl-Artikoli 3, 6, 10 u 11 ta' dan ir-Regolament għandhom isiru f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (8).

Artikolu 13

Pubblikazzjoni tad-dejta aggregata

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament fuq is-sit tagħha d-dejta aggregata dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' duqqajs notifikat f'konformità mal-Artikolu 11;

(b)

l-għadd ta' duqqajs notifikat f'konformità mal-Artikolu 10;

(c)

l-istudju dwar l-istruttura tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tat-trobbija tan-naħal, kif imsemmi fil-punt (3) tal-Anness, inkluż fil-programm tal-apikultura notifikat skont l-Artikolu 3.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 rigward il-miżuri għat-titjib tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-marketing ta' prodotti tal-apikoltura (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83).

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta' Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ara l-paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).


ANNESS

Il-programmi tal-apikultura għandhom jinkludu tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(1)

evalwazzjoni tar-riżultati miksuba sal-lum matul l-implimentazzjoni tal-programm tal-apikultura preċedenti, jekk kien hemm tali programm fis-seħħ. Mill-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2020 u l-2022, dik l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-aħħar żewġ rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(2)

deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġi determinat l-għadd ta' duqqajs f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1366;

(3)

studju mwettqa mill-Istat Membru dwar l-istruttura tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tat-trobbija tan-naħal fit-territorju tiegħu. L-istudju għandu jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja, li tkopri l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel in-notifika tal-programm tal-apikultura għall-approvazzjoni;

(i)

l-għadd ta' dawk li jrabbu n-naħal;

(ii)

l-għadd ta' dawk li jrabbu n-naħal li jġestu aktar minn 150 duqqajsa;

(iii)

l-għadd totali ta' duqqajs ġestiti minn dawk li jrabbu n-naħal li għandhom aktar minn 150 duqqajsa;

(iv)

l-għadd ta' dawk li jrabbu n-naħal organizzati f'assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal;

(v)

il-produzzjoni nazzjonali annwali ta' għasel f'kg fl-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel in-notifika tal-programm tal-apikultura għall-approvazzjoni;

(vi)

il-firxa ta' prezzijiet għal għasel multiflorali fis-sit ta' produzzjoni;

(vii)

il-firxa ta' prezzijiet għal għasel multiflorali bl-ingrossa mingħand il-grossista;

(viii)

ir-rendiment medju stmat f'kg ta' għasel għal kull duqqajsa u għal kull sena;

(ix)

il-kost tal-produzzju medju stmat (fiss u varjabbli) għal kull kg ta' għasel prodott;

(x)

l-għadd ta' duqqajs determinat fl-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel in-notifika tal-programm tal-apikultura għall-approvazzjoni għal dawk l-Istati Membri li ma kellhomx programm bħal dan fis-seħħ għat-tliet snin preċedenti;

(4)

evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-settur tal-apikultura fl-Istat Membru, abbażi, minn tal-anqas, tal-evalwazzjoni tar-riżultati tal-programm tal-apikultura preċedenti jekk ikun hemm waħda, studju dwar l-istruttura tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tat-trobbija tan-naħal, u r-riżultati ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-qasam tat-trobbija tan-naħal;

(5)

deskrizzjoni tal-għanijiet tal-programm tal-apikoltura u r-rabta bejn dawn l-għanijiet u miżuri tal-apikultura magħżula fil-lista fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(6)

deskrizzjoni dettaljata tal-azzjonijiet li se jitwettqu taħt il-miżuri tal-apikultura magħżula fil-lista fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inklużi l-ispejjeż stmati u l-pjan ta' finanzjament imqassma skont is-sena u skont il-miżura;

(7)

il-kriterji stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw li ma jkunx hemm finanzjament doppju ta' programmi tal-apikultura skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366;

(8)

l-indikaturi tal-prestazzjoni użati għal kull miżura tal-apikultura magħżula. L-Istati Membri għandhom jagħżlu minn tal-anqas indikatur ta' prestazzjoni rilevanti wieħed għal kull miżura;

(9)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-programm tal-apikultura, inklużi:

(i)

il-ħatra mill-Istati Membri ta' punt ta' kuntatt responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi tal-apikultura;

(ii)

deskrizzjoni tal-proċedura għal verifiki ta' monitoraġġ;

(iii)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jittieħdu f'każ ta' ħlasijiet mhux dovuti lill-benefiċjarji, inklużi l-pieni;

(iv)

id-dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-programm approvat huwa pubbliċizzat fl-Istat Membru;

(v)

l-azzjonijiet meħuda biex jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-qasam tat-trobbija tan-naħal;

(vi)

deskrizzjoni tal-metodu użat sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-miżuri tal-programm tal-apikutura għas-settur tal-apikultura tal-Istat Membru kkonċernat.


Top