EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1065

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1065/2013 tat- 30 ta’ Ottubru 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż

ĠU L 289, 31.10.2013, p. 48–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1065/oj

31.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/48


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1065/2013

tat-30 ta’ Ottubru 2013

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika tal-Perù applikat biex tirreġistra “Pisco” bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament. “Pisco” huwa l-ispirtu tal-frott tradizzjonalment prodott fil-Perù, mill-fermentazzjoni u d-distillazzjoni tal-għeneb.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku għal “Pisco” ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) għall-finijiet tal-proċedura ta’ oġġezzjoni, skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Peress li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni skont l-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, din id-denominazzjoni għandha tiddaħħal fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Skont il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE (3), “Pisco” hija denominazzjoni protetta għal xarbiet spiritużi li joriġinaw fiċ-Ċilì. Għalhekk, għandu jiġi kkjarifikat li l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Pisco” għal prodotti li joriġinaw fil-Peru ma jxekklux l-użu ta’ tali denominazzjoni għal prodotti li joriġinaw fiċ-Ċilì.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, fil-kategorija ta’ prodott Nru “9. Spirtu tal-frott” tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

 

Pisco  (*)

Il-Perù

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)  ĠU C 141, 12.5.2011, p. 16.

(3)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1.

(*)  Il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika ‘Pisco’ skont dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-isem ‘Pisco’ għal prodotti li joriġinaw fiċ-Ċilì protetti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì tal-2002.”


Top