Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0685

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 685/2013 tal- 15 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 għall-Att ta’ Adeżjoni rigward oġġetti li jinħarġu miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u jittieħdu lura f’dawk iż-żoni wara li jkunu għaddew minn żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

ĠU L 196, 19.7.2013, pp. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/685/oj

19.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 685/2013

tal-15 ta’ Lulju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 għall-Att ta’ Adeżjoni rigward oġġetti li jinħarġu miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u jittieħdu lura f’dawk iż-żoni wara li jkunu għaddew minn żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Waqt li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru (1) għall-Att ta’ Adeżjonital-2003, u b’ mod partikulari l-Artikoli 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (2) jistabbilixxi regoli speċjali dwar merkanzija, servizzi u persuni li jaqsmu l-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u dawk iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv.

(2)

L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 jipprevedi lista ta’ punti ta’ qsim approvati bejn iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u dawk iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv. Maż-żmien, l-għadd dejjem akbar ta’ punti ta’ qsim approvati irriżulta f’għadd li dejjem qed jikber ta’ qsim.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu f’zoni remoti ta’ Ċipru, huwa meħtieġ li jġi rregolat il-moviment ta’ oġġetti li jinħarġu minn żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u jittieħdu lura f’dawk iż-żoni mill-postijiet ta’ qsim imsemmija fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 866/2004, wara li jkunu għaddew minn żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti trasportati huma merkanzija tal-Unjoni, fit-tifsira tal-punt (18) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (3), li l-oġġetti li jittieħdu lura f’dawk iż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv kienu dawk meħuda minn dawn iż-żoni u li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, sa fejn ir-responsabbiltà għall-kontrolli fil-punti ta’ qsim taqa’ f’idejn l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru, huwa meħtieġ li jiġi rregolat il-mod li bih iridu jitwettqu dawk il-kontrolli, liema dokumenti għandhom ikunu ppreżentati u ż-żmien permess bejn il-mument li l-oġġetti jinħarġu minn dawk iż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv, u l-mument meta jiddaħħlu lura f’dawk iż-żoni.

(5)

Kriterji stretti għandhom ikunu previsti għall-moviment ta’ oġġetti previst f’dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. B’mod partikolari, għal dak il-għan, il-moviment ta’ annimali ħajjin għandu jkun ipprojbit u l-moviment tal-prodotti tal-annimali għandu jkun soġġett għal regoli ċari, inkluż ir-rekwiżit li l-moviment minn żoni, soġġetti għal ċertu marġini ta’ flessibilità, għandu jkun limitat għaż-żmien meħtieġ għad-distanza ta’ trasportazzjoni kkonċernata.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

It-trattament ta’ oġġetti li jinħarġu miż-żoni li huma taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u li jittieħdu lura f’dawk iż-żoni wara li jkunu għaddew minn żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

1.   Mingħajr ħsara għal Artikoli 4, 4a u 6, oġġetti tal-Unjoni, fit-tifsira tal-punt (18) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, jistgħu jinħarġu miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u li jittieħdu lura f’dawk iż-żoni wara li jkunu għaddew minn żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, soġġetti għar-rekwiżiti segwenti:

(a)

kull min jittrasporta dawk l-oġġetti għandu, fil-punt tal-qsim fejn il-merkanzija tinħareġ miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru dokumentazzjoni xierqa biex ikun stabbilit li huma oġġetti tal-Unjoni. Dik id-dokumentazzjoni tkun tinkludi fattura, dokument tat-trasport jew dokument ekwivalenti. F’każijiet fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppreżentata tali dokumentazzjoni, għax l-oġġetti huma prodotti mill-persuna li tittrasportahom, tiġi ppreżentata dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru li l-oġġetti huma merkanzija tal-Unjoni;

(b)

ħlief meta l-oġġetti huma intiżi għall-użu personali, id-dokumentazzjoni li takkumpanjahom tkun tinkludi tal-inqas l-isem u l-indirizz sħiħ tal-ispeditur, jew tad-dikjarant fejn l-ispeditur u d-dikjarant ma jkunux l-istess, il-kwantità u t-tip kif ukoll marki u numri tal- pakketti, deskrizzjoni tal-oġġetti, il-massa grossa f’kilogrammi u, fejn meħtieġ, numri tal- kontenituri;

(c)

kull min jittrasporta dik il-merkanzija jinnominaw il-punt ta’ qsim li jkun maħsub li se jintuża biex dawn jinġiebu lura lejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru dwar dik in-nomina fil-punt tal-qsim fejn il-merkanzija tinħareġ miiż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru;

(d)

meta jkun ikkunsidrat meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-kunsinni jew il-mezzi ta’ trasport ikunu ssiġillati fil-punt tal-qsim fejn l-oġġetti jinħarġu miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru;

(e)

meta l-oġġetti jittieħdu lura lejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru wara li jgħaddu minn dawk iż-żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, kull min jittrasporta dawk l-oġġetti għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-punt tal-qsim fejn il-merkanzija tiddaħħal lura lejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru l-istess dokumentazzjoni li ntużat fil-punt tal-qsim fejn l-oġġetti kienu inħarġu miż-żoni li huma taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru;

(f)

l-oġġetti jinħarġu u jiddaħħlu lura lejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-punti tal-qsim elenkati fl-Anness I u f’perjodu raġonevoli ta’ żmien determinat mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru billi jitqies iż-żmien totali aċċettabbli ta’ trasport, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-distanza totali tat-trasportazzjoni;

(g)

l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru jivverifikaw id-dokumentazzjoni u jekk ikun xieraq, l-oġġetti u s-siġilli tagħħom, jekk l-oġġetti li jittieħdu lura lejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jikkorrispondux għad-dokumentazzjoni użata fil-punt tal-qsim fejn l-oġġetti kienu inħarġu miż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u jekk ir-rekwiżiti fil-punt (f) ġewx rispettati;

(h)

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (g) l-oġġetti ma jitħallewx jiddaħħlu lura fiż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru sakemm ma ssirilhomx valutazzjoni tar-riskji involuti u jiġi adottati miżuri effettivi, proporzjonati u mmirati bbażati fuq din il-valutazzjoni. Dawk l-oġġetti jkunu soġġetti għal konfiska mill-awtoritajiet doganali tar-Repubblika ta’ Ċipru.

2.   B’konformità mal-Artikolu 4(9), ir-ritorn ta’ annimali ħajjin li huma soġġetti għal rekwiżiti veterinarji tal-Unjoni għandu jkun ipprojbit.

3.   Il-konsenja ta’ prodotti tal-annimali li huma soġġetti għar-rekwiżiti veterinarji jistgħu jinħarġu miż-żoni li huma taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u li jiddaħħlu lura f’dawk iż-żoni wara li jkunu għaddew minn żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru jiżguraw li konsenji ta’ prodotti tal-annimali ma jitħallewx jittieħdu lura fiż-żoni taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn iż-żmien totali tat-trasportazzjoni jeċċedi konsiderevolment iż-żmien totali aċċettabbli ta’ trasportazzjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-distanza totali tat-trasportazzjoni, sakemm l-awtorità veterinarja kompetenti ma tkunx wettqet valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika u adottat miżuri effettivi, proporzjonali u mmirati bbażati fuq dik il-valutazzjoni.

Ir-Repubblika ta’ Ċipru, b’mod regolari u kif meħtieġ tinfurma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-paragrafu u kwalunkwe miżura meħuda biex tindirizzah.

4.   L-oġġetti msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ma jkunux soġġetti għal aktar formalitajiet doganali.

L-awtoritajiet doganali kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru jista’, madankollu, jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju u kontrolli doganali tas-sigurtà effettivi skont id-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli, fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni dwar l-oġġetti trasportati.

Il-punti ta’ qsim elenkati fl-Anness I ikunu mgħammra għal kollox b’apparat u persunal u b’kull mod ieħor imħejjijin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3.”;

(2)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5a ta’ dan ir-Regolament u l-proċessi tal-kummerċ bejn iż-żoni li huma taħt kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u ż-żoni li m’humiex taħt il-kontroll effettiv tiegħu, inkluż il-volum u l-valur tal-kummerċ u l-prodotti involuti. Għal dak l-għan ir-Repubblika ta’ Ċipru tiġbor dejta u tikkomunikaha lill-Kummissjoni fuq bażi mensili.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)   ĠU L 236, 23.9.2003, p. 955.

(2)   ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128.

(3)   ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.


Top