Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0175

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 175/2013 tas- 27 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-irtirar tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tad-dideċildimetilammonju Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 56, 28.2.2013, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/175/oj

28.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 175/2013

tas-27 ta’ Frar 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-irtirar tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tad-dideċildimetilammonju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/70/KE (2) inkludiet il-klorur tad-dideċildimetilammonju (DDAC) bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (3), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikatur li fuq talba tiegħu ġiet inkluża DDAC f’dak l-Anness jipprovdi iktar informazzjoni ta’ konferma dwar l-ispeċifikazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva, kif manifatturat, sal-1 ta’ Jannar 2010.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huma meqjusa li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4).

(3)

Fil-25 ta’ Ottubru 2011, in-notifikatur issottometta informazzjoni addizzjonali bil-għan li jkun konformi mal-obbligu li jippreżenta aktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva kif immanifatturata, lir-relatur tal-Istat Membru, il-Pajjiżi l-Baxxi.

(4)

Il-Pajjiżi l-Baxxi vvalutaw l-informazzjoni addizzjonali sottomessa min-notifikant. Huma ssottomettew il-valutazzjoni tagħhom, fil-forma ta’ addendum għall-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(5)

Fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni ulterjuri ta’ konferma ma ġietx ipprovduta.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(7)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-informazzjoni sottomessa mhijiex kompluta u ma tippermettix li wieħed jikkonkludi dwar il-grad ta’ purità u, b’mod partikolari, dwar l-identità u l-kontenut tal-impuritajiet.

(8)

Huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tas-sustanza attiva DDAC billi titħassar ir-ringiela 291 tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-DDAC.

(11)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-DDAC, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn sena wara l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela Nru 291, klorur tad-dideċildimetilammonju, hija mħassra.

Artikolu 2

Miżuri tranżitorji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klorur tad-dideċildimetilammonju jiġu rtirati sal-20 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 3

Perjodu ta’ grazzja

Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni rispettiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 164, 26.6.2009, p. 59.

(3)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(4)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.


Top