This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013O0045
2014/114/EU: Guideline of the European Central Bank of 28 November 2013 amending Guideline ECB/2008/5 on the management of the foreign reserve assets of the European Central Bank by the national central banks and the legal documentation for operations involving such assets (ECB/2013/45)
2014/114/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Novembru 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2013/45)
2014/114/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Novembru 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2013/45)
ĠU L 62, 4.3.2014, p. 23–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/23 |
LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-28 ta’ Novembru 2013
li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi
(BĊE/2013/45)
(2014/114/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-tielet inċiż tal-Artikolu 3.1 u tal-Artikoli 12.1 u 30.6 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiġi pprovdut bl-assi ta’ riżerva barranija mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ‘il quddiem “BĊNi taż-żona tal-euro”) u għandu d-dritt sħiħ li jżomm u jimmaniġġja r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilu. |
(2) |
Skont l-Artikoli 9.2 u 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jimmaniġġja uħud mill-attivitajiet tiegħu permezz tal-BĊNi taż-żona tal-euro u jirrikorri għand il-BĊNi taż-żona tal-euro sabiex iwettaq uħud mill-operazzjonijiet tiegħu. Bl-istess mod, il-BĊE iqis li l-BĊNi taż-żona tal-euro għandhom jimmaniġġjaw ir-riżervi barranin ittrasferiti lilu bħala l-aġenti tiegħu. |
(3) |
Il-Linja Gwida BĊE/2008/5 tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi tistipula illi kull BĊN taż-żona tal-euro jista’: (a) jipparteċipa fl-immaniġġjar operattiv tal-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE; jew (b) jastjeni minn dan l-immaniġġjar jew jaqsam dan l-immaniġġjar ma’ BĊNi oħra taż-żona tal-euro. Madankollu, il-Linja Gwida BĊE/2008/5 ma tgħidx b’mod espliċitu li BĊN taż-żona tal-euro jista’ jitlob lill-BĊE jew lil wieħed jew aktar mill-BĊNi taż-żona tal-euro biex jassumi xi kompiti f’ismu fir-rigward ta’ dan l-immaniġġjar. |
(4) |
Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2008/5 għandha tiġi emendata f’dan is-sens, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emenda
L-Artikolu 2(1) tal-Linja Gwida BĊE/2008/5 huwa mibdul b’li ġej:
“1. Kull BĊN taż-żona tal-euro huwa intitolat li jipparteċipa fl-immaniġġjar operattiv tal-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE. BĊN taż-żona tal-euro jista’ jiddeċiedi li: jastjeni minn dan l-immaniġġjar jew (b) jaqsam dan l-immaniġġjar ma’ BĊN wieħed jew aktar taż-żona tal-euro. Jekk BĊN taż-żona tal-euro jiddeċiedi li jastjeni minn dan l-immaniġġjar, il-BĊNi l-oħra taż-żona tal-euro għandhom jimmaniġġjaw l-assi li kieku jkunu mmaniġġjati mill-BĊN taż-żona tal-euro li jastjeni. Għandu jkun ukoll possibbli li ssir talba minn BĊN taż-żona tal-euro lill-BĊE jew lil BĊN ieħor taż-żona tal-euro biex jassumi xi kompiti filwaqt li jżomm kompiti oħrajn relatati mal-immaniġġjar tal-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE. Il-BĊE u l-BĊN relevanti taż-żona tal-euro huma liberi li jaċċettaw jew li jiċħdu din it-talba.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi taż-żona tal-euro.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi taż-żona tal-euro.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI