EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0468

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/468/PESK tat- 23 ta’ Settembru 2013 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

ĠU L 252, 24.9.2013, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/468/oj

24.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/468/PESK

tat-23 ta’ Settembru 2013

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/565/PESK (1), immodifikata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2012/515/PESK (2).

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà approva r-rakkomandazzjoni li l-EUPOL RD Congo tiġi estiża sat-30 ta’ Settembru 2013, segwita minn fażi tranżitorja finali ta’ 12-il xahar bil-mira li jiġu ttrasferiti l-kompiti tagħha.

(3)

L-EUSEC RD Congo għandha għalhekk tiġi estiża għal fażi tranżitorja finali sat-30 ta’ Settembru 2014.

(4)

L-EUSEC RD Congo ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/565/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Arranġamenti legali

L-EUSEC RD Congo għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u tillikwida l-obbligi tagħha, u li tkun parti fi proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni.”;

(3)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 12 600 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012 għandu jkun ta’ EUR 13 600 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 11 000 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sat-30 ta’ Settembru 2014 għandu jkun ta’ EUR 8 455 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandu jkollhom permess iressqu offerti għal kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Missjoni tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, il-pajjiż ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUSEC RD Congo.

3.   L-EUSEC RD Congo għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Missjoni għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

4.   L-EUSEC RD Congo għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta’ Ottubru 2013, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ mġiba ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha għandu/għandha terfa’ r-responsabbiltà.

5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand kif stipulat fl-Artikoli 5 u 7 u r-rekwiżiti operattivi tal-EUSEC RD Congo, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(4)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUSEC RD Congo u l-membru tal-persunal ikkonċernat.”;

(5)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2014.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/565/PESK tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo) (ĠU L 248, 22.9.2010, p. 59).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/515/PESK tal-24 ta’ Settembru 2012 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/565/PESK dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo) (ĠU L 257, 25.9.2012, p. 18).


Top