Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0530

    Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (riformulazzjoni)

    ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/530/oj

    30.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 172/3


    REGOLAMENT (UE) Nru 530/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Ġunju 2012

    dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed

    (riformulazzjoni)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ ħtiġiet ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (3) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali (4). Ladarba huma meħtieġa iżjed emendi, dak ir-Regolament għandu jiġi rriformulat fl-interess taċ-ċarezza.

    (2)

    Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, għandhom jittieħdu miżuri sabiex isaħħu s-sigurtà u jipprevjenu t-tniġġis fit-trasport marittimu.

    (3)

    L-Unjoni hija serjament imħassba dwar l-inċidenti marittimi li jinvolvu tankers taż-żejt u t-tniġġis assoċjat tal-linji kostali tagħha u l-ħsara lill-fawna u l-flora u r-riżorsi marittimi l-oħra tagħha.

    (4)

    Fil-komunikazzjoni tagħha dwar politika komuni dwar ibħra siguri, il-Kummissjoni enfasizzat it-talba tal-Kunsill straordinarju dwar l-Ambjent u t-Trasport tal-25 ta’ Jannar 1993 sabiex tappoġġa l-azzjoni fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar it-tnaqqis tad-differenza tas-sigurtà bejn bastimenti ġodda u dawk eżistenti billi ttejjeb u/jew telimina progressivament il-bastimenti eżistenti.

    (5)

    Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 1993 dwar politika komuni dwar ibħra siguri (5), il-Kunsill appoġġa bis-sħiħ l-għanijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

    (6)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 1994 dwar politika komuni dwar ibħra siguri (6), il-Parlament Ewropew laqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u għamel sejħa b’mod partikolari sabiex tittieħed azzjoni sabiex jittejbu l-istandards ta’ sigurtà tat-tankers.

    (7)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2000 dwar id-diżastru ta’ żejt fl-ilma kkawżat min-nawfraġju tal-Erika (7), il-Parlament Ewropew laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex iġġib ’il quddiem id-data li fiha tankers taż-żejt ikunu obbligati li jkollhom kostruzzjoni ta’ buq doppju.

    (8)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar id-diżastru tat-tanker taż-żejt “Prestige” barra mill-kosta tal-Galizja (8), il-Parlament Ewropew għamel sejħa għal miżuri aktar ibsin li jistgħu jidħlu fis-seħħ aktar malajr, u afferma li dan id-diżastru ġdid reġa’ enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni effettiva fuq livell internazzjonali u dak tal-Unjoni sabiex titjieb b’mod sinifikanti s-sigurtà marittima.

    (9)

    L- IMO stabbiliet, fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti, 1973 u l-Protokoll tal-1978 relatat magħha (MARPOL 73/78), regoli ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis miftiehma internazzjonalment li jaffettwaw id-disinn u l-operazzjoni ta’ tankers taż-żejt. L-Istati Membri huma Partijiet għall-MARPOL 73/78.

    (10)

    Skont l-Artikolu 3.3 tal-MARPOL 73/78, dik il-Konvenzjoni ma tapplikax għal bastimenti tal-gwerra, bastimenti navali awżiljarji jew bastimenti oħra li huma proprjetà ta’ jew operati minn Stat u użati biss, f’dak iż-żmien, għal servizzi governattivi mhux kummerċjali.

    (11)

    Paragun bejn l-istatistika dwar l-età ta’ bastimenti u l-istatistika tal-inċidenti juri rati ta’ inċidenti li jiżdiedu għal bastimenti aktar qodma. Ġie miftiehem internazzjonalment li l-adozzjoni tal-emendi tal-1992 fil-MARPOL 73/78 li jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ standards ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt eżistenti b’buq wieħed meta jkollhom ċerta età tagħti lil dawk il-bastimenti livell ogħla ta’ protezzjoni kontra tniġġis aċċidentali biż-żejt fil-każ ta’ kolliżjoni jew inkaljar.

    (12)

    Huwa fl-interess tal-Unjoni li hija tadotta miżuri sabiex tiżgura li tankers taż-żejt li jidħlu f’xi port u f’xi terminal ‘il barra mix-xtut jew li jankraw f’żona li tkun taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri u tankers taż-żejt li jtajru l-bnadar ta’ Stati Membri jkunu konformi mar-Regolament 20 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 kif rivedut fl-2004 bir-Riżoluzzjoni MEPC 117(52) adottata mill-Kumitat dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu (MEPC) tal-IMO sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis aċċidentali biż-żejt fl-ibħra Ewropej.

    (13)

    Ir-Riżoluzzjoni MEPC 114(50), adottata fl-4 ta’ Diċembru 2003, introduċiet Regolament 21 ġdid fl-Anness I tal-MARPOL 73/78 dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġis biż-żejt minn tankers taż-żejt meta jġorru żejt tqil (HGO) li jipprojbixxi l-ġarr ta’ HGO f’tankers taż-żejt b’buq wieħed. Il-paragrafi 5, 6 u 7 tar-Regolament 21 jipprovdu għall-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. Id-dikjarazzjoni magħmula mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew f’isem l-Unjoni Ewropea, irreġistrata fir-rapport uffiċjali tal-MEPC fil-50 sessjoni tiegħu (MEPC 50/3), tesprimi impenn politiku li dawk l-eżenzjonijiet mhumiex se jintużaw.

    (14)

    L-emendi fil-MARPOL 73/78 adottati mill-IMO fis-6 ta’ Marzu 1992 daħlu fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju 1993. Dawk il-miżuri jimponu rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt ikkonsenjati nhar is-6 ta’ Lulju 1996 jew wara, immirati għall-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt fil-każ ta’ kolliżjoni jew inkaljar. F’dawk l-emendi, saret effettiva fis-6 ta’ Lulju 1995 skema ta’ eliminazzjoni progressiva ta’ tankers taż-żejt b’buq wieħed, ikkonsenjati qabel dik id-data, liema skema teħtieġ li tankers ikkonsenjati qabel l-1 ta’ Ġunju 1982 ikunu konformi mal-istandards ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti mhux aktar tard minn 25 sena u, f’ċerti każijiet, 30 sena wara d-data meta jkunu ġew ikkonsenjati. Tankers taż-żejt eżistenti b’buq wieħed bħal dawn ma jitħallewx joperaw wara l-2005 u, f’ċerti każijiet, l-2012 sakemm ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti tar-Regolament 19 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78. Għal tankers taż-żejt eżistenti b’buq wieħed ikkonsenjati wara l-1 ta’ Ġunju 1982 jew dawk ikkonsenjati qabel l-1 ta’ Ġunju 1982 u li ġew ikkonvertiti sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-MARPOL 73/78 dwar it-tankijiet tas-saborra segregati u l-lokalizzazzjoni protettiva tagħhom, din l-iskadenza għandha tintlaħaq mhux aktar tard mill-2026.

    (15)

    Ġew adottati emendi importanti għar-Regolament 20 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 fis-27 ta’ April 2001 mis-46 sessjoni tal-MEPC bir-Riżoluzzjoni MEPC 95(46) u fl-4 ta’ Diċembru 2003 permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 111(50) li fihom ġiet introdotta skema ġdida aċċellerata ta’ eliminazzjoni progressiva għal tankers taż-żejt b’buq wieħed. Id-dati finali rispettivi li fihom tankers taż-żejt għandhom ikunu konformi mar-Regolament 19 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 jiddependu mid-daqs u l-età tal-bastiment. It-tankers taż-żejt f’dik l-iskema huma għalhekk maqsuma fi tliet kategoriji skont it-tunnellaġġ, il-kostruzzjoni u l-età tagħhom. Dawn il-kategoriji kollha, inkluża l-anqas waħda, il-Kategorija 3, huma importanti għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

    (16)

    Id-data finali li fiha tanker taż-żejt b’buq wieħed għandu jiġi eliminat progressivament hija l-anniversarju tad-data tal-konsenja tal-bastiment, skont skeda li tibda fl-2003 sal-2005 għal tankers taż-żejt tal-Kategorija 1, u sal-2010 għal tankers taż-żejt tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3.

    (17)

    Ir-Regolament 20 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 jintroduċi rekwiżit li t-tankers kollha taż-żejt b’buq wieħed jistgħu jkomplu joperaw soġġett għal konformità mal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (CAS), adottata fis-27 ta’ April 2001 permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 94(46) kif emendata mir-Riżoluzzjoni MEPC 99(48) tal-11 ta’ Ottubru 2002 u mir-Riżoluzzjoni MEPC 112(50) tal-4 ta’ Diċembru 2003. Il-CAS timponi obbligu li l-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera toħrog Dikjarazzjoni ta’ Konformità u tkun involuta fil-proċeduri ta’ ispezzjoni tas-CAS. Il-CAS hija intiża sabiex tiskopri difetti strutturali f’tankers taż-żejt li qed jeqdiemu u għandha tapplika għat-tankers kollha taż-żejt li għandhom età ta’ iktar minn 15-il sena.

    (18)

    Ir-Regolament 20.5 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 jikkonċedi eċċezzjoni għal tankers taż-żejt tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 sabiex joperaw, taħt ċerti ċirkostanzi, lil hinn mil-limitu ta’ żmien tal-eliminazzjoni progressiva tagħhom. Ir-Regolament 20.8.2 tal-istess Anness jagħti d-dritt lill-Partijiet għall-MARPOL 73/78 sabiex jiċħdu d-dħul fil-portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom lil tankers taż-żejt li jkunu permessi joperaw permezz ta’ din l-eċċezzjoni. L-Istati Membri ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jużaw dan id-dritt. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ rikors għal dan id-dritt għandha tiġi komunikata lill-IMO.

    (19)

    Huwa importanti li jkun żgurat li d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jwasslux li tiġi pperikolata s-sigurtà tal-ekwipaġġ jew tat-tankers taż-żejt fit-tfittix għal post tal-kenn jew post ta’ refuġju.

    (20)

    Sabiex it-tarznari fl-Istati Membri jitħallew isewwu tankers taż-żejt b’buq wieħed, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjonijiet sabiex jippermettu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta’ bastimenti bħal dawn, bil-kondizzjoni li ma jkunux iġorru xi tagħbija.

    (21)

    Huwa ferm improbabbli li l-IMO timmodifika l-kontenut tar-Regolamenti rilevanti tal-MARPOL 73/78 u tar-Riżoluzzjonijiet MEPC 111(50) u 94(46) adottati mill-MEPC imsemmija f’dan ir-Regolament. Madankollu, l-emendi mhux sostantivi, bħar-rinumerazzjoni, jistgħu jiddaħħlu f’dawk it-testi. Sabiex dan ir-Regolament jinżamm aġġornat mal-iżviluppi l-iktar riċenti tal-liġi internazzjonali rilevanti, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward biss ta’ dawn l-emendi sa fejn dawn ma jwessgħux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Skop

    L-iskop ta’ dan ir-Regolament hu li jistabbilixxi skema ta’ introduzzjoni aċċellerata għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti tal-MARPOL 73/78, kif definita fl-Artikolu 3, għal tankers taż-żejt b’buq wieħed 1, u li jipprojbixxi t-trasport lejn u mill-portijiet tal-Istati Membri ta’ żejt tqil f’tankers taż-żejt b’buq wieħed.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal tankers taż-żejt ta’ tunnellaġġ ta’ 5 000 tunnellata metrika u aktar:

    (a)

    li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru;

    (b)

    li, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, jidħlu jew joħorġu minn port jew terminal ‘il barra mix-xtut jew li jankraw f’żona li tkun taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru.

    Għall-finijiet tal-Artikolu 4(3), dan ir-Regolament għandu japplika għal tankers taż-żejt ta’ tunnellaġġ ta’ 600 tunnellata metrika u aktar.

    2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-bastimenti tal-gwerra, bastimenti navali awżiljarji jew bastimenti oħra, li jkunu l-proprjetà ta’ jew operati minn Stat u użati, f’dak il-mument, biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern. L-Istati Membri għandhom, sa fejn hu raġonevoli u prattikabbli, jagħmlu li jistgħu sabiex jirrispettaw dan ir-Regolament għall-bastimenti msemmija f’dan il-paragrafu.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “MARPOL 73/78” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif emendata bil-Protokoll tal-1978 relatat magħha, fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom;

    (2)

    “tanker taż-żejt” tfisser tanker taż-żejt kif definit fir-Regolament 1.5 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (3)

    “deadweight” tfisser deadweight kif definit fir-Regolament 1.23 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (4)

    “tanker taż-żejt tal-Kategorija 1” tfisser tanker taż-żejt b’deadweight ta’ 20 000 tunnellata jew aktar, li jġorr żejt mhux maħdum, żejt karburanti, zejt diżil tat-tip oħxon jew żejt lubrifikanti bħala tagħbija, jew b’deadweight ta’ 30 000 tunnellata jew aktar li jġorr żejt differenti minn dawk imsemmija hawn fuq u li mhuwiex konformi mar-rekwiżiti fir-Regolamenti 18.1 sa 18.9, 18.12 sa 18.15, 30.4, 33.1, 33.2, 33.3, 35.1, 35.2 u 35.3 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (5)

    “tanker taż-żejt tal-Kategorija 2” tfisser tanker taż-żejt b’deadweight ta’ 20 000 tunnellata jew aktar, li jġorr żejt mhux maħdum, żejt karburanti, zejt diżil tat-tip oħxon jew żejt lubrifikanti bħala tagħbija, jew b’deadweight ta’ 30 000 tunnellata jew aktar li jġorr żejt differenti minn dawk imsemmija hawn fuq u li jkun konformi mar-rekwiżiti definiti fir-Regolamenti 18.1 sa 18.9, 18.12 sa 18.15, 30.4, 33.1, 33.2, 33.3, 35.1, 35.2 u 35.3 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 u li jkollu tankijiet tas-saborra segregati li jkunu jinsabu f’post protett (SBT/PL);

    (6)

    “tanker taż-żejt tal-Kategorija 3” tfisser tanker taż-żejt b’deadweight ta’ 5 000 tunnellata jew aktar, iżda inqas minn dak speċifikat fil-punti (4) u (5);

    (7)

    “tanker taż-żejt b’buq wieħed” tfisser tanker taż-żejt li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti tar-Regolamenti 19 u 28.6 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (8)

    “tanker taż-żejt b’buq doppju” tfisser tanker taż-żejt:

    (a)

    b’deadweight ta’ 5 000 tunnellata jew aktar, li jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti tar-Regolamenti 19 u 28.6 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 jew mar-rekwiżiti tar-Regolament 20.1.3 tiegħu; jew

    (b)

    b’deadweight ta’ 600 tunnellata jew aktar, iżda inqas minn 5 000 tunnellata, b’tankijiet jew spazji b’qigħan doppji konformi mar-Regolament 19.6.1 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, u b’tankijiet jew spazji mal-ġnub imqassma skont ir-Regolament 19.3.1 tiegħu u konformi mar-rekwiżit fir-rigward tad-distanza w stipulati fir-Regolament 19.6.2 tiegħu;

    (9)

    “età” tfisser l-età tal-bastiment, espressa f’għadd ta’ snin mid-data tal-konsenja tiegħu;

    (10)

    “żejt diżil tat-tip oħxon” tfisser żejt diżil kif definit fir-Regolament 20 ta’ Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (11)

    “żejt karburanti” tfisser distillati ħoxnin ta’ żejt mhux maħdum jew ir-residwi minnu jew taħlit ta’ dawn il-prodotti, kif iddefiniti fir-Regolament 20 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

    (12)

    “żejt tqil” tfisser:

    (a)

    żjut mhux maħduma li jkollhom densità, f’temperatura ta’ 15 °C, ta’ aktar minn 900 kg/m3 (li tikkorrispondi għal grad API ta’ anqas minn 25,7);

    (b)

    żjut, għajr għal żjut mhux maħduma, li jkollhom, f’temperatura ta’ 15 °C, densità ta’ aktar minn 900 kg/m3 jew b’viskożità kinematika ta’ aktar minn 180 mm2/s f’temperatura ta’ 50 °C (li tikkorrispondi għal viskożità kinematika ta’ aktar minn 180 cSt);

    (c)

    il-bitum u l-qatran u l-emulsjonijiet tagħhom.

    Artikolu 4

    Konformità mar-rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti minn tankers taż-żejt b’buq wieħed

    1.   L-ebda tanker taż-żejt ma għandu jkun permess jopera taħt il-bandiera ta’ Stat Membru, u l-ebda tanker taż-żejt, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, ma għandu jkun permess jidħol fil-portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat Membru sakemm tali tanker ma jkunx tanker taż-żejt b’buq doppju.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, tankers taż-żejt tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3 li jkunu mgħammra biss b’qigħan doppji jew ġnub doppji li ma jintużawx għall-ġarr taż-żejt u li huma estiżi tul it-tank kollu li fih titgħabba l-merkanzija, jew bi spazji ta’ bwieq doppji li ma jintużawx għall-ġarr taż-żejt u li huma estiżi tul it-tank kollu li fih titgħabba l-merkanzija, imma li ma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 20.1.3 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, jistgħu jibqgħu jitħaddmu, iżda mhux aktar tard mill-anniversarju tad-data tal-konsenja tal-bastiment fl-2015 jew id-data meta l-bastiment jagħlaq 25 sena mid-data tal-konsenja tiegħu, liema data minnhom tiġi l-aktar kmieni.

    3.   L-ebda tanker li jġorr żejt tqil ma għandu jkun permess jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b’buq doppju.

    L-ebda tanker li jġorr żejt tqil, irrispettivament mill-bandiera li jkun qed itajjar, ma għandu jkun permess jidħol jew joħroġ minn portijiet jew minn terminals ‘il barra mix-xtut jew jankra f’żoni li jkunu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat Membru, għajr jekk ikun tanker taż-żejt b’żewġt ibwieq.

    4.   Tankers taż-żejt li joperaw esklużivament f’portijiet u f’navigazzjoni interna jistgħu jiġu eżentati mill-paragrafu 3 bil-kondizzjoni li jkunu debitament iċċertifikati taħt il-leġiżlazzjoni dwar mogħdijiet fuq l-ilma interni.

    Artikolu 5

    Konformità mal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni

    Irrispettivament mill-bandiera tiegħu, tanker taż-żejt b’buq wieħed li jkollu aktar minn ħmistax-il sena m’għandux ikun permess jidħol jew iħalli portijiet jew terminals ‘il barra mix-xtut jew jankra f’żoni li jkunu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, ħlief jekk tali tanker ikun konformi mal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

    Artikolu 6

    Skema tal-Verifika tal-Kondizzjoni

    Għall-finijiet tal-Artikolu 5, għandha tapplika l-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni adottata permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 94(46) tas-27 ta’ April 2001 kif emendata bir-Riżoluzzjoni MEPC 99(48) tal-11 ta’ Ottubru 2002 u bir-Riżoluzzjoni MEPC 112(50) tal-4 ta’ Diċembru 2003.

    Artikolu 7

    Data finali

    Wara l-anniversarju tad-data tal-konsenja tal-bastiment fl-2015, dawn li ġejjin ma għandhomx jibqgħu permessi:

    (a)

    il-kontinwazzjoni tal-operazzjoni, skont ir-Regolament 20.5 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, ta’ tankers taż-żejt tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 taħt il-bandiera ta’ Stat Membru;

    (b)

    id-dħul fil-portijiet jew fit-terminals ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat Membru ta’ tankers taż-żejt oħra tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3, irrispettivament mill-fatt li jkomplu joperaw taħt il-bandiera ta’ Stat terz skont ir-Regolament 20.5 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78.

    Artikolu 8

    Eżenzjonijiet għal bastimenti f’diffikultà jew għal bastimenti li għandhom jissewwew

    B’deroga mill-Artikoli 4, 5 u 7, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’, suġġett għad-dispożizzjonijiet nazzjonali, tippermetti, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, li bastiment individwali jidħol jew iħalli port jew terminal ‘il barra mix-xtut jew jankra f’żona li tkun taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru, meta:

    (a)

    tanker taż-żejt ikun f’diffikultà u qiegħed ifittex post ta’ rifuġju;

    (b)

    tanker taż-żejt mhux mgħobbi qiegħed jipproċedi lejn xi port għat-tiswija.

    Artikolu 9

    Notifika lill-IMO

    1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-IMO bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad id-dħul lit-tankers taż-żejt, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, li joperaw skont ir-1 Regolament 20.5 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78 fil-portijiet jew fit-terminals ‘il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, abbażi tar-Regolament 20.8.2 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78.

    2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-IMO jekk huwa jippermetti, jissospendi, jirtira jew jirrifjuta l-operazzjoni ta’ tanker taż-żejt tal-Kategorija 1 jew tal-Kategorija 2 intitolat li jtajjar il-bandiera tiegħu, skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, fuq il-bażi tar-Regolament 20.8.1 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78.

    Artikolu 10

    Proċedura ta’ emenda

    1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 11 dwar l-allinjament tar-referenzi f’dan ir-Regolament mal-emendi mhux sostantivi, bħar-rinumerazzjoni, adottati mill-IMO għar-Regolamenti tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, kif ukoll għar-Riżoluzzjonijiet MEPC 111(50) u 94(46) kif emendati bir-Riżoluzzjonijiet MEPC 99(48) u 112(50), sa fejn dawn l-emendi ma jwessgħux il-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-emendi għall-MARPOL 73/78 jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru tal-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (9).

    Artikolu 11

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mill-20 ta’ Lulju 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 10(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(1), għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 12

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 huwa b’dan imħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. WAMMEN


    (1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 98.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2012.

    (3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 1.

    (4)  Ara Anness I.

    (5)  ĠU C 271, 7.10.1993, p. 1.

    (6)  ĠU C 91, 28.3.1994, p. 301.

    (7)  ĠU C 304, 24.10.2000, p. 198.

    (8)  ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 415.

    (9)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.


    ANNESS I

    Ir-Regolament imħassar flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

    (imsemmija fl-Artikolu 12)

    Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 1)

     

    Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1)

    L-Artikolu 11 biss

    Regolament (KE) Nru 1726/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 249, 1.10.2003, p. 1)

     

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2172/2004

    (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 26)

     

    Regolament (KE) Nru 457/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 113, 30.4.2007, p. 1)

     

    Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109)

    Il-Punt 7.4 biss tal-Anness

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1163/2009

    (ĠU L 314, 1.12.2009, p. 13)

     


    ANNESS II

    Tabella Ta' Korrelazzjoni

    Regolament (KE) Nru 417/2002

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2(1), il-kliem introduttorju

    Artikolu 2(1), il-kliem introduttorju

    Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

    Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

    Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4(1), il-kliem introduttorju

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

    Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(5)

    Artikolu 4(6)

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 6

    Artikolu 7, il-kliem introduttorju

    Artikolu 7, il-kliem introduttorju

    Artikolu 7, l-ewwel inċiż

    Artikolu 7(a)

    Artikolu 7, it-tieni inċiż

    Artikolu 7(b)

    Artikolu 7, il-kliem finali

    Artikolu 7, il-kliem introduttorju

    Artikolu 8(1), il-kliem introduttorju

    Artikolu 8, il-kliem introduttorju

    Artikolu 8(1), l-ewwel inċiż

    Artikolu 8(a)

    Artikolu 8(1), it-tieni inċiż

    Artikolu 8(b)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 9(3)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 10

    Artikolu 11

    Artikolu 10

    Artikolu 11

     

     

    Artikolu 12

    Artikolu 12, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 12, it-tieni paragrafu

    Artikolu 13

    Artikolu 13

    Anness I

    Anness II


    Top