Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0505

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2012 tal- 14 ta’ Ġunju 2012 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    ĠU L 154, 15.6.2012, p. 12–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/505/oj

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 154/12


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 505/2012

    tal-14 ta’ Ġunju 2012

    li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029[2092]/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 14(2), 16(1)(d), 16(3)(a), 21(2), 22(1), 26(a) u 38(a) u (b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 14(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi r-regoli ġenerali tal-produzzjoni għall-għalf organiku fir-rigward tal-provvista tal-għalf. F’dak l-approċċ, l-għalf prodott fl-azjenda stess itemm iċ-ċiklu tal-produzzjoni organika fl-azjenda. Il-produzzjoni tal-għalf fl-azjenda u/jew l-użu ta’ riżorsi tal-għalf mir-reġjun inaqqsu t-trasport u huma ta’ benefiċċju għall-ambjent u għan-natura. B’hekk, sabiex l-għanijiet organiċi tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jintlaħqu aħjar u fid-dawl tal-esperjenza, huwa xieraq li jiġi stabbilit sehem minimu tal-għalf prodott fl-azjenda stess għall-ispeċi tal-ħnieżer u tat-tjur u li jiżdied is-sehem minimu għall-erbivori.

    (2)

    Il-leġiżlazzjoni orizzontali għall-materjali tal-għalf u għall-għalf kompost u l-addittivi tal-għalf inklużi fih ġiet irreveduta bir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (2). Għalhekk, l-Artikoli u l-Annessi rilevanti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (3) għandhom jiġu adattati.

    (3)

    L-iżvilupp ta’ regoli armonizzati tal-produzzjoni organika għat-tjur żgħar fil-livell tal-Unjoni huwa kumpless għaliex l-opinjonijiet dwar il-ħtiġijiet tekniċi jvarjaw ħafna bejn il-partijiet ikkonċernati. Sabiex ikun hemm lok għal iżjed żmien biex jiġu żviluppati regoli ddettaljati għall-produzzjoni ta’ għewietaq organiċi, jeħtieġ li r-regola eċċezzjonali dwar l-użu ta’ għewietaq mhux organiċi tiġi estiża.

    (4)

    Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini waqgħet lura mid-domanda. B’mod partikolari, fis-suq tal-Unjoni, il-provvista tal-proteini organiċi għadha mhix biżżejjed, f’termini tal-kwalità u tal-kwantità, sabiex jintlaqħu l-ħtiġijiet ta’ nutriment tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fi rziezet organiċi. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi permess proporzjon żgħir ta’ għalf mhux organiku tal-proteini bħala regola eċċezzjonali għal perjodu taż-żmien limitat.

    (5)

    Sabiex l-użu tat-terminu “organiku” u tal-logo organiku tal-UE fit-tikkettar tal-għalf prodott minn ingredjenti organiċi ikun speċifikat u ċċarat iżjed, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandhom jerġgħu jinkitbu mill-ġdid.

    (6)

    L-użu ta’ addittivi tal-għalf jista’ jiġi permess fil-produzzjoni tal-għalf organiku b’ċerti kundizzjonijiet. L-Istati Membri applikaw għal numru ta’ sustanzi ġodda, li jridu jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti li jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (EGTOP) (4), li kkonkluda li l-addittivi tal-għalf format tas-sodju, ferroċanur tas-sodju, natrolit-fonolit u klinoptilolit jikkonformaw mal-għanijiet u l-prinċipji organiċi, dawk is-sustanzi għandhom jiddaħħlu fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

    (7)

    Fit-Taqsima A tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 889/2008 instab żball fir-rekwiżiti għall-użu ta’ estratti tal-klin bħala addittiv organiku tal-ikel u għaldaqstant dan l-iżball għandu jiġi kkoreġut.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Sabiex l-operaturi jkollhom il-permess ikomplu jużaw ir-regoli eċċezzjonali tal-produzzjoni b’rabta mal-għalf u mal-għewietaq mhux organiċi wara d-data ta’ skadenza attwali ta’ dawk ir-regoli, l-emendi għar-regoli eċċezzjonali magħmulin b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012 bil-għan li jiġu evitati l-ostakli fil-produzzjoni organika u t-tfixkil tagħha.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet emendatorji

    Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 19

    Għalf mill-azjenda stess u minn sorsi oħrajn

    1.   Fil-każ tal-erbivori, ħlief matul il-perjodu ta’ kull sena meta l-annimali jkunu fi tranżumanza suġġetta għall-Artikolu 17(4), mill-inqas 60 % tal-għalf għandu jiġi mill-unità agrikola stess jew f’każ li dan ma jkunx jista’ jsir, dan għandu jkun prodott f’kooperazzjoni ma’ rziezet organiċi oħrajn fl-istess reġjun.

    2.   Fil-każ tal-majjali u tat-tjur, mill-inqas 20 % tal-għalf għandu jiġi mill-unità agrikola stess jew, f’każ li dan ma jkunx jista’ jsir, dan għandu jkun prodott fl-istess reġjun f’kooperazzjoni ma’ rziezet organiċi oħrajn jew ma’ operaturi kummerċjali organiċi tal-għalf oħrajn.

    3.   Fil-każ tan-naħal, fl-aħħar tal-istaġun tal-produzzjoni l-kaxxi tan-naħal (l-iġbħa) għandhom jitħallew b’biżżejjed għasel u għabra tad-dakra għal matul ix-xitwa.

    L-għalf tal-kolonji tan-naħal għandu jkun awtorizzat biss meta l-ħajja fil-kaxxi tan-naħal tkun fil-periklu minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-kaxxi tan-naħal għandhom jingħalfu bl-għasel organiku, bil-ġulepp taz-zokkor organiku jew biz-zokkor organiku.”

    (2)

    L-Artikolu 22 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 22

    L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-għalf

    Għall-finijiet tal-Artikolu 14(1)(d)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku u fl-għalf tal-annimali organiċi:

    (a)

    materjali tal-għalf mhux organiku li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali, jew materjali tal-għalf oħrajn elenkati fit-Taqsima 2 tal-Anness V, sakemm:

    (i)

    ikunu prodotti jew ippreparati mingħajr solventi kimiċi, u

    (ii)

    ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 43 jew 47(c) jiġu mħarsa;

    (b)

    ħwawar, ħxejjex aromatiċi u għasel iswed mhux organiċi, sakemm:

    (i)

    il-forma organika tagħhom ma tkunx disponibbli,

    (ii)

    ikunu prodotti jew ippreparati mingħajr solventi kimiċi, u

    (iii)

    l-użu tagħhom ikun limitat għal 1 % tar-razzjon tal-għalf ta’ speċi partikolari, ikkalkulat kull sena bħala perċentwal tal-materja niexfa tal-għalf mill-agrikoltura;

    (c)

    materjali tal-għalf organiku li joriġinaw mill-annimali;

    (d)

    materjali tal-għalf li joriġinaw mill-minerali elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness V;

    (e)

    prodotti minn industriji tas-sajd sostenibbli sakemm:

    (i)

    ikunu prodotti u ppreparati mingħajr solventi kimiċi,

    (ii)

    l-użu tagħhom ikun ristrett għall-annimali mhux erbivori, u

    (iii)

    l-użu tal-idrolisati tal-proteini tal-ħut ikun ristrett biss għall-annimali ż-żgħar;

    (f)

    melħ bħala melħ tal-baħar u melħ oħxon tal-blat;

    (g)

    l-addittivi tal-għalf elenkati fl-Anness VI.”

    (3)

    Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-prodotti fitoterapewtiċi, il-mikronutrijenti u l-prodotti elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness V u fit-Taqsima 3 tal-Anness VI għandhom jintużaw bi preferenza għal trattament veterinarju allopatiku kimikament issintesizzat jew għall-antibijotiċi, sakemm l-effett terapewtiku tagħhom huwa effettiv għall-ispeċi tal-annimal u għall-kundizzjoni li għaliha hu maħsub it-trattament.”

    (4)

    Fl-Artikolu 25k(1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    materjali tal-għalf organiku li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali.”

    (5)

    Fl-Artikolu 25m, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-materjali tal-għalf li joriġinaw mill-minerali jistgħu jintużaw fl-akkwakultura organika jekk ikunu elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness V biss.”

    (6)

    Fil-punt (b) tal-Artikolu 42, id-data tal-“31 ta’ Diċembru 2011” hija sostitwita bid-data tal-“31 ta’ Diċembru 2014”

    (7)

    L-Artikolu 43 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 43

    L-użu ta’ għalf mhux organiku tal-proteini li joriġina mill-pjanti u mill-annimali għall-bhejjem

    Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 ikunu japplikaw u meta l-bdiewa ma jkunux jistgħu jakkwistaw għalf tal-proteini li jkun ġej biss mill-produzzjoni organika, jista’ jintuża proporzjon limitat ta’ għalf mhux organiku tal-proteini għall-ispeċi tal-ħnieżer u tat-tjur.

    Il-perċentwal massimu ta’ għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta’ 12-il xahar għal dawk l-ispeċijiet għandu jkun ta’ 5 % għas-snin tal-kalendarju tal-2012, l-2013 u l-2014.

    Iċ-ċifri għandhom jiġu kkalkulati kull sena bħala perċentwal tal-materja niexfa tal-għalf mill-agrikoltura.

    L-operatur għandu jżomm evidenza dokumentata tal-ħtieġa li tintuża din id-dispożizzjoni.”

    (8)

    L-Artikoli 59 u 60 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 59

    L-ambitu, l-użu tal-marki kummerċjali u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ

    Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-ikel tal-annimali domestiċi u għall-għalf tal-annimali bil-pil.

    Il-marki kummerċjali u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ li jkollhom indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistgħu jintużaw biss jekk l-ingredjenti kollha li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali jkunu ġejjin mill-metodu ta’ produzzjoni organika u jekk mill-inqas 95 % tal-materja niexfa tal-prodott tkun magħmula mit-tali ingredjenti.

    Artikolu 60

    Indikazzjonijiet dwar l-għalf ipproċessat

    1.   It-termini msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u l-logo organiku tal-UE jistgħu jintużaw fuq l-għalf ipproċessat dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    jekk l-għalf ipproċessat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u b’mod partikolari mal-Artikolu 14(1)(d)(iv) u (v) għall-bhejjem jew mal-Artikolu 15(1)(d) għall-annimali tal-akkwakultura u mal-Artikolu 18 tiegħu;

    (b)

    jekk l-għalf ipproċessat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari mal-Artikoli 22 u 26 tiegħu;

    (c)

    jekk l-ingredjenti kollha li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali li jinsabu fl-għalf ipproċessat ikunu ġejjin mill-metodu ta’ produzzjoni organika;

    (d)

    jekk mill-inqas 95 % tal-materja niexfa tal-prodott tkun magħmula minn prodotti agrikulturali organiċi.

    2.   Id-dikjarazzjoni li ġejja, suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, hija permessa fil-każ ta’ prodotti li jinkludu kwantitajiet varjabbli ta’ materjali tal-għalf mill-metodu ta’ produzzjoni organika u/jew materjali tal-għalf minn prodotti f’konverżjoni għall-agrikoltura organika u/jew prodotti kif imsemmi fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament:

    ‘jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika skont ir-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008’.”

    (9)

    L-Annessi V u VI huma sostitwiti bit-test mogħti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dispożizzjonijiet ta’ korrezzjoni

    Fit-Taqsima A tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 889/2008, il-linja li tikkonċerna l-addittiv tal-ikel E 392 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “B

    E 392*

    Estratti tal-klin

    X

    X

    Meta jkunu ġejjin mill-produzzjoni organika biss”

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, il-punti (6) u (7) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi l-Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

    (4)  Ir-rapport finali dwar l-għalf (EGTOP/1/2011), http://ec.europa.eu/agriculture/organic/files/eu-policy/expert-recommendations/expert_group/final_report_on_feed_to_be_published_en.pdf


    ANNESS

    L-ANNESS V

    Materjali tal-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 22(d), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25m(1)

    1.   MATERJALI TAL-GĦALF LI JORIĠINAW MILL-MINERALI

    A

    Qxur tal-baħar kalkariż

     

    A

    Maerl

     

    A

    Litotamnju

     

    A

    Glukonat tal-kalċju

     

    A

    Karbonat tal-kalċju

     

    A

    Ossidu tal-manjeżju (manjeżja anidra)

     

    A

    Sulfat tal-manjeżju

     

    A

    Klorur tal-manjeżju

     

    A

    Karbonat tal-manjeżju

     

    A

    Fosfat defluworinat

     

    A

    Fosfat tal-kalċju u tal-manjeżju

     

    A

    Fosfat tal-manjeżju

     

    A

    Fosfat monosodiku

     

    A

    Fosfat tal-kalċju u tas-sodju

     

    A

    Klorur tas-sodju

     

    A

    Bikarbonat tas-sodju

     

    A

    Karbonat tas-sodju

     

    A

    Sulfat tas-sodju

     

    A

    Klorur tal-potassju

     

    2.   MATERJALI OĦRA TAL-GĦALF

    Prodotti (sekondarji) tal-fermentazzjoni minn mikroorganiżmi li ċ-ċelloli tagħhom ġew inattivati jew maqtula:

    A

    Saccharomyces cerevisiae

     

    A

    Saccharomyces carlsbergiensis

     

    ANNESS VI

    Addittivi tal-għalf użati fin-nutrizzjoni tal-annimali msemmija fl-Artikolu 22(g), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25m(2)

    L-addittivi tal-għalf elenkati f’dan l-Anness għandhom jiġu approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    1.   ADDITTIVI TEKNOLOĠIĊI

    (a)   Preżervattivi

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    1a

    E 200

    Aċidu sorbiku

     

    A

    1a

    E 236

    Aċidu formiku

     

    B

    1a

    E 237

    Format tas-sodju

     

    A

    1a

    E 260

    Aċidu aċetiku

     

    A

    1a

    E 270

    Aċidu lattiku

     

    A

    1a

    E 280

    Aċidu propjoniku

     

    A

    1a

    E 330

    Aċidu ċitriku

     


    (b)   Antiossidanti

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    1b

    E 306

    Estratti ta’ oriġini naturali b’ħafna tokoferol

     


    (c)   Emulsjonanti u stabbilizzaturi, aġenti għat-tisfiq u li jiffurmaw ġell

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    1

    E 322

    Leċitina

    Jekk tkun ġejja minn materja prima organika biss;

    l-użu huwa ristrett għall-għalf tal-annimali tal-akkwakultura


    (d)   Materjali li jgħaqqdu, antiagglomeranti u koagulanti

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    B

    1

    E 535

    Ferroċanur tas-sodju

    Ir-rata tad-doża massima hija ta’ 20 mg/kg NaCl, ikkalkulata bħala anjonu tal-ferroċanur

    A

    1

    E 551b

    Silika kollojdali

     

    A

    1

    E 551c

    Trab tad-dijatomi (ippurifikat)

     

    A

    1

    E 558

    Bentonit-montmorillonit

     

    A

    1

    E 559

    Tafal tal-kawlina, mingħajr asbestos

     

    A

    1

    E 560

    Taħlitiet naturali ta’ steariti u klorit

     

    A

    1

    E 561

    Vermikulit

     

    A

    1

    E 562

    Sepjolit

     

    B

    1

    E 566

    Natrolit-Fonolit

     

    B

    1

    E 568

    Klinoptilolit ta’ oriġini sedimentarja [majjali għat-tismin; tiġieġ għat-tismin; dundjani għat-tismin; bovini; salamun]

     

    A

    1

    E 599

    Perlit

     


    (e)   Addittivi għall-ħaxix maħżun f’sajlo

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    1k

    Enżimi, ħmejjer u batterji

    L-użu huwa ristrett għall-produzzjoni tal-ħaxix maħżun f’sajlo meta l-kundizzjonijiet tat-temp ma jippermettux fermentazzjoni adegwata

    2.   ADDITTIVI SENSORJI

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    2b

     

    Komposti aromatiċi

    Estratti minn prodotti agrikoli biss

    3.   ADDITTIVI NUTRIZZJONALI

    (a)   Vitamini

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    3a

     

    Vitamini u provitamini

    Ġejjin minn prodotti agrikoli;

    jekk ikunu dderivati b’mod sintetiku, għall-annimali monogastriċi u għall-annimali tal-akkwakultura jistgħu jintużaw biss dawk li jkunu identiċi għall-vitamini li ġejjin mill-prodotti agrikoli;

    jekk ikunu dderivati b’mod sintetiku, għall-annimali li jixtarru jistgħu jintużaw biss il-vitamini A, D u E li jkunu identiċi għall-vitamini li ġejjin mill-prodotti agrikoli. L-użu huwa suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istati Membri bbażata fuq il-valutazzjoni tal-possibbiltà li l-annimali organiċi li jixtarru għandhom li jiksbu l-kwantitajiet neċessarji ta’ dawn il-vitamini mir-razzjonijiet tal-għalf tagħhom.


    (b)   Oligoelementi

    Awtorizzazzjoni

    Numri ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

    3b

    E1 Ħadid

    ossidu ferriku

    karbonat ferruż

    sulfat ferruż, ettaidrat

    sulfat ferruż, monoidrat

     

    A

    3b

    E2 Jodju

    jodat tal-kalċju, anidru

     

    A

    3b

    E3 Kobalt

    karbonat tal-kobalt bażiku, monoidrat

    sulfat tal-kobalt, monoidrat u/jew ettaidrat

     

    A

    3b

    E4 Ram

    karbonat kupriku bażiku, monoidrat

    ossidu kupriku

    sulfat kupriku, pentaidrat

     

    A

    3b

    E5 Manganiż

    karbonat manganuż

    ossidu manganuż

    sulfat manganuż, monoidrat

     

    A

    3b

    E6 Żingu

    ossidu taż-żingu

    sulfat taż-żingu, monoidrat

    sulfat taż-żingu, ettaidrat

     

    A

    3b

    E7 Molibdenu

    molibdat tas-sodju

     

    A

    3b

    E8 Selenju

    selenat tas-sodju

    selenit tas-sodju

     

    4.   ADDITTIVI ŻOOTEKNIĊI

    Awtorizzazzjoni

    Numru ta’ identifikazzjoni

    Sustanza

    Deskrizzjoni u kundizzjonijiet għall-użu

    A

     

    Enżimi u mikroorganiżmi

     


    (*)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.


    Top