EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0485

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2005/50/KE dwar l-użu armonizzat tal-faxxa tal-ispettru tar-radju ta’ 24 GHz għall-użu limitat biż-żmien ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità (notifikata bid-dokument numru C(2011) 5444) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 198, 30.7.2011, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/485/oj

30.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/71


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2005/50/KE dwar l-użu armonizzat tal-faxxa tal-ispettru tar-radju ta’ 24 GHz għall-użu limitat biż-żmien ta’ tagħmir bir-radar ta’ medda qasira għall-vetturi fil-Komunità

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 5444)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/485/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT), biex din tagħmel studji tekniċi dwar sistemi tar-radar b’medda qasira għall-vetturi b’appoġġ għar-reviżjoni fundamentali kif meħtieġ skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/50/KE (2) u biex din tagħmel studji dwar il-kompatibbiltà tar-radju fir-rigward ta’ approċċi alternattivi possibbli għall-użu tal-medda ta’ frekwenza ta’ 24 GHz.

(2)

Ir-rapporti 36 u 37 tas-CEPT li saru skont dan il-mandat u r-reviżjoni fundamentali li twettqet skont id-Deċiżjoni 2005/50/KE tal-iżviluppi fir-rigward tal-meded ta’ frekwenza ta’ 24 GHz u 79 GHz jindikaw li d-data ta’ referenza tat-30 ta’ Ġunju 2013 prevista fl-Artikolu 2(5) ta’ dik id-Deċiżjoni għadha valida, u li meta titqies l-assenza attwali ta’ impatt dannuż fuq utenti oħra tal-medda ta’ frekwenza ta’ 24 GHz, ma hemm ebda ħtieġa li din titressaq ’il quddiem.

(3)

L-iżvilupp fit-teknoloġija ta’ tagħmir tar-radar b’medda qasira b’medda ta’ frekwenza ta’ 79 GHz għall-vetturi miexi ’l quddiem. Madakollu, hemm indikazzjonijiet ċari li l-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ din it-teknoloġija fil-manifattura tal-karrozzi mhux se sseħħ sad-data limitu stabbilita għat-teknoloġija tar-radar b’medda qasira fil-medda ta’ frekwenza ta’ 24 GHz u li, meta jitqies it-tul ta’ żmien li għadu meħtieġ għall-fażijiet tal-iżvilupp, l-integrazzjoni u l-ittestjar, x’aktarx li l-integrazzjoni tar-radars b’medda ta’ 79 GHz fil-karrozzi għal distribuzzjoni fis-suq bil-massa tkun fattibbli għall-2018 jew l-iktar kmieni xi ftit snin qabel.

(4)

Barra minn hekk, ikun meħtieġ perjodu addizzjonali biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni mit-teknoloġija ta’ 24 GHz għat-teknoloġija ta’ 79 GHz tkun possibbli fuq mudelli ta’ karrozzi li jużaw it-teknoloġija ta’ 24 GHz li jkunu għadhom jeżistu meta jibdew jinħarġu mudelli ta’ karrozzi li jużaw it-teknoloġija ta’ 79 GHz.

(5)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-karozzi eżistenti u dawk prodotti fil-ġejjieni li jkunu mgħammra b’radars ta’ 24 GHz ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw, peress li dawn huma importanti għas-sikurezza tat-traffiku u biex jiġi inkuraġġit l-iżvilupp ta’ dawn l-applikazzjonijiet fl-akbar għadd possibbli ta’ vetturi eżistenti; għalhekk, għandha tiġi evitata d-diskontinwità tal-ispettru utilizzabbli għar-radars u trid tinsab soluzzjoni biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-1 ta’ Jannar 2018 tkun possibbli. Biex ikun possibbli perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali, id-data tal-1 ta’ Jannar 2018 għandha tiġi estiża b’erba’ snin għat-tagħmir tar-radar b’medda qasira għall-vetturi li jkun immuntat fuq vetturi li jkunu kisbu approvazzjoni tat-tip qabel l-1 ta’ Jannar 2018.

(6)

Meta titqies il-protezzjoni internazzjonali li tingħata lis-servizzi tar-radjuastronomija, servizzi satellitari għal-esplorazzjoni tad-Dinja u servizzi passivi tar-riċerka spazjali fil-medda ta’ bejn 23.60 GHz u 24 GHz, flimkien man-natura eċċezzjonali tad-desinjazzjoni ta’ dik il-medda għal radars b’medda qasira permezz tad-Deċiżjoni 2005/50KE, l-estenzjoni ta’ din id-desinjazzjoni mhix alternattiva fattibbli. Barra minn hekk, il-medda ta’ bejn 24 GHz u 24,25 GHz ġiet iddesinjata għal skopijiet industrijali, xjentifiċi u mediċinali (il-medda ISM).

(7)

L-istudji tas-CEPT dwar il-kompatibbiltà, inkluż xi sistemi militari, jindikaw li l-medda ta’ bejn 24,25 GHz u 27,50 GHz tista’ tkun soluzzjoni alternattiva teknikament fattibbli. Il-medda minn 26,50 GHz ’il fuq ġiet identifikata min-NATO bħala medda militari prevista għal sistemi mobbli u sistemi fissi.

(8)

Għandu jinżamm il-limitu ta’ 7 % għar-rata ta’ penetrazzjoni kif impost mid-Deċiżjoni 2005/50/KE, peress li ma hemm ebda indikazzjoni li dan il-limitu se jinqabeż qabel ma sseħħ it-tranżizzjoni għall-medda ta’ 79 GHz u biex jiġi enfasizzat li l-medda ta’ 24 GHz tibqa’ soluzzjoni tranżitorja.

(9)

Il-Kummissjoni, assistita mill-Istati Membri, għandha tkompli timmonitorja l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur limitu, tal-assenza ta’ interferenza dannuża għal utenti oħra tal-medda jew għal meded viċini, u ta’ jekk il-limitu ta’ 7 % inqabiżx jew le.

(10)

Id-Deċiżjoni 2005/50/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma b’mod konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/50/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2, il-punt 5 jinbidel b’dan li ġej:

“5.

‘dati ta’ referenza’ tfisser it-30 ta’ Ġunju 2013 għall-frekwenza ta’ bejn 21,65 u 24,25 GHz u l-1 ta’ Jannar 2018 għall-frekwenza ta’ bejn 24,25 u 26,65 GHz;”.

2.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-tieni paragrafu, il-kliem “data ta’ referenza” jinbidel għal “dati ta’ referenza”;

(b)

Fit-tielet paragrafu, f’żewġ postijiet, il-kliem “dik id-data” jinbidel għal “dawk id-dati”;

(c)

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara t-tielet paragrafu:

“Madankollu, id-data tal-1 ta’ Jannar 2018 għandha tiġi estiża b’4 snin għat-tagħmir tar-radar b’medda qasira għall-vetturi li jkun immuntat fuq vetturi li għalihom tkun tressqet applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip skont l-Artikiolu 6(6) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u li jkunu kisbuha qabel l-1 ta’ Jannar 2018.

(*)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.”"

3.

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (d) tal-paragrafu 1, il-kliem “id-data ta’ referenza” jinbidel għal “id-dati ta’ referenza”;

(b)

Il-paragrafi 2 u 3 huma mħassra.

(c)

Il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jassistu lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 billi jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa tinġabar u tiġi fornuta lill-Kummissjoni f’waqtha, b’mod partikolari l-informazzjoni stipulata fl-Anness.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi-President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 21, 25.1.2005, p. 15.


Top