EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0326

2011/326/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

ĠU L 147, 2.6.2011, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/326/oj

2.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2011

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

(2011/326/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fuq talba tal-Irlanda, il-Kunsill taha assistenza finanzjarja (Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE (2)) b’appoġġ għal programm qawwi ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li terġa’ tinkiseb il-fiduċja, u b’hekk l-ekonomija tkun tista’ tirritorna lejn tkabbir sostenibbli, u tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewroepw (“BĊE”), għamlet l-ewwel reviżjoni tal-progress tal-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawk il-miżuri.

(3)

Skont il-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (–3,6 % fl-2010, 1,3 % fl-2011, 2,8 % fl-2012 u 4,0 % fl-2013), il-perkors għall-aġġustament fiskali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2010 bil-għan li tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Irlanda, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, u huwa konsistenti ma’ perkors għall-proporzjon ta’ dejn relatat mal-PDG ta’ 96,2 % fl-2010, 112,0 % fl-2011, 117,9 % fl-2012 u 120,3 % fl-2013. Għaldaqstant, il-proporzjon ta’ dejn relatat mal-PDG ikun stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm 'il quddiem jaqbad it-triq lejn it-tnaqqis, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn tiġi effettwata minn diversi operazzjonijiet ‘barra mill-baġit’, inkluż injezzjoni ta' kapital fil-banek fl-2011 b’effett nett ta’ żieda fid-dejn ta’ madwar 6 punti perċentwali ta’ PDG, suppożizzjoni biex jinżammu riżervi għoljin ta’ flus kontanti, u diferenzi bejn il-pagamenti dovuti u dawk ta’ interessi fi flus kontanti.

(4)

Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Allied Irish Bank, Bank of Ireland, u EBS Building Society sabiex il-proporzjon tal-kapital ewlieni Tier 1 tagħhom jilħaq livell ta’ 12 % (abbażi tar-Reviżjoni Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Kapital 2010 “PCAR”), li kellha ssir sa Frar tal-2011, ġiet posposta mill-gvern li kien fl-aħħar tal-mandat tiegħu minħabba l-elezzjoni ġenerali li kienet fil-qrib.

(5)

Fil-31 ta’ Marzu 2011, il-Bank Ċentrali tal-Irlanda ħabbar ir-riżultati tal-PCAR u r-Reviżjoni Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Likwidità (“PLAR”). Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet, l-erba’ banek domestiċi parteċipanti (Allied Irish Bank, Bank of Ireland, EBS Building Society u Irish Life & Permanent) instabu li kellhom bżonn total ta’ EUR 24 biljun f’kapital addizzjonali, inkluż kapital kontinġenti ta’ EUR 3 biljuni, biex jibqgħu kapitalizzati b’mod adegwat f’xenarju ta’ stress.

(6)

Fil-31 ta’ Marzu 2011 il-gvern il-ġdid, li ġie ffurmat wara l-elezzjoni tal-25 ta’ Frar 2011, ħabbar l-istrateġija tiegħu biex isaħħaħ u jirriforma l-banek domestiċi, li tinkludi li jiġi żgurat li tintlaħaq il-ħtieġa ta’ kapitalizzazzjoni identifikata mill-eżerċizzju tal-PCAR/PLAR. Sal-aħħar ta’ Lulju 2011 din għandha ġġib il-proporzjon tal-kapital ewlieni Tier 1 tal-banek domestiċi (suġġett għall-aġġustament adattat għall-bejgħ mistenni tal-assi fil-każ ta’ Irish Life & Permanent) 'il fuq sew mil-livell previst li jiġi milħuq sa Frar 2011.

(7)

Il-Bank Ċentrali tal-Irlanda għandu jirrikjedi lil Allied Irish Bank, Bank of Ireland, EBS Building Society u Irish Life & Permanent biex ilaħħqu mal-proporzjoni tas-self relatat mad-depożitu (“LDR”) ta’ 122,5 % sal-aħħar tal-2013, filwaqt li jevitaw il-bejgħ mgħaġġel tal-assi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jagħmlu monitoraġġ mill-qrib tal-evoluzzjoni tal-proporzjon tal-Indiċi Nett ta’ Stabbiltà tal-Finanzjamenti u l-proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità tal-banek sabiex jiżguraw il-konverġenza mal-istandards emerġenti fi ħdan il-qafas ta’ Basel III. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-miri jintlaħqu billi jistabbilixxu qafas kredibbli għall-monitoraġġ tal-progress ibbażat fuq miri intermedji u jinċentivaw kif jixraq l-arranġamenti amministrattivi fi ħdan il-banek.

(8)

Hekk kif il-gvern il-ġdid beda jamministra, nieda reviżjoni komprensiva tan-nefqa biex jidentifika tfaddil effiċjenti u biex jallinja mill-qrib il-prijoritajiet li jsostnu l-konsolidazzjoni fiskali ma’ dawk għall-irkupru nazzjonali stabbiliti fil-Programm tal-Gvern (2011-16) imħabbar fis-7 ta’ Marzu 2011.

(9)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-paragrafu 5, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(a)

tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-banek domestiċi huma kapitalizzati b’mod adegwat fil-forma ta' ekwità, jekk meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw ir-rekwiżit regolatorju minimu ta’ proporzjon tal-kapital ewlieni Tier 1 ta’ 10,5 % matul il-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-UE kollu, filwaqt li jsir proċess ta’ tnaqqis lejn il-mira tal-proporzjon tas-self relatat mad-depożiti ta’ 122,5 % sal-aħħar tal-2013;’.

(2)

Il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (b) tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-FMI u l-BĊE, l-Irlanda tista' tintroduċi bidliet baġitarji għal dawn il-miżuri speċifikati hawn fuq biex tirrealizza kompletament l-effiċjenzi li għandhom jiġu identifikati mir-Reviżjoni Komprensiva tan-Nefqa li għaddejja u l-prijoritajiet tal-Programm għall-Gvern, konsistenti mal-għan ġenerali biex ikun żgurat li l-baġit għall-2012 irendi konsolidazzjoni fiskali ta’ mill-inqas EUR 3,6 biljun;’.

(b)

Il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(e)

l-adozzjoni ta' miżuri li jirrinforzaw strateġija baġitarja kredibbli u li jsaħħu l-qafas baġitarju. L-Irlanda għandha tadotta u timplimenta r-regola fiskali li kwalunkwe dħul addizzjonali mhux ippjanat bejn l-2011 u l-2015 jiġi allokat għat-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn. L-Irlanda għandha tistabbilixxi kunsill fiskali konsultattiv biex jipprovdi valutazzjoni indipendenti dwar il-pożizzjoni u l-previżjonijiet baġitarji tal-gvern. L-Irlanda għandha tadotta liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali li tintroduċi qafas ta’ infiq fuq perijodu ta’ żmien medju b’limiti multiannwali vinkolanti fuq l-infiq f’kull qasam. Din għandha ssir billi jitqiesu kwalunkwe riformi dwar governanza ekonomika riveduta fil-livell tal-Unjoni u tibni fuq ir-riformi fis-seħħ;’.

(c)

Il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(g)

ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (suġġett għall-aġġustament adattat għall-bejgħ mistenni tal-assi fil-każ ta’ Irish Life & Permanent) f’konformità mas-sejbiet tal-PLAR u l-PCAR tal-2011, kif imħabbar mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fil-31 ta’ Marzu 2011;’.

(d)

Il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(l)

biex titjieb il-kompetizzjoni fis-swieq miftuħa. Għal dan il-għan, il-leġislazzjoni għandha tiġi rriformata biex tiġġenera deterrenza aktar kredibbli billi tiżgura d-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-liġi Irlandiża tal-kompetizzjoni u l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat kif ukoll tiżgura l-funzjonament effettiv tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, sakemm idum il-programm, l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li ma jingħatawx eżenzjonijiet ulterjuri għall-qafas tal-liġi tal-kompetizzjoni sakemm ma jkunux kompletament konsistenti mal-miri tal-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni u l-ħtiġijiet tal-ekonomija;’.

(e)

Il-punti li ġejjin huma miżjuda:

‘(n)

isir proċess ta’ diżingranar lejn il-mira tal-proporzjonijiet tas-self relatat mad-depożitu stabbilit skont il-PLAR tal-2011;

(o)

il-preparazzjoni ta’ pjan biex isostni s-solvenza u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet mhux kapitalizzati biżżejjed fis-settur tal-unjoni tal-kreditu, inkluż billi l-Bank Ċentrali tal-Irlanda jingħata l-poteri meħtieġa biex jippromwovi grad ogħla ta’ konsolidazzjoni tas-settur permezz ta’ fużjonijiet fejn jixraq, b’appoġġ finanzjarju mill-gvern jekk ġustifikat;

(p)

is-sottomissjoni ta’ leġislazzjoni lill-Oireachtas biex jassistu lill-banek kooperattivi (credit unions) b’qafas regolatorju imsaħħaħ inkluż amministrazzjoni aktar effettiva u rekwiżiti regolatorji.’.

(3)

Il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (a), tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-FMI u l-BĊE, l-Irlanda tista' tintroduċi bidliet baġitarji f’dawn il-miżuri speċifikati hawn fuq biex tirrealizza kompletament l-effiċjenzi li għandhom jiġu identifikati mir-Reviżjoni Komprensiva tan-Nefqa li għaddejja u l-prijoritajiet tal-Programm għall-Gvern, konsistenti mal-għan ġenerali biex ikun żgurat li l-baġit għall-2013 irendi konsolidazzjoni fiskali ta’ mill-inqas EUR 3,1 biljun;’.

(b)

Il-punt li ġej huwa miżjud:

‘(c)

Isir proċess ta' diżingranar tal-banek domestiċi lejn il-miri tal-proporzjon tas-self relatat mad-depożitu stabbiliti skont il-PLAR tal-2011.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

CSÉFALVAY Z.


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.


Top