This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0048
Council Decision of 26 November 2009 concerning the conclusion, by the European Community, of the United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities
Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/48(1)/oj
27.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/35 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2009
dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
(2010/48/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 95 flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
F’Mejju 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati f’isem il-Komunità Ewropea dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet u d-Dinjità tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni NU”). |
(2) |
Il-Konvenzjoni NU kienet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta’ Diċembru 2006 u daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008. |
(3) |
Il-Konvenzjoni NU ġiet iffirmata f’isem il-Komunità fit-30 ta’ Marzu 2007 suġġett għall-konklużjoni possibbli tagħha f’data iktar tard. |
(4) |
Il-Konvenzjoni NU tikkostitwixxi pilastru rilevanti u effettiv għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà fl-Unjoni Ewropea, li kemm il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri tagħha jagħtuhom importanza kbira. |
(5) |
Il-Konvenzjoni NU għandha għalhekk tiġi approvata, f’isem il-Komunità, kemm jista’ jkun malajr. |
(6) |
Tali approvazzjoni, madankollu, għandha tkun akkumpanjata b’riżerva, li tiddaħħal mill-Komunità Ewropea, fir-rigward tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni NU, sabiex ikun iddikjarat li l-Komunità tikkonkludi l-Konvenzjoni NU mingħajr preġudizzju għad-dritt ibbażat fuq il-liġi Komunitarja, kif previst taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (2), tal-Istati Membri tagħha biex ma jkunx applikat għall-forzi armati l-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba diżabbiltà. |
(7) |
Il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni NU. Għalhekk, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom isiru Partijiet Kontraenti għaliha, sabiex flimkien ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni NU u jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom, f’sitwazzjonijiet ta’ kompetenza kondiviża b’mod koerenti. |
(8) |
Il-Komunità għandha, meta tiddepożita l-istrument tal-konferma formali, tiddepożita wkoll dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 44.1 tal-Konvenzjoni li tispeċifika l-materji regolati mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet ittrasferita lilha mill-Istati Membri tagħha, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-Konvenzjoni NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà hija b’dan approvata f’isem il-Komunità, suġġetta għal riżerva fir-rigward tal-Artikolu 27.1 tagħha.
2. It-test tal-Konvenzjoni NU jinsab fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.
It-test tar-riżerva jinsab fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiddeppożitaw, f’isem il-Komunità Ewropea, l-istrument tal-konferma formali tal-Konvenzjoni mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikoli 41 u 43 tal-Konvenzjoni NU.
2. Meta jiddepożitaw l-istrument tal-konferma formali, il-persuna jew persuni maħtura għandhom, skont l-Artikoli 44.1 tal-Konvenzjoni, jiddepożitaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza, li tinsab fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-Riżerva, li tinsab fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkun il-punt fokali għal materji relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni NU skont l-Artikolu 33.1 tal-Konvenzjoni NU. Id-dettalji dwar il-funzjoni ta’ punt fokali f’dan ir-rigward għandhom jiġu stabbiliti f’Kodiċi ta’ Kondotta qabel id-depożizzjoni tal-istrument tal-konferma formali f’isem il-Komunità.
Artikolu 4
1. Fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-laqgħat tal-korpi maħluqa mill-Konvenzjoni NU, b’mod partikolari il-Konferenza tal-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 40 tagħha, u għandha taġixxi f’isimha fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawk il-korpi.
2. Fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kompetenzi kondiviżi tal-Komunità u l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw minn qabel l-arranġamenti adatti għar-rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni tal-Komunità f’laqgħat tal-korpi maħluqa mill-Konvenzjoni NU. Id-dettalji dwar din ir-rappreżentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f’Kodiċi ta’ Kondotta li għandu jiġi maqbul qabel id-depożizzjoni tal-istrument tal-konferma formali f’isem il-Komunità.
3. Fil-laqgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fejn meħtieġ b’konsultazzjoni minn qabel ma’ istituzzjonijiet konċernati oħrajn tal-Komunità, għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikolari għal dawk li huma arranġamenti ta’ monitoraġġ, rappurtar u vvutar. L-arranġamenti għall-iżgurar ta’ kooperazzjoni mill-qrib għandhom ukoll jiġu indirizzati fil-Kodiċi ta’ Kondotta msemmi fil-paragrafu 2.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BJÖRKLUND
(1) Opinjoni mogħtija fis-27 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
ANNESS I
KONVENZJONI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ
Preambolu
L-ISTATI PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI,
(a) |
Filwaqt li jiftakru l-prinċipji proklamati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħrfu d-dinjità u l-valur inerenti u d-drittijiet ugwali u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana bħala l-bażi tal-libertà, il-ġustizzja u l-paċi fid-dinja, |
(b) |
Filwaqt li jagħrfu li n-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ipproklamat u qablet li kulħadd huwa intitolat għad-drittijiet u l-libertajiet kollha stabbiliti fihom, mingħajr ebda tip ta’ distinzjoni, |
(c) |
Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u l-interrelazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha u l-bżonn li persuni b’diżabbiltà jiġu ggarantiti t-tgawdija sħiħa tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, |
(d) |
Filwaqt li jiftakru l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom, |
(e) |
Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, |
(f) |
Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-prinċipji u tal-linji gwida ta’ politika li jinsabu fil-Programm Dinji ta’ Azzjoni dwar Persuni b’Diżabbiltà u fir-Regoli Standard dwar l-Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabbiltà fil-mod kif dawn jinfluwenzaw il-promozzjoni, it-tfassil u l-valutazzjoni tal-linji ta’ politika, pjanijiet, programmi u azzjonijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex l-opportunitajiet għal persuni b’diżabbiltà jkomplu jsiru aktar indaqs, |
(g) |
Filwaqt li jenfasizzaw l-importanza li l-kwistjonijiet ta’ diżabbiltà jiġu integrati bħala parti integrali tal-istrateġiji relevanti ta’ żvilupp sostenibbli, |
(h) |
Filwaqt li jagħrfu wkoll li d-diskriminazzjoni kontra kwalunkwe persuna fuq il-bażi ta’ diżabbiltà hija ksur tad-dinjità u l-valur tal-bniedem, |
(i) |
Filwaqt li jkomplu jagħrfu d-diversità tal-persuni b’diżabbiltà, |
(j) |
Filwaqt li jagħrfu l-bżonn biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha b’diżabbiltà, inklużi dawk li għandhom bżonn iktar appoġġ intensiv, |
(k) |
Filwaqt li huma mħassba li, minkejja dawn id-diversi strumenti u aċċettazzjonijiet, il-persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw ostakli fil-parteċipazzjoni tagħhom bħala membri sħaħ fis-soċjetà u ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’kull parti tad-dinja, |
(l) |
Filwaqt li jagħrfu l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuni b’diżabbiltà f’kull pajjiż, b’mod partikolari fil-pajjizi li qed jiżviluppaw, |
(m) |
Filwaqt li jagħrfu l-kontributi siewja, kemm eżistenti kif ukoll potenzjali, mogħtija minn persuni b’diżabbiltà għall-ġid u d-diversità ġenerali tal-komunitajiet tagħhom, u li l-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabbiltà jwasslu biex dawn iħossuhom aktar parti mis-soċjetà, u għal avvanzi sinifikanti fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku tas-soċjetà u biex jinqered il-faqar, |
(n) |
Filwaqt li jagħrfu l-importanza għall-persuni b’diżabbiltà li jkollhom l-awtonomija u indipendenza individwali tagħhom, inkluża l-libertà biex jagħmlu l-għażliet tagħhom stess, |
(o) |
Filwaqt li jqisu li l-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom l-opportunità biex ikunu involuti b’mod attiv fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar linji ta’ politika u programmi, inklużi dwak li jikkonċernawhom direttament, |
(p) |
Filwaqt li jinsabu mħassba dwar il-kondizzjonijiet diffiċli li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b’diżabbiltà li huma suġġetti għal iktar minn forma waħda jew għal forom aggravati ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ razza, kulur, sess, lingwa, reliġjon, politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali, etnika, indiġena jew soċjali, proprjetà, twelid, età jew stat ieħor, |
(q) |
Filwaqt li jagħrfu li n-nisa u t-tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma ħafna drabi f’riskju ikbar, kemm ġewwa kif ukoll barra d-dar, ta’ vjolenza, feriment jew abbuż, nuqqas ta’ attenzjoni jew trattament negliġenti, trattament ħażin jew sfruttament, |
(r) |
Filwaqt li jagħrfu li tfal b’diżabbiltà għandu jkollhom tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra, u filwaqt li jiftakru mill-ġdid l-obbligi li assumew l-Istati Partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, |
(s) |
Filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi inkorporta perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-isforzi ta’ promozzjoni kollha sabiex il-persuni b’diżabbiltà jgawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha tagħhom, |
(t) |
Filwaqt li jisħqu dwar il-fatt li l-maġġoranza ta’ persuni b’diżabbiltà jgħixu f’kondizzjonijiet ta’ faqar, u filwaqt li f’dan ir-rigward jagħrfu l-bżonn kritiku biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv tal-faqar fuq persuni b’diżabbiltà, |
(u) |
Filwaqt li jżommu f’moħħhom li l-kondizzjonijiet ta’ paċi u sigurtà fuq il-bażi ta’ rispett sħiħ lejn l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-osservanza ta’ strumenti ta’ drittijiet tal-bniedem applikabbli huma indispensabbli għall-ħarsien sħiħ tal-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari waqt kunflitti bl-użu ta’ armi u okkupazzjoni barranija, |
(v) |
Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-aċċessibbiltà għall-ambjent fiżiku, soċjali, ekonomiku u kulturali, għall-edukazzjoni u s-saħħa u għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, biex ikun possibli li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, |
(w) |
Filwaqt li jirrealizzaw li l-individwu, li għandu obbligi lejn individwi oħra u lejn il-komunità li minnha huwa jkun parti, għandu jassumi responsabbiltà biex jistinka għall-promozzjoni u l-osservanza tad-drittijiet rikonoxxuti fl-Abbozz tal-Liġi Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
(x) |
Filwaqt li huma konvinti li l-familja hija l-unità ta’ grupp naturali u fundamentali tas-soċjetà u hija intitolata għal protezzjoni mis-soċjetà u mill-Istat, u li l-persuni b’diżabbiltà u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jirċievu l-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa sabiex il-familji jkunu jistgħu jikkontribwixxu lejn it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, |
(y) |
Filwaqt li huma konvinti li konvenzjoni internazzjonali, li tkun komprensiva u integrali, u li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà għandha tagħti kontribut sinifikanti biex jiġi rrimedjat l-iżvantaġġ soċjali profond tal-persuni b’dizabbiltajiet, u għandha tippromwovi l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isferi ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali b’opportunitajiet indaqs, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw, |
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.
Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:
|
“Komunikazzjoni” tinkludi lingwi, wiri ta’ test, Braille, komunikazzjoni bis-sens tal-mess, tipa kbira, multimidja aċċessibbli kif ukoll forom, mezzi u formati ta’ komunikazzjoni miktuba, bl-awdjo, b’lingwa sempliċi, u dawk li jimitaw il-qari mill-bniedem, inklużi teknoloġija aċċessibbli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; |
|
“Lingwa” tinkludi lingwi mitkellma jew bis-sinjali u forom oħra ta’ lingwi mhux mitkellma; |
|
“Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza raġonevoli; |
|
“Akkomodazzjoni raġonevoli” tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha; |
|
“Disinn universali” tfisser id-disinn ta’ prodotti, ambjenti, programmi u servizzi biex ikunu jistgħu jintużaw mill-persuni kollha, sal-iktar punt possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat. “Disinn universali” m’għandux jeskludi apparat ta’ għajnuna għal gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabbiltà meta dan ikun meħtieġ. |
Artikolu 3
Prinċipji ġenerali
Il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu:
(a) |
Rispett għad-dinjità inerenti, l-awtonomija individwali inkluża l-libertà biex wieħed jagħmel l-għażliet tiegħu stess, u l-indipendenza tal-persuni; |
(b) |
Nuqqas ta’ diskriminazzjoni; |
(c) |
Parteċipazzjoni u inklużjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà; |
(d) |
Rispett għad-differenza u aċċetazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà bħala parti mid-diversità tal-bniedem u l-umanità; |
(e) |
Opportunitajiet indaqs; |
(f) |
Aċċessibbiltà; |
(g) |
Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; |
(h) |
Rispett għall-kapaċitajiet li jevolvu tat-tfal b’diżabbiltà u rispett għad-dritt tat-tfal b’diżabbiltà li jippreżervaw l-identitajiet tagħhom. |
Artikolu 4
Obbligi ġenerali
1. L-Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall-persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet jintrabtu:
(a) |
Li jadottaw miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u miżuri oħra adegwati għall-implimentazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti f’din il-Konvenzjoni; |
(b) |
Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha, inkluża leġiżlazzjoni, biex jimmodifikaw jew ineħħu liġijiet, regolamenti, konswetudnijiet u prattiċi eżistenti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà; |
(c) |
Li jqisu l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabbiltà fil-linji ta’ politika u l-programmi kollha; |
(d) |
Li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li huma inkonsistenti ma’ din il-Konvenzjoni u li jiżguraw li l-awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi jaġixxu f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; |
(e) |
Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jeqirdu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà minn kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew intrapriża privata; |
(f) |
Li jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet iddisinjati universalment, kif definiti fl-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, li għandhom jeħtieġu l-inqas adattament possibbli u l-inqas prezz biex jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuna b’diżabbiltà, biex jippromwovu id-disponibbiltà u l-użu tagħhom, u biex jippromwovu abbozz universali fl-iżvilupp ta’ standards u linji gwida; |
(g) |
Li jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’, u biex jippromwovu d-disponibbiltà u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inklużi, teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, xierqa għall-persuni b’diżabbiltà, waqt li jagħtu prijorità għal teknoloġiji bi prezz li jista’ jitħallas minn dak li jkun; |
(h) |
Li jipprovdu informazzjoni aċċessibbli lill-persuni b’diżabbiltà dwar għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, inklużi teknoloġiji ġodda, kif ukoll forom oħra ta’ assistenza, servizzi ta’ appoġġ u faċilitajiet; |
(i) |
Li jippromwovu t-taħriġ ta’ professjonisti u persunal li jaħdmu mal-persuni b’diżabbiltà dwar id-drittijiet rikonoxxuti f’din il-Konvenzjoni biex jipprovdu aħjar l-assistenza u s-servizzi ggarantiti minn dawk id-drittijiet. |
2. Fir-rigward ta’ drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kull Stat Parti jintrabat li jieħu miżuri sal-massimu tar-riżorsi disponibbli tiegħu u, fejn meħtieġ, fi ħdan il-qafas ta’ koperazzjoni internazzjonali, bl-għan li jikseb b’mod progressiv il-kisba sħiħa ta’ dawn id-drittijiet, mingħajr ħsara lil dawk l-obbligi li qegħdin f’din il-Konvenzjoni li huma applikabbli direttament skont il-liġi internazzjonali.
3. Fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u linji ta’ politika biex tiġi implimentata din il-Konvenzjoni, u f’proċessi oħra fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b’mod attiv lill-persuni b’diżabbiltà, inklużi tfal b’diżabbiltà, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.
4. Din il-Konvenzjoni hija mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni li tippromwovi aktar il-kisba tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u li tista’ tkun tinsab fil-liġi ta’ xi Stat Parti jew fid-dritt internazzjonali fis-seħħ għal dak l-Istat. M’għandu jkun hemm ebda restrizzjoni jew deroga minn kwalunkwe drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali rikonoxxuti jew eżistenti fi kwalunkwe Stat Parti għal din il-Konvenzjoni skont liġijiet, konvenzjonijiet, regolamenti jew konswetudnijiet bl-iskuża li din il-Konvenzjoni ma tirrikonoxxix tali drittijiet jew libertajiet jew li tirrikonoxxihom fuq grad inqas.
5. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jestendu għall-partijiet kollha tal-Istati federali mingħajr ebda limitazzjoni jew eċċezzjoni.
Artikolu 5
Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni
1. L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.
2. L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.
3. Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.
4. Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 6
Nisa b’diżabbiltà
1. L-Istati Partijiet jagħrfu li n-nisa u tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma suġġetti għal numru ta’ diskriminazzjonijiet, u f’dan ir-rigward għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha.
2. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ, l-avvanz sħiħ u l-indipendenza sħiħa tan-nisa, bl-iskop li jiggarantulhom l-eżerċitar u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.
Artikolu 7
Tfal b’diżabbiltà
1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa mit-tfal b’diżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħrajn.
2. Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw tfal b’diżabbiltà, l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla għandom ikunu kunsiderazzjoni primarja.
3. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal b’diżabbiltà jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b’mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom, bl-opinjonijiet tagħhom jitqiesu skont kif xieraq skont l-età u l-maturità tagħhom, fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra, u li jingħata għajnuna adatta għad-diżabbiltà skont l-età biex jiksbu dak id-dritt.
Artikolu 8
Ħolqien ta’ kuxjenza
1. L-Istati Partijiet jintrabtu li jadottaw miżuri immedjati, effettivi u adegwati:
(a) |
Biex joħolqu kuxjenza fost is-soċjetà, inkluż fil-livell tal-familja, rigward il-persuni b’diżabbiltà, u biex jinkoraġġixxu r-rispett għad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà; |
(b) |
Biex jiġġieldu kontra l-isterjotipi, preġudizzji u prattiċi li jagħmlu l-ħsara relatati mal-persuni b’diżabbiltà, inklużi dawk ibbażati fuq sess u età, fl-oqsma kollha tal-ħajja; |
(c) |
Biex jippromwovu l-għarfien tal-kapaċitajiet u l-kontributi tal-persuni b’diżabbiltà. |
2. Miżuri għal dan il-għan jinkludu:
(a) |
Li jingħata bidu u jinżammu għaddejjin kampanji effettivi għal ħolqien ta’ kuxjenza fost il-pubbliku, b’dawn il-miri:
|
(b) |
Trawwim fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, inklużi fit-tfal kollha minn età bikrija, ta’ attitudni ta’ rispett għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà; |
(c) |
Jitħeġġu l-organi kollha tal-mezzi tax-xandir biex jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà b’mod konsistenti mal-iskop ta’ din il-Konvenzjoni; |
(d) |
Promozzjoni ta’ programmi ta’ għarfien u taħriġ rigward persuni b’diżabbiltà u d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. |
Artikolu 9
Aċċessibbiltà
1. Sabiex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw lill-persuni b’diżabbiltà aċċess, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi sistemi u teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet oħra u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, kemm f’żoni urbani kif ukoll f’żoni rurali. Dawn il-miżuri, li għandhom jinkludu l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ ostakli u barrieri għall-aċċessibbiltà, għandom japplikaw għal, inter alia:
(a) |
Binjiet, toroq, trasport u faċilitajiet oħra fuq ġewwa u fuq barra, inklużi skejjel, akkomodazzjoni, faċilitajiet ta’ kura u postijiet tax-xogħol; |
(b) |
Informazzjoni, komunikazzjoni u servizzi oħra, inklużi servizzi elettroniċi u servizzi ta’ emerġenza. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati:
(a) |
Biex jiżviluppaw, ixandru u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ standards minimi u ta’ linji gwida għall-aċċessibbiltà tal-faċilitajiet u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku; |
(b) |
Biex jiżguraw li l-entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku jikkunsidraw l-aspetti kollha tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà; |
(c) |
Biex jipprovdu taħriġ għall-partijiet interessati dwar kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà; |
(d) |
Biex jipprovdu sistemi pubbliċi ta’ sinjali bil-Braille u f’forom li huma faċli biex jinqraw u jinftiehmu fil-binjiet u faċilitajiet oħra miftuħa għall-pubbliku; |
(e) |
Biex jipprovdu forom ta’ assistenza diretta u intermedjarja, inklużi gwidi, qarrejja u interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali, biex jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà għall-binjiet u faċilitajiet oħra miftuħa għall-pubbliku; |
(f) |
Biex jippromwovu forom oħra ta’ assistenza u appoġġ adegwati lill-persuni b’diżabbiltà biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni; |
(g) |
Biex jippromwovu aċċess għall-persuni b’diżabbiltà għal sistemi u teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-Internet; |
(h) |
Biex jippromwovu d-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sistemi u teknoloġiji aċċessibbli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni minn età bikrija, sabiex dawn it-teknoloġiji u sistemi jsiru aċċessibbli bi prezz minimu. |
Artikolu 10
Dritt għall-ħajja
L-Istati Partijiet jaffermaw mill-ġdid li kull bniedem għandu d-dritt inerenti għall-ħajja u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija effettiva tiegħu mill-persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
Artikolu 11
Sitwazzjonijiet ta’ riskju u emerġenzi umanitarji
L-Istati Partijiet għandhom jieħdu, skont l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, inklużi l-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni u s-sigurtà tal-persuni b’diżabbiltà f’sitwazzjonijiet ta’ riskju, inklużi sitwazzjonijiet ta’ kunflitti bl-użu ta’ armi, ta’ emerġenzi umanitarji u okkorrenzi ta’ diżastri naturali.
Artikolu 12
Għarfien ugwali quddiem il-liġi
1. L-Istati Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal għarfien kullimkien bħala persuni quddiem il-liġi.
2. L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu kapaċità legali fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fl-aspetti kollha tal-ħajja.
3. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jipprovdu aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għall-appoġġ li jista’ jkollhom bżonn biex jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom.
4. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha li jirrelataw mat-tħaddim tal-kapaċità legali jipprovdu għal salvagwardji adegwati u effettivi biex ma jħallux li jsir abbuż skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw li l-miżuri li jirrelataw mat-tħaddim tal-kapaċità legali jirrispettaw id-drittijiet, ir-rieda u l-preferenzi tal-persuna, huma ħielsa minn kunflitt ta’ interess u influwenza, huma proporzjonati u mfassla għaċ-ċirkustanzi tal-persuna, japplikaw għall-inqas ħin possibbli u huma suġġetti għal reviżjoni regolari minn awtorità jew korp ġuridiku kompetenti, indipendenti u imparzjali. Is-salvagwardji għandhom ikunu proporzjonali għall-grad li għalih tali miżuri jaffettwaw l-interessi u d-drittijiet tal-persuna.
5. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati u effettivi kollha biex jiżguraw id-dritt ugwali tal-persuni b’diżabbiltà biex ikunu sidien ta’ jew jirtu proprjetà, biex jikkontrollaw l-affarijiet finanzjarji tagħhom stess u biex ikollhom aċċess ugwali għal self mill-bank, ipoteki u forom oħra ta’ kreditu finanzjarju, u għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà ma jiċċaħħdux mill-proprjetà tagħhom b’mod arbitrarju.
Artikolu 13
Aċċess għall-ġustizzja
1. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż permezz tal-għoti ta’ konċessjonijiet proċedurali u adattati skont l-età, sabiex jitħaffef l-irwol effettiv tagħhom bħala parteċipanti diretti u indiretti, inkluż bħala xhieda, fil-proċeduri legali kollha, inkluż fl-istadji investigattivi u stadji preliminari oħra.
2. Sabiex jgħinu biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jippromwovu taħriġ adegwat għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inklużi pulizija u persunal tal-ħabsijiet.
Artikolu 14
Libertà u sigurtà tal-persuna
1. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor:
(a) |
Igawdu d-dritt għal-lilbertà u s-sigurtà tal-persuna; |
(b) |
Mhumiex imċaħħda mil-libertà tagħhom bi ksur tal-liġi jew b’mod arbitrarju, u li ċaħda tal-libertà hija f’konformità mal-liġi, u li l-eżistenza ta’ xi diżabbiltà m’għandha f’ebda każ tiġġustifika ċaħda tal-libertà. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li jekk persuni b’diżabbiltà jiċċaħħdu mil-libertà tagħhom permezz ta’ kwalunkwe proċess, dawn huma, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, intitolati għal garanziji skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiġu ttrattati b’osservanza tal-għanijiet u l-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż bil-provvediment ta’ aġevolezza raġonevoli.
Artikolu 15
Ħelsien mit-tortura u mit-trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti
1. Ħadd m’għandu jiġi suġġett għal tortura jew trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti. B’mod partikolari, ħadd m’għandu jiġi suġġett għal sperimentazzjoni medika jew xjentifika mingħajr il-kunsens ħieles tiegħu jew tagħha.
2. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu kull miżura effettiva leġiżlattiva, amministrattiva u ġuridika u miżuri oħra biex ma jħallux li persuni b’diżabbiltà jiġu suġġetti għal tortura jew għal trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti.
Artikolu 16
Ħelsien mill-isfruttament, il-vjolenza u l-abbuż
1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu kull miżura effettiva leġiżlattiva, amministrattiva, soċjali u edukattiva u miżuri oħra biex jipproteġu lill-persuni b’diżabbiltà, kemm barra kif ukoll ġewwa darhom, minn kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż, inklużi l-aspetti tagħhom ibbażati fuq is-sess.
2. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu wkoll il-miżuri adegwati kollha biex jipprevjenu kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż billi jiżguraw, inter alia, forom adegwati ta’ assistenza u appoġġ li huma sensittivi għas-sess u l-età għall-persuni b’diżabbiltà, il-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom, inkluż permezz tal-provvediment ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar kif għandhom jiġu evitati, magħrufa u rrapportati każijiet ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ protezzjoni huma sensittivi għall-età, is-sess u d-diżabbiltà.
3. Sabiex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet u l-programmi kollha maħsuba biex iservu lill-persuni b’diżabbiltà jiġu ssorveljati b’mod effettiv minn awtoritajiet indipendenti.
4. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jippromwovu l-irkupru fiżiku, konjittiv u psikolġiku, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuni b’diżabbiltà li jisfaw vittmi ta’ kwalunkwe forma ta’ sfruttament, vjolenza jew abbuż, inkluż permezz tal-provvediment ta’ servizzi ta’ protezzjoni. Tali rkupru u integrazzjoni mill-ġdid għandhom jitwettqu f’ambjent li jinkoraġġixxi s-saħħa, il-benesseri, ir-rispett tal-persuna lejha nfisha, id-dinjità u l-awtonomija tal-persuna, waqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi skont is-sess u l-età.
5. L-Istati Partijiet għandhom jistabbilixxu leġiżlazzjoni u linji ta’ politika effettivi, inklużi leġiżlazzjoni u linji ta’ politika ffokati fuq in-nisa u t-tfal, biex jiżguraw li l-każijiet ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż kontra l-persuni b’diżabbiltà jiġu identifikati, mistħarrġa u, meta jkun adattat, għandhom jittieħdu passi legali kontra tali mġiba.
Artikolu 17
Protezzjoni tal-integrità tal-persuna
Kull persuna b’diżabbiltà għandha dritt għal rispett għall-integrità fiżika u mentali tagħha fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
Artikolu 18
Libertà tal-moviment u tan-nazzjonalità
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà għal-libertà tal-moviment, għal-libertà li jagħżlu r-residenza tagħhom u għan-nazzjonalità, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż billi jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà:
(a) |
Ikollhom id-dritt li jakkwistaw jew ibiddlu n-nazzjonalità, u li ma jkunux imċaħħda min-nazzjonalità tagħhom b’mod arbitrarju jew fuq il-bażi ta’ diżabbiltà; |
(b) |
Ma jiġux imċaħħda, fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, mill-fakultà tagħhom li jiksbu, ikollhom fil-pussess tagħhom jew jużaw dokumentazzjoni tan-nazzjonalità tagħhom jew dokumentazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni, jew milli jużaw proċessi relevanti bħal proċeduri ta’ immigrazzjoni, li jistgħu jinħtieġu biex jitħaffef it-tħaddim tad-dritt għall-moviment ħieles; |
(c) |
Ikunu ħielsa biex jitilqu minn kwalunkwe pajjiż, inkluż tagħhom stess; |
(d) |
Ma jiġux imċaħħda, b’mod arbitrarju jew fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, mid-dritt li jidħlu f’pajjiżhom stess. |
2. Tfal b’diżabbiltà għandhom jiġu rreġistrati minnufih wara t-twelid u għandu jkollhom id-dritt għal isem sa mit-twelid, id-dritt li jiksbu nazzjonalità u, sa fejn possibbli, id-dritt li jkunu jafu lill-ġenituri tagħhom u li dawn jieħdu ħsiebhom.
Artikolu 19
Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità
L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ugwali tal-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità, b’għażliet ugwali bħal ħaddieħor, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:
(a) |
Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom u fejn u ma’ min joqogħdu fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u li ma jkunux obbligati jgħixu f’arranġament partikolari ta’ għajxien; |
(b) |
Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-djar, u servizzi residenzjali jew ta’ appoġġ tal-komunità, inkluż assistenza personali meħtieġa biex tappoġġa l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex tilqa’ kontra l-iżolament jew segregazzjoni mill-komunità; |
(c) |
Is-servizzi u l-faċilitajiet tal-komunità għall-popolazzjoni ġenerali jkunu disponibbli fuq bażi ugwali għall-persuni b’diżabbiltà u li dawn jirreaġixxu malajr għall-bżonnijiet tagħhom. |
Artikolu 20
Mobbiltà personali
L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw il-mobbiltà personali bl-ikbar indipendenza possibbli għall-persuni b’diżabbiltà, inkluż permezz ta’:
(a) |
It-tħaffif tal-mobbiltà personali għall-persuni b’diżabbiltà bil-mod u fiż-żmien tal-għażla tagħhom, u bi prezz li jista’ jintlaħaq; |
(b) |
It-tħaffif tal-aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għal għajnuniet tal-mobbiltà ta’ kwalità, tagħmir, teknoloġiji ta’ assistenza u forom ta’ assistenza diretta u intermedjarji, inkluż billi dawn ikunu disponibbli bi prezz li jista’ jista’ jintlaħaq minn kullħadd; |
(c) |
Provvediment ta’ taħriġ fil-ħiliet ta’ mobbiltà lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persunal speċjalizzat li jaħdem mal-persuni b’diżabbiltà; |
(d) |
Inkoraġġiment lill-entitajiet li jipproduċu għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza biex jikkunsidraw l-aspetti kollha tal-mobbiltà għal persuni b’diżabbiltà. |
Artikolu 21
Libertà tal-espressjoni u l-opinjoni, u aċċess għall-informazzjoni
L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-opinjoni, inkluż il-libertà biex ifittxu, jirċievu u jikkomunikaw informazzjoni u ideat fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u permezz tal-forom kollha ta’ komunikazzjoni tal-għażla tagħhom, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż billi:
(a) |
Jipprovdu informazzjoni maħsuba għall-pubbliku ġenerali lill-persuni b’diżabbiltà f’formats u teknoloġiji aċċessibbli u adegwati għal tipi ta’ diżabbiltà differenti b’mod puntwali u mingħajr prezz addizzjonali; |
(b) |
Jaċċettaw u jiffaċilitaw l-użu ta’ lingwi bis-sinjali, Braille, komunikazzjoni awmentattiva u alternattiva, u l-użu tal-mezzi, modi u formats ta’ komunikazzjoni oħrajn kollha magħżula mill-persuni b’diżabbiltà f’attivitajiet interattivi uffiċjali; |
(c) |
Iħeġġu lill-entitajiet privati li jipprovdu servizzi lill-pubbliku ġenerali, inkluż permezz tal-Internet, biex jipprovdu informazzjoni u servizzi f’formats aċċessibbli u li jistgħu jintużaw mill-persuni b’diżabbiltà; |
(d) |
Jinkoraġġixxu lill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, inklużi fornituri ta’ informazzjoni permezz tal-Internet, biex jagħmlu s-servizzi tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà; |
(e) |
Jagħrfu u jippromwovu l-użu tal-lingwi tas-sinjali. |
Artikolu 22
Rispett għall-privatezza
1. Ebda persuna b’diżabbiltà, irrispettivament mill-post ta’ residenza jew arranġamenti ta’ għajxien, m’għandha tiġi suġġetta għal ndħil b’mod arbitrarju jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew korrispondenza jew tipi oħra ta’ komunikazzjoni tagħha, jew għal attakki illegali fuq l-unur u reputazzjoni tagħha. Il-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali ndħil jew attakki.
2. L-Istati Partijiet għandhom jipproteġu l-privatezza tal-informazzjoni personali, dwar is-saħħa u dwar riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
Artikolu 23
Rispett għad-dar u l-familja
1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi u adegwati biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà fil-kwistjonijiet kollha relatati ma’ żwieġ, familja, paternità jew maternità u relazzjonijiet, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, sabiex jiżguraw li:
(a) |
Jingħaraf id-dritt tal-persuni kollha b’diżabbiltà li huma ta’ età taż-żwieġ biex jiżżewġu u jibnu familja fuq il-bażi tal-kunsens ħieles u sħiħ tal-persuni li jkunu ser jiżżewġu; |
(b) |
Jingħarfu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex jiddeċiedu b’mod ħieles u responsabbli dwar in-numru u tqassim tat-tfal tagħhom u biex ikollhom aċċess għal informazzjoni adatta skont l-età u għal edukazzjoni dwar ir-riproduzzjoni u l-ippjanar tal-familja, u biex jingħataw il-mezzi neċessarji biex jippermetulhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet; |
(c) |
Il-persuni b’diżabbiltà, inklużi tfal, iżommu l-fertilità tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward ta’ servizzi ta’ gwardjan, ta’ kuratur, ta’ fiduċjarju, ta’ adozzjoni ta’ tfal jew istituzzjonijiet simili, fejn dawn il-kunċetti jeżistu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali; fil-każijiet kollha l-aħjar interessi t-tfal għandhom jingħataw l-akbar importanza. L-Istati Partijiet għandhom jipprovdu assistenza adegwata lill-persuni b’diżabbiltà fit-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ trobbija tat-tfal.
3. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal b’diżabbiltà jkollhom drittijiet ugwali fir-rigward tal-ħajja fil-familja. Bil-għan li jiksbu dawn id-drittijiet, u biex jilqgħu kontra l-ħabi, l-abbandun, in-negliġenza u s-segregazzjoni ta’ tfal b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu informazzjoni bikrija u komprensiva, servizzi u appoġġ lit-tfal b’diżabbiltà u lill-familji tagħhom.
4. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal ma jinfirdux mill-ġenituri tagħhom kontra r-rieda tal-ġenituri, b’eċċezzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw mingħajr ħsara għal kontroll ġuridiku, skont il-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali separazzjoni hija meħtieġa fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla. It-tfal f’ebda każ m’għandhom jittieħdu mill-ġenituri tagħhom fuq il-bażi ta’ xi diżabbiltà tat-tifel jew tifla jew ta’ ġenitur wieħed jew it-tnejn.
5. L-Istati Partijiet għandhom, fejn il-familja qariba ma tkunx kapaċi tieħu ħsieb tifel jew tifla b’diżabbiltà, jagħmlu kull sforz biex jipprovdu ħarsien alternattiv fi ħdan il-familja iktar wiesgħa, u jekk dan ma jseħħx, fi ħdan il-komunità f’ambjent ta’ familja.
Artikolu 24
Edukazzjoni
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għall-edukazzjoni. Bl-għan li dan id-dritt jiġi attwat mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ta’ opportunitajiet indaqs, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw sistema edukattiva inklużiva fil-livelli kollha u tagħlim tul il-ħajja mmirat lejn:
(a) |
L-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal tal-bniedem u tas-sens ta’ dinjità u ta’ rispett tal-persuna lejha nfisha, u t-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-diversità tal-bniedem; |
(b) |
L-iżvilupp tal-personalità, it-talenti u l-kreattività tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll tal-ħiliet mentali u fiżiċi tagħhom, sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom; |
(c) |
L-għoti ta’ għajnuna biex tippermetti li persuni b’diżabbiltà jipparteċipaw b’mod effettiv f’soċjetà ħielsa. |
2. Fl-attwazzjoni ta’ dan id-dritt, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li:
(a) |
Il-persuni b’diżabbiltà ma jiġux esklużi mis-sistema edukattiva ġenerali fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, u li t-tfal b’diżabbiltà ma jiġux esklużi minn edukazzjoni primarja b’xejn u obbligatorja, jew minn edukazzjoni sekondarja, fuq il-bażi ta’ diżabbiltà; |
(b) |
Il-persuni b’diżabbiltà jista’ ikollhom aċċess għal edukazzjoni primarja u sekondarja li hija inklużiva, ta’ kwalità u b’xejn fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-komunitajiet fejn huma joqogħdu; |
(c) |
Tiġi pprovduta aġevolezza raġonevoli skont il-bżonnijiet tal-individwu; |
(d) |
Persuni b’diżabbiltà jirċievu l-appoġġ meħtieġ, fi ħdan is-sistema edukattiva ġenerali, biex titħaffef l-edukazzjoni effettiva tagħhom; |
(e) |
Jingħataw miżuri effettivi ta’ appoġġ individwalizzat f’ambjenti li jkabbru kemm jista’ jkun l-iżvilupp akkademiku u soċjali, b’konsistenza mal-għan ta’ inklużjoni sħiħa. |
3. L-Istati Partijiet għandhom jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja u l-iżvilupp soċjali biex titħaffef il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tagħhom fl-edukazzjoni bħala membri tal-komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati, inklużi:
(a) |
Jħaffu t-tagħlim tal-Braille, kitba alternattiva, forom, mezzi u formats imtejba u alternattivi ta’ komunikazzjoni u ta’ ħiliet ta’ orjentazzjoni u mobbiltà, u jiffaċilitaw appoġġ mill-pari u t-trasferiment ta’ tagħlim minn min għandu esperjenza; |
(b) |
Jħaffu t-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali u l-promozzjoni tal-identità lingwistika tal-komunità nieqsa mis-smigħ; |
(c) |
Jiżguraw li l-edukazzjoni ta’ persuni, u b’mod partikolari t-tfal, li huma nieqsa mid-dawl, mis-smigħ jew mit-tnejn, titwassal fl-iktar lingwi u forom u mezzi ta’ komunikazzjoni adegwati għall-individwu, u f’ambjenti li jkabbru kemm jista’ jkun l-iżvilupp akkademiku u soċjali. |
4. Sabiex jgħinu fl-attwazzjoni ta’ dan id-dritt, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jimpjegaw għalliema, inklużi għalliema b’diżabbiltà, li huma kkwalifikati fil-lingwa tas-sinjali u/jew il-Braille, u biex iħarrġu professjonisti u persunal li jaħdmu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Tali taħriġ għandu jinkorpora għarfien dwar id-diżabbiltà u l-użu ta’ forom, mezzi u formats imtejba u alternattivi ta’ komunikazzjoni adegwati, tekniċi edukattivi u materjali biex jagħtu appoġġ lill-persuni b’diżabbiltà.
5. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkunu kapaċi jkollhom aċċess għal edukazzjoni terzarja ġenerali, taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni għall-adulti u edukazzjoni tul il-ħajja mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli lill-persuni b’diżabbiltà.
Artikolu 25
Saħħa
L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għat-tgawdija tal-ogħla livell ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-aċċess ta’ persuni b’diżabbiltà għal servizzi tas-saħħa li huma adatti skont is-sessi, inkluż riabilitazzjoni relatata mas-saħħa. B’mod partikolari, l-Istati Partijiet għandhom:
(a) |
Jipprovdu lill-persuni b’diżabbiltà l-istess firxa, kwalità u livell ta’ kura u programmi tas-saħħa li huma b’xejn jew bi prezz li jista’ jintlaħaq kif ipprovduti lil persuni oħrajn, inkluż fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u programmi tas-saħħa pubblika offruti lill-popolazzjoni ġenerali; |
(b) |
Jipprovdu dawk is-servizzi tas-saħħa meħtieġa mill-persuni b’diżabbiltà speċifikament minħabba d-diżabbiltajiet tagħhom, inklużi identifikazzjoni u intervent bikrija kif meħtieġ, u servizzi maħsuba biex inaqqsu kemm jista’ jkun u jilqgħu kontra iktar diżabbiltà, inkluż fost it-tfal u persuni iktar anzjani; |
(c) |
Jipprovdu dawn is-servizzi tas-saħħa kemm jista’ ikun qrib il-komunitajiet tal-istess persuni, inkluż f’żoni rurali; |
(d) |
Jobbligaw lill-professjonisti tas-saħħa biex jipprovdu lill-persuni b’diżabbiltà kura li hija tal-istess kwalità bħall-kura ta’ persuni oħra, inkluż fuq il-bażi ta’ kunsens ħieles u infurmat billi, inter alia, iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità, l-awtonomija u l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ taħriġ u l-promulgazzjoni ta’ standards etiċi għall-kura tas-saħħa pubblika u privata; |
(e) |
Jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà fil-provvediment ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, u assigurazzjoni tal-ħajja fejn tali assigurazzjoni hija permessa mil-liġi nazzjonali, li għandha tingħata b’mod ġust u raġonevoli; |
(f) |
Jipprojbixxu ċ-ċaħda diskriminatorja ta’ kura tas-saħħa jew servizzi tas-saħħa jew ikel u fluwidi fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. |
Artikolu 26
Abilitazzjoni u riabilitazzjoni
1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi u adegwati, inkluż permezz ta’ appoġġ mill-pari, biex jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jiksbu u jżommu indipendenza massima, abbiltà fiżika, mentali, soċjali u vokazzjonali sħiħa, u inklużjoni u parteċipazzjoni sħaħ fl-aspetti kollha tal-ħajja. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jorganizzaw, isaħħu u jestendu servizzi u programmi komprensivi ta’ abilitazzjoni u riabilitazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-impjieg, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali, b’tali mod li dawn is-servizzi u programmi:
(a) |
Jibdew fl-iktar stadju bikri possibbli, u jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni multidixxiplinarja ta’ bżonnijiet u saħħiet individwali; |
(b) |
Jagħtu appoġġ għall-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fil-komunità u l-aspetti kollha tas-soċjetà, ikunu voluntarji, u jkunu disponibbli għall-persuni b’diżabbiltà kemm jista’ ikun qrib il-komunitajiet tagħhom stess, inklużi f’żoni rurali. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ taħriġ tal-bidu u ta’ tkomplija għal professjonisti u persunal li jaħdmu f’servizzi ta’ abilitazzjoni u riabilitazzjoni.
3. L-Istati Partijiet għandhom jippromwovu d-disponibbiltà, l-għarfien u l-użu ta’ tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, maħsuba għall-persuni b’diżabbiltà, kif dawn jirrelataw mal-abilitazzjoni u r-riabilitazzjoni.
Artikolu 27
Xogħol u impjieg
1. L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:
(a) |
Jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw kull forma ta’ impjieg, inklużi kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ingaġġ, u impjieg, it-tkomplija ta’ impjieg, l-avvanz fil-karriera u kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa; |
(b) |
Jipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet indaqs u ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur, kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa, inklużi protezzjoni minn fastidju, u l-għoti ta’ rimedji għal ilmenti; |
(c) |
Jiżguraw li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tax-xogħol u trejdjunjonistiċi fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; |
(d) |
Jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess effettiv għal programmi ġenerali ta’ gwida teknika u vokazzjonali, servizzi ta’ sejbien ta’ impjieg u taħriġ vokazzjonali u kontinwu; |
(e) |
Jippromwovu opportunitajiet ta’ impjieg u avvanz fil-karriera għal persuni b’diżabbiltà fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għajnuna għat-tfittxija, kisba, żamma u ritorn lura fl-impjieg; |
(f) |
Jippromwovu opportunitajiet għal impjieg indipendenti, xogħol intraprenditorjali, l-iżvilupp ta’ koperattivi u biex wieħed jiftaħ in-negozju tiegħu stess; |
(g) |
Iħaddmu persuni b’diżabbiltà fis-settur pubbliku; |
(h) |
Jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat permezz ta’ linji ta’ politika u miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu programmi ta’ azzjoni affermattiva, inċentivi u miżuri oħra; |
(i) |
Jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli lill-persuni b’diżabbiltà fil-post tax-xogħol; |
(j) |
Jippromwovu l-kisba mill-persuni b’diżabbiltà ta’ esperjenza tax-xogħol fis-suq miftuħ tax-xogħol; |
(k) |
Jippromwovu riabilitazzjoni vokazzjonali u professjonali, żamma tal-impjieg u programmi għar-ritorn lura għax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà ma jinżammux fi skjavitù jew servitù, u jkunu protetti, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, minn xogħol imġiegħel jew obbligatorju.
Artikolu 28
Livell ta’ għajxien u protezzjoni soċjali adegwati
1. L-Istati Partijiet jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għal livell ta’ għajxien adegwat għalihom u għall-familji tagħhom, inkluż ikel, ilbies u akkomodazzjoni adegwati, u għat-titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet tal-għajxien, u għandhom jieħdu passi adegwati biex iħarsu u jippromwovu l-kisba ta’ dan id-dritt mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà.
2. L-Istati Partijiet jagħrfu id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għal protezzjoni soċjali u għat-tgawdija ta’ dak id-dritt mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, u għandhom jieħdu passi adegwati biex iħarsu u jippromwovu l-kisba ta’ dan id-dritt, inklużi miżuri:
(a) |
Biex jiżguraw aċċess ugwali mill-persuni b’diżabbiltà għal servizzi ta’ ilma nadif, u biex jiżguraw aċċess għal servizzi, tagħmir u assistenza oħra għal bżonnijiet relatati ma’ diżabbiltà li huma adegwati u bi prezz li jista’ jintlaħaq; |
(b) |
Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari nisa u tfajliet b’diżabbiltà u persuni iktar anzjani b’diżabbiltà, għal programmi ta’ protezzjoni soċjali u programmi ta’ tnaqqis tal-faqar; |
(c) |
Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom li jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ faqar għal għajnuna mill-Istat għal spejjeż relatati ma’ diżabbiltà, inkluż taħriġ, konsulenza, assistenza finanzjarja u kura temporanja adegwati; |
(d) |
Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għal programmi pubbliċi ta’ akkomodazzjoni; |
(e) |
Biex jiżguraw aċċess ugwali mill-persuni b’diżabbiltà għal benefiċċji u programmi ta’ rtirar. |
Artikolu 29
Parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika
L-Istati Partijiet għandhom jiggarantixxu drittijiet politiċi lill-persuni b’diżabbiltà u l-opportunità li jgawduhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, u għandhom jintrabtu:
(a) |
Li jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti magħżula liberament, inkluż id-dritt u l-opportunità għall-persuni b’diżabbiltà biex jivvutaw u jiġu eletti, inter alia, billi:
|
(b) |
Li jippromwovu b’mod attiv ambjent li fih il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv u sħiħ fl-amministrazzjoni tal-affarijiet pubbliċi, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom f’affarijiet pubbliċi, inkluż:
|
Artikolu 30
Parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, rikreazzjoni, ħin liberu u sport
1. L-Istati Partijiet jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jieħdu sehem fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-ħajja kulturali, u għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà:
(a) |
Igawdu aċċess għal materjali kulturali f’formats aċċessibbli; |
(b) |
Igawdu aċċess għal programmi televiżivi, films, teatru u attivitajiet kulturtali oħra, f’formats aċċessibbli; |
(c) |
Igawdu aċċess għal postijiet ta’ wirjiet jew servizzi kulturali, bħal teatri, mużewijiet, ċinema, libreriji u servizzi turistiċi, u, sa fejn possibbli, igawdu aċċess għal monumenti u siti ta’ importanza kulturali nazzjonali. |
2. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw u jużaw il-potenzjal kreattiv, artistiku u intellettwali tagħhom, mhux biss għall-benifiċċju tagħhom stess, imma wkoll sabiex tiġi mogħnija s-soċjetà.
3. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha, skont id-dritt internazzjonali, biex jiżguraw li liġijiet li jipproteġu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu mingħajr raġuni jew diskriminatorju għall-aċċess ta’ materjali kulturali mill-persuni b’diżabbiltà.
4. Il-persuni b’diżabbiltà għandom ikunu intitolati, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal għarfien u appoġġ tal-identità kulturali u lingwistika speċifika tagħhom, inklużi lingwi tas-sinjali u kultura ta’ dawk nieqsa mis-smigħ.
5. Bil-għan li jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jipparteċipaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni, ta’ ħin liberu u sportivi, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati:
(a) |
Biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-parteċipazzjoni, sal-iktar punt possibbli, tal-persuni b’diżabbiltà fil-livelli kollha ta’ attivitajiet sportivi ġenerali; |
(b) |
Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom opportunità biex jorganizzaw, jiżviluppaw u jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u ta’ rikreazzjoni li huma speċifiċi għal xi diżabbiltà u, għal dan il-għan, jinkoraġġixxu l-provvediment ta’ tagħlim, taħriġ u riżorsi, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; |
(c) |
Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal postijiet sportivi, ta’ rikreazzjoni u ta’ turiżmu; |
(d) |
Biex jiżguraw li tfal b’diżabbiltà jkollhom aċċess ugwali bħal tfal oħrajn għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ logħob, rikreazzjoni, ħin liberu u sport, inkluż dawk l-attivitajiet fis-sistema tal-iskola; |
(e) |
Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal servizzi pprovduti minn persuni involuti fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, turizmu, ħin liberu u sport. |
Artikolu 31
Ġbir ta’ data u statistika
1. L-Istati Partijiet jintrabtu li jiġbru informazzjoni adegwata, inkluża data statistika u ta’ riċerka, biex jgħinuhom jifformulaw u jimplimentaw linji ta’ politika biex iwettqu fil-prattika din il-Konvenzjoni. Il-proċess ta’ ġbir u żamma ta’ din l-informazzjoni għandu:
(a) |
Jikkonforma ma’ salvagwardji stabbiliti b’mod legali, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, biex jiżguraw il-kunfidenzjalità u r-rispett għall-privatezza tal-persuni b’diżabbiltà; |
(b) |
Jikkonforma ma’ normi li huma aċċettati internazzjonalment u li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali u prinċipji etiċi fil-ġbir u l-użu ta’ statistika. |
2. L-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu għandha tiġi diżaggregata, kif xieraq, u użata biex tgħin fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Istati Partijiet taħt din il-Konvenzjoni u biex tidentifika u tindirizza l-ostakli li l-persuni b’diżabbiltà jiffaċċjaw fit-tħaddim tad-drittijiet tagħhom.
3. L-Istati Partijiet għandhom jassumu responsabbiltà għat-tixrid ta’ dawn l-istatistiċi u jiżguraw l-aċċessibbiltà tagħhom għall-persuni b’diżabbiltà u oħrajn.
Artikolu 32
Koperazzjoni internazzjonali
1. L-Istati Partijiet jagħrfu l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali u l-promozzjoni tagħha, b’appoġġ għal sforzi nazzjonali għal-kisba tal-iskop u l-objettivi ta’ din il-Konvenzjoni, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi f’dan ir-rigward, bejn u fost l-Istati u, jekk ikun xieraq, bi sħubija mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali relevanti u mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Tali miżuri jistgħu jinkludu, inter alia, li:
(a) |
Jiġi żgurat li l-koperazzjoni internazzjonali, inklużi programmi internazzjonali ta’ żvilupp, tkun inklużiva u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà; |
(b) |
Jiġi ffaċilitat u appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, inkluż permezz ta’ skambju u qsim ta’ informazzjoni, esperjenzi, programmi ta’ taħriġ u l-użu tal-aħjar prattiċi; |
(c) |
Jitħaffu l-koperazzjoni fir-riċerka u l-aċċess għal tagħrif xjentifiku u tekniku; |
(d) |
Tiġi pprovduta, kif xieraq, assistenza teknika u ekonomika, inkluż billi jitħaffu l-aċċess u l-qsim ta’ teknoloġiji aċċessibbli u ta’ għajnuna, u permezz ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji. |
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr ħsara għall-obbligi ta’ kull Stat Parti biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt din il-Konvenzjoni.
Artikolu 33
Implimentazzjoni u sorveljanza nazzjonali
1. L-Istati Partijiet għandhom, skont is-sistema ta’ organizzazzjoni tagħhom, jinnominaw punt fokali wieħed jew iktar fi ħdan il-gvern għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, u għandhom iqisu kif xieraq it-twaqqif jew ħatra ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-gvern biex jiffaċilita l-ħidma relatata f’setturi differenti u f’livelli differenti.
2. L-Istati Partijiet għandhom, skont is-sistemi legali u amministrattivi tagħhom, iżommu, isaħħu, jispeċifikaw jew jistabbilixxu fi ħdan l-Istat Parti, qafas, inkluż mekkaniżmu indipendenti wieħed jew iktar, skont kif ikun xieraq, biex jippromwovi, jipproteġi u jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Meta jispeċifikaw jew jistabbilixxu tali mekkaniżmu, l-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji relatati mal-istatus u l-ħidma tal-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
3. Is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari il-persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess ta’ sorveljanza.
Artikolu 34
Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà
1. Għandu jitwaqqaf Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), li għandu jwettaq il-funzjonijiet msemmija hawn taħt.
2. Il-Kumitat għandu jikkonsisti, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, fi tnax-il espert. Wara sittin ratifika jew adeżjoni oħra għall-Konvenzjoni, in-numru ta’ membri fil-Kumitat għandu jiżdied b’sitt membri, u jilħaq massimu ta’ tmintax-il membru.
3. Il-membri tal-Kumitat għandhom iservu fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom ikunu ta’ kalibru morali għoli u ta’ kompetenza u esperjenza magħrufa fil-qasam kopert minn din il- Konvenzjoni. Meta jinnominaw il-kandidati tagħhom, l-Istati Partijiet huma mistiedna jagħtu l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lid-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3, ta’ din il-Konvenzjoni.
4. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti mill-Istati Partijiet, filwaqt li tiġi kkunsidrata distribuzzjoni ġeografika ġusta, rappreżentazzjoni tal-forom differenti taċ-ċiviltà u tas-sistemi legali prinċipali, rappreżentazzjoni tas-sessi bilanċjata u parteċipazzjoni ta’ esperti b’diżabbiltà.
5. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti permezz ta’ vot sigriet minn lista ta’ persuni nnominati mill-Istati Partijiet minn fost iċ-ċittadini tagħhom fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Istati Partijiet. F’dawk il-laqgħat, li għalihom żewġ terzi tal-Istati Partijiet għandhom jikkostitwixxu kworum, il-persuni eletti fil-Kumitat għandhom ikunu dawk li jiksbu l-ogħla numru ta’ voti u maġġoranza assoluta tal-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Partijiet li jkunu preżenti u jivvutaw.
6. L-elezzjoni tal-bidu għandha ssir mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni. Minn tal-inqas erba’ xhur qabel id-data ta’ kull elezzjoni, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jindirizza ittra lill-Istati Partijiet fejn jistedinhom jibagħtu n-nominazzjonijiet fi żmien xahrejn. Sussegwentament, is-Segretarju-Ġenerali għandu jħejji lista f’ordni alfabetika tal-persuni kollha hekk nominati, u jindika l-Istati Partijiet li jkunu nnominawhom, u għandu jibgħatha lill-Istati Partijiet għal din il-Konvenzjoni.
7. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti għal terminu ta’ erba’ snin. Huma għandhom ikunu eleġibbli biex jiġu eletti mill-ġdid darba waħda biss. Madankollu, it-terminu ta’ sitta mill-membri eletti fl-ewwel elezzjoni għandu jiskadi fi żmien sentejn; immedjatament wara l-ewwel elezzjoni, l-ismijiet ta’ dawn is-sitt membri għandhom jintgħażlu bix-xorti mill-president tal-laqgħa imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
8. L-elezzjoni ta’ sitt membri addizzjonali tal-Kumitat għandha ssir fl-okkażjoni ta’ elezzjonijiet regolari, skont id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan l-Artikolu.
9. Jekk xi membru tal-Kumitat imut jew jirreżenja jew jiddikjara li għal kwalunkwe raġuni oħra huwa ma jistax ikompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-Istat Parti li jkun innomina lill-membru għandu jaħtar espert ieħor li jkollu l-kwalifiki u jissodisfa ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan l-Artikolu, biex iservi għall-bqija tat-terminu.
10. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
11. Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jipprovdi l-persunal u l-faċilitajiet neċessarji għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tal-Kumitat taħt din il-Konvenzjoni, u għandu jsejjaħ l-ewwel laqgħa tiegħu.
12. Bl-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-membri tal-Kumitat imwaqqaf taħt din il-Konvenzjoni għandhom jirċievu ħlas minn riżorsi tan-Nazzjonijiet Uniti b’tali termini u kondizzjonijiet kif tiddeċiedi l-Assemblea, wara li tkun ikkunsidrat l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-Kumitat.
13. Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu intitolati għall-faċilitajiet, privileġġi u immunitajiet ta’ esperti fuq missjoni għan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fl-Artikoli relevanti tal-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 35
Rapporti minn Stati Partijiet
1. Kull Stat Parti għandu jibgħat lill-Kumitat, permezz tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, rapport komprensiv dwar il-miżuri meħuda biex idaħħal fil-prattika l-obbligi tiegħu taħt din il-Konvenzjoni u dwar il-progress milħuq f’dan ir-rigward, fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għall-Istat Parti kkonċernat.
2. Minn hemm ‘il quddiem, l-Istati Partijiet għandhom jibagħtu rapporti sussegwenti mill-inqas kull erba’ snin u barra dan kull meta l-Kumitat jitlob dan.
3. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe linji gwida applikabbli għall-kontenut tar-rapporti.
4. Stat Parti li jkun bagħat rapport inizjali komprensiv lill-Kumitat mhuwiex meħtieġ, fir-rapporti sussegwenti tiegħu, jirrepeti informazzjoni li tkun ingħatat qabel. Fit-tħejjija tar-rapporti lill-Kumitat, l-Istati Partijiet huma mistiedna jikkunsidraw jagħmlu dan fi proċess miftuħ u trasparenti u jqisu kif xieraq id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3, ta’ din il-Konvenzjoni.
5. Ir-rapporti jistgħu jindikaw fatturi u diffikultajiet li jaffettwaw il-punt sa fejn jitwettqu l-obbligi taħt din il-Konvenzjoni.
Artikolu 36
Kunsiderazzjoni tar-rapporti
1. Kull rapport għandu jitqies mill-Kumitat, li għandu jagħmel tali suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali dwar ir-rapport skont kif jidhru li huwa xieraq u għandu jibgħat dawn lill-Istat Parti kkonċernat. L-Istat Parti jista’ jirrispondi bi kwalunkwe informazzjoni li jagħżel li jibgħat lill-Kumitat. Il-Kumitat jista’ jitlob mill-Istati Partijiet informazzjoni ulterjuri relevanti għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Jekk xi Stat Parti ikun qabeż b’mod sinifikanti ż-żmien għas-sottomissjoni ta’ xi rapport, il-Kumitat jista’ jinnotifika lill-Istat Parti kkonċernat dwar il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni f’dak l-Istat Parti, fuq il-bażi ta’ informazzjoni affidabbli li tkun disponibbli għall-Kumitat, jekk ir-rapport relevanti ma jintbagħatx fi żmien tliet xhur wara n-notifika. Il-Kumitat għandu jistieden lill-Istat Parti biex jipparteċipa f’dak l-eżami. F’każ li l-Istat Parti jirrispondi billi jibgħat ir-rapport relevanti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jagħmel dawn ir-rapporti disponibbli lill-Istati Partijiet kollha.
4. L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu r-rapporti tagħhom disponibbli b’mod wiesa’ lill-pubbliku fil-pajjiżi tagħhom stess u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali li huma relatati ma’ dawn ir-rapporti.
5. Il-Kumitat għandu jibgħat, skont kif jidhirlu li huwa xieraq, lill-aġenziji speċjalizzati, fondi u programmi tan-Nazzjonijiet Uniti, u korpi kompetenti oħra, rapporti mill-Istati Partijiet sabiex jindirizza xi talba jew indikazzjoni ta’ xi bżonn għal pariri tekniċi jew assistenza li jkunu jinsabu fihom, flimkien mal-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat, jekk ikun hemm minnhom, dwar dawn it-talbiet u indikazzjonijiet.
Artikolu 37
Koperazzjoni bejn l-Istati Partijiet u l-Kumitat
1. Kull Stat Parti għandu jikkopera mal-Kumitat u jassisti lill-membri tiegħu fit-twettiq tal-mandat tagħhom.
2. Fir-relazzjoni tiegħu mal-Istati Partijiet, il-Kumitat għandu jagħti l-kunsiderazzjoni mistħoqqa għal modi u mezzi ta’ titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali.
Artikolu 38
Relazzjoni tal-Kumitat ma’ korpi oħra
Sabiex titrawwem implimentazzjoni effettiva ta’ din il-Konvenzjoni u sabiex titħeġġeġ koperazzjoni internazzjonali fil-qasam kopert minn din il-Konvenzjoni:
(a) |
L-aġenziji speċjalizzati u korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom ikunu intitolati biex ikunu rappreżentati matul il-kunsiderazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-mandat tagħhom. Il-Kumitat jista’ jistieden lill-aġenziji speċjalizzati u korpi oħra kompetenti skont kif jidhirlu li huwa xieraq biex jagħtu pariri ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom. Il-Kumitat jista’ jistieden aġenziji speċjalizzati u korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti biex jibagħtu rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-attivitajiet tagħhom; |
(b) |
Il-Kumitat, fil-qadi tal-mandat tiegħu, għandu jikkonsulta, skont kif ikun xieraq, korpi oħra relevanti imwaqqfa minn trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-linji gwida ta’ rappurtaġġ, tas-suġġerimenti u tar-rakkomandazzjonijiet ġenerali rispettivi tagħhom, u li jiġu evitati xogħol doppju u ndħil fuq xulxin fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. |
Artikolu 39
Rapport tal-Kumitat
Il-Kumitat għandu jirrapporta kull sentejn lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali dwar l-attivitajiet tiegħu, u jista’ jagħmel suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni tar-rapporti u l-informazzjoni riċevuti mill-Istati Partijiet. Tali suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-Kumitat flimkien ma’ kummenti, jekk ikun hemm, mill-Istati Partijiet.
Artikolu 40
Konferenza tal-Istati Partijiet
1. L-Istati Partijiet għandhom jiltaqgħu regolarment f’Konferenza tal-Istati Partijiet sabiex jikkunsidraw kwalunkwe kwistjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.
2. Sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha tissejjaħ mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-laqgħat sussegwenti għandhom jissejħu mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kull sentejn jew fuq deċiżjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet.
Artikolu 41
Depożitarju
Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 42
Iffirmar
Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha u minn organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York mit-30 ta’ Marzu 2007.
Artikolu 43
Kunsens għar-rabta
Din il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għar-ratifika minn Stati firmatarji u għall-konferma formali mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali firmatarji. Għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali li ma jkunux iffirmaw il-Konvenzjoni.
Artikolu 44
Organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali
1. “Organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali” għandha tfisser organizzazzjoni li tikkonsisti fi Stati sovrani ta’ reġjun partikolari, li tkun ingħatat kompetenza mill-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijet irregolati minn din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjonijiet għandhom jiddikjaraw, fl-istrumenti ta’ konferma formali jew adeżjoni tagħhom, il-firxa tal-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ kwistjonijet irregolati minn din il-Konvenzjoni. Sussegwentament, huma għandhom jgħarrfu lid-depożitarju dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa tal-kompetenza tagħhom.
2. Ir-referenzi għal “Stati Partijiet” f’din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal tali organizzazzjonijiet fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tagħhom.
3. Ghall-finijiet tal-Artikolu 45, paragrafu 1, u l-Artikolu 47, paragrafi 2 u 3, ta’ din il-Konvenzjoni, kwalunkwe strument iddepożitat minn xi organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali m’għandux jingħadd.
4. Organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, fi kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħhom, jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-vot fil-Konferenza tal-Istati Partijiet, b’numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ Stati Membri li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni m’għandhiex teżerċita id-dritt tal-vot tagħha jekk kwalunkwe Stat Membru tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu, u viċeversa.
Artikolu 45
Dħul fis-seħħ
1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara l-iddepożitar tal-għoxrin strument ta’ ratifika jew adeżjoni.
2. Għal kull Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali, li jikkonferma jew jissieħeb formalment ma’ din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tal-għoxrin tali strument, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-depożitu tal-istrument tiegħu.
Artikolu 46
Riżervi
1. Riżervi li mhumiex kompatibbli mal-għan u l-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni m’għandhomx ikunu permessi.
2. Ir-riżervi jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe żmien.
Artikolu 47
Emendi
1. Kwalunkwe Stat Parti jista’ jipproponi xi emenda għal din il-Konvenzjoni u jibgħatha lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jikkomunika kwalunkwe emenda proposta lill-Istati Partijiet, b’talba li jiġi nnotifikat dwar jekk humiex favur ta’ konferenza tal-Istati Partijiet bl-iskop li jikkunsidraw u jiddeċiedu dwar il-proposti. F’każ li, fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ tali komunikazzjoni, mill-inqas terz tal-Istati Partijiet ikunu favur tali konferenza, is-Segretarju-Ġenerali għandu jsejjaħ il-konferenza taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti. Kwalunkwe emenda adottata minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Partijiet preżenti u li jivvutaw għandhom jintbagħtu lis-Segretarju-Ġenerali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-approvazzjoni u minn hemm ‘il quddiem lill-Istati Partijiet kollha għall-approvazzjoni tagħhom.
2. Emenda li tkun adottata u approvata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li n-numru ta’ strumenti ta’ approvazzjoni ddepożitati jilħaq iż-żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Minn hemm ‘il quddiem, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Stat Parti fit-tletin jum wara l-iddepożitar tal-istrument ta’ approvazzjoni tiegħu. Emenda għandha torbot biss lil dawk l-Istati Partijiet li jkunu aċċettawha.
3. Jekk ikun deċiż hekk mill-Konferenza tal-Istati Partijiet permezz ta’ konsensus, emenda adottata u approvata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li tikkonċerna eskussivament l-artikoli 34, 38, 39 u 40 għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li n-numru ta’ strumenti ta’ approvazzjoni ddepożitati jilħaq iż-żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda.
Artikolu 48
Denunzja
Stat Parti jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni b’notifika bil-miktub lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Din id-denunzja għandha ssir effettiva sena wara d-data tar-riċeviment tan-notifika mis-Segretarju-Ġenerali.
Artikolu 49
Format aċċessibbli
It-test ta’ din il-Konvenzjoni għandu jkun disponibbli f’formats aċċessibbli.
Artikolu 50
Testi awtentiċi
It-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol għandhom ikunu ugwalment awtentiċi.
B’XHIEDA TA’ DAN il-plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati, li huma debitament awtorizzati għal dan il-għan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.
ANNESS II
DIKJARAZZJONI DWAR IL-KOMPETENZA TAL-KOMUNITÀ EWROPEA FIR-RIGWARD TAL-MATERJI REGOLATI MILL-KONVENZJONI TAN-NAZZJONIJIET UNITI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ
(Dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni)
L-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni”) jipprevedi li organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali, fl-istrument tagħha ta’ konferma formali jew adeżjoni, għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenzi tagħha fir-rigward ta’ materji regolati mill-Konvenzjoni.
Il-membri attwali tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika tal-Italja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.
Il-Komunità Ewropea tinnota li għall-finijiet tal-Konvenzjoni, it-terminu “Stati Partijiet” japplika għal organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fil-limiti tal-kompetenza tagħhom.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Persuni b’Diżabbiltà għandha tapplika, fir-rigward tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea, għat-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 299 tiegħu.
Skont l-Artikolu 299, din id-Dikjarazzjoni mhix applikabbli għat-territorji tal-Istati Membri fejn it-Trattat imsemmi ma japplikax u hija mingħajr preġudizzju għal tali att jew pożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati skont il-Konvenzjoni mill-Istati Membri kkonċernati f’isem u fl-interess ta’ dawk it-territorji.
F’konformità mal-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni, din id-Dikjarazzjoni tindika l-kompetenzi ttrasferiti mill-Istati Membri lill-Komunità skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni.
Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità huma, fin-natura tagħhom, suġġetti għal żvilupp kontinwu u l-Komunità ser tikkonkludi jew temenda din id-dikjarazzjoni, jekk meħtieġ, skont l-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni.
F’xi materji, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva u f’materji oħrajn, il-kompetenza hija kondiviża bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti għall-materji kollha li għalihom ma ġiet ittrasferita ebda kompetenza lill-Komunità Ewropea.
Fil-present:
1. |
Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u t-tariffa doganali komuni. Safejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja huma affettwati mid-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva li taċċetta tali obbligi fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika proprja. F’dan ir-rigward, il-Komunità tiddikjara li għandha s-setgħa li tirregola r-reklutaġġ, il-kondizzjonijiet tas-servizz, ir-remunerazzjoni, it-taħriġ eċċ. ta’ uffiċjali mhux eletti skont ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli implimentattivi għal dawk ir-Regolamenti (1). |
2. |
Il-Komunità tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri fir-rigward tal-azzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabbiltà, il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, l-agrikoltura, it-trasport bil-ferrovija, bit-triq, bil-baħar u trasport bl-ajru, it-tassazzjoni, is-suq intern, paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa, il-politika dwar in-Netwerk Trans-Ewropew u l-istatistika. Il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva biex tidħol f’din il-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dawk il-materji unikament safejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jew l-istrumenti legali adottati fl-implimentazzjoni tagħhom jaffettwaw ir-regoli komuni stabbiliti qabel mill-Komunità Ewropea. Meta r-regoli Komunitarji jeżistu iżda ma jkunux affettwati, b’mod partikolari f’każijiet ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jistabbilixxu biss standards minimi, l-Istati Membri għandhom kompetenza, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità Ewropea li taġixxi f’dan il-qasam. Mill-bqija, il-kompetenza hi tal-Istati Membri. Lista ta’ atti rilevanti adottati mill-Komunità Ewropea tidher fl-Appendiċi mehmuż. Il-firxa tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tkun ivvalutata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ kull miżura, u b’mod partikolari, il-punt safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni. |
3. |
Il-linji politiċi tal-KE li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-Konvenzjoni NU: L-Istati Membri u l-Komunità għandhom jaħdmu sabiex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tal-edukazzjoni billi tħeġġeġ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom. Il-Komunità għandha timplementa politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri. Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha, il-Komunità għandha tiżviluppa u ssegwi l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha. Il-Komunità twettaq politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp u koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri. |
Appendici
ATTI KOMUNITARJI LI JIRRIFERU GĦAL MATERJI REGOLATI MILL-KONVENZJONI
L-atti Komunitarji elenkati hawn taħt juru l-firxa tal-qasam ta’ kompetenza tal-Komunità f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B’mod partikolari, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ xi materji u f’xi materji oħrajn, il-kompetenza hija kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Il-firxa tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tkun ivvalutata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ kull miżura, u b’mod partikolari, il-punt safejn ndawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni li huma affettwati mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.
— |
rigward l-aċċessibbiltà Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10) Id-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2001 li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi użati għat-trasport ta’ passiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b’żieda mas-sedil tas-sewwieq, u li temenda d-Direttivi 70/156/KEE u 97/27/KE (ĠU L 42, 13.2.2002, p. 1) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6) kif emendata mid-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114) Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1) – kif emendata mid-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114) Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1) Id-Direttiva 2003/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/16/KE dwar ir-regoli u n-normi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 18). Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/164/KE tal-21 ta’ Diċembru 2007 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà (STI) rigward il-“persuni b’mobbiltà mnaqqsa” fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 64, 7.3.2008, p. 72) Id-Direttiva 95/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-lifts (ĠU L 213, 7.9.1995, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2006/42/KE 2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadra) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33) Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14) kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji. (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21) u kif emendata mid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 076, 23.03.1992 p. 14) kif emendata mid-Direttiva Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 31) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33) kif emendata mid-Direttiva Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 31). |
— |
fil-qasam tal-għajxien indipendenti u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjiegi Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2289/83 tad-29 ta’ Lulju 1983 li jniżżel dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 70 sa 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 li jistabilixxi sistema Komunitarja ta’ arranġamenti mingħajr dazju (ĠU L 220, 11.8.1983, p. 15) Id-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 105, 23.4.1983, p. 38) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006 p. 23) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 116, 9.5.2009, p. 18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51) |
— |
fil-qasam tal-mobbiltà personali Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 1) Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiggieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006 p. 1) Ir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3922/91 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 377, 27.12.2006, p. 1) Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14) Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 8/2008 tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 dwar il-ħtiġijiet tekniċi komuni u l-proċeduri amministrattivi li japplikaw għat-trasport kummerċjali bl-ajruplan (ĠU L 10, 12.1.2008, p. 1) |
— |
fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67), kif emendata mid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34) Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001 p. 10) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22) |
— |
rigward il-ġbir ta’ data u statistika Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati Ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 li jirrigwarda l-istatistika Komunitarja dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien (UE-SILC) (ĠU L 165, 3.7.2003, p. 1) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati Ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar is-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) (ĠU L 113, 30.4.2007, p. 3) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70) |
— |
fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41) Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1) |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).
ANNESS III
RIŻERVA MILL-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ARTIKOLU 27(1) TAL-KONVENZJONI NU DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ
Il-Komunità Ewropea tiddikjara li skont il-liġi Komunitarja (notevolment id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol), l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun adatt, idaħħlu r-riżervi tagħhom stess għall-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Diżabbiltajiet safejn l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva msemmija tal-Kunsill jagħtihom id-dritt li jeskludu n-nondiskriminazzjoni minħabba diżabbiltà fir-rigward tal-impjieg fil-forzi armati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, il-Komunità tiddikjara li hi tikkonkludi l-Konvenzjoni mingħajr preġudizzju għad-dritt imsemmi hawn fuq, mogħti lill-Istati Membri bis-saħħa tal-liġi Komunitarja.