Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0069

    Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal- 25 ta' Ġunju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni

    ĠU L 175, 4.7.2009, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/69/oj

    4.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 175/12


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/69/KE

    tal-25 ta' Ġunju 2009

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-28 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi Strateġija Kontra l-Frodi Fiskali implimentata fil-livell Komunitarju, speċjalment għall-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, sabiex tikkomplimenta l-isforzi nazzjonali.

    (2)

    Ċerti miżuri li ġew diskussi f’dak il-kuntest jeħtieġu emenda tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 (3).

    (3)

    L-importazzjoni tal-merkanzija hija eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jekk din tiġi segwita mill-provvista jew mit-trasferiment ta’ dik il-merkanzija lil persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor. Il-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik l-eżenzjoni huma stabbiliti mill-Istati Membri. Madankollu, l-esperjenza turi li d-diverġenzi fl-applikazzjoni huma sfruttati min-negozjanti biex jevitaw li jħallsu l-VAT fuq merkanzija importata skont dawk iċ-ċirkostanzi.

    (4)

    Sabiex tiġi evitata dik l-esplojtazzjoni huwa meħtieġ li jiġi speċifikat, għal transazzjonijiet partikolari, f’livell Komunitarju sett ta’ kondizzjonijiet minimi li taħthom tapplika din l-eżenzjoni.

    (5)

    Ladarba, minħabba dawk ir-raġunijiet, l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi indirizzata l-problema tal-evażjoni tal-VAT, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri nfushom u jista’, għalhekk, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (6)

    Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru sa fejn hu possibbli l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

    (7)

    Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 22 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 22

    L-applikazzjoni mill-forzi armati ta’ Stat li hu parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, għall-użu tagħhom jew għall-użu tal-istaff ċivili li jakkumpanjahom, ta’ merkanzija li ma jkunux xtraw soġġett għar-regoli ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta’ Stat Membru, għandha tiġi ttrattata bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija bi ħlas, fejn l-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija ma tkunx eliġibbli għall-eżenzjoni prevista fil-punt (h) tal-Artikolu 143(1).”;

    (2)

    fl-Artikolu 140, il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li l-importazzjoni taghħa f’kull ċirkostanza tkun eżenti taħt il-punti (a), (b) u (c) u (e) sa (l) tal-Artikolu 143(1);”;

    (3)

    l-Artikolu 143 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-kliem introduttiv hu sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “2.   L-eżenzjoni prevista f’punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tapplika f’każijiet meta l-importazzjoni ta’ merkanzija tkun segwita mill-provvista ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 138(1) u (2)(c) biss jekk fil-mument tal-importazzjoni l-importatur ikun ipprovda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tar-rappreżentant tat-taxxa tiegħu, responsabbli għall-ħlas tal-VAT, maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni;

    (b)

    in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, li għalih il-merkanzija tiġi pprovduta skont l-Artikolu 138(1), maħruġ fi Stat Membru ieħor, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu stess maħruġ fl-Istat Membru fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija meta l-merkanzija tkun soġġetta għal trasferiment skont l-Artikolu 138(2)(c);

    (c)

    ix-xhieda li l-merkanzija importata hi intenzjonata li tinġarr jew tintbagħat mill-Istat Membru tal-importazzjoni lejn Stat Membru ieħor.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li x-xhieda msemmija f’punt (c) tiġi indikata lill-awtoritajiet kompetenti biss fuq talba.”.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir referenza bħal din għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. MIKO


    (1)  L-Opinjoni tal-24 ta’ April 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  L-Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


    Top