Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0598

    2007/598/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Awwissu 2007 dwar il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fost għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati fl-Istati Membri (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3987) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 230, 1.9.2007, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32020R0687

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/598/oj

    1.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 230/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta’ Awwissu 2007

    dwar il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fost għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati fl-Istati Membri

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3987)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2007/598/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti ta’ saħħa ta’ l-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 22 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 56(3), 57(2) u 63(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi dwar is-sorveljanza u s-sejba minn kmieni ta’ l-influwenza tat-tjur u l-miżuri ta’ kontroll minimu li għandhom jiġu applikati fil-każ li din il-marda tfaqqa' fost it-tjur jew l-għasafar oħra maqbudin.

    (2)

    Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula wkoll regoli għall-introduzzjoni ta’ tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur fuq tjur u għasafar oħra maqbudin, bħalma huma għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati, u tipprovdi għal regoli dettaljati għalihom li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Din id-Direttiva tipprovdi wkoll għas-sottomissjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-pjanijiet tagħhom ta’ tilqim preventiv għat-tjur jew għal għasafar oħra maqbudin.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/474/KE tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja kkawżata mill-vajrus A ta’ l-influwenza tas-sottotip H5N1 ma’ l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti u ċentri approvati fl-Istati Membri u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/744/KE (3), tistipula regoli biex tipprevjeni t-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ikkawżata mill-vajrus A ta’ l-influwenza ta’ patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati. Din tistipula wkoll regoli għat-tilqim ta’ l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati u tipprovdi għal regoli dettaljati għas-sottomissjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tal-pjanijiet tagħhom ta’ tilqim.

    (4)

    Għall-għanijiet ta’ tilqim preventiv bħal dan, għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (4) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u għall-użu veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (5).

    (5)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-zoos (6) tiddefinixxi zoos li huma koperti minn din id-Direttiva. Fl-interess tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, din id-definizzjoni għandha titqies għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Skond id-Deċiżjoni 2006/474/KE, il-Kummissjoni approvat 17-il pjan ta’ tilqim preventiv imressqa mill-Istati Membri kontra l-influwenza tat-tjur għal għasafar li jinżammu fiż-zoos. Il-pjanijiet ta’ tilqim ġew implimentati minn 14-il Stat Membru. B’mod ġenerali ma ġew osservati l-ebda reazzjonijiet avversi fi kważi 45 000 għasfur u ħafna mill-ispeċi ta’ l-għasafar ipproduċew reazzjoni immunitarja sinifikanti wara li ġew imlaqqma darbtejn bil-vaċċini użati.

    (7)

    Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba matul l-aħħar kampanja ta’ tilqim u l-opinjonijiet tal-Bord Xjentifiku dwar is-Saħħa ta’ l-Annimali u l-Benessri ta’ l-Annimali ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ta’ l-1 ta’ Frar 2007 dwar it-tilqim preventiv ta’ għasafar taż-zoos kontra l-influwenza tat-tjur tas-sottotipi H5 u H7 u tal-11 ta’ Mejju 2007 dwar it-tilqim ta’ tjur ta’ l-irziezet u għasafar maqbudin, juru li huwa xieraq li jitwessa’ l-ambitu tal-pjanijiet ta’ tilqim preventiv għal kull influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja tas-sottotipi H5 u H7, u b’hekk jitqiesu r-riskji kkawżati minn għasafar migratorji selvaġġi li ġejjin minn żoni fejn iseħħu każijiet ta’ influwenza tat-tjur f'għasafar selvaġġi jew tifqigħat fit-tjur u f’każ li sseħħ tifqigħa fit-tjur fl-istess Stat Membru, fi Stat Membru ġar jew f’pajjiż terz li tista’ toħloq periklu għas-saħħa ta’ l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati.

    (8)

    Barra minn hekk ir-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ tilqim preventiv għandhom jiġu emendati, sakemm ma jkunux ta’ periklu għall-kontroll tal-mard. Għaldaqstant, fid-Deċiżjoni attwali għandhom jitqiesu r-rekwiżiti li jħaffu l-piż amministrattiv.

    (9)

    Huwa xieraq ukoll li jitqiesu ċerti pjanijiet ta’ tilqim preventiv li ġew approvati skond id-Deċiżjoni 2006/474/KE bħala approvati għall-għanijiet tad-Deċiżjoni attwali. Għaldaqstant, dawn il-pjanijiet għandhom jitniżżlu fl-Anness III tad-Deċiżjoni attwali.

    (10)

    Sa mid-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2006/474/KE, ċerti Stati Membri ressqu pjanijiet ta’ tilqim preventiv għall-approvazzjoni skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni. Dawn l-Istati Membri ġew mgħarrfa bir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni attwali. Peress li dawn il-pjanijiet jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni attwali, għandhom jiġu approvati u mniżżla fl-Anness III tagħha.

    (11)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza huwa xieraq li d-Deċiżjoni 2006/474/KE tiġi rrevokata u sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-ambitu

    Din id-Deċiżjoni tistipula regoli dettaljati:

    (a)

    li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-vajrus ta’ l-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali jew minn tifqigħat fit-tjur jew għasafar oħra maqbudin, għal għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati;

    (b)

    għat-tilqim preventiv ta’ għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/94/KE;

    (b)

    id-definizzjoni ta’ zoos fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/22/KE;

    (c)

    id-definizzjoni ta’ korpi, istituti jew ċentri approvati fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 92/65/KEE.

    Artikolu 3

    Miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli biex inaqqsu r-riskju ta’ trażmissjoni ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati, filwaqt li jqisu l-kriterji u l-fatturi ta’ riskju stabbiliti fl-Anness I.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll f’każ ta’ tifqigħa fit-tjur fl-istess Stat Membru, fi Stat Membru ġar jew f’pajjiż terz li tista’ toħloq periklu għas-saħħa ta’ għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati.

    3.   Skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, b’mod partikolari, jiġu diretti lejn il-prevenzjoni tal-kuntatt dirett u indirett bejn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali, speċjalment tjur ta’ l-ilma, u għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati.

    Artikolu 4

    Pjanijiet ta’ tilqim preventiv

    Il-pjanijiet ta’ tilqim preventiv fir-rigward ta’ għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati, imressqa skond l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ tilqim

    1.   Il-pjanijiet ta’ tilqim preventiv imressqa skond l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE u mniżżla fil-Parti I ta’ l-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan approvati.

    2.   Il-Kummissjoni se tippubblika l-pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati, imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    Disponibbiltà u tagħrif dwar pjanijiet ta’ tilqim preventiv

    1.   L-Istati Membri għandhom, qabel ma jkun introdott it-tilqim preventiv, jiġbru l-indirizz u l-post preċiżi taż-zoos u tal-korpi, istituti jew ċentri approvati, fejn se jsir it-tilqim billi jallokaw numri ta’ approvazzjoni jew reġistrazzjoni, kif xieraq, u għandhom iżommu dan it-tagħrif aġġornat.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull sena, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu, jew fuq talba speċifika mill-Kummissjoni, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati għas-sena preċedenti filwaqt li jużaw il-mudell ta’ rappurtar kif stabbilit fl-Anness IV.

    Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

    (a)

    l-emendi mħejjija lill-pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati tagħhom;

    (b)

    id-data ta’ tmiem it-tilqim preventiv ta’ għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati.

    Artikolu 7

    Revoka

    Id-Deċiżjoni 2006/474/KE hija rrevokata.

    Artikolu 8

    Dispożizzjoni tranżitorja

    Il-pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati skond id-Deċiżjoni 2006/474/KE u mniżżla fil-Parti II ta’ l-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu li huma approvati għall-għanijiet tad-Deċiżjoni attwali.

    Artikolu 9

    Konformità ta’ l-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Awwissu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/265/KE (ĠU L 114, 1.5.2007, p. 17).

    (2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (3)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 37.

    (4)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

    (5)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).

    (6)  ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24.


    ANNESS I

    Kriterji u fatturi ta’ riskju li għandhom jitqiesu fl-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-artikolu 3 fuq zoos u korpi, istituti jew ċentri approvati

    1.

    Jekk iż-zoos u l-korpi, istituti jew ċentri approvati jinsabu fuq ir-rotot migratorji ta’ l-għasafar, b’mod partikolari jekk dawn jipproċedu minn pajjiżi fejn kien hemm tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja, filwaqt li jitqiesu l-isterjotip misjub u l-probabbiltà li ġew affettwati l-għasafar selvaġġi.

    2.

    Id-distanza taż-zoos u korpi, istituti jew ċentri approvati minn artijiet mistagħdra u żoni ta’ ilma bħal għadajjar, paludi, lagi jew xmajjar fejn jistgħu jinġabru t-tjur migratorji ta’ l-ilma.

    3.

    Jekk iż-zoos u korpi, istituti u ċentri approvati jinsabu f’żoni b’densità għolja ta’ għasafar migratorji, b’mod partikolari tjur ta’ l-ilma.


    ANNESS II

    Rekwiżiti għall-użu ta’ tilqim preventiv kif imsemmi fl-artikolu 4

    1.

    L-iskala li fuqha għandu jseħħ it-tilqim

    It-tilqim kontra l-influwenza tat-tjur għandu jsir biss f’għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati. L-awtorità kompetenti għandha żżomm listi ta’ zoos u korpi, istituti jew ċentri approvati għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data ta’ din it-tilqima.

    2.

    Speċi ta’ għasafar li għandhom jitlaqqmu

    L-awtorità kompetenti għandha tiġi nnotifikata b’lista ta’ għasafar li għandhom jitlaqqmu flimkien ma’ l-identifikazzjoni individwali u għandha żżommha għal mill-inqas ħames snin mid-data tat-tilqima.

    3.

    Dewmien tat-tilqima

    (a)

    L-għasafar li se jitlaqqmu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati għandhom jitlaqqmu malajr kemm jista’ jkun.

    (b)

    Il-frieħ, l-għasafar li jiddaħħlu għall-ewwel darba u l-għasafar li nstab li kellhom reazzjoni immunitarja insuffiċjenti għandhom jiġu mlaqqma wkoll.

    (c)

    Huwa rrakkomandat tilqim mill-ġdid kull sena biex tinżamm l-immunità ta’ l-għasafar.

    4.

    Rekwiżiti speċifiċi għal ċaqliq ta’ għasafar

    (a)

    L-għasafar imlaqqma li jinżammu f’korpi, istituti jew ċentri approvati inklużi zoos approvati skond id-Direttiva 92/65/KEE fejn isir it-tilqim jistgħu jintbagħtu f’korpi, istituti jew ċentri approvati fi Stati Membri oħra bil-kundizzjoni li huma jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u jkunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa kif stipulat fil-Parti 3 ta’ l-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE, fejn taħt il-punt II.5. għandu jiġi ċċertifikat dan li ġej:

    “L-għasafar jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2007/598/KE tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur fil- … (data) bil-vaċċin … (isem)”.

    (b)

    L-għasafar imlaqqma li jinżammu f'zoos li mhumiex approvati skond id-Direttiva 92/65/KEE fejn isir it-tilqim, jistgħu jintbagħtu fi Stati Membri oħra wara awtorizzazzjoni mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni bil-kundizzjoni li huma jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u jkunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa kif stipulat fil-Parti 1 ta’ l-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE li magħha se jiżdiedu l-kelmiet li ġejjin fl-aħħar tal-punt II.3.2.:

    “L-għasafar jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2007/598/KE u tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur fil- … (data) bil-vaċċin … (isem)”.

    (c)

    Meta t-tilqim ta’ l-għasafar li jinżammu fiż-zoos, f’korpi, istituti jew ċentri approvati ma jibqax jiġi applikat, il-kundizzjonijiet għaċ-ċaqliq stipulati fil-punti (a) u (b) għandhom jinżammu għal perjodu ta’ tnax-il xahar mid-data tat-tilqima ta’ l-aħħar għasfur.

    5.

    Identifikazzjoni speċjali u reġistrazzjoni speċjali ta’ l-għasafar imlaqqma

    L-għasafar imlaqqma għandhom ikunu identifikabbli individwalment u r-reġistri ta’ l-identità ta’ dawn l-għasafar għandhom ikunu annotati b’mod ċar kif inhu xieraq. Identifikazzjoni li ma titħassarx ta’ l-għasafar l-oħra maqbudin li tindika li dawn tlaqqmu għandha tiġi applikata fil-ħin tat-tilqima kull meta jkun possibbli.

    6.

    Eżekuzzjoni tal-kampanja ta’ tilqim

    (a)

    It-tilqim għandu jsir taħt is-sorveljanza ta’ veterinarju u għandu jkun hemm miżuri meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid possibbli tal-vajrus.

    (b)

    Reġistrazzjoni bil-miktub dwar l-għadd ta’ għasafar imlaqqma u l-għadd ta’ dożi ta’ vaċċini użati għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti wara li jsir it-tilqim u minn hemm 'il quddiem kull xahar, jekk aktar għasafar kif imsemmi fil-punt 3(b) jiġu mlaqqma.

    (c)

    Kull meta jkun possibbli kampjuni tad-demm minn 10 % ta’ l-għasafar għandhom jittieħdu qabel u għall-inqas 30 jum mid-data ta’ kull tilqima għal ittestjar seroloġiku għall-influwenza tat-tjur. Għandha tinżamm reġistrazzjoni tar-riżultati tat-test għal mill-inqas ħames snin mid-data tat-tilqim.

    7.

    Il-vaċċin li għandu jintuża

    Il-vaċċin inattiv li għandu jintuża jrid jiġi fformulat kif xieraq u jkun effettiv kontra l-vajrus ta’ l-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 jew H7 jew it-tnejn. Għandu jintuża skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur u/jew l-awtoritajiet veterinarji.


    ANNESS III

    Listi ta’ pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati għall-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati

    Parti I:

    Pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati mid-Deċiżjoni u msemmija fl-Artikolu 5(1)

    Kodiċi

    Stat Membru

    Data ta’ sottomissjoni tal-pjan

    BE

    Il-Belġju

    22 ta’ Marzu 2007

    ES

    Spanja

    27 ta’ Ġunju 2007

    FR

    Franza

    4 ta’ Jannar 2007

    SE

    L-Iżvezja

    7 ta’ Marzu 2007

    UK

    Ir-Renju Unit

    27 ta’ Ġunju 2007


    Parti II:

    Pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati skond id-Deċiżjoni 2006/474/KE u msemmija fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni attwali

    Kodiċi

    Stat Membru

    Data ta’ sottomissjoni

    CZ

    Ir-Repubblika Ċeka

    21 ta’ Marzu 2006

    DK

    Id-Danimarka

    20 ta’ Frar 2006

    DE

    Il-Ġermanja

    31 ta’ Marzu 2006

    EE

    L-Estonja

    6 ta’ Marzu 2006

    IE

    L-Irlanda

    6 ta’ Marzu 2006

    IT

    L-Italja

    6 ta’ Marzu 2006

    LV

    Il-Latvja

    28 ta’ Frar 2006

    LT

    Il-Litwanja

    6 ta’ Marzu 2006

    HU

    L-Ungerija

    1 ta’ Marzu 2006

    NL

    L-Olanda

    16 ta’ Novembru 2005

    AT

    L-Awstrija

    21 ta’ April 2006

    PT

    Il-Portugall

    29 ta’ Novembru 2005


    ANNESS IV

    Mudell ta’ rappurtar għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ tilqim preventiv approvati msemmija fl-artikolu 6(2)

    Tagħrif ġenerali

    Pajjiż

    Zoo

    Vaċċin

    Rotta

    (speċifika jekk differenti fi speċi differenti)

    Sistema użata ta’ Piż – Doża

    (Piż reali/stmat/medju ta’ l-ispeċi)

    Intervall tal-vaċċin

    Intervall mill-aħħar tilqima sal-ġbir ta’ demm wara t-tilqima

     

     

     

     

     

     

     


    Titre ta’ l-antikorp tas-serum HI

    Isem bl-Ingliż/isem lokali

    Isem bil-Latin

    Ordni Tassonomika

    Identifikazzjoni individwali

    Vaċċin

    Doża (ml)

    Qabel it-tilqima

    Wara l-ewwel tilqima

    Wara t-tieni tilqima

     

     

     

     

     

     

     

     


    Effetti Individwali avversi

    Mortalità

    Lokali

    Ġenerali

    Diretta

    (qbid/kontroll)

    Ittardjata

    (speċifika l-kawża tal-mewt)

     

     

     

     


    Tagħrif meħtieġ mil-Laboratorju

    Varjant tal-vajrus tal-vaċċin

    Antiġeni (varjanti tal-vajrus) użati fit-test HI

    Punt ta’ waqfien jew end-titre użat biex titkejjel l-effettività tal-vaċċin

    Serum ta’ referenza użat

    (referenza għal)

    Metodoloġija

     

     

     

     

     


    Top