EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0044

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/44/KE tat-30 ta' Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva 92/12/KEE f'dak illi jirrigwardja restrizzjonijiet kwantitattivi għal prodotti li huma soġġetti għal dazji tas-sisa mdaħħla fl-Iżvezja minn Stati Membri oħra

ĠU L 161, 1.7.2000, p. 82–83 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2009; Impliċitament imħassar minn 32008L0118

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/44/oj

32000L0044



Official Journal L 161 , 01/07/2000 P. 0082 - 0083


Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/44/KE

tat-30 ta' Ġunju 2000

li temenda d-Direttiva 92/12/KEE f'dak illi jirrigwardja restrizzjonijiet kwantitattivi għal prodotti li huma soġġetti għal dazji tas-sisa mdaħħla fl-Iżvezja minn Stati Membri oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Billi:

(1) L-Artikolu 26(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti [2] soġġetti għad-dazju tas-sisa u ż-żamma, moviment u kontroll ta' tali prodotti jikkonċedi lill-Isvezja d-dritt li tkompli tapplika, sat-30 ta' Ġunju 2000, l-istess restrizzjonijiet bħal dawk stipulati fl-Att ta' l-1994 ta' l-Adeżjoni ta' l-Isvezja fuq il-kwantità ta' xorb alkoħoliku u prodotti tat-tabakk, li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju Svediż mingħajr ma jitħallas iktar dazju tas-sisa minn individwi privati għall-użu tagħhom.

(2) Din id-deroga ngħatat minħabba li f'Ewropa mingħajr fruntieri fejn ir-rati tas-sisa jvarjaw ħafna, tneħħija immedjata totali ta' limitazzjonijiet tas-sisa kienet tikkawża diverżjoni inaċċettabli ta' kummerċ u distorzjoni tal-kompetizzjoni fl-Isvezja, li tradizzjonalment applikat dazji tas-sisa għoljin fuq il-prodotti nvoluti kemm bħala sors ta' dħul u għal raġunijiet soċjali u ta' saħħa.

(3) Il-Finlandja u d-Danimarka ġew awtorizzati japplikaw restrizzjonijiet simili sal-31 ta' Diċembru 2003.

(4) L-Isvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika tali restrizzjonijiet għall-istess perjodu bħall-Finlandja u d-Danimarka, minħabba li għandha bżonn aktar żmien biex tadatta l-politika dwar l-alkoħol tagħha għal sitwazzjoni mingħajr restrizzjonijiet.

(5) Fl-istess waqt, l-Isvezja timpenja ruħha li tgħolli l-limiti kurrenti kwantitattivi għal xorb alkoħoliku u prodotti tat-tabakk imdaħħla fit-territorju Svediż minn Stati Membri oħra f'diversi stadji sabiex tikkonforma gradwalment mar-regoli tal-Komunità stipulati fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE u biex tiżgura tneħħija kompleta ta' restrizzjonijiet intra-Komunitarji għal dawn il-prodotti sal-31 ta' Diċembru 2003.

(6) L-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/12/KEE tirrapreżenta deroga minn wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-suq intern, partikolarment id-dritt taċ-ċittadini tiegħu biex jittrasportaw oġġetti mixtrija għall-użu tagħhom minn ġol-Komunità mingħajr ma jeħlu spejjeż tad-dazju ġodda, għalhekk jeħtieġ illi l-effetti tiegħu jiġu limitati kemm jista' jkun.

(7) Għalhekk huwa xieraq li jiġi stipulat perjodu itwal għall-addattament fl-Isvezja billi tiġi estiża l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 92/12/KEE għal perjodu mhux rinnovabbli sal-31 ta' Diċembru 2003 u biex jiġu ffissati l-passi għal-liberalizzazzjoni gradwali tar-restrizzjonijiet qabel it-tneħħija sħiħa taghhom f'dik id-data.

(8) Wara li kkunsidra l-importanza ekonomika ta' din id-Direttiva jinħtieġ illi tiġi invokata l-bżonn ta' l-urġenza msemmija fil-punt I(3) tal-Protokoll għat-Trattat ta' Amsterdam dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/12/KEE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 26(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-Isvezja għandha tkun awtorizzata tapplika r-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness dwar il-kwantità ta' xorb alkoħoliku u prodotti tat-tabakk.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tinvolvi l-kwantità ta' xorb alkoħoliku u prodotti tat-tabakk li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju Svediż minn individwi privati għall-użu tagħhom mingħajr ħlas żejjed ta' sisa.

Għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2003."

2. L-Anness stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva għandu jiżdied.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2000. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2000.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-30 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gama

[1] Opinjoni mogħtija nhar il-15 ta' Ġunju 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 76, tat-23.3.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 96/99/KE (ĠU L 8, tal-11.1.1997, p. 12).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANESS

L-Artikolu 26(3)

Kwantità ta' xorb alkoħoliku u prodotti tat-tabakk li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju Svediż minn individwi privati għall-użu tagħhom mingħajr ħlas żejjed ta' sisa

Xorb Alkoħoliku

| Mill-1 ta' Lulju 2000 | Mill-1 ta' Jannar 2001 | Mill-1 ta' Jannar 2002 | Mill-1 ta' Jannar 2003 |

Spirti | 1 ħ | 1 ħ | 2 ħ | 5 ħ |

Prodotti intermedji | 3 ħ | 3 ħ | 3 ħ | 3 ħ |

Inbejjed (inklużi inbejjed frizzanti) | 20 ħ | 26 ħ | 26 ħ | 52 ħ |

Birra | 24 ħ | 32 ħ | 32 ħ | 64 ħ |

Prodotti tat-tabakk

| Mill-1 ta' Lulju 2000 |

Sigaretti jew | 400 |

Sigarri żgħar jew | 200 |

Sigarri jew | 100 |

Tabakk tat-tipjip | 550 g |

"

--------------------------------------------------

Top