Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995L0034

    It-18-il Direttiva tal-Kummissjoni 95/34/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 1995 li tadatta għall-progress tekniku l-Annessi II, III, VI u VII tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

    ĠU L 167, 18.7.1995, p. 19–21 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/34/oj

    31995L0034



    Official Journal L 167 , 18/07/1995 P. 0019 - 0021


    It-18-il Direttiva tal-Kummissjoni 95/34/KE

    ta’ l-10 ta’ Lulju 1995

    li tadatta għall-progress tekniku l-Annessi II, III, VI u VII tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/32/KE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija,

    Billi l-furokoumarini huma magħrufa li huma fotomutaġeniċi u fotokarċinoġeniċi; billi l-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija ma setax jikkonkludi mill-informazzjoni xjentifika, teknika u epidemoloġika disponibbli li t-taħlit tal-filtri protettivi mal-furokoumarini tiggarantixxi s-sigurtà tal-prodotti tal-protezzjoni kontra x-xemx u tal-prodotti tas-smurija li jkun fihom il-furokoumarini ’l fuq mil-livell minimu; filwaqt li, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, hemm bżonn li jiġu llimitati l-furokoumarini għal inqas minn 1 mg/kg f’dawn il-prodotti;

    Billi 4-tert-Butyl-3-methoxy-2,6-dinitrotoluene (Musk Ambrette), hu rikonoxxut li hu fotoallerġen qawwi; filwaqt li, fuq il-bażi ta’ riċerka xjentifika reċenti, l-użu ta’ din is-sustanza fi prodotti kosmetiċi joħloq riskju għas-saħħa umana; billi għalhekk hemm bżonn li l-użu tiegħu jiġi pprojbit;

    Billi l-valutazzjoni tossikoloġika tad-Diisobutyl-phenoxy-ethoxy-ethyldimethylbenyl-ammonium chloride (Benzethonium), turi li dan l-ingredjent hu tossikoloġiku sa grad sinifikanti; billi l-marġini tas-sigurtà għas-saħħa umana, meta dan l-ingredjent jintuża fi prodotti kosmetiċi, huwa inadegwat; billi għalhekk hemm bżonn li jiġi pprojbit l-użu tiegħu;

    Billi ċ-ċelluli, it-tessut jew il-prodotti ta’ oriġini umana jistgħu jittrasmettu l-marda Creutzfelt-Jakob, spongiform encephalopathy umana, u ċertu mard viroloġiku; billi għalhekk hemm bżonn, fid-dawl ta’ l-istat preżenti tat-tagħrif xjentifiku, li jiġi pprojbit l-użu tagħhom fi prodotti kosmetiċi;

    Billi studji tossikoloġiċi reċenti ta’ 3,3-Bis(4-hydroxyphenyl)phthalide (Phenolphthalein*); juru effett klastoġeniku nett in vitro; billi l-marġini tas-sigurtà huwa baxx, speċjalment fil-każ tat-tfal; billi għalhekk hemm bżonn li jiġi pprojbit l-użu tiegħu;

    Billi, fuq il-bażi ta’ l-aħħar riċerka xjentifika u teknika, 2-Cyano-3,3-diphenyl acrylic acid, jista’ jintuża 2-ethylhexyl ester bħala filter ultravjola fi prodotti kosmetiċi;

    Billi l-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattazzjoni għall-Progress Tekniku tad-Direttivi dwar it-Tneħħija ta’ l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ fis-Settur tal-Prodotti Kosmetiċi,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Id-Direttiva 76/768/KEE qiegħda b’dan tiġi emendata kif jidher fl-Anness ma’ din:

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li mill-1 ta’ Lulju 1996 għas-sustanzi li jidhru fl-Anness, la l-fabbrikanti u lanqas l-importaturi stabbiliti fil-Komunità ma għandhom idaħħlu fis-suq prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 u li jkun fihom sustanzi preskritti fl-Anness ma jinbiegħux jew jiġu pprovduti b’mod ieħor lill-konsumaturi finali wara t-30 ta’ Ġunju 1997.

    L-Artikolu 3

    1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1996. Dawn għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fl-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-10 ta’ Lulju 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Emma bonino

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169.

    [2] ĠU L 181, tal-15.7.1994, p. 31.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    L-Annessi għad-Direttiva 76/768/KEE huma emendati kif ġej:

    1. L-Anness II:

    (a) In-numru ta’ referenza 358 qed jinbidel bin-numru li ġej:

    "358. Il-furokoumarini (e.g. trioxysalan*, 8-methoxypsoralen, 5-methoxypsoralen) minbarra l-kontenut normali fl-essenzi naturali użati.

    Fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx u fi prodotti għas-smurija, il-furokoumarini għandhom ikunu taħt 1 mg/kg."

    (b) In-numri li ġejjin qed jiġu miżjuda:

    "414. 4-tert-Butyl-3-methoxy-2,6-dinitrotoluene (Musk Ambrette)

    415. Diisobutyl-phenoxy-ethoxy-ethyldimethylbenzylammonium chloride (Benzethonium chloride)

    416. Iċ-ċelloli, it-tessuti jew il-prodotti ta’ oriġini umana

    417. 3,3-Bis(4-hydroxyphenyl)phthalide (Phenolphthalein*)"

    2. Fl-Anness III, it-2 Parti, in-numru ta’ referenza 3 qed jitħassar.

    3. L-Anness VI, It-2 Parti:

    (a) In-numru ta’ referenza 15 qed jitħassar.

    (b) "tat-30.6.1995" fin-numri ta’ referenza 2, 16, 21, 29, 30 qed jinbidel bi "tat-30.6.1996".

    4. L-Anness VII:

    (a) Fl-1 Parti, in-numru ta’ referenza li ġej qed jiġi miżjud:

    "a | b | ċ | d | e |

    10 | 2-cyano-3,3-diphenyl acrylic acid, 2-ethylhexyl ester (Octocrylene) | 10 % (espress bħala aċidu)" | | |

    (b) Fit-2 Parti, "tat-30.6.1995" fin-numri ta’ referenza 2, 5, 6, 12, 13, 17, 25, 26, 29, 32, 33 u 34 qed jinbidel bi "tat-30.6.1996".

    --------------------------------------------------

    Top