This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31988D0540
88/540/EEC: Council Decision of 14 October 1988 concerning the conclusion of the Vienna Convention for the protection of the ozone layer and the Montreal Protocol on substances that deplete the ozone layer
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu
ĠU L 297, 31.10.1988, p. 8–9
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1988/540/oj
Official Journal L 297 , 31/10/1988 P. 0008 - 0009
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0146
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0146
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu (88/540/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130 (s) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Billi l-Komunità, flimkien ma' ħafna mill-Istati Membri tagħha ffirmat, fit-22 ta' Marzu 1985, il-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu; Billi huwa stabbilit li l-emissjonijiet kontinwi ta' ċerti kloroflorokarbonji u alonji fuq il-livelli preżenti aktarx sejrin jikkawżaw ħsara sinifikanti fis-saff ta' l-ożonu; billi jeżisti konsensus internazzjonali li huwa meħtieġ tnaqqis sinifikanti kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-konsum ta' dawn is-sustanzi; billi d-Deċiżjonijiet 80/372/KEE [3] u 82/795/KEE [4] jipprovdu għall-kontrolli li huma b'effett limitat u li jkopru biss tnejn minn dawn is-sustanzi (KFK 11 u KFK 12); Billi Protokoll supplimentari għall-Konvenzjoni ta' Vienna, il-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu, kien ġie nnegozjat u adottat fis-16 ta' Settembru 1987; billi l-Protokoll kien ġie ffirmat mill-Komunità u minn bosta mill-Istati Membri tiegħu; Billi għall-ħarsien, għall-promozzjoni u għat-titjib ta' l-ambjent huwa meħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Vjenna u l-Protokoll ta' Montreal, li hu bbażat fuq prinċipju ta' azzjoni preventiva sabiex tkun evitata ħsara ulterjuri għas-saff ta' l-ożonu u fuq id-data xjentifika u teknika li kienet disponibbli fiż-żmien meta ġew adottati; Billi għal dak il-għan il-Komunità għandha tapprova l-imsemmija Konvenzjoni u Protokoll; Billi huwa, neċessarju b'mod partikolari, li l-Komunità ssir Parti Kontraenti fil-Protokoll minħabba li ċerti disposizzjonijiet minnu jistgħu jitwettqu biss jekk il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri kollha tagħha jsiru Partijiet Kontraenti; Billi sabiex l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-Konvenzjoni u taħt il-Protokoll jitwettqu b'mod xieraq, huwa meħtieġ li l-Istati Membri kollha jsiru wkoll Partijiet Kontraenti; Billi, barra minn dan, ċerti disposizzjonijiet tal-Protokoll, b'mod partikolari l-Artikolu 2(8), jistgħu japplikaw fil-Komunità biss jekk l-Istati Membri kollha jsiru Partijiet f'dak il-Protokoll; Billi l-Istati Membri kollha għandhom jikkonkludu kemm jista' jkun malajr il-proċeduri tagħhom ta' adeżjoni u r-ratifika tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll rispettivament, bl-għan li jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, ta' l-istrumenti ta' approvazzjoni, aċċettazzjoni, ratifika jew adeżjoni mill-Komunità u mill-Istati Membri, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff ta' l-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff ta' l-ożonu qegħdin ikunu hawn approvati f'isem il-Komunità. It-testi tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll jidhru fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jiddepożita l-atti ta' approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna u tal-Protokoll ta' Montreal f'isem il-Komunità mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, kif jinqara flimkien ma' l-Artikoli 14 u 16 tal-Protokoll ta' Montreal. Fl-istess ħin, il-President għandu jiddepożita d-dikjarazzjoni ta' kompetenza li tinsab fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, kif jinqara flimkien ma' l-Artikolu 14 tal-Protokoll ta' Montreal. Artikolu 3 1. L-Istati Membri, li għadhom ma għamlux dan, għandhom jieħdu, l-iktar tard sal-31 ta' Ottubru 1988, il-passi meħtieġa biex jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni fil-Konvenzjoni ta' Vjenna mill-Komunità u mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, kemm jista' jkun malajr, dwar id-deċiżjoni tagħhom biex jissieħbu fil-Konvenzjoni jew biex jirratifikawha, skond kif xieraq, jew dwar id-data prospettiva ta' meta għandhom ikunu ffinalizzati dawk il-proċeduri. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tirranġa data għad-depożitu simultanju ta' l-istrumenti, li f'kull każ għandu jkun qabel l-1 ta' Jannar 1989. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jippermettu d-depożitu, kemm jista' jkun b'mod simultanju, qabel l-1 ta' Jannar 1989, ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll ta' Montreal, mill-Komunità u mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Novembru 1988, dwar id-deċiżjoni tagħhom biex jirratifikaw jew dwar id-data prospettiva ta' finalizzazzjoni tal-proċeduri ta' ratifika tagħhom. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tirranġa data għad-depożitu simultanju ta' l-istrumenti, li f'kull każ għandu jkun qabel l-1 ta' Jannar 1989. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ottubru 1988. Għall-Kunsill Il-President V. Papandreou [1] ĠU C 187, tat-18.7.1988, pġ. 46. [2] ĠU C 208, tat-8.8.1988, pġ. 3. [3] ĠU L 90, tat-3.4.1980, pġ. 45. [4] ĠU L 329, tal-25.11.1982, pġ. 29. --------------------------------------------------