Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023D0202

    Deċiżjoni Nru 01/2022 tal-Kumitat Doganali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore tal-20 ta’ Diċembru 2022 li timmodifika ċerti elementi fil-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u fl-Annessi tiegħu [2023/202]

    PUB/2023/83

    ĠU L 27, 31.1.2023, p. 33–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/202/oj

    31.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/33


    DEĊIŻJONI Nru 01/2022 TAL-KUMITAT DOGANALI TAL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TA’ SINGAPORE

    tal-20 ta’ Diċembru 2022

    li timmodifika ċerti elementi fil-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u fl-Annessi tiegħu [2023/202]

    IL-KUMITAT DOGANALI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 u l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 34 (emendi għal dan il-Protokoll) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim, jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 tal-Ftehim.

    (2)

    Fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2017, u fl-1 ta’ Jannar 2022 ġew introdotti emendi fir-rigward tan-nomenklatura rregolata mill-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (“SA”). Il-Partijiet qablu li jaġġornaw il-Protokoll 1 biex jirrifletti l-verżjoni l-aktar reċenti tas-SA.

    (3)

    Il-Partijiet ftehmu li jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Anness B(a) tal-Protokoll 1 għal-luncheon meat fil-landa, pulpetti tal-ħut bil-kàri, u pulpetti tas-siċċa.

    (4)

    L-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) tal-Protokoll 1 jistabbilixxi li dikjarazzjoni tal-oriġini tista’ ssir, fl-Unjoni Ewropea, minn, inter alia, esportatur li jkun esportatur approvat, u f’Singapore minn, inter alia, esportatur irreġistrat. Sabiex jingħata trattament ugwali lill-operaturi ekonomiċi taż-żewġ Partijiet, il-Protokoll 1 jenħtieġ li jiġi emendat biex kull Parti tkun tista’ tiddeċiedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, liema esportatur jista’ jagħmel dikjarazzjoni tal-oriġini. Għalhekk, għal dan l-għan, tkun meħtieġa definizzjoni ta’ “esportatur”.

    (5)

    Meta titqies id-definizzjoni l-ġdida ta’ “esportatur”, it-terminu “esportatur” fid-definizzjoni ta’ “kunsinna” fil-punt (d) tal-Artikolu 1(1), fl-Artikolu 13 (Nonalterazzjoni) u fl-Artikolu 14 (Wirjiet) tal-Protokoll 1 jeħtieġ li jiġi sostitwit bit-terminu “speditur”.

    (6)

    Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) jipprevedi li dikjarazzjoni tal-oriġini għandu jkollha l-firma oriġinali tal-esportatur bil-miktub. Il-partijiet qablu li ma japplikawx dan ir-rekwiżit biex jiffaċilitaw il-kummerċ u biex inaqqsu l-piż amministrattiv involuti fit-tgawdija tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim.

    (7)

    Fid-definizzjoni ta’ “prezz mill-fabbrika” fil-punt (f) tal-Artikolu 1(1), huwa meħtieġ li jiġi ċċarat kif it-terminu “manifattur” għandu jinftiehem meta l-aħħar xogħol jew ipproċessar jiġi sottokuntrattat.

    (8)

    Meta wieħed iqis li ż-żewġ Partijiet għandhom japplikaw sistema ta’ esportaturi rreġistrati, id-dokument dwar l-oriġini magħmul fil-Partijiet jenħtieġ li jingħata isem ġdid minn “dikjarazzjoni tal-oriġini” għal “stqarrija dwar l-oriġini”.

    (9)

    Bħala miżura tranżizzjonali, jenħtieġ li jiġi previst li għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, Singapore ser jaċċetta d-dikjarazzjonijiet tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li jiġu mmodifikati l-Protokoll 1 tal-Ftehim u għadd mill-Annessi tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-Werrej tal-Protokoll 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “WERREJ

    TAQSIMA 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ARTIKOLU 1

    Definizzjonijiet

    TAQSIMA 2

    DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA’ ‘PRODOTTI ORIĠINARJI’

    ARTIKOLU 2

    Rekwiżiti Ġenerali

    ARTIKOLU 3

    Kumulazzjoni tal-Oriġini

    ARTIKOLU 4

    Prodotti Miksuba Kompletament

    ARTIKOLU 5

    Prodotti Maħduma jew Ipproċessati Suffiċjentement

    ARTIKOLU 6

    Xogħol jew Ipproċessar Insuffiċjenti

    ARTIKOLU 7

    Unità ta’ Kwalifika

    ARTIKOLU 8

    Aċċessorji, Spare Parts u Għodod

    ARTIKOLU 9

    Settijiet

    ARTIKOLU 10

    Elementi Newtrali

    ARTIKOLU 11

    Segregazzjoni tal-Kontabilità

    TAQSIMA 3

    REKWIŻITI TERRITORJALI

    ARTIKOLU 12

    Prinċipju tat-Territorjalità

    ARTIKOLU 13

    Nonalterazzjoni

    ARTIKOLU 14

    Wirjiet

    TAQSIMA 4

    RESTITUZZJONI JEW EŻENZJONI

    ARTIKOLU 15

    Projbizzjoni ta’ Rifużjoni ta’ Dazji Doganali, jew Eżenzjoni Minnhom

    TAQSIMA 5

    DIKJARAZZJONI DWAR L-ORIĠINI

    ARTIKOLU 16

    Rekwiżiti Ġenerali

    ARTIKOLU 17

    Kundizzjonijiet biex Issir Stqarrija dwar l-Oriġini

    ARTIKOLU 19

    Validità tal-Istqarrija dwar l-Oriġini

    ARTIKOLU 20

    Preżentazzjoni ta’ Stqarrija dwar l-Oriġini

    ARTIKOLU 21

    Importazzjoni Gradwali

    ARTIKOLU 22

    Eżenzjonijiet mill-Istqarrija dwar l-Oriġini

    ARTIKOLU 23

    Dokumenti ta' Sostenn

    ARTIKOLU 24

    Żamma tal-Isqarrija tal-Oriġini u Dokumenti ta’ Sostenn

    ARTIKOLU 25

    Diskrepanzi u Żbalji Formali

    ARTIKOLU 26

    Ammonti f’Euro

    TAQSIMA 6

    ARRANĠAMENTI GĦALL-KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

    ARTIKOLU 27

    Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Kompetenti

    ARTIKOLU 28

    Verifika tal-Istqarrijiet dwar l-Oriġini

    ARTIKOLU 29

    Inkjesti Amministrattivi

    ARTIKOLU 30

    Soluzzjoni tat-Tilwim

    ARTIKOLU 31

    Penali

    TAQSIMA 7

    CEUTA U MELILLA

    ARTIKOLU 32

    Applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll

    ARTIKOLU 33

    Kundizzjonijiet Speċjali

    TAQSIMA 8

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 34

    Emendi għal dan il-Protokoll

    ARTIKOLU 35

    Dispożizzjonijiet Tranżitorji għall-Merkanzija fi Tranżitu jew Maħżuna

    Lista ta’ Appendiċi

    ANNESS A:

    NOTI INTRODUTTORJI GĦAL-LISTA FL-ANNESS B

    ANNESS B:

    LISTA TAX-XOGĦOL JEW TAL-IPPROĊESSAR MEĦTIEĠ FUQ MATERJALI MHUX ORIĠINARJI SABIEX IL-PRODOTT MANIFATTURAT IKUN JISTA’ JIKSEB L-ISTATUS TA’ ORIĠINI

    ANNESS B (a):

    ADDENDUM GĦALL-ANNESS B

    ANNESS C:

    MATERJALI ESKLUŻI MILL-KUMULAZZJONI SKONT IL-PARAGRAFU 2 TAL-ARTIKOLU 3

    ANNESS D:

    IL-PRODOTTI MSEMMIJIN FIL-PARAGRAFU 9 TAL-ARTIKOLU 3 LI GĦALIHOM IL-MATERJALI LI JORIĠINAW F’PAJJIŻ ASEAN GĦANDHOM JITQIESU BĦALA MATERJALI LI JORIĠINAW F’PARTI

    ANNESS E:

    TEST TAD-DIKJARAZZJONI DWAR L-ORIĠINI

    Dikjarazzjonijiet Konġunti

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-PRINCIPAT TA’ ANDORRA

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REVIŻJONI TAR-REGOLI TAL-ORIĠINI LI JINSABU FIL-PROTOKOLL 1”;

    (2)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ARTIKOLU 1

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

    (a)

    “Pajjiż ASEAN” tfisser stat membru tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja li mhuwiex Parti għal dan il-Ftehim;

    (b)

    “kapitoli” u “intestaturi” u “subintestaturi” jfissru l-kapitoli, l-intestaturi (kodiċi b’erba’ ċifri) u s-subintestaturi (kodiċi b’sitt ċifri) użati fin-nomenklatura li tifforma s-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, msejħa f’dan il-Protokoll bħala “is-Sistema Armonizzata” jew “SA”;

    (c)

    “ikklassifikat” tirreferi għall-klassifikazzjoni ta’ prodott jew materjal taħt xi kapitolu, intestatura, jew subintestatura tas-Sistema Armonizzata;

    (d)

    “kunsinna” tfisser il-prodotti li jintbagħtu jew simultanjament minn speditur wieħed lejn kunsinnatarju wieħed jew inkella jkunu koperti b’dokument tat-trasport wieħed li jkopri l-ġarr tagħhom mingħand l-ispeditur lejn il-kunsinnatarju jew, fin-nuqqas ta’ dokument bħal dan, b’fattura waħda;

    (e)

    “valur doganali” ifisser il-valur kif stabbilit f’konformità mal-Ftehim dwar l-Evalwazzjoni Doganali;

    (f)

    “il-prezz mill-fabbrika” huwa l-prezz imħallas għall-prodott ex-works lill-manifattur li fl-impriza tiegħu jkun twettaq l-aħħar xogħol jew ipproċċessar, kemm-il darba l-prezz jinkludi l-valur tal-materjali kollha li jkunu ntużaw u l-kosti l-oħra kollha relatati mal-produzzjoni tiegħu, u titnaqqas kwalunkwe taxxa interna li tkun tħallset lura, jew tista' titħallas lura, meta l-prodott akkwistat ikun esportat.

    Meta l-prezz proprju li jitħallas ma jkunx jirrifletti l-kosti kollha tal-manifattura ta’ prodott li jiġġarrbu realment fl-Unjoni jew f’Singapore, il-prezz mill-fabbrika jfisser is-somma ta’ dawk l-kosti kollha, mingħajr kwalunkwe taxxa interna li titħallas lura jew li tista' titħallas lura meta l-prodott miksub jiġi esportat.

    Jekk l-aħħar ħdim jew ipproċessar ikunu ġew subkuntrattati lil manifattur, it-terminu “manifattur” jista’ jirreferi għall-impriża li tkun impjegat lis-subkuntrattur.

    (g)

    “esportatur” tfisser persuna, li tinsab f’Parti, li, f’konformità mar-rekwiżiti fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Parti, tesporta jew tipproduċi l-prodott oriġinarju u li tista’ tagħmel stqarrija dwar l-oriġini;

    (h)

    “materjali funġibbli” tfisser materjali li huma tal-istess tip u kwalità kummerċjali, bl-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi, u li ladarba jiġu inkorporati fil-prodott lest ma jistgħux jintgħarfu minn xulxin;

    (i)

    “merkanzija” tfisser kemm materjali kif ukoll prodotti;

    (j)

    “persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità legali debitament kostitwita jew organizzata mod ieħor skont il-liġi applikabbli, sew jekk tkun għal skopijiet ta’ profitt kif ukoll jekk ma tkunx , u sew jekk tkun proprjetà privata jew governattiva, u tista’ tkun korporazzjoni, fond, sħubija, impriża konġunta, proprjetà ta’ persuna waħda jew assoċjazzjoni;

    (k)

    “manifattura” tfisser kwalunkwe tip ta’ ħdim jew ipproċessar, inkluż l-assemblaġġ;

    (l)

    “materjal” tfisser kwalunkwe ingredjent, materja prima, komponent jew parti, eċċ., li jintużaw fil-manifattura tal-prodott;

    (m)

    “persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika;

    (n)

    “prodott” tfisser il-prodott li qed jiġi manifatturat, anki jekk ikun maħsub biex jintuża aktar tard f’operazzjoni oħra tal-manifattura;

    (o)

    “valur tal-materjali” tfisser il-valur doganali fil-ħin tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji li jintużaw jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax jiġi aċċertat, l-ewwel prezz aċċertabbli li tħallas fuq il-materjali fl-Unjoni jew f’Singapore.”

    ;

    (3)

    L-Artikolu 13(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5, il-qsim tal-kunsinni jista’ jseħħ meta jitwettaq mill-ispeditur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu dment li jibqgħu taħt superviżjoni doganali fil-pajjiż(i) ta’ tranżitu.”

    ;

    (4)

    punti (a) u (b) tal-Artikolu 14(1) huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    speditur ikun ikkunsinna dawn il-prodotti minn Parti lejn il-pajjiż fejn issir il-wirja, u jkun eżibihom hemm;

    (b)

    il-prodotti nbiegħu jew għaddew b’xi mod ieħor mingħand dak l-ispeditur għal għand persuna f’Parti;”;

    (5)

    L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ARTIKOLU 17

    Kundizzjonijiet biex issir Stqarrija dwar l-Oriġini

    1.   Stqarrija dwar l-oriġini kif imsemmija fl-Artikolu 16 (Rekwiżiti Ġenerali) tista’ ssir mill-esportatur.

    2.   Stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew f'Singapore u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Protokoll.

    3.   L-esportatur li jimla l-istqarrija dwar l-oriġini għandu jkun ippreparat li fi kwalunkwe ħin u fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-Parti esportatriċi, jissottometti d-dokumenti x-xierqa kollha msemmijin fl-Artikolu 23 (Dokumenti ta’ Sostenn) li juru l-istatus tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll li huma ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

    4.   Stqarrija dwar l-oriġini għandha timtela mill-esportatur billi jittajpja, jittimbra jew jistampa fuq il-fattura, in-nota tal-kunsinna jew dokument kummerċjali ieħor, id-dikjarazzjoni, li t-test tagħha jidher fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll, skont il-liġi domestika tal-Parti esportatriċi. Jekk l-istqarrija tinkiteb bl-idejn, din għandha tinkiteb bil-linka u b’ittri kapitali. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet minn Singapore, l-istqarrija dwar l-oriġini għandha timtela billi tintuża l-verżjoni Ingliża, u fil-każ ta’ esportazzjonijiet mill-Unjoni, l-istqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela b’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi elenkati fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll.

    5.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela wara l-esportazzjoni (“dikjarazzjoni retrospettiva”) bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fil-Parti importatriċi mhux iktar minn sentejn wara, fil-każ tal-Unjoni, u sena, fil-każ ta’ Singapore, wara li l-merkanzija tidħol fit-territorju.”

    ;

    (6)

    fil-Werrej, u fl-Artikolu 3(6), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikolu 11(5), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(1), fl-Artikolu 15(3), fit-titolu tat-Taqsima 5, fl-Artikolu 16(1), fl-Artikolu 16(2), fit-titolu tal-Artikolu 19, fl-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 19(2), fl-Artikolu 19(3), fit-titolu tal-Artikolu 20, fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 21, fit-titolu tal-Artikolu 22, fl-Artikolu 22(1), fl-Artikolu 23, fit-titolu tal-Artikolu 24, fl-Artikolu 24(1), fl-Artikolu 24(2), fl-Artikolu 25(1), fl-Artikolu 25(2), fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 27(2), fit-titolu tal-Artikolu 28, fl-Artikolu 28(1), fl-Artikolu 28(2), fl-Artikolu 30(1), fl-Artikolu 33(3), u fl-Artikolu 35, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”;

    (7)

    L-Artikolu 18 jitħassar;

    (8)

    L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ARTIKOLU 26

    Ammonti f’Euro

    1.   Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija tal-Oriġini) f’każijiet fejn toħroġ fattura għall-prodotti f’xi munita li mhix Euro, l-ammonti fil-munita nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni li huma ekwivalenti għall-ammonti espressi bl-euro għandhom ikunu ffissati, darba fis-sena, minn kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.

    2.   Kunsinna għandha tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija dwar l-Oriġini) b’referenza għall-munita li fiha tkun inħarġet il-fattura, skont l-ammont iffissat mill-Parti kkonċernata.

    3.   L-ammonti li jridu jintużaw fi kwalunkwe munita nazzjonali għandhom ikunu l-ekwivalenti f’dik il-munita għall-ammonti espressi bl-euro fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru. L-ammonti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Ottubru u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-pajjiżi kollha kkonċernati bl-ammonti rilevanti.

    4.   Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżid jew inaqqas l-ammont li jirriżulta mill-kambju għall-munita nazzjonali tiegħu ta’ ammont f’euro. L-ammont mogħti għad-dritt ma jistax ivarja b’aktar minn ħamsa fil-mija mill-ammont li jirriżulta mill-kambju. Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżomm l-ekwivalenti ta’ ammont f’euro fil-munita nazzjonali tiegħu jekk, fiż-żmien tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 3, il-konverżjoni ta’ dak l-ammont, qabel ma jinqata’ għad-dritt, tirriżulta f’żieda ta’ inqas minn ħmistax fil-mija fl-ekwivalenti tal-munita nazzjonali. L-ekwivalenti tal-munita nazzjonali jista’ jinżamm l-istess jekk il-konverżjoni tirriżulta fi tnaqqis f’dak il-valur ekwivalenti.

    5.   L-ammonti f'euro għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Partijiet fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) fuq it-talba tal-Unjoni jew ta’ Singapore. Meta jwettaq dan l-eżami mill-ġdid, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw ix-xewqa li jinżammu f'termini reali l-effetti tal-limiti kkonċernati. Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitati Doganali, jimmodifikaw l-ammonti espressi f’euro.”

    ;

    (9)

    L-Anness B huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni;

    (10)

    L-Anness B(a) huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni;

    (11)

    L-Anness D huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 3 ta’ din id-Deċiżjoni;

    (12)

    L-Anness E huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kumitat Doganali UE-Singapore

    F’isem l-Unjoni Ewropea

    Is-Sur Jean-Michel GRAVE

    F’isem ir-Repubblika ta’ Singapore

    Is-Sur Lim Teck LEONG


    ANNESS 1

    L-Anness B tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “0305”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;

    (2)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Krustaċji, kemm fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm fil-qoxra u kemm jekk le, kemm imsajrin qabel jew waqt il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin, jew fis-salmura”;

    (3)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;

    (4)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 4”, jiddaħħlu ż-żewġ ringieli kif ġej:

    “ex 0308

    Invertebrati akkwatiċi għajr il-krustaċji u l-molluski, imnixfin, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akkwatiċi affumikati, għajr il-krustaċji jew il-molluski, kemm jekk imsajrin qabel jew waqt il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le

    Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu b’mod sħiħ

    0309

    Dqiq, frakass u pellets tal-ħut, tal-krustaċji, tal-molluski jew ta’ invertebrati akkwatiċi oħrajn, tajbin għall-konsum mill-bniedem

    Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu b’mod sħiħ”

    (5)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 15”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat tal-annimali jew veġetali; għajr għal:”;

    (6)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “1509 u 1510”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Żejt taż-żebbuġa u l-frazzjonijiet tiegħu, żjut oħrajn u l-frazzjonijiet tagħhom miksuba biss miż-żebbuġ”;

    (7)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura “1516 u 1517”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, esterifikati bejniethom, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor;

    Marġerina; taħlitiet jew preparati tajbin għall-ikel tax-xaħmijiet jew taż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi jew tal-frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu, għajr xaħmijiet jew-żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 15.16.”;

    (8)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 16”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċej, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti”;

    (9)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 24”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għall-konsum tan-nikotina fil-ġisem tal-bniedem; għajr għal;”;

    (10)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 2402” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 25”, ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu:

    “2404 12

    Prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, li ma fihomx tabakk jew tabakk rikostitwit, u li fihom in-nikotina

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

    ex 2404 19

    Cartridges u rikariki, mimlija għas-sigaretti elettroniċi

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

    2404 91

    Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni orali

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott, fejn:

    il-piż individwali taz-zokkor u tal-materjali tal-Kapitolu 4 li ntużaw ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali, u

    il-piż totali kkombinat taz-zokkor u tal-materjali tal-Kapitolu 4 ma jaqbiżx l-40 % tal-piż tal-prodott finali

    2404 92 ,

    2404 99

    Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni transdermali u għal applikazzjoni oħra ħlief dik orali

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Iżda jistgħu jintużaw il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika”

    (11)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 38” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “3823”, iż-żewġ ringieli li ġejjin jiddaħħlu:

    “ex 3816

    Taħlita għat-tablit tad-dolomit

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott

    jew

    Manifattura fejn il-valur tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott

    ex 3822

    Kits tat-testijiet dijanostiċi tal-malarja

    Prodotti immunoloġiċi, mhux imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut

    Prodotti immunoloġiċi, imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut

    Prodotti immunoloġiċi, ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakki għall-bejgħ bl-imnut

    Ir-reaġenti għad-determinazzjoni tal-grupp tad-demm;

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura”

    (12)

    fl-ewwel ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “6306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Tarpolini, tined u lqugħ mix-xemx; tined (inklużi l-koperturi temporanji u oġġetti simili); qlugħ għad-dgħajjes, għas-sailboards jew għall-inġenji tal-art; oġġetti tal-ikkampjar”;

    (13)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8522, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Bċejjeċ u aċċessorji tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-apparat tal-intestaturi 8519 jew 8521 ”;

    (14)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8529, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Partijiet tajbin biss jew prinċipalment għall-użu mal-apparat tal-intestaturi 8524 sa 8528 ”;

    (15)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Partijiet tal-elettriku ta’ magni jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra f’dan il-Kapitolu”;

    (16)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 86”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:

    “8549

    Skart u skrapp elettriku u elettroniku.

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika”

    (17)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 86”, it-test fil-kolonna “Intestatura tas-SA” u t-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huma sostitwiti rispettivament b’dan li ġej:

    “Il-Kapitolu 86” u “Lokomottivi tal-linji ferrovjarji jew tat-tramm, rolling stock u parts tagħhom; fixtures u fittings għall-binarji jew għal-linji tat-tramm u parts tagħhom; tagħmir ta’ sinjalar mekkaniku tat-traffiku (inkluż elettro-mekkaniku) ta’ kull tip”;

    (18)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 8804” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 89”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:

    “ex 8806

    Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord

    Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u video kameras li jirrekordjaw

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott u tal-intestatura 8529

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika”

    (19)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparat u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra f’dan il-Kapitolu”;

    (20)

    bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9016” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9025”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:

    “ex 9021

    Materjali għall-apparat ortopediku jew għall-fratturi u għall-fittings dentali:

    Imsiemer, taċċi, drawing pins, imsiemer ikkorrugati, staples (għajr dawk tal-intestatura 8305 ) u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar, bl-irjus ta’ materjal ieħor jew le, iżda esklużi tali oġġetti b’irjus tar-ram

    Oġġetti bil-kamin u oġġetti mhux bil-kamin tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi (viti bir-ras skorfina) coach screws, viti għall-injam, ganċijiet bil-kamin u ħoloq bil-kamin, spring washers u wahers tas-serraturi oħrajn, rivets

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott

    jew

    Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

     

    Titanju u oġġetti magħmulin minnu, inklużi skart u skrapp

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura”

    (21)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 94”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Gћamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.


    ANNESS 2

    L-Anness B(a) tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet komuni jitħassar;

    (2)

    il-paragrafu 4 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala paragrafu 3;

    (3)

    il-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala paragrafu 4;

    (4)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA

    “ ex 1602 32

    ex 1602 41

    ex 1602 49

    ex 1602 50 ”,

    it-test “Luncheon meat tal-ħanżir, tat-tiġieġ u taċ-ċanga fil-landa (午餐肉)” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Luncheon meat tal-landa jew pulpettun tal-majjal (li fih aktar minn 40 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tal-majjal), luncheon meat tal-landa jew pulpettun tat-tiġieġ (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tat-tiġieġ), luncheon meat tal-landa jew pulpettun taċ-ċanga (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni taċ-ċanga)”;

    (5)

    fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 1604 20” it-test “Pulpetti tal-ħut bil-kàri magħmula minn laħam tal-ħut, kàri, lamtu tal-qamħ, melħ, zokkor u kondimenti komposti” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “pulpetti tal-ħut u pulpetti tal-ħut magħmula minn laħam tal-ħut għajr tonn u kavalli, bil-lamtu, bil-melħ, biz-zokkor, u b’kondimenti komposti”;

    (6)

    ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA

    “ ex 1605 10

    ex 1605 90

    ex 1605 20

    ex 1605 20

    ex 1605 20

    ex 1605 30 ”

    huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ex 1605 10

    Pulpetti tal-granċ magħmulin minn lamtu tal-qamħ, melħ, zokkor, kondimenti komposti, laħam u mili tal-granċ

    Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott”

    ex 1605 54

    Pulpetti tas-siċċa magħmulin minn laħam tal-ħut, mili tas-siċċa, lamtu, melħ, zokkor u kondimenti komposti

     

    ex 1605 21

    Hargow magħmul minn gambli, lamtu tal-qamħ, tapjoka, ilma, basla tal-għonq twil, ġinġer, zokkor, u melħ

     

    ex 1605 29

    Shaomai magħmul primarjament minn gambli, tiġieġ, lamtu tal-qamħirrum, żejt veġetali, bżar iswed, żejt tal-ġunġlien, u ilma

     

    ex 1902 20

    Wonton tal-gambli moqlijin magħmula minn gambli, melħ, żejt, zokkor, ġinġer, bżar, bajd, ħall u zalza tas-sojja.

     

    ex 1605 54

    Pulpetti b’togħma ta’ awwista: laħam tas-siċċa, laħam tal-ħut u laħam tal-granċ.

     


    ANNESS 3

    L-Anness D tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “2909”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Eteri, eter-alkoħols, eter-fenoli, eter-alkoħol-fenoli, perossidi tal-alkoħol, perossidi tal-etere, perossidi aċetali u emiaċetali, perossidi tal-keton (kemm jekk definiti kimikament u kemm jekk le), u d-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrożati tagħhom”;

    (2)

    fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparati u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu”.


    ANNESS 4

    L-Anness E tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-titolu tal-Anness E, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”;

    (2)

    l-ewwel paragrafu tal-Anness E huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-istqarrija dwar l-oriġini, li t-test tagħha jinsab hawn taħt, trid issir f’konformità man-noti ta’ qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti ta’ qiegħ il-paġna ma għandhomx għalfejn jiġu riprodotti.”;

    (3)

    in-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Indika n-numru ta’ referenza li bih l-esportatur huwa identifikat. Għall-esportatur tal-Unjoni, dan ikun in-numru assenjat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni. Għal Singapore, dan se jkun in-numru assenjat skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Singapore. Meta l-esportatur ma jkunx ġie assenjat numru, din il-kaxxa tista’ titħalla vojta”;

    (4)

    l-aħħar sentenza qabel in-noti ta’ qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(Isem l-esportatur)”;

    (5)

    in-nota f'qiegħ il-paġna (4) titħassar.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR MIŻURI TRANŻIZZJONALI WARA D-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAD-DEĊIŻJONI

    B’deroga mill-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Stqarrija dwar l-Oriġini) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, kif emendat b’din id-Deċiżjoni, Singapore għandu jkompli jagħti t-trattament tariffarju preferenzjali skont dan il-Ftehim lil oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u li jiġu esportati mill-Unjoni mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-miżura tranżizzjonali għandha tapplika għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.


    Top