Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014D0428

    2014/428/UE: Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal- 20 ta' Ġunju 2014 rigward ir-reviżjoni tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE

    ĠU L 196, 3.7.2014, p. 40–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/428/oj

    3.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 196/40


    DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE

    tal-20 ta' Ġunju 2014

    rigward ir-reviżjoni tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE

    (2014/428/UE)

    IL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-AKP-UE

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2) u f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (3) (il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistipula li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistgħu jiġu riveduti, eżaminati mill-ġdid u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kumitat AKP-UE ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

    (2)

    Ittieħdu impenji internazzjonali lejn l-effettività tal-għajnuna mill-Partijiet għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE f'Busan, f'Akkra u fid-DAC tal-OECD f'Pariġi fl-2010.

    (3)

    Ir-regoli tan-nazzjonalità u tal-oriġini jistgħu jkunu ulterjorment imtejba f'konformità mal-impenji internazzjonali msemmija hawn fuq.

    (4)

    Il-kjarifika u s-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistgħu jtejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-FEŻ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 19C, il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “5.   Skont l-impenn imsemmi fl-Artikoli 32(1)(a) u l-Artikolu 50 ta' dan il-Ftehim, il-kuntratti u l-għotjiet iffinanzjati minn riżorsi mill-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni mal-AKP għandhom isiru skont il-leġislazzjoni applikabbli dwar l-ambjent u l-istandards bażiċi rikonoxxuti internazzjonalment fil-qasam tal-liġi dwar ix-xogħol.”;

    (2)

    L-Artikolu 20(1) jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotjiet iffinanzjati mill-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta', jew persuni ġuridiċi li huma stabbiliti b'mod effettiv fi:

    a.

    Stat tal-AKP, Stat Membru tal-Komunità Ewropea, benefiċjarji tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni tal-Komunità Ewropea, Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, u pajjiżi u territorji extra-Ewropej koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (*);

    b.

    pajjiżi u territorji fi stat ta' żvilupp, kif inklużi fil-lista ta' Riċevituri tal-ODA tad-DAC tal-OECD, li mhumiex membri tal-grupp G-20, mingħajr ħsara għall-istatus tar-Repubblika tal-Afrika ta' Isfel, kif regolat mill-Protokoll 3;

    c.

    pajjiżi li għalihom l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna ġie stabbilit mill-Kummissjoni bi ftehim mal-pajjiżi AKP;

    L-aċċess reċiproku jista' jingħata, għal perjodu limitat ta' mill-inqas sena, kull meta pajjiż jikkonċedi eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Komunità u minn pajjiżi eliġibbli taħt dan l-Artikolu;

    d.

    Stat membru tal-OECD, fil-każ ta' kuntratti implimentati f'Pajjiż l-Anqas Żviluppat (LDC) jew f'Pajjiż Fqir b'Ħafna Dejn (HIPC), kif inkluż fil-lista ta' Riċevituri tal-ODA tad-DAC tal-OECD ippubblikata mid-DAC-tal-OECD.

    (*)  ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.”;"

    (3)

    Fl-Artikolu 20, jitħassar il-paragrafu 1a;

    (4)

    L-Artikolu 20(3) jinbidel b'dan li ġej:

    ’3.   Il-provvisti u l-materjali kollha mixtrija taħt kuntratt ta' akkwist, jew b'konformità mal-ftehim ta' għoti, iffinanzjat mill-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom joriġinaw minn pajjiż eliġibbli, kif definit f'dan l-Artikolu.

    Madankollu, huma jistgħu joriġinaw minn kwalunkwe Stat meta l-ammont ta' valur tal-provvisti u materjali li se jinxtraw ikun taħt il-limitu għall-użu tal-proċedura kompetittiva nnegozjata, stabbilita f'konformità mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 19C.

    F'dan il-kuntest, id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti li joriġinaw” għandha titqies fid-dawl tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, u l-provvisti li joriġinaw mill-Komunità għandhom jinkludu provvisti li joriġinaw mill-Pajjiżi u mit-Territorji Extra-Ewropej.’;

    (5)

    L-Artikolu 20(5) jinbidel b'dan li ġej:

    “5.   Kull meta l-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jiffinanzja operazzjoni implimentata permezz ta' organizzazzjoni internazzjonali, il-parteċipazzjoni fi proċeduri tal-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotjiet għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli taħt il-paragrafu 1, kif ukoll għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli taħt ir-regoli tal-organizzazzjoni, waqt li jiġi żgurat trattament ugwali għad-donaturi kollha. L-istess regoli japplikaw għall-provvisti u l-materjali.”;

    (6)

    L-Artikolu 20(6) jinbidel b'dan li ġej:

    “6.   Kull meta l-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jiffinanzja operazzjoni implementata bħala parti minn inizjattiva reġjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotjiet għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli taħt il-paragrafu 1, kif ukoll għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha minn pajjiż parteċipanti fl-inizjattiva rilevanti. L-istess regoli japplikaw għall-provvisti u l-materjali.”;

    (7)

    L-Artikolu 20(7) jinbidel b'dan li ġej:

    “7.   Kull meta l-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jiffinanzja operazzjoni kofinanzjata b'mod konġunt ma' sieħeb/sieħba jew ma' donatur ieħor jew implimentata permezz ta' kwalunkwe Fond Fiduċjarju stabbilit mill-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotjiet għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li huma eliġibbli taħt il-paragrafu 1 u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli taħt ir-regoli ta' dak is-sieħeb, donatur ieħor jew taħt ir-regoli determinati fl-att kostituttiv tal-Fond Fiduċjarju.

    Fil-każ ta' azzjonijiet implimentati permezz ta' entitajiet fdati, li jkunu Stati Membri jew l-aġenziji tagħhom, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment jew permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jew l-aġenziji tagħhom, il-persuni naturali jew ġuridiċi li huma eliġibbli taħt ir-regoli ta' dik l-entità fdata, kif identifikati fil-ftehimiet konklużi mal-entità ta' kofinanzjament jew ta' implimentazzjoni għandhom ikunu eliġibbli wkoll. L-istess regoli japplikaw għall-provvisti u l-materjali.”;

    (8)

    Fl-Artikolu 20 jiżdiedu l-paragrafi ġodda, 8 u 9, li ġejjin:

    “8.   Kull meta l-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jiffinanzja operazzjoni kofinanzjata taħt Strument finanzjarju tal-UE ieħor, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotjiet għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli taħt il-paragrafu 1, kif ukoll għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha eliġibbli skont kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istrumenti. L-istess regoli japplikaw għall-provvisti u l-materjali.

    9.   L-eliġibbiltà kif definita f'dan l-Artikolu tista' tiġi ristretta fir-rigward tan-nazzjonalità, tal-lokalizzazzjoni jew tan-natura tal-applikanti fejn ikun meħtieġ min-natura u mill-għanijiet tal-azzjoni u kif meħtieġ għall-implimentazzjoni effikaċi tagħha.”;

    (9)

    L-Artikolu 22(1) jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi terzi li mhumiex eliġibbli taħt l-Artikolu 20 jistgħu jkunu awtorizzati jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotjiet iffinanzjati mill-Komunità mill-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jew provvisti u materjali ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli fuq it-talba ġustifikata tal-Istati tal-AKP jew tal-organizzazzjoni jew korp rilevanti f'livell reġjonali jew intra-AKP fil-każ ta':

    (a)

    pajjiżi li tradizzjonalment għandhom rabtiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma' pajjiżi benefiċjarji ġirien, jew

    (b)

    urġenza jew nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn ir-regoli tal-eliġibbiltà jagħmlu t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

    L-Istat tal-AKP jew l-organizzazzjoni jew korp rilevanti f'livell reġjonali jew intra-AKP għandhom, f'kull okkażjoni, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tiddeċiedi dwar tali deroga.”;

    (10)

    L-Artikolu 26(1)(a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    għal kuntratti ta' xogħlijiet ta' valur ta' inqas minn EUR 5 000 000, l-offerenti tal-Istati tal-AKP, sakemm mill-inqas kwart tal-ħażniet tal-kapital u tal-persunal maniġerjali joriġinaw minn Stat wieħed jew aktar tal-AKP, għandhom jingħataw preferenza tal-prezz ta' 10 % matul il-valutazzjoni finanzjarja;”;

    (11)

    L-Artikolu 26(1)(b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    għal kuntratti ta' forniment b'valur ta' inqas minn EUR 300 000, l-offerenti tal-Istati tal-AKP, individwalment jew f'konsorzju ma' sħab Ewropej, għandhom jingħataw preferenza tal-prezz ta' 15 % matul il-valutazzjoni finanzjarja;”;

    (12)

    L-Artikolu 26(1)(c) jinbidel b'dan li ġej:

    “(c)

    fir-rigward ta' kuntratti ta' servizz minbarra Kuntratti ta' qafas tal-Kummissjoni Ewropea, meta jiġu evalwati l-offerti tekniċi, għandha tingħata preferenza lil dawk l-offerti ppreżentati minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi tal-Istati tal-AKP, sew individwalment jew f'konsorzju bejniethom.”;

    (13)

    L-Artikolu 26(2) jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1, fejn żewġ offerti għax-xogħlijiet, provvisti jew kuntratti ta' servizz ikunu rikonoxxuti bħala ekwivalenti, għandha tingħata preferenza:

    (a)

    lill-offerent minn Stat tal-AKP; jew

    (b)

    jekk ma ssir ebda tali offerta, lill-offerent li:

    (i)

    jipprovdi għall-aħjar użu possibbli tar-riżorsi fiżiċi u umani tal-Istati tal-AKP;

    (ii)

    li joffri l-aqwa possibiltajiet subkontrattwali lill-kumpanniji, intrapriżi jew persuni fiżiċi tal-AKP; jew

    (iii)

    jkun konsorzju ta' persuni fiżiċi, ta' kumpanniji jew ta' ditti mill-Istati tal-AKP u mill-Komunità.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul f'Nairobi, l-20 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE

    Il-President

    A. OMARI KIGODA


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif rettifikat mill-ĠU L 385, 29.12.2004, p. 88.

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (3)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.


    Top