EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020R2092-20201222

Consolidated text: Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/2020-12-22

02020R2092 — MT — 22.12.2020 — 000.003


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE, Euratom) 2020/2092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2020

dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

(ĠU L 433I 22.12.2020, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 373, 21.10.2021, p.  94 (2020/2092)

►C2

Rettifika, ĠU L , 5.12.2023, p.  1 (Euratom) 2020/2092)




▼B

REGOLAMENT (UE, Euratom) 2020/2092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2020

dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“l-istat tad-dritt” tirreferi għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE. Dan jinkludi l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istat tad-dritt għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

(b) 

“entità tal-gvern” tfisser awtorità pubblika fi kwalunkwe livell tal-gvern, inkluż l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri fis-sens tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

Artikolu 3

Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn li ġejjin jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt:

(a) 

it-tqiegħed f’periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura;

(b) 

in-nuqqas milli jiġu impediti, ikkoreġuti jew issanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess;

(c) 

il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi, jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettivi ta’ ksur tal-liġi.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri

1.  
Għandhom jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun stabbilit skont l-Artikolu 6 li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.
2.  

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandu jikkonċerna wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) 

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inkluż self jew strumenti oħrajn iggarantiti mill-baġit tal-Unjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jew tal-proċeduri għal għotjiet;

(b) 

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar, u l-funzjonament xieraq ta’ sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja u tal-obbligu ta’ rendikont;

(c) 

il-funzjonament xieraq tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni pubblika fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(d) 

l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c);

(e) 

il-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-impożizzjoni ta’ pieni effettivi u dissważivi fuq ir-riċevituri minn qrati nazzjonali jew minn awtoritajiet amministrattivi;

(f) 

l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament;

(g) 

il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF u, soġġett għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, mal-UPPE fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet tagħhom skont l-atti tal-Unjoni applikabbli f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera;

(h) 

sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

1.  

Dment li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati, jistgħu jiġu adottati miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, u meta entità tal-gvern tkun ir-riċevitur:

(i) 

sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenn legali jew terminazzjoni tal-impenn legali skont l-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju;

(ii) 

projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda;

(iii) 

sospensjoni tal-iżborż ta’ pagamenti parzjali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-Unjoni;

(iv) 

sospensjoni jew tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit mill-baġit tal-Unjoni;

(v) 

projbizzjoni li jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni;

(b) 

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju:

(i) 

sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, jew emendar tagħha;

(ii) 

sospensjoni tal-impenji;

(iii) 

tnaqqis tal-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħrajn;

(iv) 

tnaqqis fil-prefinanzjament;

(v) 

interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti;

(vi) 

sospensjoni tal-pagamenti.

2.  
Sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma għandhiex taffettwa l-obbligi tal-entitajiet governattivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew tal-Istati Membri msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li jagħmlu pagamenti skont dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli. Meta jimplimentaw fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi kull tliet xhur mill-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji.

3.  
Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati. Huma għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandhom jitqiesu kif xieraq. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati mill-ksur.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali dwar l-obbligi mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll, fuq l-istess sit web jew portal fuq l-Internet, għodod adegwati għar-riċevituri jew għall-benefiċjarji finali biex dawn jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur ta’ dawn l-obbligi li, fil-fehma ta’ dawn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, jaffettwahom direttament. Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat b’mod li jiżgura l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ). L-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali skont dan il-paragrafu għandha tkun akkumpanjata minn prova li r-riċevitur jew il-benefiċjarju finali kkonċernat ikun ressaq ilment formali mal-awtorità rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

▼C1

5.  
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha kollu biex tiżgura li kwalunkwe ammont dovut mill-entitajiet tal-gvern jew mill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu effettivament jitħallas lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali, f’konformità b’mod partikolari mal-Artikolu 69, il-punt (b) tal-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

▼B

Artikolu 6

Proċedura

1.  
Meta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet validi biex tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 huma ssodisfati, hija għandha, sakemm ma tqisx li proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, tibgħat notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din in-notifika u l-kontenut tagħha.
2.  
Fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni għal djalogu strutturat dwar is-sejbiet tiegħu.
3.  
Meta tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 humiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra.
4.  
Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1.
5.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar is-sejbiet ippreżentati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 f’limitu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-Kummissjoni, li għandu jkun tal-inqas xahar u mhux aktar minn tliet xhur mid-data tan-notifika tas-sejbiet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru jista’ jipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju biex jindirizza s-sejbiet stabbiliti fin-notifika tal-Kummissjoni.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tasal u kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju proposta, meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippreżentax proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha f’limitu ta’ żmien indikattiv ta’ xahar mill-wasla ta’ kwalunkwe informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew tal-osservazzjonijiet tiegħu, jew, meta ma tasal l-ebda informazzjoni jew osservazzjoni, mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit f’konformità mal-paragrafu 5, u fi kwalunkwe każ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.
7.  
Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel proposta skont il-paragrafu 9, hija għandha, qabel ma tagħmel dan, tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fuq il-proporzjonalità tal-miżuri previsti, fi żmien xahar.
8.  
Meta tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-gwida msemmija fil-paragrafu 3.
9.  
Meta l-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 huma ssodisfati u li l-miżuri ta’ rimedju, jekk ikun hemm, proposti mill-Istat Membru skont il-paragrafu 5, ma jindirizzawx adegwatament is-sejbiet fin-notifika tal-Kummissjoni, hija għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru jew, f’każ li ma ssir ebda osservazzjoni, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7. Il-proposta għandha tippreżenta r-raġunijiet speċifiċi u l-evidenza li fuqhom il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha.
10.  
Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali, il-perijodu għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn. Bil-ħsieb li tiġi żgurata deċiżjoni f’waqtha, il-Kummissjoni għandha tuża d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 237 TFUE, fejn tqis li dan ikun xieraq.
11.  
Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test emendat permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 7

Tneħħija tal-miżuri

1.  
L-Istat Membru kkonċernat jista’, fi kwalunkwe mument, jadotta miżuri ta’ rimedju ġodda u jippreżenta lill-Kummissjoni notifika bil-miktub li tinkludi evidenza biex juri li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 ma jkunux għadhom issodisfati.
2.  
Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, waqt li tqis kwalunkwe evidenza ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju ġdida adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma għadhomx aktar issodisfati l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tneħħi l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri tkun ġiet irrimedjata parzjalment, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tadatta l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma tkunx ġiet rimedjata s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri, hija għandha tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat b’deċiżjoni motivata u tinforma lill-Kunsill dwarha.

Meta l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha jew tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn meta tirċievi dik in-notifika. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, u f’dak il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet għall-estensjoni.

Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4, 5, 6, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 6 għandha tapplika b’analoġija kif xieraq.

▼C2

3.  
Meta jitneħħew il-miżuri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendar tagħha msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 5(1)(b) jew is-sospensjoni tal-impenji msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(1)(b), l-ammonti li jikkorrispondu għall-impenji sospiżi għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni soġġett għall-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 ( 3 ). L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mis-sena n+2.

▼B

Artikolu 8

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe miżura proposta, adottata jew imneħħija skont l-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 9

Rapportar

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta sat-12 ta’ Jannar 2024 dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, partikolarment dwar l-effikaċja tal-miżuri adottati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (ara paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

Top