This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02010L0040-20180109
Directive 2010/40/EU of the European Parliament and of the Council of 7 July 2010 on the framework for the deployment of Intelligent Transport Systems in the field of road transport and for interfaces with other modes of transport (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
02010L0040 — MT — 09.01.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DIRETTIVA 2010/40/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207 6.8.2010, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 340 |
1 |
20.12.2017 |
||
DIRETTIVA 2010/40/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Lulju 2010
dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ta’ appoġġ għall-varar u l-użu kkoordinati u koerenti tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (sistemi STI) fl-Unjoni, b’mod partikolari bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri, u tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali meħtieġa għal dak l-iskop.
2. Din id-Direttiva tipprevedi l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet fl-oqsma ta’ prijorità msemmijin fl-Artikolu 2, kif ukoll l-iżvilupp, fejn ikun il-każ, tal-istandards meħtieġa.
3. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI fil-qasam tat-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħhom ma’ modi oħra ta’ trasport mingħajr preġudizzju għal kwistjonijiet rigward is-sigurtà nazzjonali jew meħtieġa fl-interess tad-difiża.
Artikolu 2
Oqsma ta’ prijorità
1. Għall-fini ta’ din id-Direttiva dawn li ġejjin għandhom ikunu l-oqsma ta’ prijorità għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards:
— I. użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar;
— II. kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u l-merkanzija;
— III. applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq;
— IV. kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport.
2. L-ambitu tal-oqsma ta’ prijorità hu speċifikat fl-Anness I.
Artikolu 3
Azzjonijiet ta’ prijorità
Dawn li ġejjin għandhom ikunu azzjonijiet ta’ prijorità għall-oqsma ta’ prijorità imsemmijin fl-Artikolu 2 għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards, kif stabbilit fl-Anness I:
(a) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha;
(b) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha;
(c) data u proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti;
(d) il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha;
(e) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali;
(f) il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti” jew “sistemi STI” tfisser sistemi li fihom ikunu applikati teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq, inklużi l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti, u fil-ġestjoni tat-traffiku u l-ġestjoni tal-mobbiltà, kif ukoll għal interkonnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport;
(2) “interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tas-sistemi, u tal-proċessi industrijali li dawn is-sistemi jissejsu fuqhom, li jiskambjaw id-data u jikkondividu l-informazzjoni u l-konoxxenza;
(3) “applikazzjoni tas-sistemi STI” tfisser strument operattiv għall-applikazzjoni tas-sistemi STI;
(4) “servizzi tas-sistemi STI” tfisser il-forniment ta’ applikazzjoni tas-sistemi STI permezz ta’ qafas organizzattiv u operattiv definit sew bl-għan li jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-utenti, l-effiċjenza, il-kumdità u/jew il-faċilitazzjoni jew is-sostenn tal-operat tat-trasport u l-ivvjaġġar;
(5) “fornitur tas-servizzi tas-sistemi STI” tfisser kwalunkwe fornitur ta’ servizz tas-sistemi STI, kemm jekk pubbliku jew privat;
(6) “utent tas-sistemi STI” tfisser kwalunkwe utent tal-applikazzjonijiet jew is-servizzi tas-sistemi STI fosthom il-vjaġġaturi, l-utenti vulnerabbli tat-toroq, l-utenti u l-operaturi tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq, il-ġesturi tal-flotot u l-operaturi tas-servizzi tal-emerġenza;
(7) “utenti vulnerabbli tat-toroq” tfisser utenti tat-toroq mingħajr vettura bil-mutur, bħal pereżempju n-nies mexjin fit-triq u ċ-ċiklisti, kif ukoll is-sewwieqa tal-muturi u l-persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà u orjentament limitati;
(8) “apparat nomadiku” tfisser apparat tal-komunikazzjoni jew tal-informazzjoni li jista’ jinġarr ġo vettura b’appoġġ għall-kompitu tas-sewqan u/jew l-operazzjonijiet tat-trasport;
(9) “pjattaforma” tfisser unità ta’ abbord jew mhux ta’ abbord li tippermetti l-varar, il-forniment, l-isfruttar u l-integrazzjoni ta’ applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi STI;
(10) “arkitettura” tfisser id-disinn kunċettwali li jiddefinixxi l-istruttura, l-imġiba u l-integrazzjoni ta’ sistema speċifika fil-kuntest ta’ madwarha;
(11) “interkonnessjoni” tfisser faċilità bejn sistemi li tipprovdi l-mezzi li bihom jistgħu jikkollegaw u jaġixxu ma’ xulxin;
(12) “kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità ġenerali ta’ apparat jew sistema li taħdem ma’ apparat jew sistema oħra mingħajr modifika;
(13) “kontinwità tas-servizzi” tfisser il-kapaċità li jkunu żgurati servizzi mingħajr interruzzjoni fin-netwerks tat-trasport fl-Unjoni kollha;
(14) “data it-toroq” tfisser data dwar il-karatteristiċi tal-infrastruttura tat-toroq, inklużi s-sinjali tat-traffiku mwaħħlin jew l-attributi regolatorji tagħhom tas-sikurezza;
(15) “data dwar it-traffiku” tfisser data storika u f’ħin reali dwar il-karatteristiċi tat-traffiku fit-toroq;
(16) “data dwar l-ivvjaġġar” tfisser data bażika, bħal skedi tal-ħin tat-trasport pubbiku u tariffi, meħtieġa biex tingħata informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali qabel u waqt il-vjaġġ biex tiffaċilita l-ippjanar, l-irriżervar u l-adattament tal-ivvjaġġar;
(17) “speċifikazzjoni” tfisser miżura li torbot li tistipula dispożizzjonijiet li fihom rekwiżiti, proċeduri jew kwalunkwe regola oħra rilevanti;
(18) “standard” tfisser standard kif definit fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi ( 1 ).
Artikolu 5
Varar tas-sistemi STI
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI, meta dawn ikunu varati, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar min-naħa tiegħu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu. Dan id-dritt huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att leġislattiv adottat taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2).
2. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu sforz sabiex jikkooperaw fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, safejn ma jkunux ġew adottati speċifikazzjonijiet.
Artikolu 6
Speċifikazzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tadotta l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għall-azzjonijiet ta’ prijorità.
2. Il-Kummissjoni għandha timmira li tadotta speċifikazzjonijiet għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sas-27 ta’ Frar 2013.
Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal xi azzjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun il-każ, wara li twettaq stima tal-impatt inkluża analiżi tal-benefiċċju mqabbel mal-ispiża, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE dwar il-varar ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità.
3. Ladarba jkunu ġew stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-azzjonijiet ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjonijiet li jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għal azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità.
4. Fejn ikun rilevanti, u skont il-qasam kopert mill-ispeċifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi wieħed jew aktar mit-tipi ta’ dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) dispożizzjonijiet funzjonali: jiddeskrivu r-rwoli tad-diversi partijiet interessati u l-fluss ta’ informazzjoni bejniethom;
(b) dispożizzjonijiet tekniċi li jipprovdu għall-mezzi tekniċi biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet funzjonali;
(c) dispożizzjonijiet organizzattivi li jiddeskrivu l-obbligi proċedurali tad-diversi partijiet interessati;
(d) dispożizzjonijiet dwar servizzi li jiddeskrivu d-diversi livelli ta’ servizzi u l-kontenut tagħhom għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI.
5. Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri skont id-Direttiva 98/34/KE l-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jistipulaw il-kondizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jistabbilixxu regoli addizzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-sistemi STI fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, sakemm dawk ir-regoli ma jostakolawx l-interoperabbiltà.
6. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu bbażati fuq kwalunkwe standard imsemmi fl-Artikolu 8.
L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jipprevedu valutazzjoni tal-konformità skont id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.
L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II.
7. Il-Kummissjoni għandha twettaq stima tal-impatt inkluża analiżi tal-benefiċċju mqabbel mal-ispiża qabel l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.
Artikolu 7
Atti delegati
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet. Fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti delegati l-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l- mal-Artikolu 6 u mal-Anness II.
2. Għandu jiġi adottat att delegat separat għal kull azzjoni ta’ prijorità.
3. Għall-atti delegati msemmijin f’dan l-Artikolu, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 12, 13 u 14.
Artikolu 8
Standards
1. L-istandards meħtieġa biex ikunu pprovduti interoperabbiltà, kompatibbiltà u kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għandhom jiġu żviluppati fl-oqsma ta’ prijorità u għall-azzjonijiet ta’ prijorità. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 15, għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE biex iwettqu kull sforz meħtieġ biex jadottaw dawn l-istandards mill-aktar fis.
2. Meta jinħareġ mandat lill-korpi tal-istandardizzazzjoni, għandhom ikunu rrispettati l-prinċipji stabbiliti fl-Anness II kif ukoll kull dispożizzjoni funzjonali mdaħħla fi speċifikazzjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 6.
Artikolu 9
Miżuri mhux vinkolanti
Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida u miżuri mhux vinkolanti oħra biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Istati Membri rigward l-oqsma ta’ prijorità f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 10
Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tat-tħaddim tas-sistemi STI jitwettaq f’konformità mar-regoli Komunitarji li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.
2. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali tkun protetta kontra l-użu skorrett, fosthom aċċess mhux awtorizzat, tibdil jew telf.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, sabiex tkun żgurata l-privatezza, għandu jkun inkoraġġit l-użu ta’ data anonima, fejn ikun il-każ, għat-twettiq tal-applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi STI.
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46 id-data personali għandha tkun ipproċessata biss safejn tali pproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI.
4. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE u b’mod partikolari fejn ikunu involuti kategoriji speċjali ta’ data personali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data personali jkunu rrispettati.
5. Id-Direttiva 2003/98/KE għandha tapplika.
Artikolu 11
Regoli dwar ir-responsabbiltà
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà, dwar il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6, ikunu indirizzati f’konformità mal-liġi eżistenti tal-Unjoni, inkluża b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi ( 2 ), kif ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.
Artikolu 12
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' tti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-27 ta' Awwissu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
▼M1 —————
Artikolu 15
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI (EIC).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikolu 3 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 16
Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI biex jagħtiha pariri dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar u l-użu tas-sistemi STI fl-Unjoni. Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, is-sieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-awtoritajiet lokali u fora oħra rilevanti.
Artikolu 17
Rappurtar
1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2011 rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali tagħhom dwar l-oqsma ta’ prijorità.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2012 b’informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti.
Il-linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).
3. Konsegwentement għall-ewwel rapport, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-varar tal-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun flimkien ma’ analiżi dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni, inklużi r-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa, tal-Artikoli 5 sa 11 u tal-Artikolu 16, u għandu jivvaluta l-ħtieġa li din id-Direttiva tiġi emendata, fejn ikun il-każ.
5. F'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma, sas-27 ta' Frar 2011. Il-programm ta' ħidma għandu jinkludi objettivi u dati għall-implimentazzjoni tiegħu kull sena u jekk ikun meħtieġ għandu jipproponi l-adattamenti meħtieġa.
Il-Kummissjoni għandha taġġorna il-programm ta' ħidma relatat mal-azzjonijiet taħt l-Artikolu 6(3) sal-10 ta' Jannar 2019 u qabel kull estensjoni sussegwenti ta' ħames snin tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 12(2).
Artikolu 18
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Frar 2012.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza, u t-test tagħha, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
OQSMA U AZZJONIJIET TA’ PRIJORITÀ
(kif imsemmijin fl-Artikoli 2 u 3)
— Qasam ta’ prijorità I: Użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar
L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għal użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar għandhom jinkludu dan li ġej:
1. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (a)
Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha jsiru preċiżi u disponibbli transkonfinalment għall-utenti tas-sistemi STI, abbażi ta’:
— id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data eżistenti u preċiża dwar it-toroq u t-traffiku f’ħin reali użata għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u l-ġestjoni tat-trasport;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-sistemi STI, transkonfinalment;
— l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;
— l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni dwar l-ivjaġġar multimodali mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI.
2. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (b)
Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku fl-UE kollha jsiru preċiżi u disponibbli transkonfinalment għall-utenti tas-sistemi STI, abbażi ta’:
— id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data eżistenti u preċiża dwar it-toroq u t-traffiku f’ħin reali użata għall-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u l-ġestjoni tat-trasport;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-sistemi STI, transkonfinalment;
— l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku użata għall-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;
— l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI.
3. Speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet ta’ prijorità (a) u (b)
3.1. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa għall-ġbir mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn hu rilevanti, mis-settur privat tad-data dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati, speċjalment għall-vetturi kbar tal-merkanzija) u għall-għoti ta’ dawn lill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, ibbażata fuq:
— id-disponibbiltà, għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, ta’ data eżistenti dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u rotot rakkomandati) miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew mis-settur privat;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI;
— l-aġġornament f’waqtu, mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn rilevanti, is-settur privat, ta’ data dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati);
— l-aġġornament f’waqtu, mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tas-sistemi STI bl-użu ta’ din id-data dwar it-toroq u t-traffiku.
3.2. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex id-data dwar it-toroq, it-traffiku u s-servizzi tat-trasport użata għall-mapep diġitali ssir preċiża u disponibbli, fejn ikun possibbli, għall-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali, abbażi ta’:
— id-disponibbiltà ta’ data eżistenti dwar it-toroq u t-traffiku użata għall-mapep diġitali għall-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-produtturi u l-fornituri privati tal-mapep diġitali;
— l-aġġornament f’waqtu tad-data dwar it-toroq u t-traffiku għall-mapep diġitali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;
— l-aġġornament f’waqtu tal-mapep diġitali mill-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali.
4. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (c)
Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi, ta’ ‘informazzjoni universali dwar it-traffiku’ relatati mas-sikurezza fit-toroq, mogħtija, fejn ikun possibbli, mingħajr ħlas għall-utenti kollha tat-toroq, kif ukoll il-kontenut minimu tagħhom, abbażi ta’:
— l-identifikazzjoni u l-użu ta’ lista standardizzata ta’ avvenimenti tat-traffiku relatati mas-sikurezza (‘messaġġi universali dwar it-traffiku’) li għandhom jiġu kkomunikati lill-utenti tas-sistemi STI mingħajr ħlas;
— il-kompatibbiltà u l-integrazzjoni tal-‘messaġġi universali dwar it-traffiku’ fis-servizzi tas-sistemi STI għall-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar multimodali.
— Qasam ta’ prijorità II: Kontinwità tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija
L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u l-merkanzija, b’mod partikolari dwar in-netwerk TEN-T, għandhom jinkludu dan li ġej:
1. Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra
1.1. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tal-Arkitettura Qafas tal-UE tas-sistemi STI, li jindirizzaw speċifikament l-interoperabbiltà, il-kontinwità tas-servizzi u l-aspetti multimodali relatati mas-sistemi STI, inkluż pereżempju t-tikkettjar interoperabbli multimodali, fejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom f’kooperazzjoni mas-settur privat jistgħu jiżviluppaw l-arkitettura tas-sistemi STI tagħhom għall-mobbiltà fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.
1.2. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI, b’mod partikolari għas-servizzi transkonfinali, għall-ġestjoni tat-trasport tal-passiġġieri permezz ta’ modi differenti ta’ trasport, abbażi ta’:
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku għal data dwar it-traffiku u l-informazzjoni transkonfinali, u fejn ikun il-każ, ir-reġjuni, jew bejn iż-żoni urbani u dawk interurbani, bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u l-partijiet interessati differenti;
— l-użu ta’ flussi tal-informazzjoni jew interkonnessjonijiet tat-traffiku standardizzati bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u partijiet interessati differenti.
1.3. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI għall-ġestjoni tal-merkanzija tul il-kurituri tat-trasport u b’modi differenti ta’ trasport, abbażi ta’:
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku għal data dwar it-traffiku u l-informazzjoni transkonfinali, u fejn ikun il-każ, ir-reġjuni, jew bejn iż-żoni urbani u dawk interurbani, bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u l-partijiet interessati differenti;
— l-użu ta’ flussi tal-informazzjoni jew interkonnessjonijiet tat-traffiku standardizzati bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u partijiet interessati differenti.
1.4. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa fit-twettiq tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI (b’mod partikolari l-lokalizzazzjoni u t-traċċar tal-merkanzija tul il-vjaġġ tagħha u fil-modi kollha ta’ trasport) għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija (‘eFreight’), ibbażata fuq:
— id-disponibbiltà tat-teknoloġiji rilevanti tas-sistemi STI u l-użu tagħhom mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI;
— l-integrazzjoni tar-riżultati tal-pożizzjonament fl-għodod u ċ-ċentri tal-ġestjoni tat-traffiku.
1.5. Id-definizzjoni tal-interkonnessjonijiet meħtieġa biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà bejn l-arkitettura urbana tas-sistemi STI u l-arkitettura Ewropea tas-sistemi STI, abbażi ta’:
— id-disponibbiltà tad-data dwar it-trasport pubbliku, l-ippjanar tal-vjaġġi, id-domanda għat-trasport, it-traffiku u l-parkeġġ għaċ-ċentri u l-fornituri tas-servizzi tal-kontroll urbani;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn iċ-ċentri u l-fornituri tas-servizzi differenti tal-kontroll urbani għat-trasport pubbliku jew privat u bejn il-modi kollha possibbli ta’ trasport;
— l-integrazzjoni tad-data u l-informazzjoni kollha rilevanti f’arkitettura waħda.
— Qasam ta’ prijorità III: Applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq
L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq għandhom jinkludu dan li ġej:
1. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (d)
Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha, li jinkludu:
— id-disponibbiltà tad-data obbligatorja tas-sistemi STI fil-vetturi li trid tiġi skambjata;
— id-disponibbiltà tat-tagħmir meħtieġ fiċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza li jirċievu d-data li tkun ntbagħtet mill-vetturi;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn il-vetturi u ċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza.
2. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (e)
Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni bbażati fuq is-sistemi STI għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, b’mod partikolari f’żoni ta’ servizz u serħan fit-toroq, abbażi ta’:
— id-disponibblità tal-informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-toroq għall-utenti;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn is-siti tal-parkeġġ fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi.
3. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (f)
Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta’ rriżervar ibbażati fuq is-sistemi STI għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali abbażi ta’:
— id-disponibblità tal-informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-toroq għall-utenti;
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn is-siti tal-parkeġġ fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi;
— l-integrazzjoni tat-teknoloġiji rilevanti tas-sistemi STI kemm fil-vetturi kif ukoll fil-faċilitajiet tal-parkeġġ fit-toroq biex tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-ispazji ta’ parkeġġ disponibbli għall-finijiet ta’ rriżervar.
4. Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra
4.1. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-appoġġ tas-sikurezza tal-utenti tat-toroq fir-rigward tal-Interkonnessjoni bejn il-Magni u l-Bniedem abbord il-vetturi u l-użu ta’ apparat nomadiku biex jappoġġja l-attività tas-sewqan u/jew l-operazzjoni ta’ trasport, kif ukoll is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet fil-vetturi;
4.2. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittejbu s-sikurezza u l-kumdità tal-utenti vulnerabbli tat-toroq għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha tas-sistemi STI;
4.3. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintegraw is-sistemi tal-informazzjoni avvanzati tal-appoġġ għas-sewwieqa fl-infrastruttura tat-toroq u l-vetturi li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2007/46/KE, 2002/24/KE u 2003/37/KE.
— Qasam ta’ prijorità IV: Kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport
L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kollegament ta’ vetturi mal-infrastruttura tat-trasport għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
1. Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra:
1.1. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tas-sistemi STI fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi, ibbażata fuq:
— l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti funzjonali tal-applikazzjonijiet eżistenti jew ippjanati tas-sistemi STI;
— id-definizzjoni ta’ arkitettura b’sistema miftuħa li tiddefinixxi l-funzjonalitajiet u l-interkonnessjonijiet meħtieġa għall-interoperabbiltà/interkonnessjoni mas-sistemi u l-faċilitajiet tal-infrastruttura;
— l-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI ġodda jew aġġornati fil-futur b’sistema ta’ ‘qabbad u uża’ fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi;
— l-użu tal-proċess tal-istandardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-arkitettura, u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa fil-vetturi.
1.2. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex isir aktar progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi kooperattivi (vettura-vettura, vettura-infrastruttura, infrastruttura-infrastruttura), ibbażata fuq:
— il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi, infrastruttura u bejn il-vettura u l-infrastruttura;
— id-disponibbiltà tad-data jew l-informazzjoni rilevanti li ser tiġi skambjata għall-partijiet rispettivi tal-vetturi jew tal-infrastruttura tat-toroq;
— l-użu ta’ format standardizzat tal-messaġġi għal dan l-iskambju tad-data jew informazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura;
— id-definizzjoni ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi, infrastrutturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura;
— l-użu ta’ proċessi ta’ standardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-arkitetturi rispettivi.
ANNESS II
PRINĊIPJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET U L-VARAR TAS-SISTEMI STI
(kif imsemmijin fl-Artikoli 5, 6 u 8)
L-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, il-ħruġ tal-mandati għall-istandards u l-għażla u l-varar tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li tinvolvi l-partijiet kollha interessati, u għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin. Dawn il-miżuri għandhom:
|
a) |
Ikunu effettivi — jagħtu kontribut tanġibbli għas-soluzzjoni tal-isfidi prinċipali li jaffettwaw it-trasport bit-triq fl-Ewropa (pereżempju t-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tnaqqis tal-emissjonjiet, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, il-ksib ta’ livelli ogħla ta’ sikurezza u sigurtà inkluż għall-utenti vulnerabbli tat-toroq); |
|
b) |
Ikunu effettivi vis-à-vis l-ispiża — jottimizzaw il-proporzjon ta’ prestazzjoni relattivament għall-ispejjeż fir-rigward tal-objettivi milħuqa; |
|
c) |
Ikunu proporzjonati — jipprevedu, fejn ikun il-każ, livelli differenti ta’ kwalità u varar tas-servizz li jistgħu jinkisbu, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej; |
|
d) |
Jappoġġaw il-kontinwità tas-servizzi — jiżguraw servizzi mingħajr interruzzjoni fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fuq in-netwerk trans-Ewropew, u fejn ikun possibbli fil-fruntieri esterni tagħha, meta jiġu varati is-servizzi tas-sistemi STI. Il-kontinwità tas-servizzi għandha tkun żgurata, f’livell adattat għall-karatteristiċi tan-netwerks tat-trasport li jikkollegaw pajjiżi ma’ pajjiżi, u fejn ikun il-każ, reġjuni ma’ reġjuni u bliet ma’ żoni rurali; |
|
e) |
Jipprovdu interoperabbiltà — jiżguraw li s-sistemi u l-proċessi tan-negozju sottostanti jkollhom il-kapaċità li jagħmlu skambju ta’ data u jikkondividu informazzjoni u konoxxenza sabiex ikun jista’ jiġi pprovdut servizz effettiv tas-sistemi STI; |
|
f) |
Jirrispettaw il-kompatibbiltà b’lura — jiżguraw, fejn ikun il-każ, il-kapaċità għas-sistemi tas-sistemi STI li jaħdmu mas-sistemi eżistenti li jikkondividu għan komuni, mingħajr ma jostakolaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda; |
|
g) |
Jirrispettaw il-karatteristiċi nazzjonali tal-infrastruttura u tan-netwerk — iqisu d-differenzi li hemm fil-karatteristiċi tan-netwerks tat-trasport, b’mod partikolari fid-daqsijiet tal-volumi tat-traffiku u fil-kondizzjonijiet tat-temp fit-toroq; |
|
h) |
Jippromwovu l-ugwaljanza tal-aċċess — la jimpedixxu u lanqas jiddiskriminaw kontra l-aċċess għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI mill-utenti vulnerabbli tat-toroq; |
|
i) |
Jappoġġaw il-maturità — juru, wara valutazzjoni tar-riskju adatta, ir-robustezza tas-sistemi STI innovattivi, permezz ta’ livell suffiċjenti ta’ żvilupp tekniku u esplojtazzjoni operattiva; |
|
j) |
Jipprovdu kwalità fil-kronometraġġ u l-pożizzjonament — jużaw infrastrutturi li jiddipendu mis-satelliti, jew kwalunkwe teknoloġija li tipprovdi livelli ekwivalenti ta’ preċiżjoni għall-finijiet tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI li jeħtieġu servizzi ta’ kronometraġġ u pożizzjonament globali, kontinwi, preċiżi u ggarantiti; |
|
k) |
Jiffaċilitaw l-intermodalità — iqisu l-koordinament tad-diversi modi ta’ trasport, fejn ikun il-każ, waqt il-varar tas-sistemi STI; |
|
l) |
Jirrispettaw il-koerenza — iqisu r-regoli, il-politika u l-attivitajiet eżistenti tal-Unjoni li jkunu rilevanti fil-qasam tas-sistemi STI, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. |
( 1 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37 (MT: Edizzjoni Speċjali, Kap 13, Vol 020, p. 337).
( 2 ) ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 1, p. 257).