EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006R1367-20211028

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1367/2021-10-28

02006R1367 — MT — 28.10.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 1367/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Settembru 2006

dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

(ĠU L 264 25.9.2006, p. 13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2021/1767 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ Ottubru 2021

  L 356

1

8.10.2021




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 1367/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Settembru 2006

dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali



TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

1.  

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw taħt il-Konvenzjoni ta' l-UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni Aarhus”, billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ , partikolarment billi:

(a) 

jiġi garantit id-dritt għall-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent riċevuta jew prodotta minn istituzzjonijiet jew korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ u miżmuma minnhom, u billi jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi ta' l-eżerċizzju ta' dak id-dritt u l-arranġamenti prattiċi għall-istess eżerċizzju;

(b) 

jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-ambjent tiġi progressivament magħmula disponibbli u mxerrda lill-pubbliku sabiex jinkisbu kemm id-disponibbiltà kif ukoll it-tixrid sistematiċi l-aktar ampji tagħha. Għal dak il-għan għandu jiġi promoss, fejn disponibbli, l-użu, partikolarment, tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika;

(ċ) 

jkun hemm provvediment għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent;

(d) 

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell ►M1  tal-Unjoni ◄ taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b'dan ir-Regolament.

2.  
Fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jassistu u jipprovdu gwida lill-pubbliku fir-rigward ta' l-aċċess għall-informazzjoni, tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta' l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) 

“applikant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li titlob informazzjoni dwar l-ambjent;

(b) 

“il-pubbliku” tfisser persuna, jew persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi ta' tali persuni;

(ċ) 

“istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni ◄ ” tfisser kwalunkwe istituzzjoni pubblika, korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti ►M1  mit-TFUE ◄ jew abbażi ta' l-istess ►M1  TFUE ◄ ħlief meta jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva. Madankollu, id-disposizzjonijiet taħt it-Titolu II għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet jew korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ meta dawn jaġixxu f'kapaċità leġiżlattiva;

(d) 

“informazzjoni dwar l-ambjent” tfisser kwalunkwe informazzjoni f'għamla miktuba, viżwali, li tinstema', elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

(i) 

l-istat ta' l-elementi ta' l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi organiżmi ġenetikament modifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

(ii) 

fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x'aktarx jaffettwaw l-elementi ta' l-ambjent msemmija fil-punt (i);

(iii) 

miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-linji politiċi, il-leġislazzjoni, il-pjanijiet, il-programmi, il-ftehim ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew li x'aktarx jaffettwaw l-elementi u l-fatturi msemmija fil-punti (i) u (ii) kif ukoll miżuri jew attivitajiet intiżi sabiex jipproteġu dawn l-elementi;

(iv) 

rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni dwar l-ambjent;

(v) 

l-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u analiżi u ipotesi ekonomiċi oħra wżati fil-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (iii);

(vi) 

l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, inklużi t-tniġġiż tal-katina alimentari, fejn rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija safejn jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta' l-elementi ta' l-ambjent imsemmija fil-punt (i) jew, permezz ta' dawn l-elementi, minn kwalunkwe materja msemmija fil-punti (ii) u (iii).

(e) 

“pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent” tfisser pjanijiet u programmi,

(i) 

li huma soġġetti għall-preparazzjoni u, skond il-każ, l-adozzjoni minn xi istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni; ◄

(ii) 

li huma meħtieġa taħt disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi; u

(iii) 

li jikkontribwixxu jew li jistgħu isarrfu sinifikattivament għall-kisba ta' l-objettivi tal-politika ambjentali ►M1  tal-Unjoni ◄ , bħal dawk stabbiliti fis-Sitt Programm ta’ Azzjoni ►M1  tal-Unjoni ◄ dwar l-Ambjent, jew fi kwalunkwe programm ġenerali ta' azzjoni ambjentali sussegwenti.

Il-programmi ġenerali ta' azzjoni ambjentali għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent.

Din id-definizzjoni m'għandhiex tinkludi pjanijiet u programmi finanzjarji jew tal-budget, jiġifieri dawk li jistabbilixxu kif għandhom jiġu finanzjati proġetti jew attivitajiet partikolari, jew dawk relatati mal-budgets annwali proposti, programmi interni ta' xogħol ta' xi istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni, ◄ jew pjanijiet u programmi ta' emerġenza magħmula għall-għan waħdieni tal-protezzjoni ċivili;

(f) 

“liġi ambjentali” tfisser leġislazzjoni ►M1  tal-Unjoni ◄ li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet tal-politika ►M1  tal-Unjoni ◄ dwar l-ambjent kif stabbiliti ►M1  fit-TFUE: ◄  il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta' risorsi naturali, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija;

▼M1

(g) 

“att amministrattiv” tfisser kull att mhux leġiżlattiv li jiġi adottat minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, li jkollu effetti legali u esterni u li jkun fih dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru l-liġijiet ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1);

(h) 

“ommissjoni amministrattiva” tfisser kull nuqqas min-naħa ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li tadotta att mhux leġiżlattiv li jkollu effetti legali u esterni, fejn tali nuqqas jista’ jikser il-liġijiet ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1).

▼B

2.  

Atti amministrattivi u ommissjonijiet amministrattivi ma għandhomx jinkludu miżuri meħuda jew ommissjonijiet minn xi istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni ◄ fil-kapaċità tagħhom bħala korpi amministrattivi ta' reviżjoni, bħal taħt:

(a) 

l-Artikoli 81, 82, 86 u 87 ►M1  tat-TFUE ◄ (regoli tal-kompetizzjoni);

(b) 

l-Artikoli 226 u 228 ►M1  tat-TFUE ◄ (proċeduri fuq ksur);

(ċ) 

l-Artikolu 195 ►M1  tat-TFUE ◄ (proċeduri ta' l-Ombudsman);

(d) 

l-Artikolu 280 ►M1  tat-TFUE ◄ (proċeduri ta' l-OLAF).



TITOLU II

AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI DWAR L-AMBJENT

Artikolu 3

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta' istituzzjonijiet u korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ minghajr diskriminazzjoni abbażi ta' ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta' persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta' l-attivitajiet tagħha.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kelma “istituzzjoni” fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha tinqara bħala “istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjon ◄ i”.

Artikolu 4

Ġbir u tixrid ta' informazzjoni dwar l-ambjent

1.  

L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jorganizzaw l-informazzjoni dwar l-ambjent pertinenti għall-funzjonijiet tagħhom u li tinsab fil-pussess tagħhom, bil-għan li tiġi mxerrda lill-pubbliku b'mod attiv u sistematiku, partikolarment permezz tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika skond l-Artikolu 11(1) u (2), u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Huma għandhom jagħmlu din l-informazzjoni dwar l-ambjent progressivament disponibbli f'databases elettroniċi li huma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' networks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom iqiegħdu din l-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma minnhom f'databases u jattrezzaw dawn b'għajnuniet għat-tiftix u forom oħra ta' software maħsuba sabiex jgħinu lill-pubbliku jsib l-informazzjoni li jeħtieġ.

M'hemmx bżonn li l-informazzjoni provduta permezz tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika tinkludi l-informazzjoni miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sakemm din mhijiex diġa' disponibbli f'forma elettronika. L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom safejn possibbli jindikaw fejn tinsab l-informazzjoni miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament li mhix disponibbli f'forma elettronika.

L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli sabiex iżommu l-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma minnhom f'forom jew f'formati li jistgħu jiġu riprodotti faċilment u li huma aċċessibbli bil-mezzi kompjuterizzati tat-telekomunikazzjoni jew b'mezzi oħra elettroniċi.

2.  

L-informazzjoni dwar l-ambjent li għandha tkun disponibbli u tiġi mxerrda għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ. Barra d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 12(2) u (3) u l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, id-databases jew ir-reġistri għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) 

testi ta' trattati internazzjonali, konvenzjonijiet jew ftehim, u tal-leġislazzjoni ►M1  tal-Unjoni ◄ dwar l-ambjent jew relatata miegħu, u ta' linji politiċi, pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent;

(b) 

rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni ta' l-elementi msemmija fil-punt (a) meta jkunu ppreparati jew miżmuma f'forma elettronika mill-istituzzjonijiet jew korpi ►M1  tal-Unjoni; ◄

(ċ) 

il-passi meħuda fi proċedimenti għall-ksur tal-liġi ►M1  tal-Unjoni ◄ mill-istadju ta' l-opinjoni raġunata skond l-Artikolu 226(1) ►M1  tat-TFUE ◄ ;

(d) 

rapporti dwar l-istat ta' l-ambjent kif imsemmi fil-paragrafu 4;

(e) 

data jew riassunti ta' data meħuda mill-monitoraġġ ta' attivitajiet li jaffettwaw, jew li jistgħu jaffettwaw, l-ambjent;

(f) 

awtorizzazzjonijiet b'impatt sinifikattiv fuq l-ambjent u ftehim dwar l-ambjent, jew riferenza għall-post fejn tista' tintalab jew tinkiseb tali informazzjoni;

(ġ) 

studji dwar l-impatt fuq l-ambjent u l-istima tar-riskji li jirrigwardaw elementi ambjentali, jew riferenza għall-post fejn tista' tintalab jew tinkiseb tali informazzjoni.

3.  
Fejn ikun opportun, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 billi joħolqu kollegamenti ma' siti ta' l-Internet fejn tista' tinstab l-informazzjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, f'intervalli regolari li ma jaqbżux erba' snin, jiġi pubblikat u mxerred rapport dwar l-istat ta' l-ambjent, inkluża informazzjoni dwar il-kwalità ta' l-ambjent u l-pressjonijiet fuqu.

Artikolu 5

Kwalità ta' l-informazzjoni dwar l-ambjent

1.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom, safejn ikun fis-setgħa tagħhom, jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni miġbura minnhom jew f'isimhom tkun aġġornata, preċiża u komparabbli.
2.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom, meta jiġu mitluba, jinfurmaw lill-applikant bil-post fejn tista' tinstab, jekk tkun disponibbli, informazzjoni dwar il-proċeduri ta' kejl, inklużi l-metodi ta' analiżi, ta' teħid ta' kampjuni u ta' trattament minn qabel ta' kampjuni, użati fil-ġbir ta' l-informazzjoni. Alternattivament, huma jistgħu jirreferuh għall-proċedura standardizzata li ġiet użata.

Artikolu 6

Applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet fir-rigward ta' talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent

1.  
Fir-rigward ta' l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b'eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b'mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi ►M1  tal-Unjoni, ◄ għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma' emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b' mod restrittiv, b'kont meħud ta' l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma' emissjonijiet fl-ambjent.
2.  
Flimkien ma' l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ jistgħu jirrifjutaw aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fejn l-iżvelar ta' l-informazzjoni jolqot ħażin il-protezzjoni ta' l-ambjent li għalih tirriferi l-informazzjoni, bħas-siti tat-trobbija ta' speċi rari.

Artikolu 7

Talbiet għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent li mhijiex fil-pussess ta' istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni ◄

Fejn xi istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni ◄ tirċievi talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent u fejn din l-informazzjoni ma tkunx fil-pussess ta' dik l-istituzzjoni jew ta' dak il-korp ►M1  tal-Unjoni ◄ , din għandha, malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn 15 il-jum ta' xogħol, tinforma lill-applikant b'dik l-istituzzjoni jew b'dak il-korp ►M1  tal-Unjoni ◄ jew bl-awtorità pubblika fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE li minn għandha tista possibilment tinkiseb l-informazzjoni mitluba, jew tittrasferixxi t-talba lill-istituzzjoni jew korp ►M1  tal-Unjoni ◄ jew lill-awtorità pubblika pertinenti u tinforma lill-applikant bl-istess.

Artikolu 8

Koperazzjoni

Fil-każ ta' theddida imminenti għas-saħħa tal-bniedem, il-ħajja jew għall-ambjent, kemm jekk ikkawżata minn attivitajiet tal-bniedem kif ukoll jekk dovuta għal kawżi naturali, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom, fuq talba ta' l-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE, jikkollaboraw ma' dawk l-awtoritajiet pubbliċi u jassistuhom sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jxerrdu minnufih lill-pubbliku, li jista' jkun affetwat, l-informazzjoni kollha dwar l-ambjent li tista' tgħinu jieħu miżuri sabiex jimpedixxi jew inaqqas il-ħsara kkawżata mit-theddida, safejn din l-informazzjoni tkun fil-pussess, jew miżmuma għan-nom, ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ u/jew dawk l-awtoritajiet pubbliċi.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika bla ħsara għal kwalunkwe obbligu speċifiku stabbilit fil-liġi ►M1  tal-Unjoni, ◄ partikolarment bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE u bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE.



TITOLU III

PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU FIR-RIGWARD TA' PJANIJIET U PROGRAMMI RELATATI MA' L-AMBJENT

Artikolu 9

1.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jipprovdu, permezz ta' disposizzjonijiet prattiċi u/jew oħrajn adegwati, opportunitajiet bikrija u effettivi għall-pubbliku sabiex jipparteċipa matul il-preparazzjoni, il-modifika jew ir-reviżjoni tal-pjanijiet jew programmi relatati ma' l-ambjent meta l-għażliet kollha ikunu għadhom miftuħa. Partikolarment fejn il-Kummissjoni tipprepara proposta għal tali pjan jew programm li tiġi preżentata lill-istituzzjonijiet jew korpi oħra ►M1  tal-Unjoni ◄ għal deċiżjoni, hija għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'dak l-istadju preparatorju.
2.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jidentifikaw il-pubbliku affetwat jew li probabbilment jiġi affetwat minn xi pjan jew programm tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1, jew li jkollu interess fih, b'kont meħud ta' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.
3.  

L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jiżguraw li l-pubbliku msemmi fil-paragrafu 2 jiġi informat, jew permezz ta' avviżi pubbliċi jew b'mezzi oħra adatti, bħal mezzi elettroniċi fejn disponibbli, b'dawn li ġejjin:

(a) 

l-abbozz tal-proposta, fejn disponibbli;

(b) 

l-informazzjoni dwar l-ambjent jew l-istima ambjentali pertinenti għall-pjan jew programm li jkun qiegħed jiġi preparat, fejn disponibbli; u

(ċ) 

arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni, inklużi:

(i) 

l-entità amministrattiva li minnha tista' tinkiseb l-informazzjoni pertinenti,

(ii) 

l-entità amministrattiva li lilha jistgħu jiġu preżentati kummenti, opinjonijiet jew mistoqsijiet, u

(iii) 

limiti kronoloġiċi raġonevoli li jagħtu żmien suffiċjenti lill-pubbliku sabiex jinforma ruħu u jipprepara u jipparteċipa effettivament fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent.

4.  
Għandu jiġi ffissat limitu ta' żmien perentorju ta' mhux inqas minn tmien ġimgħat sabiex jintlaqgħu kummenti. Fejn jiġu organizzati laqgħat jew udjenzi, għandu jingħata avviż minn qabel ta' mhux inqas minn erba' ġimgħat. Il-limiti ta' żmien perentorji jistgħu jitnaqqsu f'każijiet urġenti jew fejn il-pubbliku diġa' kellu l-opportunità li jikkummenta dwar il-pjan jew programm in kwistjoni.
(5)  
Fit-teħid ta' deċiżjoni dwar pjan jew programm marbuta ma' l-ambjent, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jieħdu kont debitu tar-riżultat tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. L-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jinformaw lill-pubbliku dwar dak il-pjan jew programm, inkluż it-test tagħhom, u dwar ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni, inkluż informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.



TITOLU IV

REVIŻJONI INTERNA U AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 10

Talba għal reviżjoni interna ta' l-atti amministrattivi

▼M1

1.  
Kull organizzazzjoni mhux governattiva jew membri oħra tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu talba ta’ rieżami intern lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni li adottaw l-att amministrattiv jew, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, kellhom jadottaw tali att, għar-raġuni li tali att jew tali ommissjoni jiksru l-liġi ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1).

Tali talbiet għandhom isiru bil-miktub u f’limitu ta’ żmien li ma jaqbiżx it-tmien ġimgħat wara li jkun ġie adottat, notifikat jew ippubblikat l-att amministrattiv, skont liema jkun l-aktar tard, jew, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, tmien ġimgħat wara d-data li fiha kien meħtieġ l-att amministrattiv. It-talba għandha tinkludi r-raġunijiet għar-rieżami.

2.  
L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu kull tali talba, sakemm ma tkunx infondata manifestament jew mhux sostanzjata b’mod ċar. F’każ li istituzzjoni jew korp tal-Unjoni taslilhom aktar minn talba waħda ta’ rieżami tal-istess att amministrattiv jew ommissjoni amministrattiva, l-istituzzjoni jew il-korp jistgħu jgħaqqdu t-talbiet flimkien u jittrattawhom bħala talba waħda. L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom fi tweġiba bil-miktub kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 16-il ġimgħa wara l-iskadenza ta’ tmien ġimgħat stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

▼B

3.  

Fejn, minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, l-istituzzjoni jew il-korp ►M1  tal-Unjoni ◄ ma jkunux jistgħu jaġixxu skond il-paragrafu 2, huma għandhom jinformaw lill-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-perjodu msemmi f'dak il-paragrafu, bir-raġunijiet għan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom u dwar meta għandhom il-ħsieb li jaġixxu.

▼M1

Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni għandhom jaġixxu fi żmien 22 ġimgħa mill-iskadenza ta’ tmien ġimgħat stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

▼B

Artikolu 11

Kriterji għal dritt fil-livell ►M1  tal-Unjoni ◄

1.  

Organizzazzjoni mhux governattiva għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10, kemm-il darba:

(a) 

tkun persuna ġuridika, indipendenti u mingħajr fini ta' profitt skond il-liġi nazzjonali jew il-prassi ta' Stat Membru;

(b) 

ikollha l-għan primarju dikjarat li tippromwovi l-protezzjoni ta' l-ambjent fil-kuntest tal-liġi ambjentali;

(ċ) 

tkun ilha teżisti għal aktar minn sentejn u tkun qiegħda ssegwi b'mod attiv l-għan imsemmi fil-punt (b);

(d) 

is-suġġett li dwaru ssir it-talba għal reviżjoni interna jinsab fl-ambitu ta' l-għan u ta' l-attivitajiet tagħha.

▼M1

2.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tiżgura li l-kriterji u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1a jiġu applikati b’mod trasparenti u konsistenti.

▼M1

Artikolu 11a

Pubblikazzjoni ta’ talbiet u deċiżjonijiet finali, u sistemi online għar-riċeviment ta’ talbiet

1.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jippubblikaw it-talbiet kollha ta’ rieżami intern malajr kemm jista’ jkun wara li jirċevuhom, kif ukoll id-deċiżjonijiet finali kollha dwar dawk it-talbiet malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħhom.
2.  
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu sistemi online biex jirċievu talbiet ta’ rieżami intern u jistgħu jirrikjedu li t-talbiet kollha ta’ rieżami intern jitressqu permezz tas-sistemi online tagħhom.

▼B

Artikolu 12

Proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1.  
L-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tista' tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti ►M1  tat-TFUE ◄ .

▼M1

2.  
Jekk l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni jonqsu milli jaġixxu f’konformità mal-Artikolu 10(2) jew (3), l-organizzazzjoni mhux governattiva jew membri oħra tal-pubbliku li jkunu għamlu t-talba ta’ rieżami intern skont l-Artikolu 10 jistgħu jiftħu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ►M1  tat-TFUE ◄ .

▼B



TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Miżuri ta' applikazzjoni

Fejn ikun meħtieġ, l-istituzzjonijiet u l-korpi ►M1  tal-Unjoni ◄ għandhom jadattaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawn l-adattamenti għandhom ikollhom effett mit-28 ta’ Ġunju 2007.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih ikun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Top