Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1334

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1334 tad-29 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 349/2010 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/4286

    ĠU L 166, 30.6.2023, p. 111–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1334/oj

    30.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 166/111


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1334

    tad-29 ta’ Ġunju 2023

    dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 349/2010

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

    (2)

    Il-preparat tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina ġie awtorizzat għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2010 (2).

    (3)

    Tressqet applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “komposti ta’ mikroelementi”. L-applikazzjoni inkludiet proposta biex jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni attwali, li tikkonsisti fit-tneħħija taż-żejt minerali mill-addittiv, li għalhekk għandu jitqies bħala sustanza u mhux preparat. Barra minn hekk, il-kontenut minimu tar-ram fl-addittiv ġie kemxejn modifikat. Ma’ din l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tal-5 ta’ Mejju 2021 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-addittiv, fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, għadu sikur għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. Ikkonkludiet ukoll li l-addittiv huwa meqjus bħala irritant tal-ġilda u tal-għajnejn u sensitizzatur tal-ġilda, filwaqt li r-riskju ta’ sensitizzazzjoni respiratorja huwa meqjus baxx. L-Awtorità ddikjarat li l-modifika proposta tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali ma għandhiex impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. Fl-aħħar nett, ma qisitx li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali.

    (6)

    Il-valutazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

    (7)

    B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament (UE) Nru 349/2010.

    (8)

    Billi r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina, jixraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-addittiv, li issa huwa magħmul minn sustanza, u l-modifika derivata tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

    L-awtorizzazzjoni tas-sustanza speċifikata fl-Anness, li taqa’ fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “komposti ta’ mikroelementi”, hija mġedda, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) Nru 349/2010 jitħassar.

    Artikolu 3

    Miżuri tranżizzjonali

    1.   L-addittiv speċifikat fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom dak l-addittiv, li jkunu ġew prodotti u ttikkettati qabel l-20 ta’ Jannar 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-20 ta’ Lulju 2023 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-20 ta’ Lulju 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-20 ta’ Lulju 2023 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-20 ta’ Lulju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-20 ta’ Lulju 2023 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2010 tat-23 ta’ April 2010 dwar l-awtorizzazzjoni tal-kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metjonina bħala addittiv għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 104, 24.4.2010, p. 31).

    (3)  EFSA Journal 2021;19(5):6618.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

    Speċi jew kategorija tal-annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    Kontenut tal-element (Cu) f’mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: komposti ta’ mikroelementi

    3b410i

    Kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Kelat tar-ram tal-analogu idrossilat tal-metijonina li fih minimu ta’ 16 % ram u minimu ta’ 78 % aċidu (2-idrossi-4-metiltijo) butanojku

    Kontenut massimu ta’ nikil: 20 ppm.

    Għamla solida

    L-ispeċijiet kollha tal-annimali

    -

    -

    Bovini:

    Bovini qabel ma jibdew jixtarru: (total ta’) 15;

    Bovini oħrajn: (total ta’) 30.

    Ovini: (total ta’) 15.

    Kaprini: (total ta’) 35

    Qżieqeż:

    Mhux miftumin, u miftumin sa 4 ġimgħat wara l-ftama: (total ta’) 150;

    Mill-ħames ġimgħa wara l-ftim sa 8 ġimgħat wara l-ftim: (total ta’) 100.

    Krustaċji: (total ta’) 50.

    Annimali oħrajn: (total ta’) 25.

    1.

    L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ taħlita lesta minn qabel.

    2.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

    3.

    Il-kliem li ġej għandu jiddaħħal fit-tikketta:

    għall-għalf tan-nagħaġ jekk il-livell tar-ram fl-għalf jaqbeż l-10 mg/kg: “L-ammont tar-ram f’dan l-għalf jista’ jikkaġuna l-avvelenament f’xi razez ta’ nagħaġ.”

    għall-għalf tal-bovini wara li jibdew jixtarru, jekk il-livell tar-ram fl-għalf ikun inqas minn 20 mg/kg: “L-ammont tar-ram f’dan l-għalf jista’ jikkaġuna defiċjenzi ta’ ram fil-baqar li jirgħu f’mergħat li fihom ħafna molibdenu jew kubrit.”

    l-20 ta’ Lulju 2033

    Karatterizzazzjoni tas-sustanzi attivi

    Formula kimika: bis(-2-idrossi-4-metiltijo)butanoat tar-ram:

    Cu(CH3S(CH2)2-CH(OH)-COO)2

    CAS: 292140-30-8

    Metodi analitiċi  (1)

    Għall-kwantifikazzjoni tal-kontenut ta’ analogu idrossilat tal-metijonina fl-addittiv tal-għalf: trimetrija, titrazzjoni potenzjometrika wara r-reazzjoni tal-ossidoriduzzjoni.

    Għall-kwantifikazzjoni tat-total tar-ram fl-addittiv tal-għalf:

    Spettrometrija tal-emissjoni atomika bi plażma akkoppjata induttivament, ICP-AES (EN 15510 jew EN 15621) jew

    Spettrometrija tal-assorbiment atomiku, AAS (ISO 6869)

    Għall-kwantifikazzjoni tat-total tar-ram fit-taħlitiet lesti minn qabel:

    Spettrometrija tal-emissjoni atomika bi plażma akkoppjata induttivament, ICP-AES (EN 15510 jew EN 15621) jew

    Spettrometrija tal-assorbiment atomiku, AAS (ISO 6869) jew

    Spettrometrija tal-massa bi plażma akkoppjata induttivament, ICP-MS (EN 17053).

    Għall-kwantifikazzjoni tat-total tar-ram fl-għalf kompost:

    Spettrometrija tal-emissjoni atomika bi plażma akkoppjata induttivament, ICP-AES (EN 15510 jew EN 15621) jew

    Spettrometrija tal-assorbiment atomiku, AAS (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (l-Anness IV-C) jew ISO 6869) jew

    Spettrometrija tal-massa bi plażma akkoppjata induttivament, ICP-MS (EN 17053).


    (1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top