EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0154

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/154 tat-23 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

ST/14257/2022/INIT

ĠU L 22, 24.1.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/154/oj

24.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/154

tat-23 ta’ Jannar 2023

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 (2) jirrestrinġi l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2662 (2022). Dik ir-Riżoluzzjoni testendi b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u l-finanzjament, l-assistenza finanzjarja u l-assistenza teknika relatati maħsuba għal ċerti riċevituri fis-Somalja.

(3)

Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/160 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK f’konformità ma’ UNSCR 2662 (2022).

(4)

Uħud minn dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 147/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jitħassar l-Artikolu 2a.

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea maħsuba biss għal:

(a)

l-appoġġ għall-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti jew għall-użu minnhom, inkluż il-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM);

(b)

l-appoġġ għall-Missjoni ta’ Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) u s-sħab strateġiċi tagħha, jew l-użu minnhom, meta joperaw biss skont l-aħħar Kunċett Strateġiku tal-Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-ATMIS;

(c)

l-appoġġ għal, u l-użu minn: l-attivitajiet ta’ taħriġ u appoġġ tal-Unjoni Ewropea, it-Turkija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll kwalunkwe forza oħra tal-Istat li jew qed topera fi ħdan il-Pjan ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja, jew li għandha ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew memorandum ta’ qbil mal-Gvern Federali tas-Somalja jew l-użu minnhom, biex jaqdu l-finijiet tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2662 (2022) dment li jinfurmaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet;

(d)

l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja, fil-livell lokali u nazzjonali, biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (d), l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja jew assistenza teknika relatati ma’ attivitajiet militari għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tal-pulizija tas-Somalja għandhom ikunu soġġetti għal:

(a)

fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fl-Anness IV, in-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-Kumitat jirċievi notifika mingħand is-Somalja jew mingħand Stat Membru jew mingħand l-organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali li tagħti l-assistenza;

(b)

fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fl-Anness V, notifika minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għal fini ta’ informazzjoni ppreżentata ħamest ijiem tax-xogħol bil-quddiem mis-Somalja, mill-Istati Membri jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali li jagħtu l-assistenza.

3.   In-notifiki mingħand l-Unjoni Ewropea jew mingħand l-Istati Membri skont il-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu:

(a)

id-dettalji tal-manifattur u l-fornitur tal-armi u t-tagħmir militari, inkluż in-numri tas-serje;

(b)

deskrizzjoni tal-armi u l-munizzjon inkluż it-tip, il-kalibru u l-kwantità;

(c)

id-data proposta u l-post tal-konsenja; u

(d)

l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-unità intenzjonata għad-destinazzjoni, jew il-post intenzjonat għall-ħażna.

4.   L-Unjoni Ewropea jew l-Istat Membru fornitur li tagħti l-assistenza fil-forma ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea għandhom, mhux aktar tard minn 30 jum wara l-konsenja ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, jippreżentaw notifika ta’ wara l-konsenja lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fil-forma ta’ konferma bil-miktub tat-tlestija ta’ kwalunkwe konsenja, inkluż in-numri tas-serje għall-armi u l-materjal relatat ikkonsenjat, l-informazzjoni dwar it-trasport, il-polza ta’ kargu, il-manifesti tal-merkanzija jew il-listi tal-imballaġġ, u l-post speċifiku tal-ħżin.

5.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika:

(a)

għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Somalja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rappreżentanti tal-media u ħaddiema u persunal assoċjat fl-ambitu umanitarju u fil-qasam tal-iżvilupp għall-użu personali tagħhom biss;

(b)

għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali minn Stati Membri, jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.”

.

(3)

Jiżdied l-Anness IV kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(4)

Jiżdied l-Anness V kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja (ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/160 tat-23 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (ara paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS IV

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(2), IL-PUNT (a)

1.   

Missili mill-art għas-sema, inklużi s-Sistemi Portabbli ta’ Difiża Antiajru (MANPADS).

2.   

Armi b’kalibru akbar minn 14,7 mm, u komponenti ddisinjati apposta għalihom, u munizzjon assoċjat. (Dan ma jinkludix tagħmir li jispara r-rokits antitank minn fuq l-ispallejn bħall-RPGs jew l-LAWs, granati tal-azzarini, jew lanċaturi tal-granati.)

3.   

Kanuni tat-tip mortar b’kalibru akbar minn 82 mm u munizzjon assoċjat.

4.   

Armi ggwidati antitank, inklużi Missili Ggwidati Antitank (ATGMs) u munizzjon u komponenti speċjali ddisinjati għal dawn l-oġġetti.

5.   

Kargi u tagħmir ddisinjati jew immodifikati speċifikament għall-użu militari; mini u materjal relatat.

6.   

Apparati ta’ mira b’kapaċità ta’ viżjoni fid-dlam akbar mill-ġenerazzjoni 2.

7.   

Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi, ġwienaħ b’ġeometrija varjabbli, rotor li jista’ jinklina jew ġwienaħ li jinklinaw iddisinjati jew immodifikati għall-użu militari.

8.   

“Bastimenti” u vetturi amfibji ddisinjati jew immodifikati speċifikament għall-użu militari. (“Bastiment” tinkludi kwalunkwe vapur, vettura b’effett tal-wiċċ, bastiment ta’ żona ta’ pjan tal-ilma żgħir jew aliskaf u l-buq jew parti tal-buq ta’ bastiment.)

9.   

Vetturi tal-ajru għall-ġlied mingħajr ekwipaġġ (elenkati bħala Kategorija IV fir-Reġistru tan-NU ta’ Armi Konvenzjonali).


ANNESS II

Jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS V

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(2), IL-PUNT(b)

1.   

Kull tip ta’ arma b’kalibru ta’ sa 14,7 mm, u l-munizzjon assoċjat.

2.   

RPG-7 u azzarini mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, u l-munizzjon assoċjat.

3.   

Apparati ta’ mira b’kapaċità ta’ viżjoni fid-dlam tal-ġenerazzjoni 2 jew inqas.

4.   

Ġwienaħ li jduru jew ħelikopters iddisinjati jew immodifikati speċifikament għall-użu militari.

5.   

Korazzi iebsa tal-ġisem li jipprovdu protezzjoni ballistika sal-livell III jew aktar (NIJ 0101.06, Lulju 2008) jew l-ekwivalenti nazzjonali.

6.   

Vetturi tal-art iddisinjati jew immodifikati speċifikament għall-użu militari.

7.   

Tagħmir ta’ komunikazzjoni ddisinjat jew immodifikat speċifikament għall-użu militari.


Top