Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1968

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine)

ST/12684/2022/INIT

ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1968/oj

18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/85


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1968

tas-17 ta’ Ottubru 2022

dwar Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022 ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Huwa tenna l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar, l-24-25 ta' Marzu u t-30-31 ta' Mejju 2022, talab li r-Russja twaqqaf immedjatament l-aggressjoni militari tagħha fit-territorju tal-Ukrajna, tirtira immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna, u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23-24 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li l-Unjoni tibqa' impenjata bis-sħiħ li tipprovdi aktar appoġġ militari biex tgħin lill-Ukrajna teżerċita d-dritt inerenti tagħha ta' awtodifiża kontra l-aggressjoni Russa u tiddefendi l-integrità territorjali u s-sovranità tagħha. Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kunsill biex jaħdem malajr fuq żieda ulterjuri tal-appoġġ militari.

(4)

B'ittra datata t-30 ta’ Settembru 2022, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna talbu b’mod konġunt lill-Unjoni għal appoġġ militari għall-Ukrajna, ikkonfermaw li l-ħtiġijiet attwali tal-Ukrajna f'dak ir-rigward jinkludu taħriġ militari bażiku u kollettiv, kif ukoll taħriġ militari speċjalizzat tal-persunal fil-mediċina, il-loġistika, il-protezzjoni kimika, bijoloġika u radjoloġika, appoġġ ta' inġinerija, iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, u taħriġ tal-għalliema tal-armi kombinati, mingħajr preġudizzju għal oqsma oħra li jistgħu jkunu ta’ interess fil-futur, u laqgħu l-istabbiliment għal dak il-għan, bħala kwistjoni ta' urġenza, ta' missjoni ta' assistenza militari tal-Unjoni b'appoġġ għall-Ukrajna.

(5)

Fl-10 ta’ Ottubru 2022 il-Kunsill approva Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi għal Missjoni mhux eżekuttiva possibbli ta' Assistenza Militari tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), b'durata inizjali ta' sentejn wara t-tnedija tagħha.

(6)

L-EUMAM Ukraine jenħtieġ li jkollha l-objettiv strateġiku li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati tal-Ukrajna (UAF) biex jirriġeneraw u jwettqu b'mod effettiv operazzjonijiet, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, teżerċita b'mod effettiv is-sovranità tagħha u tipproteġi liċ-ċivili fl-Ukrajna..

(7)

L-EUMAM Ukraine ser tkun parti mill-Approċċ Integrat tal-UE fl-għoti ta' appoġġ lill-Ukrajna, li jinkludi miżuri ta' assistenza militari taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) stabbilita bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (1) biex jiġi pprovdut tagħmir militari lill-UAF. L-EUMAM Ukraine ser tikkoopera mad-Delegazzjoni tal-Unjoni f'Kiev u mal-missjoni ċivili tal-PSDK EUAM Ukraine stabbilita bid-Deċiżjoni 2014/486/PESK (2).

(8)

Bi tweġiba għat-talba għal appoġġ militari tal-Ukrajna, l-EUMAM Ukraine jenħtieġ li tipprovdi taħriġ individwali, kollettiv u speċjalizzat lill-UAF, taħriġ lill-Forzi tad-Difiża Territorjali tal-UAF, u koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri b'appoġġ għall-għoti tat-taħriġ lill-UAF.

(9)

It-tfassil tal-EUMAM Ukraine għandu jkun skalabbli, modulari u flessibbli, sabiex l-attivitajiet tagħha jkunu jistgħu jadattaw malajr għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u għall-ħtiġijiet tal-UAF li jevolvu u dawk fit-tul.

(10)

Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li qed jirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u dment li dawk iċ-ċirkostanzi jipprevalu, l-EUMAM Ukraine jenħtieġ li topera fit-territorju tal-Istati Membri, bħala miżura temporanja, f’konformità mal-Artikolu 42(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

(11)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), kontroll politiku fuq EUMAM Ukraine , jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38TUE.

(12)

Il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi (UE SOFA) (3) jenħtieġ li japplika għall-unitajiet u l-persunal immexxija mill-Unjoni tal-EUMAM Ukraine skjerati fit-territorju tal-Istati Membri. L-istatus tal-persunal tal-UAF li jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta' taħriġ ipprovdut mill-EUMAM Ukraine jew li jibbenefika minnu jenħtieġ li jiġi definit f'arranġamenti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jospitaw it-taħriġ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna. L-EUMAM Ukraine tista' tidħol ukoll f'arranġamenti mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna rigward il-kondizzjonijiet li skonthom il-persunal tal-UAF ser jiġi ospitat mill-EUMAM Ukraine.

(13)

Jenħtieġ li l-EUMAM Ukraine tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi tal-istess fehma, wara stedina, soġġett għal ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk l-Istati terzi dwar il-parteċipazzjoni tagħhom u l-aċċettazzjoni mill-KPS.

(14)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, in-nefqa operattiva li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li għandha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, trid titħallas mill-Istati Membri.

(15)

Minħabba l-ħtiġijiet uniċi tal-EUMAM Ukraine u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-istabbiliment tal-Missjoni, li jirriżultaw mid-daqs tat-taħriġ li għandu jiġi pprovdut u l-ħeffa li biha jeħtieġ li jingħata lill-Ukrajna, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat li ċerti spejjeż inkrementali, minbarra dawk li jikkwalifikaw bħala spejjeż komuni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, ser jitqiesu bħala spejjeż komuni għall-EUMAM Ukraine. Għall-EUMAM Ukraine, minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji, il-finanzjament komuni, bħala miżura eċċezzjonali, ta' oġġetti meħtieġa biex jiġu appoġġati t-trainees tal-UAF u l-attivitajiet ta' taħriġ ser jippermetti lill-Unjoni timmobilizza r-riżorsi n biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna fuq l-iskala meħtieġa..

(16)

Minħabba l-urġenza, malajr kemm jista’ jkun, il-munizzjon u t-tagħmir jew il-pjattaformi mfassla biex iwasslu forza letali jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn miżura ta’ assistenza ddedikata tal-EPF li tikkomplementa l-EUMAM Ukraine. Kwalunkwe tagħmir ieħor, inkluż kits ta’ taħriġ personali, jenħtieġ li jiġi pprovdut taħt miżura oħra ta’ assistenza. Il-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF jistgħu jipprovdu wkoll tagħmir speċjalizzat u, jekk mitlub mill-Ukrajna, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tagħmir militari mogħti lill-Ukrajna taħt l-EPF.

(17)

Sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Ukrajna, l-EUMAM Ukraine jenħtieġ li tikkordina l-attivitajiet tagħha ma' msieħba oħra tal-istess fehma li jipprovdu appoġġ militari, b'mod partikolari taħriġ militari, lill-UAF,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha twettaq Missjoni ta' Assistenza Militari b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine).

2.   L-objettiv strateġiku tal-EUMAM Ukraine għandu jkun li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati tal-Ukrajna (UAF) biex jirriġeneraw u biex iwettqu b'mod effettiv operazzjonijiet, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, teżerċita b'mod effettiv is-sovranità tagħha u tipproteġi liċ-ċivili fl-Ukrajna..

3.   Biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2,l-EUMAM Ukraine għandha tipprovdi:

(a)

taħriġ individwali u kollettiv, lill-persunal tal-UAF fil-livell bażiku, avvanzat u speċjalizzat: fi tmexxija subalterna mil-livelli ta' sezzjoni/skwadra u platun sal-livelli ta' kumpannija, ta' battaljun u ta’ brigata, inkluż taħriġ operazzjonali; u tħejjija ta' kumpanniji, battaljuni u brigati f'manuvri u tattiċi kollettivi sal-livell ta' brigata, inkluż pariri dwar l-ippjanar, it-tħejjija u t-twettiq ta' eżerċizzji ta' sparar dirett;

(b)

taħriġ speċjalizzat għall-persunal tal-UAF;

(c)

taħriġ għall-Forzi ta' Difiża Territorjali tal-UAF;

(d)

koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri li jappoġġjaw l-għoti ta' taħriġ lill-UAF.

4.   Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili inkluż kontra vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll l-aġendi dwar ‘in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà’, ‘iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà’ u ‘t-Tfal u l-Konflitti Armati’ għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fl-ippjanar operazzjonali, fit-taħriġ u fir-rappurtar tal-EUMAM Ukraine..

5.   Sakemm il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor u jemenda din id-Deċiżjoni kif meħtieġ, l-EUMAM Ukraine għandha topera fit-territorju tal-Istati Membri..

6.   It-taħriġ ipprovdut mill-EUMAM Ukraine jista' jsir f'diversi postijiet madwar l-Unjoni, soġġett għall-kunsens espliċitu tal-Istat membru ospitanti. Dan għandu jiġi adattat għal-ħtiġijiet li jevolvu u aktar fit-tul tal-UAF.

7.   Il-mandat tal-EUMAM Ukraine għandu jkun mhux eżekuttiv.

Artikolu 2

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali

1.   F'termini tal-kmand u l-kontroll tal-EUMAM Ukraine, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandha tkun il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjonijiet u għandha tiżgura wkoll koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni fil-livell strateġiku fil-qafas tal- EUMAM Ukraine.

2.   F'dan il-qafas, għandu jiġi stabbilit Kmand għat-Taħriġ tal-Armi Kombinati (CAT-C) multinazzjonali fil-livell operazzjonali abbażi ta' struttura nazzjonali ta' kmand u kontroll eżistenti u diġà kompletament operazzjonali fi Stat Membru ġar fejn għandha sseħħ l-integrazzjoni tal-komponenti tat-taħriġ biex jinħolqu unitajiet iffurmati.

3.   Stat Membru ieħor għandu jagħmel disponibbli Kmand ta' Taħriġ Speċjali multinazzjonali, li għandu jmexxi attivitajiet ta' taħriġ fit-territorju tiegħu. Dak il-Kmand ta' Taħriġ Speċjali multinazzjonali għandu jiġi stabbilit abbażi ta' struttura nazzjonali ta' kmand u kontroll eżistenti, biex ikompli jtejjeb l-offerta ta' taħriġ f'koordinazzjoni sħiħa mal-CAT-C.

4.   Il-funzjonijiet tal-CAT-C u l-Kmand ta' Taħriġ Speċjali multinazzjonali kif ukoll kmandi oħra ta' taħriġ stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jiġu żviluppati aktar fid-dokumenti ta' ppjanar rilevanti f'konformità mar-regoli stabbiliti għall-kmand u l-kontroll militari fl-Unjoni.

Artikolu 3

Ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE

Id-Direttur tal-MPCC għandu jkun il-Kmandant tal-Missjoni EUMAM Ukraine.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija tal-EUMAM Ukraine

Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija tal-EUMAM Ukraine għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni għall-EUMAM Ukraine, inkluż ir-Regoli tal-Kumbattiment tagħha.

Artikolu 5

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUMAM Ukraine. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar tal-EUMAM Ukraine, inkluż il-Pjan tal-Missjoni, u l-Linja tal-Kmand. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll is-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandanti tal-UE, jiġifieri l-Kmandant għat-Taħriġ tal-Armi Kombinati, il-Kmandant għat-Taħriġ Speċjali, u kwalunkwe Kmandant għat-Taħriġ ieħor tal-UE. Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUMAM Ukraine għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu, f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward kif qed timxi l-EUMAM Ukraine. Il-KPS jista' jistieden lill-Kmandanti tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

Artikolu 6

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUMAM Ukraine li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.

2.   L-EUMC għandu, f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Huwa jista' jistieden lill-Kmandanti tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

3.   Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta' kuntatt mal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.

Artikolu 7

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inkluż il-miżuri ta' assistenza militari tal-Unjoni b'appoġġ tal-Ukrajna ffinanzjati mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jżomm kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Ukrajna u mal-Kap tal-Missjoni tal-EUAM Ukraine. Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE, bl-appoġġ tal-istruttura ta' kmand u kontroll tal-UE msemmija fl-Artikolu 2(2), għandu jżomm kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni fil-livelli adatti.

3.   L-EUMAM Ukraine għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri b'appoġġ għall-Ukrajna, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra tal-istess fehma, b'mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerka (USA), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (UK), il-Kanada, iċ-Ċellula Internazzjonali ta' Koordinazzjoni tad-Donaturi (IDCC) u l-EUCOM Control Centre Ukraine.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-EUMAM Ukraine.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS jistieden lil Stati terzi joffru kontributi u jieħdu deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE u l-EUMC.

3.   Arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUMAM Ukraine.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUMAM Ukraine għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta' kuljum tal-EUMAM Ukraine bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fil-EUMAM Ukraine.

5.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri fil-każ li xi Stati terzi jagħmlu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 9

Status tal-unitajiet u l-persunal immexxi mill-Unjoni

Il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi tal-Unjoni (UE SOFA) għandu japplika għall-unitajiet immexxija mill-Unjoni u l-persunal skjerat fit-territorju tal-Istati Membri.

Artikolu 10

Status tal-persunal tal-Ukrajna

L-istatus tal-persunal tal-UAF li jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta' taħriġ ipprovdut mill-EUMAM Ukraine jew li jibbenefika minnu għandu jiġi definit f'arranġamenti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jospitaw it-taħriġ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna. L-EUMAM Ukraine u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna jistgħu jidħlu f'arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet li skonthom il-persunal tal-UAF ser jiġi ospitat mill-EUMAM Ukraine.

Artikolu 11

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-EUMAM Ukraine għandhom jiġu amministrati f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   F'konformità mal-Artikolu 44(6) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, ir-regoli speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-EUMAM Ukraine:

(a)

l-istruttura ta' kmand u kontroll tal-UE msemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tiġi ffinanzjata f'konformità mar-regoli applikabbli għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni, irrispettivament minn fejn tinsab;

(b)

l-ispejjeż inkrementali li ġejjin jiġu ffinanzjati b'mod komuni mill-EPF:

(i)

l-ispejjeż operazzjonali għall-appoġġ lit-trainees tal-UAF (trasport mill-fruntiera tal-Ukrajna għall-faċilitajiet ta' taħriġ u r-ritorn, u fil-faċilitajiet ta' taħriġ, madwarhom u bejniethom; appoġġ għall-ħajja reali; appoġġ mediku u evakwazzjonijiet);

(ii)

l-ispejjeż operazzjonali neċessarji għall-attivitajiet ta' taħriġ (karburanti, żejt u lubrifikanti, manutenzjoni ta' vetturi użati fit-taħriġ; interpreti; u kits ta’ taħriġ personali, fejn dawn ma jkunux ipprovduti mill-Ukrajna).

3.   Il-kits ta' taħriġ personali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala spejjeż komuni ladarba jiġu pprovduti taħt miżura ta' assistenza tal-EPF.

4.   L-oġġetti elenkati fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu fornuti minn Stat Membru, f'liema każ il-EUMAM Ukraine tħallas lil dak l-Istat Membru għal dawk il-provvisti skont ir-regoli applikabbli għall-pagamenti lill-fornituri tal-EUMAM Ukraine. Alternattivament, tali oġġetti jistgħu jiġu akkwistati mill-EUMAM Ukraine.

5.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUMAM Ukraine għall-perjodu ta' sentejn wara t-tnedija tagħha għandu jkun ta' EUR 106 700 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta' 30 % għall-impenji u 30 % għall-pagamenti.

Artikolu 12

Ċellula ta' proġetti

1.   L-EUMAM Ukraine jista' jkollha ċellula ta' proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUMAM Ukraine għandha, kif inhu xieraq, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-mandat tal-EUMAM Ukraine u b'appoġġ għall-objettivi tagħha.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jkun awtorizzat li jirrikorri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EUMAM Ukraine. F'dan il-każ, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi biex jiġi ttrattat kwalunkwe lment minn partijiet terzi dwar dannu kkawżat bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.   Taħt l-ebda ċirkostanza l-Unjoni jew ir-RGħ m'għandhom jinżammu responsabbli mill-Istati kontribwenti bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.

4.   Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati terzi għaċ-ċellula ta' proġetti.

Artikolu 13

Rilaxx ta' informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lil Stati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUMAM Ukraine, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-EUMAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE (4):

(a)

sal-livell previst mill-ftehimiet applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

(b)

sal-livell "CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL" f'każijiet oħrajn.

2.   Ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jgħaddi lill-Ukrajna, lill-Istati Uniti, lir-Renju Unit, lill-Kanada u lill-IDCC, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUMAM Ukraine, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell "RESTREINT UE/EU RESTRICTED" li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUMAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. L-arranġamenti neċessarji bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna u l-IDCC għandhom jitfasslu għal dak il-għan.

3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUMAM Ukraine u jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (5).

4.   Ir-RGħ jista' jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll l-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 2, lill-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jew lil Kmandanti tal-UE.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika sa sentejn wara li titnieda l-EUMAM Ukraine.

2.   Valutazzjoni strateġika tal-EUMAM Ukraine u l-mandat tagħha għandha titwettaq mill-KPS sitt xhur wara li titnieda l-EUMAM Ukraine. Għandu jitwettaq rieżami strateġiku tal- EUMAM Ukraine fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta' din id-Deċiżjoni..

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-istruttura ta' kmand u kontroll tal-UE msemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) f'konformità mal-pjanijiet approvati għat-terminazzjoni tal-EUMAM Ukraine, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rigward l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUMAM Ukraine, stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (ĠU L 217 23.7.2014, p. 42).

(3)  Il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-persunal militari u ċivili ssekondat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-kwartieri ġenerali u l-forzi li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 17(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi l-eżerċizzji, u tal-persunal militari u ċivili tal-Istati Membri li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex taġixxi f'dan il-kuntest (UE SOFA)(ĠU C 321, 31. 12. 2003, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Dicembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top