Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0639

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/639 tas-27 ta’ Awwissu 2021 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.54915 — 2020/C (ex 2019/N) Il-Belġju — Mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità (notifikata bid-dokument C(2021) 6431) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/6431

    ĠU L 117, 19.4.2022, p. 40–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/639/oj

    19.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 117/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/639

    tas-27 ta’ Awwissu 2021

    dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.54915 — 2020/C (ex 2019/N) Il-Belġju — Mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità

    (notifikata bid-dokument C(2021) 6431)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Wara proċedura ta’ notifika minn qabel, permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Diċembru 2019, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità fis-suq kollu (“il-miżura” jew “CRM”).

    (2)

    Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni informat lill-Belġju li hija kienet iddeċidiet li tniedi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-miżura.

    (3)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-proċedura (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom.

    (4)

    Permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Ottubru 2020, il-Belġju ssottometta l-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand 15-il parti interessata. Hija bagħtithom lill-Belġju, li ngħata l-opportunità li jirreaġixxi. Il-kummenti tiegħu waslu permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ Diċembru 2020.

    (5)

    Fid-9 ta’ Lulju 2021, il-Belġju qabel eċċezzjonalment li jirrinunzja d-drittijiet tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament 1/1958 (3), u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

    2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

    2.1.   Ħarsa ġenerali lejn il-miżura

    (6)

    Il-Belġju jistma li se jiffaċċja problema ta’ adegwatezza tal-provvista tal-elettriku ġenerata mill-2025, li fil-biċċa l-kbira tirriżulta mid-deċiżjoni tiegħu li jelimina gradwalment il-kapaċità nukleari kollha matul il-perjodu 2022-2025 u mid-dekummissjonar tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni termali fil-Belġju u fil-pajjiżi ġirien tiegħu.

    (7)

    Għalhekk, l-objettiv tal-miżura huwa li tiżgura li jkun hemm kapaċità suffiċjenti għall-produzzjoni tal-elettriku u li tali produzzjoni tissodisfa d-domanda mistennija tal-elettriku.

    (8)

    Skont is-CRM, il-benefiċjarji jintgħażlu permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti u jiġu remunerati għad-disponibbiltà tagħhom. L-appoġġ jieħu l-forma ta’ ħlas tal-kapaċità għad-durata tal-ftehim dwar il-kapaċità. Bi skambju ma’ dan, l-offerenti rebbieħa jagħtu d-disponibbiltà tagħhom biex jissodisfaw id-domanda tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSO”) matul avvenimenti ta’ stress li jistgħu jseħħu.

    (9)

    Il-Belġju stabbilixxa l-objettivi nazzjonali tiegħu fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (“NECP”) tiegħu (4). Abbażi ta’ dan l-NECP, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-elettriku Belġjan huwa ppjanat li jiżdied minn 17 % fl-2017 sa mill-inqas 40,4 % fl-2030. L-ilħuq ta’ dawn l-objettivi se jkun jeħtieġ l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (“RES”) sinifikanti, bħar-riħ u x-xemx, li l-karatteristika intermittenti tagħhom tista’ toħloq sfida għall-adegwatezza u s-sigurtà tal-provvista.

    (10)

    Għalkemm l-iżvilupp tar-RES ma huwiex l-objettiv primarju tiegħu, it-tfassil tas-CRM iħaddan il-miri ambizzjużi biex jiġu introdotti aktar ir-RES fit-taħlita tal-enerġija Belġjana u jaġixxi bħala komplement għall-iżvilupp ulterjuri ta’ RES intermittenti ġodda.

    2.2.   Bażi ġuridika u arranġamenti tal-gvern

    (11)

    Il-bażi ġuridika tal-miżura hija l-Att dwar l-Elettriku tad-29 ta’ April 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku Belġjan (“l-Att dwar l-Elettriku”), li ġie mmodifikat mil-liġijiet (5) ippubblikati fis-16 ta’ Mejju 2019 u fid-19 ta’ Marzu 2021 fil-Gazzetta Uffiċjali Belġjana.

    (12)

    Barra minn hekk, id-Digrieti Amministrattivi (6) u r-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan (7) tħejjew biex jelaboraw aktar il-modalitajiet tas-CRM:

    (1)

    id-Digriet Amministrattiv tat-28 ta’ April 2021 biex tiġi ddeterminata l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità u l-parametri tal-irkant fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità (8);

    (2)

    id-Digriet Amministrattiv tal-21 ta’ Mejju 2021 dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-appoġġ kumulattiv u mal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni (9);

    (3)

    id-Digriet Amministrattiv tal-4 ta’ Ġunju 2021 dwar il-limiti tal-investiment u l-kostijiet eliġibbli (10);

    (4)

    l-abbozz tad-Digriet Amministrattiv dwar id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom id-detenturi tal-kapaċità ta’ kapaċitajiet barranin jistgħu jipparteċipaw fis-CRM (11); u

    (5)

    id-Digriet Amministrattiv tat-30 ta’ Mejju 2021 dwar il-modalitajiet ta’ kontroll (12).

    (13)

    F’Awwissu 2020, Elia, it-TSO Belġjan, wettaq konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan (13).

    2.3.   Adegwatezza tal-provvista ġenerata fil-Belġju

    2.3.1.   Standard ta’ affidabbiltà

    (14)

    L-objettiv primarju tas-CRM propost huwa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, kif definita fi standard ta’ affidabbiltà.

    (15)

    Kif innotifikat fl-2019, il-kriterji tal-affidabbiltà fil-Belġju ġew definiti minn kriterju ta’ Aspettattiva ta’ Telf bit-Tagħbija (“LOLE”) f’żewġ partijiet: in-numru antiċipat ta’ sigħat li matulhom mhux se jkun possibbli għar-riżorsi tal-ġenerazzjoni kollha disponibbli għall-grilja elettrika Belġjana li jkopru t-tagħbija u l-ħtieġa għal riżervi operattivi, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rispons għad-domanda, il-ħżin u l-interkonnetturi, ma għandux jaqbeż it-3 sigħat għal sena statistikament normali. Bħala t-tieni kriterju, il-LOLE għandha tibqa’ taħt l-20 siegħa għal sena statistikament anormali (“LOLE95”) (14). Dawn il-valuri kienu stabbiliti wkoll fl-Att dwar l-Elettriku.

    (16)

    L-istandard tal-affidabbiltà huwa espressjoni tal-istima tal-valur li l-konsumaturi jagħtu biex jevitaw skonnessjonijiet tal-provvista tal-elettriku tagħhom (“VOLL”), u l-kost mistenni ta’ kapaċità ġdida fil-Belġju (“CONE”).

    (17)

    L-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (15) (“ir-Regolament dwar l-Elettriku”) jipprevedi l-istabbiliment ta’ metodoloġija tal-Unjoni għall-kalkolu tal-VOLL, tal-CONE u tal-istandard tal-affidabbiltà.

    (18)

    Fit-2 ta’ Ottubru 2020, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) approvat il-metodoloġija għall-kalkolu tal-VOLL (“metodoloġija VOLL”), tal-CONE (“metodoloġija CONE”) u tal-istandard tal-affidabbiltà (“metodoloġija RS”). It-tliet metodoloġiji huma kollettivament imsejħa l-“metodoloġija VOLL/CONE/RS” (16).

    (19)

    Fis-7 ta’ Ġunju 2021, il-Belġju ssottometta l-kalkolu tal-VOLL, tal-CONE u tal-istandard tal-affidabbiltà l-ġodda f’konformità mal-metodoloġija VOLL/CONE/RS.

    (20)

    Fit-28 ta’ Mejju 2021, ir-regolatur Belġjan għall-enerġija (“CREG”) bagħat lill-Ministru għall-Enerġija l-proposta tiegħu għal standard tal-affidabbiltà għall-Belġju. L-istandard tal-affidabbiltà propost mill-CREG kien ta’ sagħtejn u 43 minuta.

    (21)

    Fl-opinjoni tiegħu tat-2 ta’ Ġunju 2021, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Ekonomija tas-Servizz Pubbliku Federali (“Ekonomija tal-FPS”) irrakkomanda li l-istandard tal-affidabbiltà jiġi arrotondat għal 3 sigħat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-istudji preċedenti dwar l-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali u Ewropej, sabiex ikun hemm konformità mal-prattika li l-istandards tal-affidabbiltà jiġu espressi f’sigħat arrotondati bħal fil-pajjiżi ġirien u sabiex jitqies il-fatt li d-defiċit mhux marġinali identifikat għall-Belġju se jimtela b’taħlita ta’ enerġija u mhux b’teknoloġija ta’ referenza unika.

    (22)

    Skont l-abbozz tad-Digriet Amministrattiv dwar id-determinazzjoni tal-istandard tal-affidabbiltà u l-approvazzjoni tal-valuri għall-kost tal-VOLL u tal-CONE, l-istandard tal-affidabbiltà l-ġdid huwa stabbilit għal 3 sigħat.

    (23)

    L-abbozz tad-Digriet Amministrattiv japprova wkoll l-istima unika tal-kost tal-VOLL, abbażi tal-valur stabbilit mid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Ekonomija tal-FPS flimkien mal-Uffiċċju tal-Ippjanar, u l-CONE abbażi tat-teknoloġija tad-DSR (17).

    (24)

    Il-VOLL se jiġi stabbilit għal EUR 16 033/MWh u l-CONE għal EUR 45/kW/sena.

    (25)

    Il-VOLL ġie kkalkolat bl-użu ta’ metodu ta’ triangolazzjoni li kkunsidra l-funzjoni tal-produzzjoni u stħarriġ dwar ir-rieda li tħallas imwettaq mill-CREG. Skont l-awtoritajiet Belġjani, l-istħarriġ imwettaq mill-CREG ma kienx robust minħabba li, fost l-oħrajn, ix-xenarju uniku propost (f’temperatura ta’ inqas minn +5 °C) ma kienx rappreżentattiv għall-biċċa l-kbira tax-xenarji ta’ skarsezza. Għalhekk, il-piż li tqiegħed fuq ir-riżultati tal-istħarriġ biex jiġi stmat il-VOLL kien limitat.

    (26)

    Skont l-Att dwar l-Elettriku, il-kalkoli rilevanti għas-CRM se jitwettqu abbażi tal-istandard tal-affidabbiltà fis-seħħ fil-15 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel l-irkant.

    (27)

    Fid-dawl tal-iskeda ta’ żmien stretta, il-Belġju kkalkula l-volum li għandu jiġi akkwistat fl-irkantijiet Y-4 u Y-1, ippjanati għal Ottubru 2021 u 2024 rispettivament, abbażi tal-istandard tal-affidabbiltà l-antik soġġett għall-impenn li jiġu aġġustati l-volumi, jekk meħtieġ, jekk l-istandard tal-affidabbiltà l-ġdid u l-valutazzjoni tal-adegwatezza juru ħtieġa sinifikanti ta’ kapaċità aktar baxxa.

    (28)

    Il-Belġju impenja ruħu wkoll li jaġġorna l-VOLL abbażi ta’ stħarriġ ġdid rigward ir-rieda li jħallas, f’konformità mal-metodoloġija CONE/VOLL/RS u, jekk ikun meħtieġ, jistabbilixxi standard tal-affidabbiltà ġdid qabel Settembru 2022, bil-ħsieb li juża l-istandard tal-affidabbiltà l-ġdid biex jiddetermina l-volum li għandu jiġi akkwistat l-aktar tard għall-irkant tal-2023.

    2.3.2.   Valutazzjoni tal-adegwatezza

    (29)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-Belġju se jkun iffaċċjat bi problema ta’ adegwatezza mill-2025, li tirriżulta b’mod predominanti mit-tneħħija gradwali nukleari li hija ppjanata bejn l-2022 u l-2025, imsaħħa bid-dekummissjonar tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni termali fil-pajjiżi ġirien. Il-problema ta’ adegwatezza ġiet stabbilita permezz ta’ studju nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi li jassumi diversi xenarji.

    (30)

    L-istudju nazzjonali dwar l-adegwatezza li jkopri l-perjodu bejn l-2020 u l-2030, ippubblikat mill-operatur Belġjan tas-sistema ta’ trażmissjoni Elia f’Ġunju 2019 (“l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019”) (18), identifika ħtieġa sistematika għal kapaċità ġdida ta’ mill-inqas 3,9 GW fix-xenarju ta’ Probabbiltà Baxxa b’Impatt Għoli (HiLo) (EU-HiLo), sax-xitwa tal-2025-2026. Dan ix-xenarju jqis l-elettriku importat u jassumi li diversi unitajiet nukleari Franċiżi jistgħu ma jkunux disponibbli (minbarra n-nuqqas ta’ disponibbiltà “normali”). L-istess xenarju ntuża fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-volum ta’ riżerva strateġika (19). Ix-xenarju tal-każ bażi tal-UE (20) juri nuqqas ta’ 2,4 GW jekk tinżamm il-kapaċità termali eżistenti fis-sistema (ara l-illustrazzjoni 4-18 tal-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019).

    (31)

    Ir-riżultati tal-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 juru, għax-xenarju EU-HiLo li, mingħajr intervent, il-LOLE se tkun għolja daqs 10,5 sigħat fl-2025, u b’hekk taqbeż b’mod sinifikanti l-istandard tal-affidabbiltà nazzjonali f’termini ta’ sigurtà tal-provvista. L-indikatur LOLE95 saħansitra jiżdied għal 84 siegħa. It-tabella li ġejja turi r-riżultati tal-LOLE, kif involuti fl-istudju nazzjonali dwar l-adegwatezza għax-xenarji tal-EU-HiLo u tal-każ bażi tal-UE:

    Tabella 1

    Ir-riżultati tal-LOLE għall-Belġju fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà

     

    2025

    2028

    2030

    Bażi tal-UE

    EU-HiLo

    Bażi tal-UE

    EU-HiLo

    Bażi tal-UE

    EU-HiLo

    LOLE tas-suq li jifdal (sigħat)

    9,4

    10,5

    6

    6,9

    6

    6,2

    LOLE95 tas-suq li jifdal (sigħat)

    89

    84

    63

    76

    43

    51

    Sors: Studju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019

    (32)

    Fil-11 ta’ Lulju 2019, il-CREG ippubblika analiżi tal-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 (21). F’din l-analiżi, fost l-oħrajn, il-CREG qajjem dubji dwar l-użu tax-xenarju EU-HiLo bħala x-xenarju ewlieni. Skont il-CREG, jenħtieġ li tittejjeb il-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà tal-kapaċità eżistenti u ġdida u jenħtieġ li jitqiesu r-riżervi ta’ bbilanċjar kollha disponibbli fil-Belġju u barra l-pajjiż.

    (33)

    F’Novembru 2019, in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għall-Elettriku (“ENTSO-E”) ħareġ it-Tbassir tal-Adegwatezza ta’ Nofs it-Terminu tal-2019 (“MAF 2019”) (22) li juri r-riżultati li ġejjin għall-Belġju fl-2025:

    Tabella 2

    Il-livelli tal-LOLE għall-Belġju fl-MAF 2019

     

    Xenarju ta’ każ bażi – 2025

    Sensittività baxxa għall-karbonju  (23) - 2025

    LOLE medja

    1,09  sigħat

    1,61  sigħat

    LOLE95

    3,15  sigħat

    -

    Sors: “Mid-term Adequacy Forecast - 2019” tal-ENTSO-E

    (34)

    Madankollu, skont il-Belġju, il-MAF 2019 tal-ENTSO-E ma jippreżentax ir-riżultati tal-LOLE għall-Belġju b’mod akkurat biżżejjed, minħabba li jassumi d-disponibbiltà ta’ 2,5 GW addizzjonali (24), li fil-fatt ma hijiex garantita.

    (35)

    Fir-rapport finali tiegħu ta’ April 2020 (25), il-Forum tal-Enerġija Pentalaterali (26) (“PLEF”) ippreżenta r-riżultati li ġejjin għall-Belġju fl-2025:

    Tabella 3

    Il-livelli tal-LOLE għall-Belġju fil-Valutazzjoni tal-Adegwatezza Ġenerali tal-PLEF 2020

     

    Xenarju ta’ każ bażi - 2025  (27)

    Sensittività baxxa għall-gass - 2025  (28)

    Sensittività baxxa għall-NTC nukleari/CH 2025  (29)

    LOLE medja

    3,3  sigħat

    8,1  sigħat

    4,6  sigħat

    Sors: “Valutazzjoni tal-Adegwatezza tal-Provvista Ġenerata - April 2020 – Rapport finali” tal-Forum tal-Enerġija Pentalaterali

    (36)

    F’Novembru 2020, l-ENTSO-E ħareġ l-MAF 2020. Għax-xenarju ta’ każ bażi tal-2025, ir-riżultati tal-MAF 2020 juru LOLE medja ta’ 0,4 sigħat, li għalhekk tissodisfa l-kriterju tal-adegwatezza legali għall-Belġju ta’ LOLE ta’ 3 sigħat.

    (37)

    Madankollu, fil-kummenti tal-pajjiżi annessi mal-MAF 2020, il-Belġju indika li: “Hemm ammont sinifikanti ta’ kapaċità “mibnija ġdida” preżunta fl-MAF 2020 imqassma fuq sett kbir ta’ pajjiżi. Jenħtieġ li jiġi nnotat li b’mod ġenerali ma hemm l-ebda ċertezza li dawn il-kapaċitajiet fl-aħħar mill-aħħar se jimmaterjalizzaw fl-2025,b’hekk dawn is-suppożizzjonijiet u r-riżultati wara dawk kif ippreżentati fl-MAF 2020 jenħtieġ li jiġu interpretati bir-reqqa. Barra minn hekk, il-Belġju ilu għal bosta snin parti mir-reġjun fejn l-Akkoppjament tas-Swieq Abbażi tal-Flussi diġà ġie implimentat. Billi ġie żviluppat u implimentat mudell ta’ simulazzjoni abbażi tal-flussi minn Elia, eż. fl-istudju ta’ Elia tal-2019 u li ntuża wkoll fl-istudju tal-PLEF GAA 2020, tali approċċ għadu mhux qed jintuża fl-istudju preżenti tal-MAF 2020”.

    (38)

    Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li l-metodoloġija u d-data huma allinjati fil-livell Ewropew sabiex l-istudju tal-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 ikun konformi mal-MAF 2019.

    (39)

    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, jenħtieġ li l-ENTSO-E jiżviluppa metodoloġija li għandha tintuża għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi (“ERAA”) u għal kwalunkwe valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi (“NRAA”) (ara l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku). Jenħtieġ li din il-metodoloġija tiġi approvata mill-ACER.

    (40)

    Fit-2 ta’ Ottubru 2020, l-ACER approvat il-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi (“il-metodoloġija tal-ERAA”) (30).

    (41)

    Fit-30 ta’ Ġunju 2021, Elia ppubblika studju ġdid dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà għall-perjodu 2022-2032 (“l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021”).

    (42)

    F’konformità mal-metodoloġija tal-ERAA, Elia integra l-elementi tal-metodoloġija tal-ERAA deskritti hawn taħt fil-qafas tal-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021:

    (a)

    snin klimatiċi: Elia għażel li jimplimenta l-ewwel għażla deskritta fil-metodoloġija tal-ERAA, jiġifieri li jiddependi fuq l-aħjar tbassir tal-projezzjonijiet klimatiċi futuri.

    (b)

    valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika: Elia żviluppa metodu għall-kalkolu tal-vijabbiltà ekonomika tal-assi differenti fis-sistema tal-elettriku, f’konformità mal-metodoloġija tal-ERAA.

    (c)

    abbażi tal-fluss: Il-qafas tal-immudellar ta’ Elia jintegra l-introduzzjonijiet magħrufa u ppjanati kollha tad-disinn tas-suq fil-metodu ta’ kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-fluss, bħall-estensjoni tar-reġjun għal Core; “akkoppjament ibridu avvanzat”; jew ir-regoli tal-minRAM introdotti mir-Regolament dwar l-Elettriku.

    (d)

    flessibbiltà: l-istudju jinkludi kemm il-kalkolu tal-ħtiġijiet u tal-mezzi ta’ flessibbiltà tas-sistema totali kif ukoll valutazzjoni tad-dimensjonar tar-Riżervi ta’ Konteniment tal-Frekwenza u tar-Riżervi ta’ Restawr tal-Frekwenza għal kull sena fil-mira biex jiġu riflessi l-ħtiġijiet ta’ riżerva li se jkopru l-iżbilanċi f’konformità mar-rekwiżiti legali li huma mmudellati fis-simulazzjonijiet ta’ adegwatezza. Barra minn hekk, il-karatteristiċi tal-flessibbiltà tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta huma rfinuti, u t-teknoloġiji power-to-X huma inklużi bħala teknoloġiji ġodda. Fl-aħħar nett, tingħata attenzjoni speċifika lill-impatt tal-integrazzjoni tat-tieni mewġa ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta u ta’ pjattaformi ta’ bbilanċjar transfruntiera.

    (e)

    integrazzjoni settorjali: fir-rigward tal-akkoppjament tas-settur, l-interfaċċi bejn is-sistema tal-elettriku u setturi differenti bħas-setturi tat-trasport, tat-tisħin u tal-gass jitqiesu permezz tal-inklużjoni ta’ suppożizzjonijiet dwar il-vetturi elettriċi, il-pompi tas-sħana u l-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tal-unitajiet tal-gass termali, rispettivament. Sabiex jinftiehmu l-implikazzjonijiet tal-użu tal-elettriku għall-ġenerazzjoni tal-idroġenu fl-immudellar użat f’dan l-istudju, l-elettrolizzaturi żdiedu bħala konsum (flessibbli) tal-elettriku fil-Belġju u barra minnu. Barra minn hekk, ingħatat attenzjoni speċjali lid-diġitalizzazzjoni tal-konsum addizzjonali tal-elettriku mit-trasport u mis-sħana.

    (f)

    perjodu ta’ għaxar snin: l-istudju huwa bbażat fuq il-perjodu ta’ għaxar snin (2022-2032). Sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ simulazzjonijiet u ta’ komputazzjonijiet, mhux is-sensittivitajiet u x-xenarji kollha ġew simulati għas-snin kollha: xi snin ewlenin ġew analizzati aktar fil-fond. Saru ammont kbir ta’ sensittivitajiet fuq il-Belġju u barra minnu sabiex jinftiehmu l-implikazzjonijiet ta’ ċerti suppożizzjonijiet li jvarjaw. Għal tqabbil, l-ERAA 2021 hija mistennija li tissimula biss is-snin 2025 u 2030.

    (g)

    varjanti b’mekkaniżmi ta’ kapaċità u mingħajrhom: f’konformità mar-Regolament dwar l-Elettriku u l-metodoloġija tal-ERAA, Elia inkluda xenarji kemm b’mekkaniżmi ta’ kapaċità fis-suq kollu, kif ukoll mingħajrhom, fl-Ewropa.

    (43)

    L-awtoritajiet Belġjani sostnew li r-rekwiżiti metodoloġiċi ewlenin stipulati fil-metodoloġija tal-ERAA ġew implimentati f’dan l-istudju.

    (44)

    Abbażi tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-NRAA jrid ikun fiha x-xenarji ċentrali ta’ referenza. Dawk ix-xenarji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika tal-assi ta’ ġenerazzjoni. Il-metodoloġija tal-ERAA tispeċifika wkoll li għandhom jiġu definiti żewġ xenarji ċentrali ta’ referenza, wieħed b’mekkaniżmi ta’ kapaċità madwar l-Ewropa u l-ieħor mingħajr tali mekkaniżmi ta’ kapaċità.

    (45)

    Konsegwentement, fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 ġew esplorati żewġ xenarji ċentrali:

    (a)

    “BAŻI TAL-UE”: din tirrifletti xenarju li jqis il-mekkaniżmi ta’ kapaċità li diġà huma approvati fis-suq kollu fi Franza, fil-Gran Brittanja, fil-Polonja, fl-Italja u fl-Irlanda u li jassumi li dawn se jkunu fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ żmien ta’ dan l-istudju;

    (b)

    “EU-noCRM”: dan jirrifletti xenarju li jeskludi d-dħul mill-mekkaniżmu tal-kapaċità fis-suq kollu, biex b’hekk wieħed jassumi li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kapaċità fis-suq kollu fl-Ewropa.

    (46)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 iqis il-kontribut tar-riżorsi kollha, inklużi l-possibbiltajiet eżistenti u futuri għall-ġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, l-integrazzjoni settorjali, ir-rispons għad-domanda, u l-importazzjoni u l-esportazzjoni u l-kontribut tagħhom għall-operat flessibbli tas-sistema.

    (47)

    L-awtoritajiet Belġjani sostnew li l-immudellar tal-prezzijiet massimi tal-ikklerjar imwettaq fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 iqis id-dispożizzjonijiet legali kollha disponibbli, bħal-limitu tal-prezz massimu applikabbli bħalissa, ir-regola ta’ 60 % (31) kif stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (32), u d-Deċiżjoni Nru 04/2017 tal-ACER tal-14 ta’ Novembru 2017.

    (48)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jimmudella ż-żieda awtomatika tal-prezz massimu tal-ikklerjar mill-2025 ’il quddiem. Skont l-awtoritajiet Belġjani, huwa l-aktar probabbli li ma sseħħ l-ebda LOLE qabel l-2025, u għalhekk ma hija mmudellata l-ebda żieda massima fil-prezz tal-ikklerjar qabel l-2025. Madankollu, anki kieku kellhom iseħħu żidiet fil-limitu tal-prezzijiet, skont l-awtoritajiet Belġjani, l-immudellar juri li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika għall-2025 ma jinbidlux (ara l-illustrazzjoni 3-72 tal-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021). Il-Belġju impenja ruħu li jiżgura li l-istudju l-ġdid dwar l-adegwatezza, li għandu jiġi ppubblikat sa Ġunju 2023, iqis bis-sħiħ il-metodoloġija għaż-żidiet dinamiċi fil-prezzijiet mill-bidu tal-perjodu ta’ żmien tas-simulazzjoni ’l quddiem.

    (49)

    Skont l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021, mill-2025, ladarba titlesta l-eliminazzjoni gradwali nukleari, il-Belġju se jiffaċċja ħtieġa strutturali għal kapaċità ġdida. Din il-ħtieġa tammonta għal 2 GW fl-2025 fix-xenarju ċentrali ta’ “BAŻI tal-UE”, u tiżdied gradwalment għal 3,9 GW sal-2032. Iż-żieda fil-ħtieġa hija marbuta maż-żieda mistennija fil-konsum tal-elettriku u mal-importazzjonijiet imnaqqsa matul perjodi ta’ skarsezza fil-Belġju.

    (50)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jistabbilixxi li sehem żgħir ħafna biss tal-kapaċità l-ġdida se jkun vijabbli permezz tas-suq tal-enerġija biss sal-2025.

    (51)

    Konsegwentement, l-awtoritajiet Belġjani jqisu li, mingħajr azzjoni, huwa identifikat tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi fil-Belġju mill-2025 ’il quddiem.

    (52)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jirrappreżenta l-aħħar u l-aħjar fehma tal-ħtieġa għas-CRM.

    2.3.3.   Fallimenti tas-suq

    (53)

    Il-Belġju identifika għadd ta’ fallimenti tas-suq li jxekklu suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb, sigur, affordabbli u sostenibbli.

    (54)

    L-ewwel falliment tas-suq ġej minn fatturi differenti li jipprevjenu sinjali effiċjenti tal-prezzijiet u l-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija ma jitħallewx jogħlew għal VOLL u imperfezzjonijiet oħrajn tad-disinn tas-suq.

    (55)

    Il-kombinament ta’ dawn il-fallimenti tas-suq u l-azzjoni regolatorja assoċjata jistgħu jkollhom it-tendenza li “jrażżnu” s-sinjali tal-prezzijiet fis-swieq tal-elettriku sabiex il-prezzijiet jonqsu milli jiżdiedu għal livell “effiċjenti” fi żminijiet ta’ skarsezza. Dan iwassal għal nuqqas kroniku ta’ dħul għall-operaturi tal-impjanti u għall-operaturi tar-rispons għad-domanda, b’tali mod li tiġi affettwata l-kapaċità li jirkupraw il-kostijiet fissi u varjabbli tagħhom, ġeneralment imsejħa l-“flus mitlufa”, li jipprevjeni lill-forzi tas-suq milli jiksbu l-livell meħtieġ ta’ adegwatezza.

    (56)

    Fit-teorija, in-nuqqas ta’ kapaċità tal-konsumaturi li jagħżlu l-livell mixtieq ta’ affidabbiltà tagħhom jista’ jiġi indirizzat f’suq tal-enerġija biss billi l-prezzijiet jitħallew jogħlew għal livell regolatorju li jirrifletti l-prezz li bih il-konsumaturi ma jkunux aktar lesti li jħallsu għall-enerġija u li jippermetti lill-ġeneraturi jirċievu kirjiet ta’ skarsezza. Madankollu, bħala konsegwenza ta’ rispons għal domanda baxxa, huwa diffiċli li jiġi kopert il-VOLL attwali u ż-żidiet fil-prezzijiet qed jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ aċċettabbiltà politika.

    (57)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, it-tieni falliment tas-suq jirriżulta mill-averżjoni għar-riskju tal-investituri f’kuntest ta’ volatilità akbar u inċertezza regolatorja għolja. Il-penetrazzjoni dejjem tikber ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti tagħmel il-prezzijiet aktar volatili u żżid l-inċertezza dwar il-possibbiltà li t-teknoloġiji konvenzjonali jirkupraw il-kostijiet fissi tagħhom fis-suq tal-elettriku. Skont il-Belġju, varjazzjonijiet żgħar fil-kundizzjonijiet relatati mal-livell tal-introduzzjoni tar-RES, eż. miri fir-rigward tal-enerġija mix-xemx, l-enerġija mir-riħ fuq l-art u l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq id-dħul mit-teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali. Il-problema tal-“flus mitlufa” qed issir aktar severa hekk kif tiżdied il-kapaċità intermittenti. B’riżultat ta’ dan, skont l-awtoritajiet Belġjani, dan iżid ir-riskju ekonomiku assoċjat mal-investimenti f’teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali flessibbli. Barra minn hekk, skont il-Belġju, il-prezzijiet tal-enerġija ġeneralment ma jipprevedux perjodu ta’ ħħeġġjar bil-quddiem ta’ aktar minn tliet snin, li huwa qasir biex jinbena każ ta’ investiment għall-investituri. Minbarra dan, skont l-awtoritajiet Belġjani, minkejja li s-swieq forward jistgħu jakkomodaw bidliet inkrementali fil-provvista u fid-domanda, dawn ma jkunux jistgħu jipprovdu ħeġġ f’każ ta’ xokk strutturali importanti, bħall-eliminazzjoni gradwali nukleari ppjanata fil-Belġju.

    (58)

    It-tielet, l-affidabbiltà tas-sistemi tal-elettriku għandha ċerti karatteristiċi ta’ ben pubbliku. Dan minħabba li l-investimenti għal livell ogħla ta’ sigurtà tal-provvista jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd, filwaqt li, kif ġie spjegat qabel, ma huwiex possibbli għall-biċċa l-kbira tal-konsumaturi finali individwali li jiġu skonnettjati b’mod selettiv mill-operatur tas-sistema abbażi tar-rieda tagħhom li jħallsu. B’hekk, il-ġeneraturi x’aktarx li jkollhom inċentivi subottimali biex jinvestu fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni, li għalhekk fl-aħħar mill-aħħar iwasslu livelli subottimali ta’ affidabbiltà tas-sistema.

    (59)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, dawn il-kwistjonijiet jieħdu forma partikolari fil-Belġju, sa fejn huwa suq relattivament żgħir u interkonness ħafna u, b’hekk, huwa affettwat ukoll minn riskji ta’ provvista simili minn swieq tal-elettriku ġirien. Għalhekk, skont l-awtoritajiet Belġjani, l-adegwatezza tal-Belġju hija fil-biċċa l-kbira influwenzata mis-sitwazzjoni fis-swieq tal-elettriku ġirien.

    (60)

    Fl-2018, il-Kummissjoni approvat riżerva strateġika għall-Belġju sal-31 ta’ Marzu 2022 (33). L-objettiv tar-riżerva strateġika huwa li tissodisfa d-domanda massima matul il-perjodi tax-xitwa meta s-suq jonqos milli jagħmel dan, billi żżomm xi kapaċità eżistenti ta' ġenerazzjoni u rispons għad-domanda barra mis-suq bħala riżerva li għandha tiġi attivata biss meta r-riżorsi ta’ bbilanċjar jiġu eżawriti.

    2.3.4.   Riformi tas-suq

    (61)

    Fil-25 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet pjan ta’ implimentazzjoni (34) mill-Ministeru għall-Enerġija Belġjan mħejji skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, li jirrikjedi li l-Istati Membri bi tħassib dwar l-adegwatezza jistabbilixxu miżuri biex jeliminaw id-distorsjonijiet regolatorji jew il-fallimenti tas-suq fis-swieq tagħhom fi pjan ta’ implimentazzjoni. Wara konsultazzjoni pubblika, fit-30 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Belġju, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku (35). Il-Belġju adotta u ssottometta verżjoni finali tal-pjan ta’ implimentazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni (36).

    (62)

    Fir-rigward tas-swieq tal-ibbilanċjar, il-Belġju introduċa l-hekk imsejjaħ “komponent alfa” fil-mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-iżbilanċ tiegħu. Dan jikkostitwixxi komponent addizzjonali tal-prezz tal-iżbilanċ stabbilit fuq il-Partijiet Responsabbli mill-Bilanċ (“BRPs”) biex iżidu s-sinjal tal-prezz f’ħin reali meta jiżdied l-iżbilanċ fis-sistema taż-żona ta’ kontroll Belġjana. Fl-Opinjoni tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-Belġju jikkunsidra jekk il-funzjoni tal-ipprezzar tal-iskarsezza jenħtieġx li tapplika mhux biss għall-BRPs, iżda wkoll għall-fornituri tas-servizzi tal-ibbilanċjar (“BSPs”). Dan jista’ jappoġġa s-sigurtà tal-provvista billi jiżgura li l-BRPs u l-BSPs jiffaċċjaw l-istess prezz għall-enerġija prodotta/ikkonsmata, billi d-divrenzjar tal-prezzijiet jista’ jirriżulta f’arbitraġġ ineffiċjenti mill-atturi tas-suq. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-funzjoni tal-ipprezzar tal-iskarsezza jenħtieġ li tiġi attivata mill-iskarsezza tar-riżervi fis-sistema u jenħtieġ li tiġi kkalibrata biex jiżdiedu l-prezzijiet tal-enerġija tal-ibbilanċjar għall-VOLL meta s-sistema tispiċċa mingħajr riżervi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Belġju biex jikkunsidra li jemenda l-iskema tal-ipprezzar tal-iskarsezza tiegħu kif xieraq sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022. Barra minn hekk, il-Belġju qed jimplimenta nettjar tal-iżbilanċi, kif ukoll qed jipprepara biex jissieħeb mal-pjattaformi tal-ibbilanċjar tal-UE għal aFRR (Riżervi għar-Restawr tal-Frekwenza awtomatiċi) u mFRR (Riżervi għar-Restawr tal-Frekwenza manwali) li huma mistennija li jkunu fis-seħħ sal-aħħar tal-2021 u l-2022, rispettivament. Minbarra dan, il-Belġju impenja ruħu għal dan li ġej fir-rigward tal-akkwist ta’ servizzi ta’ bbilanċjar u anċillari:

    (a)

    mhux aktar tard minn Lulju 2020, l-FCR (riżervi għall-konteniment tal-frekwenza) kellhom jiġu offruti fuq bażi ta’ kuljum u akkwistati esklussivament fuq livell reġjonali.

    (b)

    mhux aktar tard minn Lulju 2020, l-aFRR kellhom jiġu offruti fuq bażi ta’ kuljum u t-teknoloġiji kollha, l-atturi kollha u l-livelli ta’ vultaġġ kollha se jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq. L-enerġija tal-ibbilanċjar attivata għandha tiġi remunerata permezz ta’ pprezzar marġinali hekk kif ikun hemm likwidità suffiċjenti.

    (c)

    minn Frar 2020, l-mFRR jiġu dimensjonati u mkejla fuq bażi ta’ kuljum, u l-enerġija tal-ibbilanċjar attivata tiġi remunerata permezz ta’ pprezzar marġinali.

    (63)

    Fir-rapport annwali, sottomess mill-Belġju f’Lulju 2021, huwa kkonfermat li dawn l-azzjonijiet sadanittant seħħew.

    (64)

    Fil-Belġju, ir-rispons min-naħa tad-domanda huwa eliġibbli li jipparteċipa fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa (inklużi s-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u dak tal-istess ġurnata), kif ukoll fis-suq tal-ibbilanċjar u jiġi ttrattat b’mod simili bħal parteċipanti oħrajn fis-suq u fornituri tas-servizzi tal-ibbilanċjar. Ir-rispons min-naħa tad-domanda jista’ jiġi rrappreżentat jew individwalment jew permezz ta’ aggregaturi. Sabiex ikompli jiffaċilita r-rispons min-naħa tad-domanda, il-Belġju impenja ruħu fil-pjan ta’ implimentazzjoni tiegħu (sottomess fl-2019) għal introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti li se jkunu differenti għal kull wieħed mir-reġjuni tiegħu:

    (a)

    Flanders (37):

    (1)

    mhux aktar tard mill-2023, 33 % tal-klijenti għandu jkollhom arloġġ intelliġenti.

    (2)

    mhux aktar tard mill-2028, 66 % tal-klijenti fi Flanders għandu jkollhom arloġġ intelliġenti.

    (3)

    mhux aktar tard mill-2034, 100 % tal-klijenti fi Flanders għandu jkollhom arloġġ intelliġenti.

    (b)

    Il-Vallonja:

    (1)

    mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023, se jkun hemm introduzzjoni sistematika ta’ arloġġi intelliġenti (i) għal konsumaturi residenzjali inadempjenti fil-ħlas, (ii) meta l-arloġġ ikollu jinbidel, (iii) għal konnessjonijiet ġodda mal-grilja, (iv) meta din tintalab mill-konsumatur.

    (2)

    mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2029, se jkun hemm 80 % tal-arloġġi intelliġenti installati għal (i) konsumaturi b’konsum ta’ 6 000 kWh jew aktar, (ii) prosumaturi, meta l-potenza elettrika netta li tista’ tiġi żviluppata tkun ta’ 5 kWe jew aktar; (iii) għall-punti tal-iċċarġjar miftuħa għall-pubbliku.

    (c)

    Ir-Reġjun ta’ Brussell: arloġġi intelliġenti introdotti (i) meta l-arloġġi jkollhom jinbidlu jew (ii) għal konnessjonijiet ġodda mal-grilja.

    (65)

    Fl-2020, il-Belġju kellu rata ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 21 %. Bil-proġetti diġà ppjanati (ara l-Pjan ta’ Żvilupp Federali 2020-2030 (38)), ir-rata ta’ interkonnessjoni tal-elettriku tal-Belġju se tilħaq madwar 30 % sal-2030 (39). Ir-rinforzi li ġejjin tan-network Belġjan saru operattivi reċentement jew se jsiru operattivi fis-snin li ġejjin:

    (a)

    ALEGrO: il-proġett ta’ interess komuni (PCI) ALEGrO għal interkonnettur ta’ 1 GW bejn il-Belġju u l-Ġermanja ġie kkummissjonat fl-2020 (40).

    (b)

    NEMO: il-proġett PCI ta’ NEMO għal interkonnettur ta’ 1 GW bejn il-Belġju u r-Renju Unit ilu jopera mill-2019.

    (c)

    BRABO: il-proġett PCI ta’ BRABO jikkonċerna titjib tal-grilja tal-elettriku Belġjana bl-għan li, fost l-oħrajn, tiżdied il-kapaċità tal-importazzjoni min-Netherlands.

    2.4.   Benefiċjarji

    2.4.1.   Eliġibbiltà

    (66)

    Is-CRM se jkun miftuħ għall-kapaċitajiet kollha li jistgħu jikkontribwixxu għall-adegwatezza tar-riżorsi, għall-kapaċità kemm eżistenti kif ukoll ġdida, għall-ħżin u għar-rispons għad-domanda. Se tkun permessa aggregazzjoni tal-kapaċità, inkluż minn teknoloġiji differenti.

    (67)

    Se tkun permessa wkoll il-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija. Ir-regoli huma deskritti aktar fit-taqsima 2.10.

    (68)

    Il-benefiċjarji tas-CRM se jkunu l-fornituri tal-kapaċità magħżula fil-proċess kompetittiv ta’ offerti.

    2.4.2.   Limitu minimu għall-parteċipazzjoni

    (69)

    Il-limitu minimu għall-parteċipazzjoni ġie stabbilit għal 1 MW, b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-allinjament mas-suq tal-ibbilanċjar;

    (b)

    il-valur huwa r-riżultat ta’ djalogu kontinwu mal-parteċipanti fis-suq, inklużi bosta konsultazzjonijiet pubbliċi formali;

    (c)

    l-inżul taħt il-limitu ta’ 1 MW jimplika li ħafna kapaċitajiet żgħar iridu jibdew il-proċess obbligatorju ta’ prekwalifikazzjoni tas-CRM u jiffaċċjaw il-kostijiet relatati anki jekk ma jkollhom l-ebda intenzjoni li jipparteċipaw fl-irkant tas-CRM;

    (d)

    l-inżul taħt il-limitu ta’ 1 MW iżid ukoll b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv.

    (70)

    Id-Digriet Amministrattiv dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-appoġġ kumulattiv u mal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni jipprevedi li jiġi evalwat il-livell tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni matul il-ħajja tas-CRM, mill-inqas kull ħames snin.

    (71)

    Ir-regoli ta’ aggregazzjoni jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ fornituri ta’ kapaċità iżgħar li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ limitu minimu.

    2.4.3.   Aggregazzjoni

    (72)

    Bosta fornituri ta’ kapaċità jistgħu jagħżlu li jaggregaw f’unità waħda tas-suq tal-kapaċità ta’ minimu ta’ 1 MW mingħajr limitazzjoni ta’ daqs massimu. L-unika limitazzjoni hija li l-punti ta’ kunsinna li għalihom japplikaw il-programmi ta’ kuljum tas-swieq tal-enerġija (tipikament il-punti ta’ kunsinna tal-lum b’daqs ta’ aktar minn 25 MW) ma jistgħux ikunu parti minn portafoll aggregat. L-aggregazzjoni hija permessa fit-teknoloġiji kollha. Barra minn hekk, ir-riallokazzjoni ta’ komponenti f’unità tas-suq tal-kapaċità (‘capacity market unit’ - “CMU”) aggregata hija permessa li żżid il-flessibbiltà lejn l-aggregaturi u li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-irkant.

    (73)

    Ir-regoli ta’ aggregazzjoni se jiġu riveduti u mmodifikati perjodikament jekk jitqies meħtieġ mill-awtoritajiet Belġjani, sabiex jiġi żgurat li r-regoli ta’ aggregazzjoni ma jikkostitwixxux ostaklu għall-parteċipazzjoni fl-irkant.

    2.4.4.   Kapaċità mhux ipprovata

    (74)

    Hija prevista kategorija speċifika ta’ “kapaċità mhux ipprovata” fil-mekkaniżmu. Din hija definita bħala kapaċità, li, fil-bidu tal-proċess ta’ prekwalifikazzjoni ta’ Y-4, ma tistax tiġi assoċjata ma’ punt ta’ kunsinna u, għalhekk, ma tistax tirrispetta r-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni tal-punt ta’ kunsinna. Il-kategorija hija miftuħa għat-teknoloġiji kollha u għandha l-għan li trawwem il-parteċipazzjoni ta’ kapaċitajiet li jista’ jkollhom aktar diffikultajiet biex diġà jipprovdu l-livell ta’ maturità standard meħtieġ f’Y-4. Il-kapaċitajiet mhux ipprovati jirrappreżentaw proġetti inqas maturi, eż. meta l-punt ta’ kunsinna jkun għadu mhux magħruf; l-ebda pjan ta’ eżekuzzjoni tal-proġett ma huwa disponibbli u l-proġett jimmatura aktar biss matul il-perjodu ta’ qabel it-twettiq. L-awtoritajiet Belġjani spjegaw li l-kunċett ta’ “kapaċità mhux ipprovata” ġie introdott fuq talba tas-suq u jista’ jkun partikolarment ta’ użu għall-aggregaturi/fornituri tad-DSR, li jikkunsidraw li jistgħu jsibu tali kapaċità matul il-perjodu ta’ qabel it-twettiq, iżda, pereżempju, għad iridu jiffinalizzaw il-ftehimiet mas-siti tad-domanda/qed jikkunsidraw bosta prospetti. Kapaċità mhux ipprovata jenħtieġ li tiġi offruta biss f’irkant Y-4. Din il-kategorija tista’ tiġi assenjata biss il-kategorija ta’ kapaċità standard ta’ kuntratt ta’ sena (ara l-premessi (138) u (145)).

    (75)

    Sabiex jiġi limitat ir-riskju għas-sigurtà tas-sistema permezz ta’ dipendenza fuq proġetti inqas maturi, il-kapaċità ġenerali li għandha tiġi aċċettata f’din il-kategorija hija limitata għal 200 MW għall-ewwel irkant. L-Att dwar l-Elettriku jipprevedi li tittieħed deċiżjoni dwar din il-kapaċità globali massima għal kull irkant. Il-limitu jista’ jevolvi aktar maż-żmien abbażi ta’ ritorn pożittiv ta’ esperjenza.

    2.4.5.   Deklassifikazzjoni

    2.4.5.1.   Regoli ġenerali

    (76)

    Is-CRM huwa miftuħ għad-detenturi ta’ kapaċità kollha skont ir-rata ta’ disponibbiltà tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-objettiv tal-adegwatezza tar-riżorsi. Tabilħaqq, is-CMUs ma humiex mistennija li jkunu disponibbli 100 % tal-ħin f’100 % tal-potenza ta’ referenza tagħhom minħabba, pereżempju, il-kundizzjonijiet tat-temp, iċ-ċikli ta’ manutenzjoni, ħsarat.

    (77)

    Għal din ir-raġuni, jiġi kkalkolat fattur ta’ deklassifikazzjoni għal kull teknoloġija sabiex jiġu vvalutati l-affidabbiltà tagħha u l-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista matul mumenti li huma partikolarment rilevanti minn perspettiva ta’ adegwatezza (l-hekk imsejħa “sigħat ta’ skarsezza simulati”). Għalhekk, id-detenturi ta’ kapaċità jistgħu jipparteċipaw biss fl-irkant u, b’hekk, huma eliġibbli biss għal kuntratti ta’ kapaċità sal-kapaċità deklassifikata tagħhom (41).

    (78)

    Il-metodoloġija li tintuża biex jiġu kkalkolati dawn il-parametri ta’ deklassifikazzjoni tvarja skont it-teknoloġija u hija speċifikata aktar fid-dettall fid-Digriet Amministrattiv, li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-parametri tal-kalkolu tal-kapaċità u tal-irkant. Hija se tiddependi fuq il-kategorija ta’ kapaċità:

    (a)

    il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni għat-teknoloġiji termali bi skeda ta’ kuljum jiġu ddeterminati abbażi ta’ analiżi statistika minn data storika billi titnaqqas ir-rata ta’ indisponibilità sfurzata, billi dan il-parametru huwa preżunt indipendenti minn kundizzjonijiet klimatiċi.

    (b)

    il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni għat-teknoloġiji termali mingħajr skeda ta’ kuljum jiġu ddeterminati mill-kejl. Jekk il-kejl ma jkunx biżżejjed, dan jiġi simulat billi l-kontribuzzjoni medja mistennija ta’ dawk it-teknoloġiji matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati tiġi diviża bil-potenza ta’ referenza nominali aggregata tat-teknoloġija.

    (c)

    il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni għat-teknoloġiji dipendenti mit-temp bi skeda ta’ kuljum u għat-teknoloġiji dipendenti mit-temp mingħajr skeda ta’ kuljum li ma jkunux għażlu ftehim dwar il-livell ta’ servizz (ara l-punt (e) hawn taħt) se jiġu ddeterminati billi l-kontribuzzjoni medja assoċjata minn dawk it-teknoloġiji matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati tiġi diviża bil-potenza ta’ referenza nominali aggregata tat-teknoloġija applikabbli.

    (d)

    il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni għat-teknoloġija bi skeda ta’ kuljum li huma limitati fl-użu tal-enerġija se jiġu ddeterminati billi l-kontribuzzjoni medja mistennija ta’ tali teknoloġiji matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati tiġi diviża bil-potenza ta’ referenza nominali aggregata.

    (e)

    il-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (“FLS”) (tipikament ir-rispons għad-domanda jew ħażna żgħira, iżda huwa aċċessibbli wkoll għat-teknoloġiji kollha mingħajr skeda ta’ kuljum, inklużi r-RES): il-fattur ta’ deklassifikazzjoni huwa assoċjat ma’ kull FLS magħżul mis-CMU nnifisha matul il-proċess ta’ prekwalifikazzjoni (u kif stabbilit fil-kuntratt ta’ kapaċità) skont ir-restrizzjonijiet tal-enerġija magħżula. Dan jippermetti li t-teknoloġiji mingħajr skeda ta’ kuljum jiddeterminaw huma stess liema FLS huwa adattat l-aktar għar-restrizzjonijiet tekniċi tagħhom, aktar milli jpoġġuhom f’FLS definit minn qabel. Barra minn hekk, aggregatur jista’ jagħżel FLS li jaqbel l-aktar mal-portafoll tiegħu.

    (79)

    Fl-4 ta’ Mejju 2021, il-Belġju pprovda fatturi aġġornati ta’ deklassifikazzjoni murija fit-tabella ta’ hawn taħt:

    Tabella 4

    Fatturi ta’ deklassifikazzjoni

    Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS)

    Disponibbiltà/Durata [h]

    FLS

    Ħażnafuq skala kbira

    1  h

    11  %

    11  %

    2  h

    19  %

    19  %

    3  h

    28  %

    28  %

    4  h

    36  %

    36  %

    6  h

    52  %

    52  %

    8  h

    65  %

    65  %

    Teknoloġiji termali bi skeda ta’ kuljum

    Subkategorija

    Fattur ta’ deklassifikazzjoni

    Turbina tal-gass b’ċiklu kkombinat

    91  %

    Turbina tal-gass b’ċiklu miftuħ

    90  %

    Magni turboreattur

    96  %

    Magni tal-gass

    95  %

    Magni diżil

    93  %

    CHP

    93  %

    Bijomassa

    93  %

    Skart

    93  %

    Nukleari

    96  %

    Faħam

    90  %

    Teknoloġiji b’użu limitat tal-enerġija bi skeda ta’ kuljum

    Disponibbiltà/Durata [sigħat]

    Fattur ta’ deklassifikazzjoni

    1

    11  %

    2

    19  %

    3

    28  %

    4

    36  %

    5 -6

    52  %

    7 -8

    65  %

    Teknoloġiji li jiddependu mit-temp

    Subkategorija

    Fattur ta’ deklassifikazzjoni

    Teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta

    15 %

    Teknoloġija eolika fuq l-art

    6 %

    Teknoloġija solari

    4 %

    Enerġija idroelettrika mill-fluss naturali tax-xmara

    34 %

    Teknoloġiji termali mingħajr programm ta’ kuljum

    Subkategorija

    Fattur ta’ deklassifikazzjoni

    Teknoloġiji termali aggregati

    62 %

    Sors: Notifika (42)

    (80)

    Ir-regoli ta’ deklassifikazzjoni jistgħu jiġu riveduti kull sena u mmodifikati jekk ikun meħtieġ. B’mod partikolari, it-TSO se jikkonsulta l-lista ta’ teknoloġiji attwali eżistenti fis-suq. Jekk jiġi riċevut feedback li hemm tip ġdid ta’ teknoloġija nieqes fil-lista, dan xorta jista’ jitqies matul il-kalibrazzjoni annwali tal-fatturi ta’ deklassifikazzjoni. B’hekk, jekk ikun meħtieġ, il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni u t-teknoloġiji se jiġu aġġornati kull sena u riveduti.

    2.4.6.   Regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni transfruntiera

    (81)

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni transfruntiera, il-kapaċità massima ta’ dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija indiretta f’żona ta’ kontroll għandha tiġi definita mill-operatur tas-sistema għal kull żona tas-suq konnessa b’mod elettriku direttament maż-żona ta’ kontroll Belġjana, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (82)

    Sakemm jiġu adottati l-istrateġiji, il-proposti jew id-deċiżjonijiet rilevanti li jimplimentaw l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-kontribut ta’ kull żona tas-suq konnessa direttament mal-Belġju jiġi ddeterminat mill-kontribut ta’ dawk iż-żoni matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati kif deskritt fit-Taqsima 2.10.1.

    2.4.7.   Regoli applikabbli għal kapaċità mhux ipprovata

    (83)

    Sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kapaċitajiet ikkuntrattati oħrajn fl-irkant Y-4, Elia se juża l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni magħrufa fil-mument tal-irkant Y-4 bħala parametru ta’ input għall-proċess standard ta’ prekwalifikazzjoni ta’ kapaċitajiet mhux ipprovati (billi l-proċess standard ta’ prekwalifikazzjoni relatat ma’ dawk il-kapaċitajiet jista’ jiġi organizzat sa 24 xahar wara l-irkant Y-4).

    2.5.   Il-proċess tal-irkant u r-regoli tal-ipprezzar

    2.5.1.   Frekwenza tal-irkantijiet

    (84)

    Skont in-notifika, it-TSO se jorganizza l-irkantijiet tas-CRM skont il-livell ta’ riżorsi tal-kapaċità li huma meħtieġa biex jiggarantixxu livell adegwat ta’ adegwatezza tar-riżorsi biex jintlaħaq l-istandard ta’ affidabbiltà.

    (85)

    Kull sena jsir irkant tal-kapaċità sabiex jitwettaq fi żmien erba’ snin f’“irkant Y-4”. Irkant ieħor ta’ sena bil-quddiem isir fis-sena immedjatament qabel is-sena ta’ twettiq tal-irkant prinċipali (“irkant Y-1”). L-ewwel irkant Y-4 huwa ppjanat li jiġi organizzat fl-2021, filwaqt li l-ewwel irkant Y-1 jenħtieġ li jsir fl-2024.

    2.5.2.   Id-determinazzjoni tal-volum li għandu jiġi rkantat

    (86)

    F’verżjoni preċedenti tal-Att dwar l-Elettriku, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 undecies stabbilixxa li l-metodoloġija li tiddefinixxi l-parametri li jiddeterminaw il-kwantità ta’ kapaċità li għandha tiġi akkwistata kienet proposta mit-TSO. Skont ir-Regolament dwar l-Elettriku, li ilu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2020, l-Istat Membru għandu japprova l-volum li għandu jiġi rkantat abbażi ta’ proposta mir-regolatur CREG. Għalhekk, fl-2019, il-kumitat tas-CRM (l-Ekonomija tal-FPS, il-CREG, Elia u l-Kabinett tal-Ministru għall-Enerġija) kien diġà ddeċieda li l-CREG għandu jiżviluppa proposta għall-metodoloġija għall-parametri li jiddeterminaw il-volum li għandu jiġi akkwistat fl-irkantijiet. Il-premessi li ġejjin jagħtu aktar dettalji dwar il-kronoloġija.

    (87)

    Fit-22 ta’ Novembru 2019, Elia elabora abbozz ta’ proposta ta’ Digriet Amministrattiv għad-determinazzjoni tal-metodoloġija għall-parametri tal-irkant (bħal fatturi ta’ deklassifikazzjoni, prezzijiet tal-eżerċitar u ta’ referenza, limitu massimu tal-prezz intermedju), inkluż il-proċess biex jiġi ddeterminat ix-xenarju li jiddetermina l-kapaċità meħtieġa (43). Fis-6 ta’ Diċembru 2019, il-CREG adotta opinjoni (44) dwar il-proposta ta’ Elia li fiha jispjega b’mod partikolari li l-użu tax-xenarju EU-HiLo biex tiġi ddeterminata l-kapaċità li għandha tinxtara ma huwiex xieraq (45) u mhux konformi mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (88)

    Fit-18 ta’ Marzu 2020, il-CREG bagħat abbozz ta’ proposta 2064 għad-determinazzjoni tal-volum ta’ kapaċità li għandu jiġi akkwistat lill-Ministru għall-Enerġija Belġjan. L-abbozz ta’ proposta kien fil-biċċa l-kbira ispirat min-nota (Z) 2024 tal-CREG, li ntbagħtet lill-Ministru fl-20 ta’ Diċembru 2019 wara konsultazzjoni pubblika (46). Il-CREG adotta l-proposta finali fl-24 ta’ Marzu 2020 (47). Il-proposta:

    (a)

    tiddeduċi restrizzjoni baġitarja li fiha l-kost tas-CRM irid ikun inqas mill-kost għall-konsumatur minħabba l-enerġija mhux ikkunsinnata mistennija (EENS) (48) li tiġi evitata minn CRM. Il-kost tas-CRM huwa l-kost tal-kapaċità mitluba biex tikkonforma mal-istandard ta’ affidabbiltà. Il-kost mistenni tal-enerġija nieqsa huwa l-EENS immultiplikata bir-rieda li jitħallsu l-klijenti li ma jirċevux din l-enerġija b’mod mhux intenzjonat (VOLL). Fil-każ ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista, dan il-VOLL jirrappreżenta l-kost tan-nuqqas ta’ provvista mħabbar minn qabel. Bl-użu tal-valuri tal-VOLL tal-Uffiċċju tal-Ippjanar (49) u ta’ studju mill-ACER (50), il-CREG jiddeduċi r-restrizzjoni baġitarja li ġejja:

    Image 1

    Sors: CREG “Proposition (E)2064 – 24 mars 2020 “

    (b)

    tiddeduċi l-kurva tad-domanda li ġejja, fejn il-volum fil-mira li għandu jiġi rkantat huwa C-Q (51):

    Image 2

    Sors: CREG “Proposition (E)2064 – 24 mars 2020 “

    (89)

    Filwaqt li qies ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar in-nota 2024 tal-CREG, il-Ministeru għall-Enerġija Belġjan ikkonkluda li l-metodoloġija proposta mill-CREG (speċjalment ir-restrizzjoni baġitarja) ma pprovdietx biżżejjed garanziji li l-objettiv tas-CRM li “jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ sigurtà tal-provvista” se jiġi rrispettat f’konformità mal-kriterji legali.

    (90)

    Konsegwentement, il-Ministeru għall-Enerġija Belġjan fassal metodu alternattiv li jiddefinixxi l-parametri li jiddeterminaw il-kwantità ta’ kapaċità mixtrija taħt il-mekkaniżmu ta’ kapaċità, filwaqt li qies il-proposta ta’ Elia ta’ Digriet Amministrattiv imsemmi fil-premessa (87) u l-proposta tal-CREG imsemmija fil-premessa (88). Mit-23 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Marzu 2020 saret konsultazzjoni pubblika dwar din il-metodoloġija adattata. Skont il-Liġi dwar is-CRM emendata, il-paragrafu 2 adattat tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku jistabbilixxi li l-parametri li jiddefinixxu l-ammont ta’ volum li għandu jiġi akkwistat għandhom jiġu definiti f’Digriet Amministrattiv, abbażi ta’ proposta mir-regolatur. Id-Digriet Amministrattiv finali ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Belġjana fit-30 ta’ April 2021, wara l-approvazzjoni tal-Liġi dwar is-CRM emendata (52). Il-premessi minn (91) sa (99) jiddeskrivu l-proċess kif previst f’dan id-Digriet Amministrattiv finali.

    (91)

    Kull sena, l-ammont ta’ kapaċità meħtieġa biex jintlaħaq l-istandard ta’ affidabbiltà f’sena partikolari ta’ kunsinna futura (jiġifieri l-volum fil-mira) se jiġi ddeterminat abbażi ta’ proposta mir-regolatur. Ir-regolatur jagħmel din il-proposta filwaqt li jqis id-data pprovduta mit-TSO, iżda wkoll din id-data tiġi kkalkolata mit-TSO abbażi ta’ xenarju u valuri intermedji li ġew proposti mir-regolatur u li ġew iddeterminati mill-Ministru. Il-volum fil-mira jiġi ddeterminat abbażi tal-istandard tal-affidabbiltà legali, li jikkorrespondi għal ċertu valur tal-LOLE. Xenarju jiġi kkalibrat biex jiġi żgurat li dan il-kriterju jiġi ssodisfat. Ladarba x-xenarju jiġi kkalibrat, titwettaq simulazzjoni tas-suq u din twassal għall-identifikazzjoni tas-sigħat ta’ skarsezza simulati. Il-volum fil-mira mbagħad jiġi kkalkolat bħala s-somma tat-tagħbija medja matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati u l-ħtieġa ta’ bbilanċjar, li minnha titnaqqas l-EENS medja matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati.

    (92)

    Ix-xenarju msemmi fil-premessa (91) se jkun wieħed mix-xenarji ta’ referenza ċentrali użati biex jiġi identifikat it-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, jew mill-aħħar ERAA (53) jew inkella mill-aħħar NRAA (54), u se jiġi aġġornat bl-aktar informazzjoni reċenti disponibbli (55). Il-proċess għall-finalizzazzjoni tal-ammont ta’ kapaċità li għandu jiġi akkwistat jeħtieġ ukoll li jirrispetta l-partijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (93)

    Id-Digriet Amministrattiv jipprovdi l-proċess li ġej sabiex jiġi stabbilit ix-xenarju ta’ referenza. Bħala kontribut għad-deċiżjoni mill-Ministru għall-Enerġija, it-TSO Belġjan se jippubblika rakkomandazzjoni, wara konsultazzjoni pubblika mal-partijiet tas-suq dwar id-data u s-suppożizzjonijiet. B’mod konsekuttiv, ir-regolatur se jagħmel proposta dwar ix-xenarju ta’ referenza, filwaqt li jqis il-metodoloġija kif prevista fid-Digriet Amministrattiv. Fl-aħħar nett, l-Ekonomija tal-FPS se tippubblika parir dwar din il-proposta. Id-deċiżjoni finali tal-għażla tax-xenarju hija r-responsabbiltà tal-Ministru għall-Enerġija.

    (94)

    Limitu massimu globali tal-irkant jiddetermina r-remunerazzjoni massima li tista’ tiġi riċevuta minn offerta fl-irkant tas-CRM u huwa applikabbli għall-kategoriji kollha ta’ kapaċità. Billi jillimita r-remunerazzjoni massima li tista’ tiġi riċevuta, il-limitu massimu globali tal-irkant jillimita l-possibbiltà ta’ abbuż tas-saħħa fis-suq permezz tas-sottomissjoni ta’ offerti mhux xierqa. Il-limitu massimu globali tal-prezz tal-irkant jiġi kkalkolat bħala l-multiplikazzjoni tal-CONE nett (56) b’fattur X. Il-valur tal-fattur ta’ korrezzjoni X iqis l-inċertezzi relatati mal-istima tal-CONE nett, kemm fil-livell tal-varjabbiltà tal-kost gross ta’ parteċipant ġdid assoċjat ma’ teknoloġiji differenti, kif ukoll fid-determinazzjoni tal-annwalitajiet inframarġinali annwali fis-suq tal-enerġija u d-dħul nett fis-suq għas-servizzi awżiljarji tal-ibbilanċjar. Il-limitu massimu globali tal-prezz tal-irkant għall-ewwel irkant huwa ta’ EUR 75/kW/sena, li huwa ugwali għall-CONE nett immultiplikat b’fattur ta’ korrezzjoni ta’ 1,50 (57).

    (95)

    Il-kurva tad-domanda għall-irkantijiet Y-4 hija mfassla fuq il-bażi ta’ tliet punti, kif muri fl-Illustrazzjoni hawn taħt:

    (96)

    Il-kurva tad-domanda għall-irkantijiet Y-1 hija mfassla abbażi tal-istess punti B u Ċ bħal għall-irkantijiet Y-4, iżda l-volum fil-mira jiġi aġġustat sabiex titqies il-kapaċità diġà kkuntrattata fl-irkant Y-4 li tikkorrespondi għall-istess perjodu ta’ kunsinna. Il-punt A jikkorrespondi, f’ordinati, għal-limitu massimu globali tal-prezz tal-irkant u, f’axxissa, għall-volum fil-mira.

    (97)

    L-awtoritajiet Belġjani jqisu li d-disinn tal-kurvi tad-domanda jirrispetta żewġ prinċipji:

    (a)

    l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista: dan ifisser li ladarba l-irkantijiet Y-4 u Y-1 ikunu ġew konklużi, l-istandard ta’ affidabbiltà jenħtieġ li jintlaħaq, inkella s-CRM ma jilħaqx l-objettiv tiegħu. Billi l-punt B jikkorrespondi għall-volum meħtieġ biex jintlaħaq l-istandard ta’ affidabbiltà, jenħtieġ li jiġi żgurat li mill-inqas dan il-volum jiġi kkuntrattat. Billi wara rkant Y-4 xorta jkun hemm l-opportunità li jiġu kkuntrattati aktar kapaċitajiet fl-irkant Y-1, kurva mżerżqa bejn il-punt A u l-punt B f’Y-4 hija possibbli, li tippermetti li jiġi kkuntrattat inqas mill-ammont ikkalibrat għall-punt B f’dak l-irkant Y-4. Madankollu, l-ikkuntrattar ta’ inqas mill-volum assoċjat mal-punt B f’Y-1 ma jiggarantixxix li l-istandard ta’ affidabbiltà jintlaħaq. Dan jispjega s-sezzjoni vertikali f’Y-1 bejn il-punt A u l-punt B; u

    (b)

    l-iżgurar ta’ mekkaniżmu proporzjonat u bl-inqas kost: dan ifisser li, b’mod ġenerali, jenħtieġ li l-volum li għandu jiġi akkwistat ma jaqbiżx il-volum meħtieġ biex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ affidabbiltà, billi altrimenti dan iżid il-kost totali tal-mekkaniżmu. Dan jispjega għaliex il-kurva tad-domanda hija vertikali bejn il-punt B u l-intersezzjoni mal-assi X kemm f’irkant Y-4 kif ukoll f’irkant Y-1.

    (98)

    Skont l-Att dwar l-Elettriku, jeħtieġ li jiġi rriżervat volum minimu ta’ kapaċità għall-irkantijiet Y-1 u li dan jitnaqqas mill-volum fil-mira għall-irkant Y-4. Dan il-volum riżervat għandu jkun mill-inqas daqs il-kapaċità meħtieġa, bħala medja, biex ikopri l-kapaċità massima totali għal inqas minn 200 siegħa ta’ tħaddim fis-sena. Skont id-Digriet Amministrattiv, sabiex tiġi ddeterminata l-metodoloġija għall-parametri tal-kalkolu tal-kapaċità u tal-irkant fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità, għandha tiġi ddeterminata l-kapaċità meħtieġa biex tiġi koperta l-kapaċità massima totali għal inqas minn 200 siegħa, bħala medja, għal kull blokka ta’ 100 MW, bin-numru medju ta’ sigħat meħtieġa għall-konformità mal-kriterju tas-sigurtà tal-provvista abbażi tal-kurva tad-durata tat-tagħbija. Dawn huma s-sigħat meħtieġa minn ċerti ħtiġijiet ta’ kapaċità biex jiġi ssodisfat il-konsum massimu tal-elettriku. L-istima tal-kurva tad-domanda rriżultat fir-riżerva ta’ madwar 2,5 GW għall-irkant Y-1 prevista fl-2024. Skont il-Belġju, id-deċiżjoni li tiġi riżervata parti mill-volum li għandu jiġi akkwistat għall-proċess tal-irkant Y-1 tirrifletti r-rieda tiegħu li jenfasizza n-newtralità teknika u l-ftuħ tekniku tal-mekkaniżmu. Din il-miżura tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-fornituri tar-rispons għad-domanda, minħabba li jista’ jkun aktar diffiċli għal dawn il-kapaċitajiet li jippjanaw id-disponibbiltà tagħhom minn qabel sewwa, u possibbilment tikkomplika l-parteċipazzjoni tagħhom fl-irkant Y-4. Minkejja din il-bidla fil-volum tal-kapaċità għall-irkant Y-1, id-detenturi kollha ta’ kapaċità jitħallew jipparteċipaw kemm fil-proċess tal-irkant Y-4 kif ukoll f’dak Y-1 għal ċertu perjodu ta’ kunsinna.

    (99)

    L-antiċipazzjoni tal-implimentazzjoni tal-abbozz finali tad-Digriet Amministrattiv:

    (a)

    Elia nieda konsultazzjoni pubblika dwar ix-xenarji, is-sensittivitajiet u d-data għall-kalkolu tal-parametru tas-CRM għall-irkant Y-4 għall-perjodu ta’ kunsinna 2025-2026. Il-konsultazzjoni pubblika saret bejn il-5 ta’ Mejju 2020 u l-5 ta’ Ġunju 2020 (59). Elia kkonsulta dwar id-data mill-MAF 2019 tal-ENTSO-E, aġġornata bl-aktar informazzjoni disponibbli reċenti minn sorsi pubbliċi, u dwar is-sensittivitajiet li għandhom jiġu inklużi fix-xenarju ta’ referenza li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Belġju, f’konformità mad-Digriet Amministrattiv (ara l-premessa (93)). Wara l-konsultazzjoni pubblika, Elia rrakkomanda li fix-xenarju ta’ referenza tiġi integrata sensittività “b’domanda baxxa” u sensittività li tikkorrespondi għax-xenarju EU-HiLo (60) (ara l-premessa (30)). Fl-10 ta’ Lulju 2020, il-CREG sussegwentement adotta proposta ta’ xenarju ta’ referenza (61), li fiha notevolment itenni l-kritika tiegħu kontra r-rakkomandazzjoni ta’ Elia li tiġi inkluża sensittività ta’ tnaqqis tad-disponibbiltà tal-enerġija nukleari Franċiża b’4 unitajiet (ara l-premessa (87)), filwaqt li indika wkoll il-mekkaniżmu ta’ kapaċità eżistenti fi Franza biex tiġi żgurata l-adegwatezza, kif ukoll ir-riskju ta’ żieda fil-kapaċità li għandha tiġi akkwistata. Madankollu, ftit wara, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Ekonomija tal-FPS adotta parir lill-Ministru għall-Enerġija (62), li fih jirrakkomanda li fix-xenarju ta’ referenza tiġi integrata modifika tad-domanda mistennija, billi din tal-aħħar naqset wara l-impatt tat-tifqigħa tal-Covid-19. Dan kien jinkludi wkoll nuqqas ta’ disponibbiltà addizzjonali ta’ unitajiet nukleari fi Franza. B’hekk, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Ekonomija tal-FPS irrifjuta ħafna mill-kritika tal-CREG, iżda xorta stieden lil Elia jirrevedi l-analiżi tiegħu fid-dawl ta’ dak li għamel il-PLEF (ara l-premessa (35)).

    (b)

    Il-CREG organizza konsultazzjoni pubblika mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-13 ta’ Lulju 2020 fuq proposta dwar il-valuri tal-CONE gross, il-kost medju ponderat tal-kapital (WACC) u l-fattur ta’ korrezzjoni X (63). Il-Ministru għall-Enerġija jiddeċiedi kull sena abbażi tal-proposta tal-CREG, iżda jista’ jitbiegħed minnha.

    (100)

    Il-kurva tad-domanda għall-irkant Y-4 f’Ottubru 2021 hija bbażata fuq ix-xenarju ċentrali tal-MAF 2019, b’data u korrezzjonijiet aġġornati bbażati fuq il-“Valutazzjoni tal-Adegwatezza tal-Provvista Ġenerata” imwettqa mill-PLEF u ppubblikata f’April 2020 (ara wkoll il-premessi minn (287) sa (289)).

    (101)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 juża x-xenarju ċentrali tal-MAF 2020, ikkomplementat bl-aktar sett ta’ data reċenti disponibbli għal kull pajjiż u miġbur fi ħdan l-ENTSO-E u l-informazzjoni pubblika jew l-istudji nazzjonali aġġornati għal pajjiżi oħrajn. Skont il-Belġju, bl-użu tal-istess sors (MAF) bħala sett ta’ data kemm għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi kif ukoll għall-kalibrazzjoni tal-kurva tad-domanda, il-koerenza hija assigurata.

    (102)

    Il-Belġju kkjarifika li s-sensittività użata fil-kalkoli tal-kurva tad-domanda għall-ewwel irkant dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kapaċità nukleari Franċiża (f’konformità mal-“Valutazzjoni tal-Adegwatezza tal-Provvista Ġenerata” mwettqa mill-PLEF) ġiet immudellata wkoll fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021.

    (103)

    Il-volum stmat li għandu jiġi akkwistat fl-ewwel irkantijiet Y-4 u Y-1 huwa ta’ madwar 9,5 GW. Il-volum globali jiġi definit għal kull irkant u jkun ibbażat fuq il-metodoloġija deskritta fit-taqsima 2.5.2. Fil-kurva tad-domanda għall-irkant Y-4, l-awtoritajiet Belġjani warrbu volum sinifikanti għall-irkant Y-1, sabiex b’hekk jiżguraw li ssir kalibrazzjoni ġdida eqreb għas-sena tal-kunsinna u jevitaw li tiġi rkantata kapaċità żejda fl-ewwel irkant Y-4. Din ir-riżerva kbira ta’ Y-1 tippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jlaħħqu ma’ devjazzjonijiet żgħar wara data ta’ input ġdida u titjib metodoloġiku, iżda tiżgura wkoll li teknoloġiji ġodda u innovattivi jingħataw biżżejjed possibbiltajiet biex jipparteċipaw, u b’hekk tiġi żgurata fil-prattika n-newtralità teknoloġika tal-miżura.

    (104)

    B’mod ġenerali, madwar 54 % tal-konsum massimu medju f’mumenti ta’ skarsezza se jiġi kkuntrattat fl-irkant Y-4 fl-2021, sabiex b’hekk il-volum immirat jitnaqqas għal dak li huwa strettament meħtieġ.

    (105)

    Il-Belġju impenja ruħu li jagħmel kontroverifika u, jekk ikun hemm bżonn, jaġġusta l-volumi li għandhom jiġu akkwistati fl-irkant T-4 fl-2023 u fl-irkant T-1 fl-2026 bir-riżultati mill-NRAA 2023.

    2.5.3.   Il-fażi ta’ qabel il-kwalifika

    (106)

    Proċedura obbligatorja ta’ prekwalifikazzjoni hija applikabbli għad-detenturi kollha ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ aktar minn 1 MW. Madankollu, il-kapaċitajiet prekwalifikati ma humiex obbligati jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti (nonparteċipazzjoni). Sabiex tiġi ffaċilitata din il-prekwalifikazzjoni obbligatorja, huwa previst proċess rapidu ta’ prekwalifikazzjoni sabiex id-detenturi ta’ kapaċità jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu ta’ prekwalifikazzjoni bi sforz minimu (hija meħtieġa biss kwantità minima ta’ informazzjoni, bħan-numru ta’ identifikazzjoni, it-tip ta’ punt ta’ kunsinna u l-kapaċità installata totali): id-detenturi ta’ kapaċità wara proċess rapidu ta’ prekwalifikazzjoni, il-kapaċità tiġi ttrattata awtomatikament bħala nonparteċipazzjoni.

    (107)

    Ir-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni jinkludu limitu tal-emissjonijiet: il-fornituri ta’ kapaċità li jaqbżu l-limitu tal-emissjonijiet ta’ hawn taħt ma jistgħux jipparteċipaw fl-irkant tal-kapaċità:

    (a)

    għal kapaċitajiet li bdew il-produzzjoni fl-4 ta’ Lulju 2019 jew wara, japplika limitu tal-emissjonijiet ta’ 550 gr ta’ CO2 ta’ oriġini minn fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku;

    (b)

    il-kapaċitajiet li bdew il-produzzjoni qabel l-4 ta’ Lulju 2019 ma jistgħux jarmu la aktar minn 550 gr ta’ CO2 ta’ oriġini minn fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku, u lanqas aktar minn 350 kg ta’ CO2 ta’ oriġini mill-fjuwil, bħala medja, kull sena għal kull kWe installat.

    (108)

    Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess ta’ prekwalifikazzjoni, il-kandidati għandhom jagħtu garanzija finanzjarja provviżorja sabiex jitħallew jipparteċipaw fl-irkant. Din il-garanzija finanzjarja provviżorja ssir effettiva meta tintgħażel is-CMU fl-irkant. Jekk wara l-għażla fl-irkant, il-fornitur tal-kapaċità ma jirrispettax l-obbligi kuntrattwali tiegħu jew f’każ li ma jkunx lest jiffirma l-kuntratt ta’ kapaċità, jiġu applikati penali finanzjarji bħala parti mill-proċess ta’ kontroll ta’ qabel il-kunsinna. Il-kontroparti kuntrattwali għandha d-dritt li titlob garanzija finanzjarja f’każ li dawn il-penali jibqgħu ma jitħallsux. Fil-mument tal-prekwalifikazzjoni, l-ammont tal-garanzija finanzjarja provviżorja se jkun ta’ EUR 20 000/MW għal CMUs virtwali u addizzjonali u ta’ EUR 10 000/MW għas-CMUs eżistenti, skont il-volum eliġibbli tas-CMU (minħabba li l-kapaċità kkuntrattata għadha ma hijiex magħrufa u sabiex jiġi żgurat li l-garanzija finanzjarja tkun proporzjonali għad-daqs tal-proġett u r-riskju konsegwenti għas-sistema f’każ li tali proġett ma jitwettaqx). Jekk il-kapaċità kkuntrattata finali tas-CMU tkun inqas mill-volum eliġibbli tagħha, l-ammont tal-garanzija finanzjarja jitnaqqas għad-differenza pożittiva bejn il-volum eliġibbli u l-kapaċità kkuntrattata, immultiplikata b’EUR 20 000 (għal CMUs virtwali u addizzjonali) jew b’EUR 10 000 (għas-CMUs eżistenti).

    (109)

    Barra minn hekk, il-partijiet li jixtiequ japplikaw għal prekwalifikazzjoni għal installazzjonijiet ġodda (għal kuntratt ta’ kapaċità ta’ 15-il sena) li jaħdmu bil-fjuwils fossili jridu jirrikonoxxu li l-kisba ta’ kuntratt ta’ kapaċità ma teżentahomx mil-leġiżlazzjoni attwali u futura u mill-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u/jew mill-Belġju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, huma jridu jirrikonoxxu li l-kisba ta’ kuntratt ta’ kapaċità tobbligahom jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-politika biex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għal dan l-għan, jeħtieġ li huma jehmżu dikjarazzjoni bil-miktub li fiha jimpenjaw ruħhom li:

    (a)

    jistudjaw il-fattibbiltà teknika u ekonomika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-miri Ewropej u Belġjani rilevanti, tal-installazzjoni kkonċernata sal-31 ta’ Diċembru 2026;

    (b)

    jistabbilixxu, sal-31 ta’ Diċembru 2027, pjan għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jindika kif se jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fl-2050, b’miri interim għas-snin 2035 u 2045; u

    (c)

    jiksbu emissjonijiet żero jew negattivi sal-2050. Il-partijiet involuti fl-istabbiliment ta’ pjan għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dan l-istudju b’mod konġunt.

    (110)

    Il-konformità mal-impenji stabbiliti fil-premessa (109) trid tintwera lid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Ekonomija tal-FPS.

    2.5.4.   Karatteristiċi speċifiċi tad-disinn tal-irkant

    2.5.4.1.   Regola tal-ipprezzar

    (111)

    Il-mekkaniżmu tal-irkant kompetittiv jagħmel użu mill-format tal-irkant b’offerti ssiġillati, fejn l-offerenti jissottomettu l-offerti b’mod anonimu u s-suq sussegwentement jiġi approvat f’sessjoni waħda. Skont l-awtoritajiet Belġjani, billi ma jipprovdix informazzjoni lis-suq matul l-approvazzjoni tas-suq u ma jippermettix lill-offerenti jaġġornaw l-offerti tagħhom, il-format tal-irkant b’offerti ssiġillati jillimita l-potenzjal għal abbuż tas-saħħa fis-suq. Huma jindikaw ukoll li bil-proċess ta’ offerti ssiġillati, għall-kuntrarju tal-irkantijiet b’arloġġi dixxendenti, l-offerenti ma humiex marbuta għal (tipikament) 2-3 ijiem li fihom għandhom ikunu disponibbli biex jirreaġixxu fuq l-informazzjoni li ssir disponibbli għall-proċess tal-irkant. Il-proċess tal-irkant inqas kumpless u li jieħu ħafna ħin jista’ jkompli jnaqqas l-ostakolu għad-dħul, speċjalment rilevanti għal atturi ġodda u żgħar u għal partijiet ta’ rispons min-naħa tad-domanda li n-negozju ewlieni tagħhom ma huwiex is-suq tal-enerġija.

    (112)

    L-offerenti rebbieħa kollha se jingħataw remunerazzjoni tal-kapaċità, ibbażata fuq ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’ għall-irkantijiet kollha relatati mill-inqas maż-żewġ perjodi ta’ kunsinna inizjali (l-irkantijiet Y-4 u Y-1 għall-perjodi ta’ kunsinna li jibdew f’Novembru 2025 u Novembru 2026). Fi kliem ieħor, il-fornituri ta’ kapaċità li jintgħażlu se jirċievu l-prezz tal-offerti tagħhom bħala remunerazzjoni tal-kapaċità.

    (113)

    Wara l-preżentazzjoni lill-Parlament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ tista’ tapplika għal irkantijiet relatati mal-perjodi ta’ kunsinna sussegwenti. Skont ir-regola ‘pay-as-cleared’, ir-remunerazzjoni tal-kapaċità hija daqs il-prezz tal-offerta tal-aktar offerta għalja magħżula (bil-limitazzjoni tal-limitu massimu tal-prezz intermedju, ara t-Taqsima 2.5.4.2).

    (114)

    L-awtoritajiet Belġjani jemmnu li s-sitwazzjoni tal-adegwatezza fil-Belġju għall-ħabta tal-2025 se tkun teħtieġ kapaċità ġdida (ara l-premessa (29)). Għalhekk, id-detenturi tal-kapaċità li jippreżentaw strutturi tal-kostijiet eteroġeni ħafna probabbilment se jikkompetu fl-irkantijiet inizjali tas-CRM. Konsegwentement, l-awtoritajiet Belġjani jibżgħu li xi fornituri tal-kapaċità jistgħu jibbenefikaw minn kirjiet ta’ CRM inframarġinali għoljin u, b’hekk, minn qligħ mhux mistenni jekk tiġi applikata r-regola tal-ipprezzar imsejħa ‘pay-as-cleared’. Skont il-Belġju, fit-teorija, fil-każ ta’ informazzjoni perfetta meta l-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jantiċipaw dak li għandu jkun il-prezz tal-ikklerjar tas-suq skont ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’, regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’ tirriżulta fl-istess eżitu, minħabba li l-offerenti għandhom inċentiv biex iressqu offerta b’dan il-prezz tal-ikklerjar antiċipat. Madankollu, fil-prattika, ċertu grad ta’ inċertezza u imprevedibbiltà relatati mal-prezz tas-suq potenzjali ‘pay-as-cleared’ huwa inevitabbilment assoċjat mal-ewwel irkantijiet tas-CRM. Għalhekk, skont regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’, l-atturi tas-suq jistgħu jaġixxu b’mod aktar prudenti biex jevitaw ir-riskju li ma jintgħażlux u, b’hekk, ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’ tista’ twassal għal riżultat inqas għali.

    (115)

    Madankollu, il-Belġju jqis li l-vantaġġ tal-kosteffiċjenza tal-irkantijiet ‘pay-as-bid’ x’aktarx jonqos maż-żmien, mhux biss minħabba li r-rekwiżit għal kapaċità ġdida jista’ jisparixxi, iżda wkoll minħabba li l-irkantijiet ‘pay-as-bid’ rikorrenti jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jantiċipaw aħjar il-prezz tal-ikklerjar tas-suq ta’ referenza, li jirriżulta f’kurva ta’ offerta “ċatta”. Minbarra dan, fil-każ li l-kwistjoni tal-flus mitlufa kellha tisparixxi fuq terminu medju sa twil, ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’ tista’ tipprevjeni li l-prezz ixaqleb lejn żero, minħabba li l-fornituri tal-kapaċità ma għandhom l-ebda inċentiv biex iressqu offerta għal żero skont ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-bid’.

    (116)

    Il-Belġju jqis li wara rkantijiet sussegwenti, ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ tista’ ssir l-aħjar għażla sabiex tistimola l-kompetizzjoni, tipprovdi sinjal trasparenti tal-prezz u tippermetti li r-remunerazzjonijiet tal-kapaċità jxaqilbu lejn żero meta l-livell ta’ kapaċità pprovduta jkun mistenni li jkun adegwat biex jintlaħaq il-livell ta’ kapaċità mitluba. Karatteristika importanti tar-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ hija li l-imġiba razzjonali tal-offerti hija li jitressqu offerti bil-kostijiet reali. Minbarra dan, billi l-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ jipprovdi sinjal trasparenti tal-prezz lejn is-suq, din l-informazzjoni tista’ tkun partikolarment siewja għal unitajiet żgħar u atturi ġodda fis-suq, minħabba li tista’ tagħtihom idea aħjar dwar il-kundizzjonijiet tas-suq attwali u futuri mistennija, u b’hekk tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni maż-żmien. Barra minn hekk, ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ tiffaċilita l-arranġamenti kuntrattwali, speċjalment għall-aggregazzjonijiet. Għalhekk, il-Belġju se jipprevedi proċedura li tippermetti li tinbidel ir-regola tal-ipprezzar ‘pay-as-cleared’ meta jintwera li huwa ta’ benefiċċju li jsir dan.

    2.5.4.2.   Limitu massimu tal-prezz intermedju

    (117)

    Kif deskritt fid-dettall fit-Taqsima 2.6, CMU li teħtieġ investimenti sinifikanti tista’ tapplika għal kuntratt ta’ kapaċità ta’ diversi snin. Għalissa, din ir-regola ma tapplikax għal parteċipazzjoni barranija indiretta, li tista’ tirċievi biss kuntratt ta’ sena (ara l-premessi (143) u (144)). Skont l-awtoritajiet Belġjani, is-CMUs fi ħdan il-kategorija ta’ kuntratti ta’ sena qed jiffaċċjaw rekwiżiti ta’ kostijiet ta’ investiment żero jew baxxi xi jkopru (inkella jikkwalifikaw għal kuntratt ta’ diversi snin). Għalhekk, huwa previst li jiġi applikat limitu massimu tal-prezz intermedju għas-CMUs fil-kategorija ta’ kuntratti ta’ sena, sabiex jiġi evitat qligħ mhux mistenni. Din ir-regola se tapplika wkoll għall-kuntratti attribwiti lill-kapaċità barranija indiretta (ara fid-dettall fit-Taqsima 2.10.1).

    (118)

    Is-CMUs fil-kategorija ta’ kuntratti ta’ sena mhux se jitħallew iressqu offerti bi prezz ogħla mil-limitu massimu tal-prezz intermedju. Barra minn hekk, anki skont ir-regola ‘pay-as-cleared’ (ara l-premessa (113)), dawn is-CMUs ma jirċevux pagamenti ta’ kapaċità ogħla mil-limitu massimu tal-prezz intermedju.

    (119)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-limitu massimu tal-prezz intermedju se jimpedixxi wkoll lill-atturi tas-suq b’saħħa sinifikanti fis-suq milli jiddeċiedu b’mod strateġiku li jċaqilqu jew jagħlqu l-kapaċità eżistenti, u b’hekk effettivament jeħilsu l-kapaċità mis-suq, b’mod li jinfluwenzaw il-prezz tal-ikklerjar tas-suq. Billi jillimita r-remunerazzjonijiet massimi tal-kapaċità għall-kapaċitajiet fil-kategorija ta’ kapaċità ta’ kuntratti ta’ sena (fosthom l-assi eżistenti), il-limitu massimu tal-prezz intermedju jillimita l-potenzjal għal kirjiet inframarġinali eċċessivi.

    (120)

    L-awtoritajiet Belġjani jindikaw li l-limitu massimu tal-prezz intermedju, minn naħa waħda, jenħtieġ li jkun baxx biżżejjed biex jiġi evitat qligħ mhux mistenni, iżda, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jkunx baxx iżżejjed biex jimpedixxi redditi normali għall-investituri, jew saħansitra jimpedixxi lis-CMUs milli jipparteċipaw fl-irkant tas-CRM u joħolqu sinjal ta’ ħruġ mhux mixtieq.

    (121)

    Il-metodoloġija deskritta fid-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-parametri tal-irkant taħt il-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità tiddetermina li l-limitu massimu tal-prezz intermedju għandu jiġi kkalibrat għal-livell mistenni ta’ “flus mitlufa” tat-teknoloġija bl-agħar prestazzjoni attwalment fis-suq, meta wieħed iqis kemm il-kostijiet kif ukoll id-dħul.

    (122)

    Jiġu kkunsidrati l-kostijiet li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet annwali fissi tal-operat u l-manutenzjoni (‘Fixed Operation and Maintenance’ - “FOM”);

    (b)

    il-kostijiet annwalizzati tal-manutenzjoni mhux annwali (esklużi l-kostijiet relatati ma’ żieda fil-kapaċità jew estensjoni tul il-ħajja ta’ installazzjoni);

    (c)

    il-kostijiet tal-attivazzjoni għal test tad-disponibbiltà.

    (123)

    Dawn il-komponenti tal-kost jiġu diviżi bil-fatturi ta’ deklassifikazzjoni applikabbli, billi l-limitu massimu tal-prezz intermedju japplika fl-irkant li fih il-prezzijiet jiġu espressi għal kull MW deklassifikat. L-awtoritajiet Belġjani pprovdew id-data ppreżentata fit-Tabella 5 hawn taħt (64).

    Tabella 5

    Il-kostijiet annwali totali għal lista qasira ta’ teknoloġiji eżistenti  (65)

     

    Kostijiet annwali tal-FOM [EUR/kW/sena]

    Kost tal-attivazzjoni għat-test tad-disponibbiltà [EUR/kW/sena]

    Fattur ta’ deklassifikazzjoni (66)

    BAXX

    MEDJU

    GĦOLI

    CCGT

    29

    30

    41

    0

    91 %

    OCGT

    19

    19

    40

    0

    90 %

    Turbo-ġett

    23

    29

    29

    0

    96 %

    Rispons tas-suq

    5

    10

    15

    0,18

    36 %

    Sors: Notifika

    (124)

    Jiġi kkunsidrat id-dħul annwali li ġej:

    (a)

    il-kirjiet inframarġinali annwali miksuba fis-suq tal-elettriku;

    (b)

    id-dħul nett annwali mill-forniment ta’ servizzi ta’ bbilanċjar relatati mal-frekwenza.

    (125)

    L-awtoritajiet Belġjani pprovdew id-data ppreżentata fit-Tabella 6 hawn taħt:

    Tabella 6

    Dħul annwali totali għal lista qasira ta’ teknoloġiji eżistenti  (67)

     

    Dħul annwali totali [EUR/kW/sena] (68)

    BAXX

    MEDJU

    GĦOLI

    CCGT

    5

    11

    20

    OCGT

    10,2

    12,6

    15,5

    Magna turboreattur

    19,3

    23,2

    27

    Rispons tas-suq

    14,3

    17,1

    20

    Sors: Notifika

    (126)

    Fl-aħħar nett, il-“flus mitlufa” jiġu kkalkolati billi jitnaqqas id-dħul annwali mill-valuri tal-kostijiet annwali. Jiżdied marġini ta’ inċertezza ta’ 5 % man-numru derivat, sabiex jitqiesu l-inċertezzi ġenerali li huma assoċjati ma’ stima tal-“flus mitlufa”, speċjalment minħabba li l-kalibrazzjoni tal-limitu massimu tal-prezz intermedju teħtieġ il-ġeneralizzazzjoni taċ-ċifri tal-kostijiet u tad-dħul għal kull teknoloġija u li din l-istima sseħħ sa diversi snin qabel il-perjodu ta’ kunsinna rilevanti.

    (127)

    L-awtoritajiet Belġjani pprovdew id-data fit-Tabella 7. Il-“livelli” differenti għall-valur għal “flus mitlufa” jirrappreżentaw il-kategorizzazzjoni li ġejja: il-livell 1 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost baxx u ċ-ċifri ta’ dħul għoli; il-livell 2 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost baxx u ċ-ċifri ta’ dħul medju; il-livell 3 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost baxx u ċ-ċifri ta’ dħul baxx; il-livell 4 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost medju u ċ-ċifri ta’ dħul għoli; il-livell 5 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost medju u ċ-ċifri ta’ dħul medju; il-livell 6 jikkunsidra ċ-ċifri ta’ kost medju u ċ-ċifri ta’ dħul baxx.

    Tabella 7

    Valuri ta’ “flus mitlufa” derivati għal lista qasira ta’ teknoloġiji eżistenti  (69)

    “Flus mitlufa” [EUR/kWdeklassifikati/sena]

    Livell 1

    Livell 2

    Livell 3

    Livell 4

    Livell 5

    Livell 6

    CCGT

    10,4

    20,8

    27,7

    11,5

    21,9

    28,8

    OCGT

    4,1

    7,5

    10,3

    4,1

    7,5

    10,3

    Magna turboreattur

    0

    0

    4

    2,2

    6,4

    10,6

    Rispons tas-suq

    0

    0

    0

    0

    0

    0

    Sors: Notifika

    (128)

    Abbażi tal-input u tad-data pprovduti minn Elia, u l-pariri dwar din id-data mir-regolatur, l-awtoritajiet Belġjani stabbilixxew il-limitu massimu tal-prezz intermedju għall-ewwel irkant, jiġifieri l-irkant Y-4 b’perjodu ta’ kunsinna bejn Novembru 2025 u Ottubru 2026, għal EUR 20/kWdeklassifikati/sena.

    (129)

    Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Belġju stabbilixxa mekkaniżmu li jippermetti deroga individwali mil-limitu massimu tal-prezz intermedju (70).

    (130)

    Il-mekkaniżmu ta’ deroga ġie introdott fid-Digriet Amministrattiv biex tiġi ddeterminata l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità u l-parametri tal-irkant fil-kuntest tas-CRM. Il-mekkaniżmu ta’ deroga japplika bl-istess mod kemm għall-kapaċitajiet transfruntiera nazzjonali kif ukoll għal dawk indiretti.

    (131)

    Abbażi tad-Digriet Amministrattiv, għall-ewwel irkant, minħabba ż-żmien limitat bejn id-disinn tal-mekkaniżmu ta’ deroga u t-tħejjija tal-ewwel irkant, id-deroga se tingħata ex post, jiġifieri wara l-għeluq tal-irkant. Il-Belġju spjega li l-benefiċjarji potenzjali se japplikaw għal deroga qabel l-irkantijiet u jissottomettu l-informazzjoni rilevanti kollha qabel l-irkantijiet. Il-kriterji u r-regoli kollha għad-deroga se jiġu stabbiliti b’mod trasparenti qabel l-irkantijiet. Id-deroga mhux se tiddependi fuq l-offerti sottomessi ta’ kwalunkwe parteċipant fl-irkant. Fl-aħħar nett, jekk jiġi konkluż ex post li xi unitajiet ma jikkwalifikawx għal deroga u l-pagamenti tagħhom jitnaqqsu, dan ma jaffettwax l-eżitu (il-kuntratt, il-ħlas u l-kwantità mogħtija) għal unitajiet oħrajn li pparteċipaw fl-irkant.

    2.5.4.3.   Regoli tal-ikklerjar

    (132)

    L-irkant tal-kapaċità jenħtieġ li jiġi approvat billi jintgħażel il-kombinament ta’ offerti li jimmassimizzaw il-benesseri soċjali, filwaqt li jitqiesu l-kurva tad-domanda (stabbilita b’mod amministrattiv) u l-kurva tal-offerta (billi jiġu aggregati l-offerti differenti tad-detenturi ta’ kapaċità) u billi jitqiesu l-komponenti tal-volum u tal-prezz tal-offerti differenti. Il-benesseri soċjali f’dan il-kuntest jiġi kkalkolat bħala s-somma tas-surplus tal-konsumatur (surplus għas-soċjetà mill-issodisfar tad-domanda għas-sigurtà tal-provvista bi prezz inqas minn kemm wieħed huwa lest li jħallas għall-kapaċità kif definit mill-kurva tad-domanda) u s-surplus tal-produttur (surplus għall-fornituri ta’ kapaċità mill-għażla tal-offerti tagħhom bi prezz ogħla mill-prezz tal-offerta).

    (133)

    Jekk diversi soluzzjonijiet ta’ kklerjar (jiġifieri kombinament ta’ offerti) ikunu ekwivalenti f’termini tal-massimizzazzjoni tal-surplus ekonomiku, tintgħażel is-soluzzjoni bl-inqas emissjonijiet ta’ CO2. Jekk żewġ soluzzjonijiet ikunu ekwivalenti f’termini kemm tal-massimizzazzjoni tas-surplus ekonomiku kif ukoll tal-emissjonijiet medji ponderati ta’ CO2, tintgħażel is-soluzzjoni bl-inqas durata medja ponderata tal-kuntratt bl-għan li jiġi limitat l-intrappolament fuq diversi snin (71).

    (134)

    L-algoritmu tal-irkant se jqis ukoll ir-restrizzjonijiet tal-grilja, b’tali mod li jirrifjuta ċerti kombinamenti ta’ offerti li flimkien ma jkunux fattibbli għall-grilja. Is-sett ta’ restrizzjonijiet tal-grilja relatati mal-grilja tat-TSO li se japplikaw matul l-ikklerjar tal-irkant, se jiġi ddeterminat qabel ma jseħħ l-ikklerjar tal-irkant u se jkun xprunat minn kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà tas-sistema, jew limitazzjonijiet ta’ spazju fiżiku.

    2.6.   Durata tal-kuntratt

    (135)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, kuntratt ta’ kapaċità b’durata itwal jippermetti lill-fornitur tal-kapaċità jiggarantixxi finanzjament fit-tul biex jifrex il-kostijiet tal-investiment fuq perjodu ta’ żmien itwal. Dan jista’ jnaqqas ir-remunerazzjoni tal-kapaċità meħtieġa kull sena u jgħin biex jiġi żgurat li proġett ġdid ikun kompetittiv kontra proġetti eżistenti fis-suq. Il-potenzjal għal parteċipant ġdid bi prezz kompetittiv huwa wkoll ta’ importanza kbira għall-kontroll tas-saħħa fis-suq tal-fornituri tal-kapaċità eżistenti.

    (136)

    Madankollu, durata itwal tal-kuntratt ta’ kapaċità tista’ wkoll “tintrappola” teknoloġija fis-suq tal-enerġija għal perjodu ta’ żmien itwal. Għalhekk, l-Istat Belġjan għażel kategoriji ta’ kapaċità differenti (sena, sa 3 snin, 8 snin u 15-il sena). Konsegwentement, l-investimenti ġodda ma jingħatawx immedjatament kuntratt ta’ kapaċità għall-perjodu massimu (15-il sena), u b’hekk jiġi evitat li s-suq tal-enerġija futur ikun magħluq għal teknoloġiji ġodda (u potenzjalment aktar ekoloġiċi).

    (137)

    Fid-Digriet Amministrattiv tat-12 ta’ Diċembru 2019 (72) propost mill-CREG, il-kostijiet eliġibbli huma stabbiliti bħala: “nefqa inizjali u mhux rikorrenti fuq l-investiment, li tiġi ordnata mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-irkant li fiha l-offerta għal dik il-kapaċità tinżamm u titwettaq mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel jum tal-perjodu ta’ forniment tal-kapaċità, meħtieġa għall-kostruzzjoni u/jew għall-forniment tal-elementi tekniċi fiżiċi essenzjali tal-kapaċità, u bl-iskop li tiġi offruta kapaċità addizzjonali lis-suq Belġjan, mill-ewwel perjodu ta’ kunsinna kopert mill-kuntratt ta’ kapaċità”. Għall-kapaċità eżistenti, in-nefqa li għandha l-effett li toffri kapaċità addizzjonali hija: (i) in-nefqa magħmula meħtieġa biex tippermetti li l-kapaċità tkun konformi mal-istandards ambjentali u, b’hekk, tinżamm fis-suq; (ii) in-nefqa meħtieġa biex tiżdied il-kapaċità installata jew il-ħajja teknika tal-installazzjoni u (iii) għal kapaċità barranija diretta, in-nefqa meħtieġa biex l-unità tiġi konnessa ma’ network fiż-żona ta’ kontroll Belġjana (ara t-taqsima 2.10.2).

    (138)

    Id-Digriet Amministrattiv propost jipprevedi l-limiti ppreżentati fit-Tabella 8. Dawn il-limiti ta’ investiment ġew ikkalkolati sabiex jiġi żgurat li l-kostijiet stmati medji tal-investiment annwalizzati jkunu ugwali bejn il-kategoriji ta’ kapaċità marbuta ma’ kuntratt ta’ kapaċità b’durata massima ta’ 15-il sena, 8 snin u 3 snin. Il-CREG se jipproponi li jiġu aġġornati l-limiti ta’ investiment meta dan jidher li jkun meħtieġ u mill-inqas kull 3 snin (73). Il-limiti jqisu l-kapaċità installata aktar milli l-kapaċità deklassifikata. Skont il-Belġju, f’każ li titqies il-kapaċità deklassifikata offruta mis-CMU, minflok il-kapaċità installata, għal-limiti ta’ investiment, il-kapaċitajiet b’fattur għoli ta’ deklassifikazzjoni jilħqu l-limiti ta’ investiment għal kuntratti ta’ diversi snin b’mod aktar faċli, li jkun kontradittorju għall-objettiv tas-CRM.

    Tabella 8

    Limiti ta’ investiment għal kuntratti ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità fit-tul

    Durata tal-kuntratt

    Limiti proposti mill-CREG

    Proposta ġdida mill-Gvern Belġjan

    Snin

    EUR/kW

    EUR/kW

    15

    600

    360

    8

    400

    239

    3

    177

    106

    Sors: SPF Economie

    (139)

    Il-CREG se jimmonitorja l-kostijiet tal-investiment biex jiżgura, kemm ex ante u ex post is-sottomissjoni tal-unità, li l-kategorija tal-kapaċità assenjata lil kull fornitur tal-kapaċità tkun xierqa. B’mod partikolari, il-fornitur tal-kapaċità għandu jipprovdi fajl ta’ investiment ex post li r-regolatur jista’ juża għall-valutazzjoni ex post tiegħu tal-kategorija tal-kapaċità assenjata. Jekk l-analiżi ex post tiżvela li l-kriterji tal-kostijiet ma ġewx issodisfati (inkluża firxa ta’ tolleranza limitata biex jitqiesu inċertezzi żgħar), il-kundizzjonijiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti (eż. il-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-CMU fil-kategorija approprjata tal-kuntratt). Barra minn hekk, f’każ li l-fajl ta’ investiment ex post ma jiġix ipprovdut (fil-ħin), il-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-CMU fil-kategorija ta’ kapaċità ta’ sena mir-regolatur hija possibbli wkoll.

    (140)

    Skont il-proposta inizjali, kategorija ta’ kuntratt hija assenjata wkoll għal offerti aggregati. Jekk offerta aggregata tkun tikkonsisti f’kapaċitajiet li jikkorrespondu għal kategoriji ta’ kuntratti differenti, l-offerta aggregata tiġi assenjata l-kategorija tal-kuntratt li tikkorrespondi għall-kapaċità bl-iqsar kategorija ta’ kuntratt.

    (141)

    Din il-proposta ġiet riveduta wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Abbażi tad-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-limiti tal-investiment, il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kostijiet tal-investiment u l-proċedura ta’ klassifikazzjoni, kull kapaċità li hija parti minn offerta aggregata tiġi kklassifikata f’kategorija ta’ kapaċità. Abbażi tal-klassifikazzjoni tal-kapaċitajiet, il-CREG jiddetermina, fejn xieraq, il-kombinazzjonijiet ta’ klassifikazzjonijiet differenti tiegħu u jorbot kull kombinazzjoni ma’ potenza ta’ referenza nominali massima li tikkorrespondi għas-somma tal-kapaċitajiet ta’ referenza nominali tal-kapaċitajiet tal-offerta aggregata, li huma kklassifikati f’kategorija ta’ kapaċità li hija daqs jew ogħla mill-kategorija ta’ kapaċità speċifikata. Abbażi ta’ dan, il-maniġer tal-offerta aggregata jagħżel il-kategorija tal-kapaċità li tapplika għall-offerta aggregata.

    (142)

    Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Belġju emenda wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Amministrattiv rigward il-kostijiet ta’ investiment eliġibbli. Id-Digriet Amministrattiv emendat jiddikjara li huma biss il-kostijiet għall-adattament għall-istandards futuri tal-Unjoni li se jkunu eliġibbli skont is-CRM.

    (143)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-possibbiltà għal kuntratti ta’ diversi snin ma tistax tiġi prevista għal kapaċità barranija minħabba li, fit-tul, mhux dejjem tista’ tiġi garantita kapaċità ta’ dħul suffiċjenti. Din tal-aħħar ma tiddependix biss fuq il-livell ta’ interkonnessjoni u d-disponibbiltà tagħha, iżda wkoll fuq ir-riskju ta’ stress konkorrenti fis-sistema ma’ pajjiżi ġirien. Dan ir-riskju tal-aħħar jista’ jvarja b’mod sinifikanti maż-żmien, skont l-adegwatezza u s-sitwazzjoni tas-suq f’pajjiżi oħrajn.

    (144)

    Madankollu, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom li jirrevedu l-possibbiltà li l-kapaċitajiet barranin ikollhom aċċess għal kuntratti ta’ diversi snin. L-ewwel rieżami se jitwettaq sal-15 ta’ Jannar 2023 u kull sentejn wara dik id-data. Jekk ir-rieżami juri li r-riskji relatati mal-livell u mad-disponibbiltà tal-interkonnettur u r-riskju ta’ stress tas-sistema simultanja jittaffew b’mod adegwat, sabiex il-kuntratti ta’ aktar minn sena għal kapaċità barranija indiretta ma joħolqux riskji mhux raġonevoli għall-adegwatezza, jistgħu jingħataw kuntratti ta’ diversi snin għal kapaċitajiet barranin.

    (145)

    Fl-aħħar nett, il-kapaċità mhux ipprovata tista’ tkun eliġibbli biss għal kuntratt ta’ kapaċità ta’ sena, minħabba li huwa diffiċli li jiġu ġġustifikati ċifri preċiżi tal-kostijiet li jippermettulhom jiġu kkategorizzati f’waħda mill-kategoriji ta’ kuntratti ta’ diversi snin (ara t-taqsima 2.4.4).

    2.7.   Obbligi

    2.7.1.   Għażliet ta’ affidabbiltà

    (146)

    Fil-mekkaniżmu tal-kapaċità Belġjan, il-kontroparti kuntrattwali tixtri l-kapaċità mingħand il-fornituri tal-kapaċità fil-forma ta’ għażliet ta’ affidabbiltà. Il-fornituri tal-kapaċità li jintgħażlu fl-irkant ibigħu l-għażliet ta’ affidabbiltà lix-xerrej ċentrali u jirċievu remunerazzjoni ta’ kapaċità fissa bħala kumpens. Kull meta l-prezz ta’ referenza jaqbeż livell definit minn qabel, l-hekk imsejjaħ prezz tal-eżerċitar, il-fornitur tal-kapaċità jkollu obbligu ta’ ħlas lura tad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezz tal-eżerċitar lejn ix-xerrej ċentrali, ikkalkolat fuq il-volumi tal-kapaċità kkuntrattati.

    (147)

    B’riżultat ta’ dan, id-dħul għall-fornitur tal-kapaċità fis-suq tal-enerġija biss huwa limitat għall-prezz tal-eżerċitar, iżda l-fornituri tal-kapaċità jiġu żgurati remunerazzjoni fissa u ċerta remunerazzjoni tal-kapaċità bħala kumpens. Fi kliem ieħor, il-fornituri tal-kapaċità jċedu parti mill-kirjiet ta’ skarsezza inċerti tagħhom biex jirċievu ċerta remunerazzjoni tal-kapaċità bħala kumpens, u b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ dħul volatili u, għalhekk, ir-riskji relatati mal-investiment li għandu jsir. L-għażla ta’ affidabbiltà għandha żewġ objettivi. Primarjament, l-obbligu ta’ ħlas lura jillimita l-potenzjal għal qligħ mhux mistenni u, it-tieni, jinċentiva lis-CMUs biex ikunu disponibbli f’mumenti rilevanti għas-sigurtà tal-provvista.

    2.7.2.   Il-prezz ta’ referenza

    (148)

    Il-Belġju għażel il-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem (‘day-ahead market’ - DAM) bħala l-prezz ta’ referenza. Skont il-Belġju, il-vantaġġi ewlenin tiegħu huma:

    (a)

    id-DAM jirrappreżenta l-aktar sinjal tas-suq pertinenti relatat ma’ kwistjonijiet ta’ adegwatezza, billi l-biċċa l-kbira tal-ixprunaturi tal-pożizzjonijiet tal-atturi tas-suq huma inkorporati fl-ippjanar u t-tbassir tal-produzzjoni;

    (b)

    id-DAM għandu funzjoni qawwija ta’ sinjalar u jirrappreżenta l-aktar suq spot b’saħħtu u likwidu, minħabba l-granularità tiegħu u l-akkuratezza għolja tas-suppożizzjonijiet, li huma riflessi fil-volumi skambjati;

    (c)

    wara t-tqabbil b’ġurnata bil-quddiem fis-sistema Belġjana, il-Partijiet Responsabbli mill-Ibbilanċjar kollha għandhom jiġu bbilanċjati (nomina DA fit-15:00) u, f’dak il-mument uniku, jiġi stabbilit is-suq. B’dan il-mod, id-DAM huwa l-aħħar opportunità fl-iskeda ta’ żmien tal-prodott tal-elettriku biex jiġu koperti d-domandi u l-offerti sħaħ li jifdal wara s-suq forward u qabel il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar;

    (d)

    minħabba l-pożizzjoni tat-twaqqit tiegħu fis-swieq spot, jenħtieġ li huwa jippermetti lit-teknoloġiji kollha (pereżempju anki l-kapaċità bil-mod) jirreaġixxu fuqhom.

    (149)

    Il-Belġju spjega li l-metodoloġija tal-prezz ta’ referenza tista’ tiġi riveduta fil-futur biex jiġi żgurat li tibgħat l-aktar sinjal tal-prezz adegwat, ladarba l-maturità ta’ swieq spot oħrajn tiżdied għal livell qrib is-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. B’mod partikolari, il-prezzijiet tas-suq tal-istess ġurnata jistgħu jerġgħu jitqiesu ladarba l-likwidità tkun suffiċjenti u kontinwa.

    (150)

    Il-Belġju għażel prezz tal-eżerċitar uniku b’xi korrezzjonijiet biex jiżgura l-ftuħ tat-teknoloġija tas-sistema u jillimita l-qligħ mhux mistenni fil-kalibrazzjoni. Skont l-awtoritajiet Belġjani, dawn il-korrezzjonijiet huma meħtieġa biex jillimitaw ir-riskju ta’ prezz tal-eżerċitar uniku għall-parteċipazzjoni ta’ xi teknoloġiji fis-CRM. B’mod partikolari, it-teknoloġiji b’kost marġinali fuq medda qasira ta’ żmien ’il fuq mill-prezz tal-eżerċitar jistgħu jiġu mfixkla mingħajr dawn il-korrezzjonijiet.

    (151)

    Kif previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku, il-parametru tal-prezz tal-eżerċitar se jiġi kkalibrat kull sena b’Digriet Ministerjali mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ dik is-sena (kemm għall-irkant Y-4 kif ukoll għal dak Y-1) u abbażi tal-metodoloġija li hija stabbilita fid-Digriet Amministrattiv għall-parametri tal-irkant.

    (152)

    Dan se jkun ibbażat fuq analiżi tal-kurvi aggregati li tiġbor il-parti elastika tal-volum ta’ reazzjoni mis-suq osservata fuq id-DAM ponderata fuq perjodu ta’ 3 snin għall-perjodi rilevanti matul dawn it-3 snin (jiem xitwin ta’ matul il-ġimgħa). Il-metodoloġija tindika li l-prezz tal-eżerċitar ikkalibrat jenħtieġ li jintgħażel bejn il-medda korrispondenti [75 %; 85 %] tal-volum tar-reazzjoni b’elastiċità tal-prezzijiet mis-suq li jirreaġixxi għalih u li jqis għadd ta’ prinċipji gwida:

    (a)

    l-ewwel kriterju: il-kostijiet marġinali fuq medda qasira ta’ żmien (‘short run marginal costs’ - SRMC) tat-teknoloġiji bl-iskeda ta’ kuljum jenħtieġ li jiġu koperti mill-prezz tal-eżerċitar magħżul;

    (b)

    it-tieni kriterju: il-kalibrazzjoni tal-prezz tal-eżerċitar tqis il-forma tal-kurva tal-kalibrazzjoni;

    (c)

    it-tielet kriterju: il-kalibrazzjoni tal-prezz tal-eżerċitar tqis l-evoluzzjoni tas-suq tal-enerġija;

    (d)

    ir-raba’ kriterju: l-istabbiltà tal-prezz tal-eżerċitar fil-ħin; u

    (e)

    il-ħames kriterju: opportunità raġonevoli sabiex il-prezz tal-eżerċitar jintlaħaq mill-prezz ta’ referenza.

    (153)

    Għall-valutazzjoni tal-ewwel kriterju, dan jitqies fid-dawl tar-riżultati u l-ipoteżi użati fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019, speċjalment fit-Taqsimiet 2.9.3 u 2.9.4. Il-kalkolu ta’ dawn l-SRMC huwa bbażat fuq diversi suppożizzjonijiet: stima tal-prezzijiet tal-fjuwil, stima tal-evoluzzjoni potenzjali tal-prezz tas-CO2, stima tal-prestazzjoni (“effiċjenza”) tad-diversi teknoloġiji kkunsidrati fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 (f’dan il-każ is-CCGT, l-OCGT u l-ġeneratur tad-diżil).

    (154)

    Il-Belġju ppropona li medda indikattiva tal-prezz tal-eżerċitar ikkalibrat ibbażata fuq l-aħħar 3 perjodi xitwin (mix-xitwa 2016/2017 sax-xitwa 2018/2019) titnaqqas għal [320; 500] EUR/MWh.

    (155)

    Dan jimplika li l-prezz tal-eżerċitar jista’ jevolvi maż-żmien (iżda jibqa’ fiss għad-durata tal-kuntratt ta’ kapaċità tas-CMU), f’konformità mal-evoluzzjonijiet fis-suq tal-enerġija, u li l-kuntratti ta’ kapaċità bħala riżultat ta’ rkant wieħed mhux bilfors jinkludu l-istess prezz tal-eżerċitar bħall-kuntratti ta’ kapaċità relatati ma’ rkant ieħor. Fi kwalunkwe każ, il-fornituri ta’ kapaċità jiġu informati dwar il-prezz tal-eżerċitar applikabbli qabel kull irkant, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jqisu din l-informazzjoni fl-offerti tagħhom.

    (156)

    Barra minn hekk, il-Belġju għażel li joffri CMUs mingħajr obbligu ta’ skedar individwali (il-fornituri u l-aggregaturi ta’ rispons min-naħa tad-domanda tipikament jaqgħu f’din il-kategorija) il-possibbiltà li jissostitwixxu l-prezz tal-eżerċitar uniku bil-prezz tas-suq iddikjarat tagħhom (jiġifieri l-kost marġinali tagħhom fuq medda qasira ta’ żmien) fl-obbligu ta’ ħlas lura kull meta dan ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar uniku. Fi kliem ieħor, dawn is-CMUs mingħajr obbligu ta’ skedar individwali (u b’hekk il-fornituri ta’ rispons għad-domanda) huma soġġetti biss għall-obbligu ta’ ħlas lura f’każ li l-prezz ta’ referenza jaqbeż il-prezz tas-suq iddikjarat (‘declared market price’ - DMP) tagħhom, li jirrappreżenta l-prezz li ’l fuq minnu dawn il-fornituri ta’ kapaċità ddikjaraw li jwasslu l-enerġija fis-suq tal-enerġija. Fi kliem ieħor, f’każ li l-kalibrazzjoni tal-prezz tal-eżerċitar uniku tirriżulta fi prezz taħt il-kost tal-attivazzjoni tagħhom, dawn is-CMUs ma humiex obbligati jħallsu lura d-dħul li ma jkunx ġie riċevut fis-suq tal-enerġija (f’każ li l-prezz ta’ referenza jaqbeż il-prezz tal-eżerċitar, iżda jkun taħt il-prezz tas-suq iddikjarat tagħhom). Din il-miżura ġiet introdotta wara l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex jittaffa t-tħassib tal-fornituri ta’ rispons għad-domanda u ta’ partijiet oħrajn li altrimenti kienu jiffaċċjaw aktar diffikultà biex jipparteċipaw, minħabba li jistgħu jkunu soġġetti għal ħlas lura mingħajr ma jintbagħtu u jkunu kisbu d-dħul fl-ewwel lok. Skont il-Belġju, dan jiżgura wkoll ftuħ tat-teknoloġija, filwaqt li jillimita l-qligħ mhux mistenni. B’mod partikolari, skont l-awtoritajiet, dan l-element tad-disinn jenħtieġ li jiffaċilita b’mod espliċitu l-parteċipazzjoni tar-rispons għad-domanda fis-CRM u kwalunkwe teknoloġija oħra b’kostijiet marġinali ogħla fuq medda qasira ta’ żmien.

    (157)

    Barra minn hekk, is-CMUs mingħajr obbligu ta’ skedar individwali jistgħu jiddeċiedu li jiddikjaraw diversi prezzijiet ta’ ġurnata bil-quddiem bħala DMP. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-aggregaturi, li jista’ jkollhom portafoll magħmul minn CMUs bi prezzijiet marġinali differenti u li jirriflettu l-kurva tal-ispejjeż attwali tagħhom. Dan huwa maħsub biex jevita l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas lura fuq l-enerġija li ma tkunx inbiegħet fis-suq u fejn ma jkun inkiseb l-ebda dħul.

    2.7.3.   Ħlas lura

    2.7.3.1.   Deskrizzjoni

    (158)

    Kull meta l-prezz tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem jaqbeż il-prezz tal-eżerċitar, il-fornitur tal-kapaċità jrid iħallas id-differenza bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezz tal-eżerċitar lil Elia, ikkalkolata fuq il-volumi tal-kapaċità kkuntrattati. B’riżultat ta’ dan, id-dħul għall-fornitur tal-kapaċità fis-suq tal-enerġija biss huwa limitat għall-prezz tal-eżerċitar, iżda l-fornituri tal-kapaċità jiġu żgurati remunerazzjoni fissa u ċerta remunerazzjoni tal-kapaċità bħala kumpens.

    (159)

    Il-fornitur tal-kapaċità se jkun soġġett għall-obbligu ta’ ħlas lura, irrispettivament minn jekk kienx qed ibigħ l-elettriku bi prezzijiet għoljin matul il-perjodu ta’ saldu rilevanti.

    (160)

    Huwa importanti li jiżdied li l-għażla ta’ affidabbiltà titfassal b’tali mod li l-indisponibilitajiet ippjanati u mhux ippjanati tal-assi debitament ikkomunikati bil-quddiem ikunu eżentati minn dan l-obbligu ta’ ħlas lura sal-punt tan-nuqqas ta’ disponibbiltà. Tabilħaqq, l-obbligu ta’ ħlas lura għandu l-għan li jevita qligħ mhux mistenni billi jirrimborża d-dħul mhux antiċipat mis-suq tal-enerġija. Madankollu, fil-każ ta’ indisponibilitajiet (kemm ippjanati kif ukoll mhux ippjanati), ma titwassal l-ebda enerġija. B’konsegwenza ta’ dan, fil-każ ta’ indisponibilitajiet (debitament ikkomunikati), huwa impossibbli għall-fornitur tal-kapaċità li jkopri d-dħul ogħla mill-enerġija li jirriżulta miż-żidiet għoljin fil-prezzijiet u, għalhekk, l-ebda obbligu ta’ ħlas lura ma jenħtieġ li jkun applikabbli f’dawn iċ-ċirkostanzi.

    (161)

    L-unitajiet ta’ rispons min-naħa tad-domanda u kapaċità oħra mingħajr obbligu ta’ skeda ta’ kuljum huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħlas lura f’każ li l-prezz ta’ referenza jaqbeż il-prezz tas-suq iddikjarat tagħhom (ara l-premessa (156)).

    (162)

    L-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom li jwettqu analiżi teknika u ekonomika li se teżamina l-offerti u r-riżultati tal-irkantijiet, b’enfasi partikolari fuq l-effett tal-obbligu ta’ ħlas lura. L-analiżi se titwettaq kull sentejn, li jibdew wara l-ewwel irkant fir-rebbiegħa tal-2022. Ir-riżultati tal-analiżi se jiġu sottomessi għal konsultazzjoni pubblika.

    2.7.3.2.   Mekkaniżmi ta’ Waqfien tat-Telf

    (163)

    Il-Belġju se jimplimenta wkoll mekkaniżmu ta’ waqfien tat-telf kemm fuq l-obbligu ta’ ħlas lura (marbut mal-għażliet ta’ affidabbiltà) kif ukoll fuq il-penali għan-nuqqas ta’ disponibbiltà, li jiġu applikati b’mod kumulattiv (ara t-Taqsima 2.8.4).

    (164)

    Tali mekkaniżmu ta’ waqfien tat-telf jimplika li l-fornitur tal-kapaċità skont is-CRM qatt ma huwa se jkollu jħallas lura ammont li jaqbeż il-valur tar-remunerazzjoni tal-kapaċità annwali tiegħu. Fi kliem ieħor, f’każ li l-valur tal-kuntratt jitnaqqas għal żero, ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ ħlas (mhux għall-għażliet ta’ affidabbiltà, u lanqas għall-pagamenti tad-disponibbiltà). Dan il-prinċipju jimplika limitazzjoni tar-riskju utli għall-fornitur tal-kapaċità, li tippermetti żero offerti f’każ li l-“flus mitlufa” fis-suq tal-enerġija jitnaqqsu għal żero. Għall-kuntrarju, mingħajr tali mekkaniżmu ta’ waqfien tat-telf, il-fornitur tal-kapaċità jirriskja li jkun soġġett għal obbligu ta’ ħlas lura u/jew penali, anki f’każ li ma jkollux flus mitlufa u valur tal-kuntratt ta’ kapaċità ta’ EUR 0. Sabiex ikopri dan ir-riskju, fornitur tal-kapaċità qatt ma jressaq offerta ta’ EUR 0/MW/sena (anki f’każ li ma jkollux flus mitlufa) mingħajr l-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ waqfien tat-telf.

    2.8.   Il-monitoraġġ tad-disponibbiltà, l-ittestjar u l-penali

    2.8.1.   Kontroll ta’ qabel il-kunsinna

    (165)

    Matul il-perjodu ta’ qabel il-kunsinna (jiġifieri l-perjodu wara li tintgħażel CMU fl-irkant, iżda qabel il-bidu tal-perjodu tal-kunsinna), il-fornituri ta’ kapaċità magħżula jkunu soġġetti għal sett ta’ rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-kapaċità kkuntrattata tagħhom tkun disponibbli fil-bidu tal-perjodu tal-kunsinna u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista. Dawn huma notevolment maħsuba biex itaffu r-riskju tal-logħob tal-azzard u jkopru l-inċertezza inerenti għal investimenti ġodda (eż. dewmien fix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni).

    (166)

    Hija meħtieġa garanzija finanzjarja kundizzjonali biex jiġi żgurat it-twettiq mitlub u puntwali tal-obbligi kollha fir-rigward tal-kontrolli ta’ qabel il-kunsinna li jirriżultaw mill-Kuntratt tal-Kapaċità u/jew mir-Regoli dwar il-Funzjonament tar-Regoli tas-Suq tas-CRM (ara l-premessa (108)). Fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-obbligi ta’ Fornitur tal-Kapaċità matul perjodu ta’ qabel il-kunsinna, tista’ tiġi invokata l-garanzija finanzjarja.

    (167)

    Għas-CMUs eżistenti, se jiġu organizzati testijiet tad-disponibbiltà ta’ qabel il-kunsinna, li għalihom japplikaw penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, għal CMUs addizzjonali u virtwali, huma previsti obbligi addizzjonali u rekwiżiti ta’ monitoraġġ bejn Y-4 u l-perjodu tal-kunsinna. Il-monitoraġġ ta’ qabel il-kunsinna ta’ dawn il-kapaċitajiet ġodda se jkun ibbażat fuq l-ippjanar dettaljat tal-proġetti pprovdut mill-fornitur tal-kapaċità. F’każ li l-fornitur tal-kapaċità ma jissodisfax l-objettivi intermedji stabbiliti fl-ippjanar tal-proġetti, li jirriżultaw f’dewmien residwu, japplikaw penali, inklużi penali finanzjarji (koperti mill-garanzija finanzjarja), jew f’xi każijiet it-tnaqqis tal-kapaċità kkuntrattata inizjalment (u, b’hekk, ir-remunerazzjoni tal-kapaċità kull sena) u/jew it-tnaqqis tad-durata tal-kuntratt ta’ kapaċità (u, b’hekk, l-għadd ta’ snin li matulhom se tiġi riċevuta remunerazzjoni tal-kapaċità).

    2.8.2.   Monitoraġġ tad-disponibbiltà

    (168)

    It-TSO Belġjan jiżgura d-disponibbiltà tas-CMUs ikkuntrattati kollha (filwaqt li jqis id-deklassifikazzjoni) biex jilħaq il-livell immirat ta’ sigurtà tal-provvista. Minħabba li l-objettiv ewlieni tas-CRM huwa li jiżgura livell adegwat ta’ kapaċità fis-sistema, il-monitoraġġ tad-disponibbiltà jseħħ matul mumenti li huma rilevanti għas-sigurtà tal-provvista. F’dan ir-rigward, huwa definit Skattatur għall-Monitoraġġ tad-Disponibbiltà (‘Availability Monitoring Trigger’ - AMT) sabiex jiġu identifikati l-mumenti rilevanti minn perspettiva ta’ adegwatezza u li matulhom it-TSO se jimmonitorja d-disponibbiltà tas-CMUs.

    (169)

    L-AMT huwa bbażat fuq il-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Ir-raġunijiet għall-għażla tal-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem huma l-istess bħal dawk għall-obbligu ta’ ħlas lura, kif deskritt fit-Taqsima 2.7.2. Matul il-mumenti ta’ AMT (jiġifieri l-mumenti li matulhom il-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem jaqbeż l-AMT), it-TSO jista’ jivverifika jekk il-kapaċità akkwistata hijiex tabilħaqq kapaċi twieġeb għal sinjal tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Jekk il-kapaċità ma tissodisfax il-kapaċità obbligata (74) (abbażi tat-termini u l-kundizzjonijiet fil-kuntratt tal-kapaċità u r-regoli tal-funzjonament), il-parti tal-obbligu li ma kinitx disponibbli hija soġġetta għal penali, sakemm is-CMU ma tkunx tista’ tkopri d-differenza pożittiva bejn il-kapaċità obbligata u l-kapaċità disponibbli (75) permezz tas-suq sekondarju tas-CRM (ara t-Taqsima 2.9). Permezz tal-obbligi ta’ bejgħ fis-suq sekondarju, il-fornitur tal-kapaċità jista’ effettivament inaqqas il-kapaċità obbligata biex jevita diskrepanza bejn il-kapaċità obbligata u dik disponibbli u, b’hekk, il-penali.

    (170)

    Għall-kalkolu tal-kapaċità obbligata, issir distinzjoni bejn l-assi b’restrizzjonijiet fuq l-enerġija u dawk mingħajr restrizzjonijiet fuq l-enerġija, billi dawn jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista b’mod differenti. Assi b’restrizzjonijiet fuq l-enerġija (eż. batteriji, rispons min-naħa tad-domanda) jista’ jkun disponibbli biss matul ċertu numru ta’ sigħat konsekuttivi, filwaqt li dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-assi mhux ristretti.

    (171)

    Għall-assi mingħajr restrizzjonijiet fuq l-enerġija (eż. installazzjonijiet termali, parks eoliċi), id-durata tal-mument tal-AMT (espressa f’numru ta’ sigħat) ma taffettwax il-kapaċità disponibbli. Bħala medja, jenħtieġ li dawn l-assi jkunu jistgħu jwasslu mill-inqas il-kapaċità deklassifikata tagħhom. Għalhekk, f’kull siegħa tal-AMT matul il-kuntratt ta’ kapaċità, il-kapaċità obbligata hija daqs il-kapaċità deklassifikata tal-assi kif iddeterminata matul il-fażi ta’ prekwalifikazzjoni.

    (172)

    Minħabba li l-assi b’restrizzjonijiet fuq l-enerġija (eż. batteriji, rispons min-naħa tad-domanda) jistgħu jkunu disponibbli biss matul ċertu numru ta’ sigħat konsekuttivi, matul il-fażi ta’ prekwalifikazzjoni, dawn is-CMUs jistgħu jagħżlu Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) partikolari. Għalhekk, il-kapaċità obbligata hija daqs il-kapaċità mhux ikklassifikata tagħhom għas-sigħat fi ħdan ir-restrizzjonijiet tal-enerġija tagħhom. Il-kapaċità obbligata se tkun ugwali għal 0 MW għal kwalunkwe siegħa oħra tal-AMT fl-istess ġurnata. Is-CMU żżomm il-libertà li tibgħat l-assi tagħhom għal kwalunkwe mument tal-AMT ta’ sett ta’ sigħat tal-AMT li jagħżlu, sakemm ikunu wasslu mill-inqas l-FLS tagħhom matul is-sigħat kollha tal-AMT ta’ ġurnata.

    (173)

    Il-fornituri tal-kapaċità b’obbligu ta’ skeda ta’ kuljum fis-suq tal-enerġija huma preżunti li għandhom kapaċità disponibbli f’kull siegħa tal-AMT ta’ potenza massima (Pmax) disponibbli (76).

    (174)

    Min-naħa l-oħra, hemm inqas viżibbiltà fuq id-disponibbiltà attwali għall-fornituri tal-kapaċità mingħajr tali obbligu ta’ skedar. Għalhekk, dawn il-fornituri tal-kapaċità msemmija l-aħħar huma dejjem obbligati li jikkomunikaw qabel l-għeluq tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem, prezz ta’ ġurnata bil-quddiem li ’l fuq minnu jwasslu l-enerġija lis-suq mas-CMU mill-inqas f’konformità mal-kapaċità obbligata, li jista’ jkun ogħla mill-prezz tal-AMT. Jekk l-ikklerjar tas-suq iseħħ taħt dan il-prezz, l-unità tkun preżunta li hija disponibbli (iżda mhux li twassal l-enerġija) skont dikjarazzjoni. Fil-każ ta’ kklerjar tas-suq ogħla mill-prezz iddikjarat ta’ ġurnata bil-quddiem, it-TSO se jivverifika l-kunsinna tal-enerġija. B’dan il-mod, il-monitoraġġ ma jimponix il-kunsinna tal-enerġija matul il-mumenti kollha tal-AMT, biss f’każ li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu favorevoli għas-CMU (jiġifieri l-prezz iddikjarat ta’ ġurnata bil-quddiem).

    (175)

    B’mod fakultattiv, il-fornitur tal-kapaċità mingħajr obbligu ta’ skedar jista’ jiddikjara wkoll prezzijiet oħrajn biex jindika l-kunsinna fi swieq oħrajn (swieq tal-istess ġurnata jew tal-ibbilanċjar) u/jew għal volumi aktar baxxi. Dan huwa maħsub biex jirrifletti l-funzjonament tas-suq, billi parti mill-enerġija tista’ tinbiegħ aktar qrib il-ħin reali. It-TSO se jimmonitorja d-disponibbiltà bl-użu tal-prezz li jikkorrespondi għal meta tkun ġiet ikkunsinnata l-enerġija. F’każ li l-prezz(ijiet) iddikjarat(i) qatt ma jinqabeż/jinqabżu fis-suq/swieq rispettiv(i) tagħhom, l-assi ma jkunx viżibbli biżżejjed fis-suq u, konsegwentement, ikun aktar suxxettibbli għall-ittestjar. Ir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM se jinkludu dritt għat-TSO li jitlob ċertu numru ta’ testijiet matul perjodu ta’ kunsinna (ara t-Taqsima 2.8.3).

    (176)

    Skont il-Belġju, hemm żewġ fatturi ewlenin li wasslu biex fornitur tal-kapaċità jiddikjara prezzijiet korretti għas-CMUs tiegħu, fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas lura u l-monitoraġġ tad-disponibbiltà:

    (a)

    id-dispaċċ b’suċċess tas-CMU b’reazzjoni għal prezz iddikjarat jikkontribwixxi għall-kredibbiltà tal-kapaċità tal-unità li tirrispondi għas-suq. Kif ġie ddikjarat qabel, dan se jnaqqas il-possibbiltà ta’ testijiet tad-disponibbiltà. Il-kostijiet assoċjati ma’ dawn it-testijiet jitħallsu mill-fornitur tal-kapaċità (ara l-premessa (181)) li joħloq inċentiv biex tintwera d-disponibbiltà permezz tal-mekkaniżmu tal-prezzijiet iddikjarati;

    (b)

    matul is-sigħat tal-AMT b’obbligu ta’ ħlas lura, id-dispaċċ tas-CMU se jiġi vverifikat f’konformità mal-prezzijiet iddikjarati tal-fornitur tal-kapaċità. Fi kliem ieħor, jenħtieġ li t-TSO jkun jista’ jkejjel il-volum ikkomunikat li għandu jiġi kkunsinnat, kif ukoll il-marġni li għandu jinżamm. Bħala eżempju: jekk CMU tkun indikat li, abbażi tal-prezzijiet tas-suq li jirriżultaw, hija tkun se tikkunsinna l-enerġija għal 90 % tal-kapaċità kkuntrattata, jenħtieġ li jitkejlu l-kunsinna ta’ 90 %, kif ukoll il-marġini ta’ 10 % meta mqabbel mal-limitu tekniku. In-nuqqas ta’ rispett tal-kunsinna tal-enerġija jew tal-marġini li jkun ġie kkomunikat se jirriżulta f’penali għad-disponibbiltà. Dan jevita dikjarazzjoni falza tal-prezzijiet biex jitħalla barra l-obbligu ta’ ħlas lura. Barra mis-sigħat tal-AMT tal-obbligu ta’ ħlas lura, tali kontrolli mhux se jsiru, minħabba li ma hemm l-ebda gwadann potenzjali bħal dan għall-fornitur tal-kapaċità.

    2.8.3.   Ittestjar

    (177)

    Elia jista’ jivverifika d-disponibbiltà ta’ CMU permezz ta’ testijiet tad-disponibbiltà mhux imħabbra. Tali testijiet se jiġu nnotifikati minn Elia lill-fornitur tal-kapaċità mhux aktar tard minn bejn 15:00 CET u 15:30 CET fil-ġurnata qabel isir it-test tad-disponibbiltà, jiġifieri l-istess mument li fih tiġi kkomunikata l-identifikazzjoni tas-sigħat tal-AMT.

    (178)

    Elia jista’ jittestja CMU sa tliet darbiet b’suċċess matul il-perjodu tax-xitwa u darba waħda b’suċċess barra mill-perjodu tax-xitwa. Barra minn hekk, Elia jirriżerva d-dritt li jittestja sa massimu ta’ darba d-durata kollha tal-FLS (jekk ikun hemm) b’suċċess. Elia mhux se jwettaq testijiet tad-disponibbiltà f’perjodu fejn ikollu għarfien minn qabel tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat għas-CMU kkonċernata dwar il-kapaċità (parti minnha) li ma hijiex disponibbli (jiġifieri l-kapaċità obbligata hija limitata għal dik li hija magħrufa li hija disponibbli).

    (179)

    Elia se jagħżel is-CMUs li għandhom jiġu ttestjati skont proċedura interna, li mhux se tiġi ddivulgata pubblikament. Madankollu, Elia għandu jibbaża l-proċedura tiegħu fuq kriterji li jinkludu, iżda ma humiex limitati għal:

    (a)

    l-ammont ta’ disponibbiltà pprovata tas-CMUs b’mod relattiv għas-CMUs l-oħrajn kollha soġġetti għal kuntratt ta’ kapaċità għall-perjodu ta’ kunsinna attwali;

    (b)

    testijiet tad-disponibbiltà li ma rnexxewx qabel mis-CMU;

    (c)

    il-kapaċità nieqsa waqt il-monitoraġġ tad-disponibbiltà;

    (d)

    il-korrelazzjoni tal-outputs tas-CMU mal-prezzijiet tas-suq iddikjarati.

    (180)

    Meta Elia jinnotifika t-test tad-disponibbiltà flimkien mad-durata mistennija tiegħu (id-durata kollha tal-FLS jew perjodu ta’ ħmistax-il minuta) lill-fornitur tal-kapaċità, dan għandu jkun fih ukoll il-ħin tal-bidu u tat-tmiem tiegħu. F’dak il-perjodu, il-fornitur tal-kapaċità għandu l-libertà li jorganizza l-kunsinna tal-enerġija skont kif jaqbel l-aktar lilu.

    (181)

    Kwalunkwe kapaċità nieqsa matul dan il-perjodu hija soġġetta għal penali għad-disponibbiltà. Kwalunkwe kost tat-testijiet tad-disponibbiltà jitħallas mill-fornitur tal-kapaċità.

    2.8.4.   Penali

    (182)

    Kwalunkwe kapaċità nieqsa, jiġifieri differenza pożittiva bejn il-kapaċità obbligata u dik disponibbli, matul siegħa tal-AMT, hija soġġetta għal penali għad-disponibbiltà.

    (183)

    L-ammont totali ta’ penali għad-disponibbiltà li fornitur tal-kapaċità jista’ jirċievi għal CMU waħda, għal perjodu ta’ kunsinna wieħed u għal kapaċità nieqsa li jkollha obbligu tas-suq primarju jew tranżazzjoni tas-suq sekondarju li l-perjodu tat-tranżazzjoni tagħha jkopri mill-inqas perjodu ta’ kunsinna wieħed sħiħ, huwa limitat għall-prezzijiet tal-offerti magħżula mogħtija fl-irkantijiet għall-perjodu ta’ kunsinna mmultiplikati bil-kapaċitajiet ikkuntrattati fl-irkantijiet.

    (184)

    L-ammont totali ta’ penali għad-disponibbiltà li fornitur tal-kapaċità jista’ jirċievi għal CMU waħda, għal xahar u għal kapaċità nieqsa li tirriżulta minn obbligu tas-suq primarju jew tranżazzjoni tas-suq sekondarju li l-perjodu tat-tranżazzjoni tagħha jkopri mill-inqas perjodu ta’ kunsinna wieħed sħiħ, huwa limitat għal 20 % tal-prezzijiet tal-offerti magħżula mogħtija fl-irkantijiet għall-perjodu ta’ kunsinna mmultiplikati bil-kapaċitajiet ikkuntrattati fl-irkantijiet.

    (185)

    F’każ li l-kapaċità nieqsa ta’ aktar minn 20 % tal-kapaċità obbligata tiġi stabbilita matul tliet mumenti tal-AMT separati u/jew testijiet tad-disponibbiltà għall-istess CMU, Elia joħroġ reviżjoni ’l isfel tar-remunerazzjoni tal-kapaċità għal dik is-CMU b’mod proporzjonali għall-kapaċità massima nieqsa stabbilita matul dak il-perjodu. Madankollu, il-fornitur tal-kapaċità jżomm obbligu ta’ disponibbiltà u jibqa’ soġġett għal penali għad-disponibbiltà possibbli għal dik is-CMU bħal fil-kuntratt ta’ kapaċità oriġinali. Il-valur totali tal-kuntratt ma jinbidilx. Ir-remunerazzjoni tal-kapaċità oriġinali terġa’ tiddaħħal wara li s-CMU tkun ipprovdiet b’suċċess il-kapaċità obbligata tagħha, li tikkorrespondi għall-kapaċità kkuntrattata u għall-FLS fil-kuntratt primarju, matul tliet mumenti tal-AMT konsekuttivi jew testijiet tad-disponibbiltà.

    (186)

    F’każ li s-CMU kienet soġġetta għal reviżjoni ’l isfel tar-remunerazzjoni tal-kapaċità matul żewġ perjodi ta’ kunsinna sussegwenti u s-CMU kull darba tkun naqset milli terġa’ tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-kapaċità oriġinali fi żmien 12-il ġimgħa minn kull reviżjoni, is-CMU titlef il-possibbiltà li terġa’ tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-kapaċità oriġinali u jintemmu l-kuntratti ta’ kapaċità kollha li japplikaw għall-perjodi ta’ kunsinna li jibdew minn dak kopert mill-ewwel irkant Y-1 li jmiss wara li tiġi applikata din il-klawżola.

    2.9.   Suq sekondarju

    (187)

    Il-Belġju se jistabbilixxi suq sekondarju biex jipprovdi lill-fornituri ta’ kapaċità b’mekkaniżmu biex itejbu l-ġestjoni tar-riskju tagħhom skont is-CRM. Tabilħaqq, f’każ li fornitur tal-kapaċità jiffaċċja disponibbiltà inqas minn dik antiċipata (inqas mill-kapaċità obbligata tiegħu kif ikkalkolata f’konformità mar-Regoli tas-Suq), huwa għandu l-possibbiltà li jkopri d-differenza pożittiva bejn il-kapaċità kuntrattwali obbligata tiegħu u l-kapaċità disponibbli tiegħu fis-suq sekondarju, mingħajr ma jkun soġġett għal xi penali għan-nuqqas ta’ disponibbiltà. Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet fis-suq sekondarju, isir trasferiment sħiħ tal-obbligi, inkluż il-prezz tal-eżerċitar tal-obbligu inizjali.

    (188)

    Is-suq sekondarju se jiġi implimentat mhux aktar tard minn sena qabel il-bidu tal-ewwel perjodu ta’ kunsinna. Il-modalitajiet tal-mekkaniżmu tas-suq sekondarju huma deskritti fir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM.

    2.10.   Il-parteċipazzjoni tal-kapaċità transfruntiera

    (189)

    Il-Belġju se jippermetti li l-kapaċità barranija li tinsab fi Stat Membru li għandu konnessjoni diretta tan-network mal-Belġju tipparteċipa mill-ewwel kunsinna. Ir-regoli huma stabbiliti f’Digriet Amministrattiv (77). Skont il-Belġju, billi l-metodoloġiji, ir-regoli komuni u t-termini msemmija fl-Artikolu 26(11) tar-Regolament dwar l-Elettriku ġew approvati biss f’Diċembru 2020 (78), u billi t-TSOs għadhom ma setgħux jikkonkludu l-ftehimiet meħtieġa, ma kienx possibbli li tiġi organizzata l-parteċipazzjoni transfruntiera mill-ewwel irkant Y-4. Skont l-awtoritajiet Belġjani, din se tiġi stabbilita mill-aktar fis possibbli. Sadanittant, ġie riżervat volum għall-irkant Y-1, filwaqt li ġie żgurat li l-kapaċità transfruntiera tkun tista’ tipparteċipa mill-ewwel sena tal-kunsinna, jiġifieri l-2025.

    (190)

    Il-parteċipazzjoni se tkun miftuħa għat-teknoloġiji kollha. Hija tiddistingwi żewġ tipi ta’ kapaċità barranija – diretta u indiretta.

    2.10.1.   Parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija indiretta

    (191)

    Il-kapaċità barranija indiretta hija kapaċità li tinsab fi Stati Membri ġirien. Għal kull wieħed mill-Istati Membri ġirien, jiġi organizzat preirkant. Minħabba l-kapaċità limitata fuq l-interkonnetturi, l-iskop tal-preirkant huwa li jiżgura prekwalifikazzjoni effiċjenti, billi din hija prekundizzjoni tal-irkant prinċipali. Kull preirkant se jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju u se jiġi organizzat mit-TSO f’konformità mal-istruzzjoni mogħtija mill-Ministru msemmija fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku, u speċifikata minn Stat Membru ġar. Fl-istruzzjoni tiegħu, il-Ministru jista’ jiddeċiedi, fejn xieraq, li ma jiġix organizzat pre-irkant ma’ Stat Membru ġar. Il-parametri tal-pre-irkant huma l-istess bħall-parametri tal-irkant korrispondenti. Madankollu, il-prezz ta’ referenza għal kull Stat Membru ġar għandu jirrifletti l-prezz li kien jinkiseb mill-fornitur tal-kapaċità barranija indiretta fis-swieq tal-elettriku ġestiti min-NEMO (79) nominat mill-kapaċità barranija indiretta.

    (192)

    Kull sena, it-TSO jiddetermina l-kapaċità massima ta’ dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija indiretta ta’ kull Stat Membru ġar, abbażi tar-rakkomandazzjoni taċ-Ċentru Reġjonali ta’ Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 26(7) tar-Regolament dwar l-Elettriku, f’konformità mal-metodoloġija approvata mill-ACER imsemmija fl-Artikolu 26(11)(a) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (193)

    Sakemm jiġu adottati l-istrateġiji, il-proposti jew id-deċiżjonijiet rilevanti li jimplimentaw l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-kontribuzzjoni ta’ kull żona tas-suq direttament konnessa mal-Belġju tiġi ddeterminata mill-kontribuzzjoni ta’ dawk iż-żoni matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati abbażi tal-ERAA jew tal-NRAA.

    (194)

    Kundizzjonijiet oħrajn li jirregolaw il-parteċipazzjoni transfruntiera huma pprovduti fid-Deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi tal-kapaċità.

    (195)

    Jekk ikun hemm rabta tal-NTC immudellata bejn il-Belġju u żona oħra tas-suq konnessa direttament mal-elettriku, allura:

    (a)

    Għal kull siegħa ta’ skarsezza simulata:

    (1)

    Jekk iż-żona tas-suq tkun qed tesporta lejn il-Belġju, il-kontribuzzjoni tagħha tkun ugwali għall-iskambju tas-suq simulat;

    (2)

    Jekk iż-żona tas-suq tkun qed timporta mill-Belġju, il-kontribuzzjoni tagħha tkun nulla;

    (b)

    Iż-żona tas-suq ta’ kapaċità massima tad-dħul hija definita bħala ugwali għall-kontribuzzjoni medja matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati.

    (196)

    Jekk dominju bbażat fuq il-fluss jiġi definit fis-simulazzjoni li tintegra lill-Belġju, allura:

    (a)

    L-ewwel ikun hemm verifika tal-pożizzjoni netta tal-Belġju tas-sigħat ta’ skarsezza simulati:

    (1)

    Jekk il-pożizzjoni netta tal-Belġju tkun pożittiva, il-kontribuzzjoni ta’ żoni oħrajn tas-suq fid-dominju bbażat fuq il-fluss tkun nulla;

    (2)

    Jekk il-pożizzjoni netta tal-Belġju tkun negattiva, ikun hemm verifika tal-pożizzjoni netta ta’ żoni oħrajn tas-suq:

    jekk il-pożizzjoni netta taż-żoni l-oħrajn tas-suq tkun negattiva, il-kontribuzzjoni ta’ din iż-żona tas-suq tkun nulla;

    għaż-żoni kollha tas-suq b’pożizzjoni netta pożittiva, issir medja ponderata fuq il-pożizzjonijiet netti bejn iż-żoni tas-suq sabiex jintlaħaq il-livell tal-pożizzjoni netta tal-Belġju.

    (b)

    Il-kapaċità massima tad-dħul ta’ żona tas-suq hija definita bħala ugwali għall-kontribuzzjoni medja tagħha matul is-sigħat ta’ skarsezza simulati.

    (197)

    Il-kapaċità barranija indiretta li tkun tixtieq tissottometti offerta fil-pre-irkant għandha tipprovdi lit-TSO bl-informazzjoni dwar il-volum ta’ kapaċità offruta wara l-applikazzjoni tal-fattur ta’ deklassifikazzjoni, il-prezz offrut u l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-kapaċità kkonċernata.

    (198)

    Il-kapaċità barranija indiretta li l-offerta tagħha tintgħażel fi tmiem il-pre-irkant tissottometti fajl ta’ prekwalifikazzjoni. Il-valutazzjoni tal-fajl tal-prekwalifikazzjoni se titwettaq mit-TSO ġar f’kooperazzjoni ma’ Elia, f’konformità mar-regoli stipulati fil-metodoloġiji msemmija fl-Artikolu 26(11)(f) tar-Regolament dwar l-Elettriku u, meta applikabbli, f’konformità mal-ftehim konkluż bejn it-TSOs.

    2.10.2.   Il-parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija diretta li tinsab fi Stat Membru ġar li jkollu konnessjoni diretta man-network Belġjan u skonnettjat min-network tal-Istati Membri ġirien

    (199)

    Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-kapaċità barranija diretta hija l-kapaċità li tinsab fi Stat Membru ġar, iżda li għandha konnessjoni diretta u esklussiva man-network Belġjan u li hija skonnettjata min-network ta’ dak l-Istat Membru ġar.

    (200)

    Il-kapaċità trid tkun tinsab ukoll fi Stat Membru ġar li miegħu l-Belġju jkun ikkonkluda ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija diretta fis-CRM, li jiżgura li:

    (a)

    il-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe kapaċità barranija diretta tiddependi fuq dikjarazzjoni mill-Istat Membru ġar li fih tinsab il-kapaċità, li l-kapaċità inkwistjoni tissodisfa għadd ta’ rekwiżiti tekniċi, organizzattivi u finanzjarji stabbiliti fil-ftehim u li l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa għall-kapaċità inkwistjoni jkunu nħarġu regolarment u mingħajr kundizzjonijiet, jew ikunu se jinħarġu f’perjodu raġonevoli;

    (b)

    il-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe kapaċità barranija diretta tiddependi fuq dikjarazzjoni mill-Istat Membru ġar li fih tinsab il-kapaċità, li tali parteċipazzjoni ma twassalx għal problemi serji f’termini ta’ sigurtà tal-provvista fl-Istat Membru ġar jew ma ċċaħħadx l-infrastruttura meħtieġa biex jiġu indirizzati b’mod adegwat il-problemi ta’ konġestjoni magħrufa.

    (201)

    F’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku, bejn Ottubru u Diċembru 2019, il-Belġju wettaq konsultazzjoni mal-Istati Membri ġirien.

    2.10.3.   Dħul mill-konġestjoni

    (202)

    L-allokazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ biljetti transfruntiera, jiġifieri d-drittijiet ta’ aċċess għal fornituri ta’ kapaċità barranin biex jipparteċipaw fis-CRM Belġjan, hija rregolata bis-sħiħ mill-Artikolu 26(9) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (203)

    Il-Belġju indika li d-dħul mill-konġestjoni se jintuża għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku kif meħtieġ mill-Artikolu 26(9) ta’ dak ir-Regolament.

    (204)

    Il-Belġju kkonferma li se jikkonforma mad-deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020, li fost l-oħrajn, tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tad-dħul li jinħoloq permezz tal-allokazzjoni tal-kapaċità tad-dħul.

    2.11.   Akkumulazzjoni

    (205)

    Skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Amministrattiv dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà relatati mal-appoġġ akkumulattiv u mal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni, il-kapaċità li diġà tibbenefika mill-għajnuna operatorja hija eskluża mill-fażi ta’ prekwalifikazzjoni. Il-kapaċitajiet li jibbenefikaw minn tali għajnuna jistgħu jipparteċipaw fil-fażi ta’ prekwalifikazzjoni bil-kundizzjoni li jirrinunzjaw għall-għajnuna f’każ li jingħataw kuntratt ta’ mekkaniżmu ta’ kapaċità. Il-Ministeru għall-Enerġija jippubblika formola li tikkonferma dan l-impenn ta’ rinunzja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet jimpenjaw ruħhom li ma japplikawx għal għajnuna operatorja oħra matul il-perjodu waqt li jkollhom kuntratt ta’ kapaċità meta jissottomettu applikazzjoni għall-fażi ta’ prekwalifikazzjoni.

    2.12.   Il-baġit u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament

    2.12.1.   Il-baġit

    (206)

    Il-kost preċiż tal-miżura se jiġi ddeterminat mill-irkantijiet. Skont l-aktar stima reċenti tal-kostijiet sottomessa mill-awtoritajiet Belġjani, li saret f’Jannar 2021 mill-kumpanija ta’ konsulenza Haulogy, inkarigata mill-awtoritajiet Belġjani, il-kost globali tal-miżura jista’ jiġi stmat bejn EUR 238 u EUR 253 miljun fis-sena.

    2.12.2.   Finanzjament tal-miżura

    (207)

    Il-Parlament Belġjan adotta riżoluzzjoni fis-16 ta’ Lulju 2020 (80) li tindika li l-kostijiet tas-CRM se jiġu ffinanzjati permezz ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” minn Elia fit-tariffi tan-network.

    (208)

    L-awtoritajiet Belġjani jindikaw li s-CRM huwa ffinanzjat permezz ta’ imposti jew taxxi parafiskali assenjati lil benefiċjarju. Skont l-Artikolu 12(1) tal-Att dwar l-Elettriku, il-konnessjoni, l-użu tal-infrastruttura u tas-sistemi elettriċi u, fejn xieraq, is-servizzi anċillari tal-operatur tas-sistema għandhom ikunu soġġetti għal tariffi għall-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni u tan-networks b’funzjoni ta’ trasport. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(13) tal-Att dwar l-Elettriku, l-operatur tas-sistema għandu, mill-aktar fis possibbli, jikkomunika lill-utenti tan-network tiegħu t-tariffi li għandu japplika u jagħmilhom disponibbli għall-persuni kollha li jitolbu dan.

    (209)

    Skont l-Artikolu 12(5)(11) tal-Att dwar l-Elettriku, il-kostijiet netti tal-kompiti ta’ servizz pubbliku imposti minn din il-liġi għandhom jitqiesu fit-tariffi b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

    (210)

    Skont l-Artikolu 4(2) tad-digriet adottat mill-CREG fit-28 ta’ Ġunju 2018 abbażi tal-Artikolu 12 tal-Att dwar l-Elettriku (81), u li jiddetermina t-tariffi tan-network għall-perjodu 2020-2023, it-tariffi tan-network huma l-prezzijiet dovuti mill-utenti tan-network lill-operatur tan-network. Skont l-Artikolu 4(7) tal-istess digriet, l-istruttura tariffarja ġenerali tagħmel distinzjoni bejn it-tariffi tat-trasport, li jkopru d-dħul totali tal-operatur tas-sistema, u t-tariffi għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. L-Artikolu 6 tad-digriet jistabbilixxi li t-tariffi għall-obbligi ta’ servizz pubbliku jikkumpensaw għall-kostijiet netti tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, inklużi l-kostijiet tal-ġestjoni u l-imposti finanzjarji, li jiġu imposti fuq l-operatur tas-sistema u li fir-rigward tagħhom il-liġi, id-digriet jew l-ordni, jew id-digrieti ta’ implimentazzjoni tagħhom, ma pprevedewx mekkaniżmu ta’ kumpens speċifiku, permezz ta’ tagħbija eċċessiva jew imposta oħra, bħala kumpens għall-prestazzjoni tas-sistema.

    (211)

    Fuq din il-bażi, kull sena, it-TSO se jissottometti proposta ta’ tariffa għall-obbligu ta’ servizz pubbliku lill-CREG għall-approvazzjoni, akkumpanjata minn baġit li jinkludi tbassir tal-kostijiet kollha (remunerazzjoni tal-kapaċità, il-ġestjoni tat-TSO u l-kostijiet tal-iżvilupp) u l-introjti tas-CRM għas-sena ta’ wara. It-tariffa proposta għall-obbligu ta’ servizz pubbliku se tqis ukoll il-bilanċ riportat mis-sena finanzjarja preċedenti.

    (212)

    Fi tmiem is-sena, it-TSO se jissottometti rapport dwar it-tariffi lill-CREG għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-kostijiet u l-introjti attwali għas-sena li tkun għaddiet u l-introjtu li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tariffa. Wara li tiġi vverifikata l-akkuratezza tad-data u r-raġonevolezza tal-kostijiet tal-iżvilupp u l-ġestjoni tas-CRM imġarrba mit-TSO, il-CREG se jiddetermina l-bilanċ li għandu jiġi riportat.

    (213)

    Kwalunkwe dħul marbut mal-mekkaniżmu tas-CRM se jintuża biex ikopri l-kostijiet inklużi fit-tariffa għall-obbligu ta’ servizz pubbliku, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(9) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (214)

    It-tariffa tiġi applikata b’mod uniformi fuq bażi ta’ EUR/MWh għall-konsumaturi kollha (direttament għall-konsumatur konness man-network ta’ trażmissjoni jew indirettament, permezz tal-Operatur tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni, u l-fornituri, għall-konsumaturi konnessi man-network tad-distribuzzjoni).

    (215)

    Il-modalitajiet speċifiċi għall-finanzjament tas-CRM se jiġu applikati l-aktar kmieni fl-2022, f’Jannar 2025, kif stabbilit fil-paragrafu 15 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku.

    (216)

    Skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament, sa mhux aktar tard mill-2029, it-tariffa se tiġi imposta fuq il-bażi tal-potenza massima skont l-iskjerament ta’ arloġġi intelliġenti fir-reġjuni. Għalhekk, sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2023, il-Gvern se jagħmel analiżi tal-iskjerament mistenni ta’ arloġġi intelliġenti.

    2.13.   Durata

    (217)

    Il-Belġju talab approvazzjoni għas-CRM għaż-żmien massimu permess ta’ 10 snin (82) li jibda mid-data tal-ewwel irkant.

    (218)

    Il-Belġju impenja ruħu li jintroduċi fl-Att dwar l-Elettriku li, jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ġdid dwar il-kapaċità għal tliet snin konsekuttivi f’konformità mal-paragrafu 11 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku, ma jiġi organizzat l-ebda rkant ġdid mis-sena ta’ wara taħt is-CRM.

    2.14.   Trasparenza tal-għajnuna u d-ditti f’diffikultà jew soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti

    (219)

    Il-Belġju sostna li huwa se jikkonforma mar-rekwiżiti dwar il-Komunikazzjoni dwar it-Trasparenza (83).

    (220)

    Il-Belġju impenja ruħu li jissospendi l-għoti u/jew il-ħlas ta’ kwalunkwe għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata lil kwalunkwe impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna illegali preċedenti ddikjarata bħala inkompatibbli minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    (221)

    Il-Belġju sostniet li ma se tingħata l-ebda għajnuna lill-benefiċjarji f’diffikultà (84).

    2.15.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

    (222)

    Il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti aspetti tal-miżura mas-suq intern.

    (223)

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tal-elementi deskritti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni fittxet kjarifika u talbet kummenti dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    in-neċessità tal-miżura:

    jekk il-problema tal-adegwatezza tar-riżorsi ġietx identifikata biżżejjed u ġietx analizzata u kkwantifikata kif suppost mill-awtoritajiet Belġjani.

    (b)

    l-adegwatezza tal-miżura:

    jekk ir-regoli tal-eliġibbiltà għall-aċċess għal kuntratti ta’ diversi snin jiżgurawx opportunitajiet indaqs għat-teknoloġiji kollha, b’mod partikolari għal dawk li għandhom kostijiet għoljin ta’ investiment u fatturi għoljin ta’ deklassifikazzjoni.

    (c)

    il-proporzjonalità tal-miżura:

    jekk il-volum li għandu jiġi akkwistat fl-irkant huwiex proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv tas-sigurtà tal-provvista.

    (d)

    l-evitar ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ:

    jekk il-miżura evitatx tali effetti, billi l-kapaċità barranija indiretta se tkun eliġibbli biss għal kuntratti ta’ sena u soġġetta għal-limitu massimu tal-prezz intermedju.

    jekk il-miżura ma tnaqqasx l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

    (224)

    Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar il-konformità tal-miżura mad-dispożizzjonijiet intrinsikament marbuta tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

    (225)

    Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-kummenti li rċeviet il-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni mingħand 15-il parti interessata, b’mod partikolari mill-partijiet ikkonċernati attivi fis-settur tal-enerġija, kif ukoll minn assoċjazzjonijiet kummerċjali u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Waslu wkoll kummenti mingħand pajjiż ġar wieħed u mingħand it-TSO tiegħu.

    3.1.   Neċessità tal-miżura

    (226)

    Partijiet ikkonċernati differenti kkummentaw dwar id-dimostrazzjoni tal-ħtieġa għal CRM u l-kalkolu tal-volum għall-irkantijiet, li xi drabi jikkombinaw iż-żewġ suġġetti.

    (227)

    Erba’ partijiet interessati kkontestaw li din il-ħtieġa ġiet murija biżżejjed. Min-naħa l-oħra, tlieta oħrajn ikkonfermaw il-ħtieġa u ssottolinjaw l-urġenza tagħha.

    (228)

    Tliet partijiet interessati ddikjaraw li l-użu tax-xenarju EU-HiLo ma jidhirx li huwa xieraq biex jiddetermina l-livell tal-problema tal-adegwatezza tar-riżorsi, minħabba li dan jirriskja li jagħmel stima eċċessiva tal-problema u li jfixkel is-suq tal-elettriku.

    (229)

    Erba’ partijiet interessati rrimarkaw li l-metodoloġija reċenti tal-ERAA u l-metodoloġija tal-VOLL/CONE/RS huma kompletament applikabbli għas-CRM Belġjan propost.

    (230)

    Ħames partijiet interessati sostnew li l-istudji preċedenti dwar l-adegwatezza użati biex juru l-ħtieġa għas-CRM ma humiex kompatibbli mal-metodoloġija tal-ERAA, b’mod partikolari:

    (a)

    skont il-metodoloġija tal-ERAA, il-bażi tad-data dwar il-klima għandha tkun limitata għal 30 sena storiċi, filwaqt li l-Belġju uża 35;

    (b)

    l-istudji ma jqisux biżżejjed ir-riżultati mistennija tal-pjan ta’ implimentazzjoni u/jew l-użu tad-dħul mistenni tas-suq minflok id-dħul medjan;

    (c)

    l-istudji ma jqisux il-funzjoni mistennija tal-iskarsezza, u lanqas in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ limiti massimi tal-prezzijiet, li jkunu qed jiksru l-Artikoli 20(3)(c) u 23(5)(e) tar-Regolament dwar l-Elettriku;

    (d)

    introduzzjoni aċċellerata ta’ arloġġi intelliġenti u l-iżvilupp ta’ teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta jenħtieġ li jitqiesu fl-NRAA, kif irrakkomandat fl-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni Belġjan. L-analiżi tal-ħtieġa għal CRM jenħtieġ li tqis ukoll ir-regola ta’ 70 % minRAM.

    (231)

    Parti interessata waħda affermat li l-Belġju ma jistax jorganizza l-ewwel irkant fl-2021 abbażi ta’ NRAA skaduta u mhux konformi. Fl-opinjoni tagħha, is-CRM lanqas biss jenħtieġ li jiġi implimentat qabel ma tinħareġ l-ERAA.

    (232)

    Erba’ partijiet interessati rrimarkaw li l-istandard ta’ affidabbiltà użat mill-Belġju biex juri l-ħtieġa għal CRM u/jew biex jikkalkula l-volum għall-ewwel irkant ma huwiex konformi mal-metodoloġija meħtieġa mir-Regolament dwar l-Elettriku.

    (233)

    Parti interessata waħda affermat li jenħtieġ li l-konsistenza tiġi ggarantita fil-proċeduri, il-metodoloġiji, id-data u x-xenarji li, minn naħa waħda, jintużaw biex juru l-ħtieġa għal CRM u, min-naħa l-oħra, jintużaw biex jiddeterminaw il-volum meħtieġ li għandu jiġi rkantat skont tali CRM.

    (234)

    Parti interessata oħra rrimarkat li l-istandard ta’ affidabbiltà u l-metodoloġija biex jiġu definiti l-VOLL u l-CONE jistgħu jinbidlu bejn l-irkant inizjali T-4 u l-irkantijiet sussegwenti, li jwasslu għal definizzjoni differenti tal-volum.

    3.2.   Adegwatezza tal-miżura

    3.2.1.   Għażla tal-istrument

    (235)

    Tliet partijiet interessati jemmnu li riżerva strateġika tista’ tindirizza aħjar il-problema ta’ adegwatezza identifikata minn CRM għas-suq kollu. Xi partijiet iddikjaraw li l-għażla ta’ riżerva strateġika ma ġietx ivvalutata.

    3.2.2.   Ftuħ tal-miżura għall-fornituri tal-kapaċità rilevanti kollha

    (236)

    Parti interessata waħda pproponiet li jinħoloq irkant T-2 sabiex jiġi evitat akkwist eċċessiv f’T-4 abbażi ta’ suppożizzjonijiet eċċessivament sikuri, kif ukoll sabiex jitqies standard ta’ affidabbiltà mibdul ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ACER.

    (237)

    Parti interessata waħda affermat ukoll li d-detenturi tal-kapaċità eliġibbli għall-parteċipazzjoni (bħal CHP b’kapaċità ogħla minn 1 MW) huma esklużi mill-parteċipazzjoni jekk, matul perjodu partikolari, jibbenefikaw minn għajnuna operatorja permezz ta’ ċertifikati ekoloġiċi (GSC) u/jew ċertifikati tas-CHP (CHP).

    3.3.   Effett ta’ inċentiv

    3.3.1.   Kostijiet eliġibbli tal-investiment

    (238)

    Parti interessata waħda rrimarkat li n-nefqa li tippermetti li l-kapaċità tikkonforma mal-istandards ambjentali previsti fl-Artikolu 3(2)(1) tal-abbozz tad-Digriet Amministrattiv dwar il-limiti ta’ investiment ma jenħtieġx li tkun eliġibbli għal kuntratti ta’ durata itwal.

    3.4.   proporzjonalità

    3.4.1.   Volum li għandu jiġi akkwistat

    (239)

    Skont parti interessata waħda, il-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta’ kapaċità li għandha tiġi akkwistata fl-irkant jenħtieġ li jiġu approvati abbażi ta’ proposta mir-regolatur. L-istess parti interessata sostniet li proposta mir-regolatur ma tistax tinbidel u li l-Istat Membru jista’ biss jirrifjutaha u jitlob proposta ġdida.

    3.4.2.   Mekkaniżmu ta’ finanzjament

    (240)

    Parti interessata waħda affermat li l-assi tal-ħżin jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu ta’ servizz pubbliku biex jiffinanzjaw is-CRM. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tkun tinkludi l-ħżin kemm fuq quddiem tal-arloġġ kif ukoll fuq wara tiegħu.

    (241)

    Parti oħra sostniet li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament jista’ jinfluwenza l-volum tal-kapaċità tas-CRM. Pereżempju, ir-rabta tal-imposti għall-finanzjament tas-CRM mal-konsum tal-elettriku matul id-domanda massima tista’ titqies bħala inċentiv għall-partijiet ikkonċernati biex inaqqsu l-konsum tagħhom matul id-domanda massima, li jwassal għal ħtieġa mnaqqsa għall-kapaċità li għandha tiġi rkantata.

    3.5.   Evitar ta’ effetti mhux xierqa fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

    3.5.1.   Ftuħ tal-miżura għall-fornituri tal-kapaċità rilevanti kollha

    3.5.1.1.   Aggregazzjoni

    (242)

    Żewġ partijiet interessati affermaw li r-regoli kurrenti tal-eliġibbiltà għal kuntratti ta’ diversi snin ifixklu l-aggregazzjoni u, b’mod aktar speċifiku, ir-regola li l-assi bl-inqas durata tal-kuntratt f’portafoll aggregat jiddetermina d-durata tal-kuntratt għall-portafoll kollu.

    (243)

    Żewġ partijiet interessati oħrajn affermaw li l-limitu għal aggregazzjoni individwali jenħtieġ li jiġi adattat. Bħalissa, l-abbozz tar-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM jipprevedi li l-kapaċitajiet soġġetti għal obbligu ta’ skeda ta’ kuljum ma jistgħux ikunu parti minn CMU aggregata.

    (244)

    Parti interessata waħda ddikjarat li l-parteċipazzjoni permezz ta’ aggregazzjoni hija impossibbli għal installazzjonijiet b’potenza ta’ aktar minn 25 MW. Għalhekk, il-parti interessata tixtieq li dan il-limitu jiġi stabbilit għal 75 MW.

    3.5.1.2.   Limiti ta’ investiment

    (245)

    Tliet partijiet interessati sostnew li l-livelli tal-limiti ta’ investiment għal kuntratti ta’ diversi snin ma humiex konformi mal-iżviluppi reċenti tas-suq u, għalhekk, ma jirrispettawx in-newtralità teknoloġika u se jwasslu għal diskriminazzjoni bejn ċerti klassijiet ta’ teknoloġija (il-klassi H/HL fuq is-CCGT u l-OCGT tal-klassi F) u bejn il-kapaċitajiet eżistenti u dawk ġodda.

    (246)

    Parti waħda sostniet li l-investimenti li joħolqu flessibbiltà jew iżidu l-kapaċità deklassifikata mingħajr ma jżidu l-kapaċità installata jenħtieġ li jikkwalifikaw ukoll bħala kostijiet eliġibbli. Skont din il-parti interessata, l-investimenti fis-sottomittenti, l-estensjoni tar-riżerva tal-enerġija ta’ batterija eżistenti jew fil-kapaċitajiet tal-ħżin għall-proċessi industrijali għalhekk jiġu esklużi minn kuntratti ta’ diversi snin.

    3.5.1.3.   Fatturi ta’ deklassifikazzjoni

    (247)

    Żewġ partijiet interessati affermaw li, meta mqabbla mal-mekkaniżmi ta’ kapaċità fil-pajjiżi ġirien, bħal Franza jew ir-Renju Unit, il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni Belġjani jirriskjaw li jippenalizzaw ħafna teknoloġiji bħall-ħżin, ir-rispons għad-domanda jew l-enerġiji rinnovabbli.

    (248)

    Parti interessata waħda sostniet li l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni kkontemplati mis-CRM Belġjan u ppubblikati fid-deċiżjoni tal-ftuħ joħolqu ostakoli severi għad-dħul fis-suq għall-ħżin, b’mod partikolari, u għall-fornituri ta’ kapaċità b’użu limitat tal-enerġija, b’mod ġenerali.

    3.5.1.4.   Obbligu ta’ ħlas lura

    (249)

    Żewġ partijiet interessati affermaw li l-obbligi ta’ ħlas lura fil-kuntratti ta’ kapaċità jiddiskriminaw bejn Unitajiet tas-Suq tal-Kapaċità bi “skeda sħiħa” u dawk bi “skeda mhux sħiħa” u jiksru l-prinċipju ta’ “prezz tal-eżerċitar uniku”.

    (250)

    Skont parti interessata waħda, il-mekkaniżmi tal-“obbligu ta’ ħlas lura” jiddiskriminaw kontra l-operaturi tal-kapaċità bi skeda sħiħa, minħabba li jonqsu milli jqisu l-attivitajiet ta’ ħħeġġjar ta’ dawn l-operaturi, fejn huma jbigħu parti kbira mill-volum mistenni tagħhom bil-quddiem fis-swieq forward, li jesponuhom għal ħlas lura tad-dħul li ma qalgħux. B’kuntrast ma’ dan, l-operaturi bi skeda mhux sħiħa għandhom flessibbiltà konsiderevoli biex jiddikjaraw b’mod effettiv il-prezzijiet tas-suq individwali li jaġixxu bħala l-prezz tal-eżerċitar, jillimitaw ir-riskju tagħhom li jkollhom iħallsu lura d-dħul li ma jkunux qalgħu, kif ukoll jipprovdu opportunitajiet possibbli biex jevitaw l-obbligu ta’ ħlas lura.

    (251)

    Parti oħra sostniet li l-obbligu ta’ ħlas lura jiddiskrimina bejn is-CMUs bi skeda sħiħa u dawk bi skeda mhux sħiħa, l-ewwel nett minħabba n-nuqqas ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas lura għall-kapaċità li diġà nbiegħet fis-swieq forward (u li ma tkoprix il-prezzijiet tal-iskarsezza) u, it-tieni nett, minħabba l-introduzzjoni tal-“Prezz tas-Suq Iddikjarat” għas-CMUs li ma jissottomettux ruħhom għal skedi sħaħ, iżda fil-prattika jintroduċu prezzijiet tal-eżerċitar multipli.

    3.5.1.5.   Limitu massimu tal-prezz intermedju

    (252)

    Parti interessata waħda esprimiet it-tħassib tagħha li l-introduzzjoni ta’ limitu massimu tal-prezz intermedju se tfixkel il-kompetizzjoni fl-irkant, minħabba li xi kapaċitajiet eżistenti li jirrikjedu li l-investimenti jibqgħu ekonomikament profittabbli jista’ ma jkollhomx il-garanzija li jirkupraw il-“flus mitlufa” tagħhom u jistgħu jiġu sfurzati joħorġu mis-suq.

    (253)

    Skont parti interessata waħda, hemm “diskrepanza fl-investiment” materjali bejn il-limitu ta’ investiment għal kuntratti ta’ 3 snin, li bħalissa huwa ta’ EUR 177/kW, u l-limitu massimu tal-prezz intermedju, li bħalissa huwa antiċipat li huwa bejn EUR 21-31 kW, li jwassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-kapaċitajiet eżistenti li jeħtieġu investimenti li jista’ jkollhom ukoll “flus mitlufa” sinifikanti.

    3.5.1.6.   Kapaċità transfruntiera diretta

    (254)

    Żewġ partijiet interessati ddikjaraw li l-provvediment għall-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni transfruntiera diretta jista’ jkollu effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (255)

    Skont dawn il-partijiet interessati, il-parteċipazzjoni transfruntiera diretta tista’ tnaqqas l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità ta’ interkonnessjoni. Barra minn hekk, il-miżura tista’ ddgħajjef l-akkoppjament tas-suq, billi s-CRM jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn il-fornituri tal-kapaċità jfittxu aċċess għall-aktar suq attraenti b’konnessjoni diretta u esklussiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-miżura tqis sa liema punt l-interkonnessjoni tista’ tirrimedja kwalunkwe problema possibbli ta’ adegwatezza tal-ġenerazzjoni.

    3.6.   Konformità mar-Regolament dwar l-Elettriku

    3.6.1.   Interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1)

    (256)

    Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri jistgħu jinkludu sensittivitajiet fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tagħhom, li huma marbuta ma’ “partikolaritajiet tad-domanda u l-provvista nazzjonali tal-elettriku”. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk is-CRM huwiex konformi mal-Artikolu 24(1), billi l-istudju Belġjan dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 uża x-xenarju EU-HiLo, abbażi ta’ suppożizzjonijiet dwar il-provvista tal-elettriku Franċiża. Ħames partijiet interessati kkritikaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, billi ddikjaraw li hija restrittiva wisq.

    (257)

    Dawn il-partijiet interessati sostnew li l-metodoloġija għall-ERAA tikkonferma li l-NRAAs irid ikollhom kamp ta’ applikazzjoni reġjonali u jistgħu jinkludu sensittivitajiet addizzjonali. Ma tispeċifikax jew ma tillimitax in-natura ta’ dawn is-sensittivitajiet addizzjonali. Kif imsemmi fl-Artikolu 3(6) tal-metodoloġija msemmija, dawn is-sensittivitajiet jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ bidliet fis-suppożizzjonijiet fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku kollu kkunsidrat, inklużi suppożizzjonijiet differenti relatati mad-data tal-input bħall-kapaċitajiet installati.

    (258)

    Parti interessata waħda osservat li anki l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020 (85) (“EEAG”) jikkonfermaw speċifikament li jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi tqis “valutazzjoni tal-impatt tal-ġenerazzjoni varjabbli, inkluż dik li toriġina minn sistemi fil-viċinat”.

    3.6.2.   Eliminazzjoni gradwali amministrattiva

    (259)

    Żewġ partijiet interessati rrimarkaw li ma hemm l-ebda dispożizzjoni għall-eliminazzjoni gradwali tas-CRM fl-atti leġiżlattivi/regolatorji.

    3.7.   Kummenti oħrajn

    3.7.1.   Sostenibbiltà

    (260)

    Żewġ partijiet interessati affermaw li s-sehem kbir tal-kapaċità riżervata għall-gass fis-CRM ma huwiex kompatibbli mal-objettivi għad-dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-EEAG u l-appoġġ tal-gvern federali Belġjan għan-newtralità klimatika sal-2050.

    3.7.2.   Eliminazzjoni gradwali nukleari

    (261)

    Parti interessata waħda rrimarkat li l-Belġju qed jikkunsidra li jżomm 2 GW ta’ enerġija nukleari jekk ir-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-ewwel irkantijiet tal-kapaċità jiżvela problema mhux mistennija ta’ sigurtà tal-provvista. Skont din il-parti, dan iqajjem diversi kwistjonijiet dwar il-ħtieġa għas-CRM u t-tfassil tiegħu.

    3.7.3.   Durata

    (262)

    Parti interessata waħda rrimarkat li l-mod li bih jingħataw kuntratti fit-tul jenħtieġ li jqis it-tħassib dwar l-adegwatezza li qed tonqos matul is-sena u jevita kwalunkwe effett ta’ “intrappolament”.

    (263)

    Parti interessata waħda rreferiet għat-tul tal-kuntratti (15-il sena) li potenzjalment qabeż id-durata tal-miżura (10 snin), li fil-fehma tagħha jmur kontra l-karattru temporanju tal-miżura.

    4.   KUMMENTI MILL-BELĠJU

    (264)

    Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-kummenti li waslu mill-Belġju fit-22 ta’ Ottubru 2020 dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dawk li waslu fl-24 ta’ Diċembru 2020 dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi. Hija tinkludi wkoll l-informazzjoni aġġornata sottomessa mill-Belġju fit-28 ta’ Jannar 2021, fl-1 ta’ Marzu 2021, fit-13 u fit-27 ta’ April 2021, fl-4, fil-5, fid-19 u fis-26 ta’ Mejju 2021 u fis-17 ta’ Awwissu 2021.

    4.1.   Neċessità tal-miżura

    (265)

    Skont il-Belġju, l-analiżi tiegħu, appoġġata mill-fehma tat-TSO, turi li, minħabba l-eliminazzjoni gradwali tal-kapaċitajiet nukleari bejn l-2022 u l-2025, li bħalissa jammontaw għal aktar minn nofs il-kapaċità tal-ġenerazzjoni termali fil-Belġju, in-nuqqas tas-CRM jaffettwa b’mod negattiv is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Belġju. Diversi studji oħrajn imwettqa mill-2017 sal-2020 minn akkademiċi, istituti tat-teknoloġija u mill-Uffiċċju Federali tal-Ippjanar jikkonfermaw ukoll din il-ħtieġa, indipendentement mill-analiżi tat-TSO.

    (266)

    Il-Belġju indika li mhux biss ix-xenarju HiLo, iżda wkoll il-każ bażi tal-UE wera kwistjoni sinifikanti bis-sigurtà tal-provvista, jiġifieri LOLE aktar minn tliet darbiet ogħla mill-kriterju legali tal-LOLE tiegħu, u jiġġustifika l-ħtieġa għal intervent permezz ta’ CRM.

    (267)

    Il-Belġju rrimarka li l-metodoloġija li fuqha jenħtieġ li tkun ibbażata l-ERAA/NRAA ġiet approvata biss mill-ACER fit-2 ta’ Ottubru 2020. Il-metodoloġija tal-ACER tinkludi bidliet sinifikanti u, għalhekk, tipprevedi implimentazzjoni gradwali, jiġifieri l-ewwel ERAA, li se tiġi ppubblikata fi tmiem l-2021, se tinkludi biss ċerti aspetti tal-metodoloġija tal-ACER. L-ENTSO-E jipprevedi li l-implimentazzjoni sħiħa tal-metodoloġija tal-ERAA se sseħħ sal-2023.

    (268)

    Il-Belġju sostna li ma setax ikun mistenni li japplika bis-sħiħ il-metodoloġija tal-ACER għall-ERAA u għall-NRAA fi studji preċedenti, minħabba li l-metodoloġija kienet għadha ma hijiex magħrufa f’dak iż-żmien. Madankollu, il-Belġju rrimarka li ħafna elementi importanti li joħorġu mill-metodoloġija kienu diġà implimentati qabel l-approvazzjoni tagħha, eż. il-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika, l-immudellar ibbażat fuq il-fluss, l-immudellar probabilistiku u l-evoluzzjonijiet f’pajjiżi oħrajn.

    (269)

    Il-Belġju kkontesta l-affermazzjoni li jenħtieġ li s-CRM ma jiġix implimentat sakemm tinħareġ l-ERAA. Skont il-Belġju, l-Istati Membri jistgħu jwettqu wkoll valutazzjonijiet nazzjonali komplementari u jivvalutaw il-ħtieġa għal CRM abbażi ta’ tali NRAA, u ma jistgħux jistennew l-implimentazzjoni sħiħa ta’ ERAA (prevista fl-2023).

    (270)

    Fir-rigward tal-istandard ta’ affidabbiltà, il-Belġju rrimarka li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-VOLL u tal-CONE u l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-istandard ta’ affidabbiltà, ġew ippubblikati biss mill-ACER fit-2 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk, f’termini ta’ żmien, ma huwiex possibbli li s-CRM jitwaqqaf waqt li jkun qed jiġi definit standard ta’ affidabbiltà ġdid. Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru li għandu r-responsabbiltà finali li jistabbilixxi l-livell mixtieq ta’ sigurtà tal-provvista.

    (271)

    Fir-rigward tas-snin klimatiċi użati fl-istudji nazzjonali dwar l-adegwatezza, il-Belġju spjega li dawn l-istudji, fin-nuqqas ta’ metodoloġija ppubblikata, jużaw l-istess bażi tad-data dwar il-klima kif użata fil-MAF bħala kwistjoni ta’ koerenza.

    (272)

    Fir-rigward tad-dħul tas-suq, il-Belġju sostna li, fl-istudji nazzjonali dwar l-adegwatezza eżistenti sal-2019, id-dħul mistenni huwa mmudellat bl-użu tal-medjan tad-dħul tas-snin simulati kollha. Dan l-approċċ, għalkemm simplifikat, jista’ jitqies bħala riflessjoni tad-dħul mistenni, li jirrappreżenta r-riskji tal-prezzijiet, li huwa rikonoxxut fil-metodoloġija tal-ACER bħala element rilevanti.

    (273)

    Fir-rigward tal-limiti massimi tal-prezzijiet u l-immudellar kollu tas-suq b’mod ġenerali, il-Belġju spjega li l-istruttura użata fl-istudji nazzjonali dwar l-adegwatezza hija identika għal dik użata fil-livell Ewropew (ENTSO-E, PLEF). Dan huwa meqjus bħala l-aħjar approċċ disponibbli possibbli, li jirrifletti d-disinn tas-suq Ewropew, inklużi l-limiti massimi prevalenti fuq l-offerti tekniċi previsti min-NEMOs.

    (274)

    Fir-rigward tal-funzjoni tal-ipprezzar tal-iskarsezza, kif irrimarkat fil-pjan ta’ implimentazzjoni Belġjan aġġornat, il-Belġju qed jikkunsidra sa liema punt tista’ tiġi prevista tali inizjattiva. Il-Belġju spjega li l-NRA u t-TSO qed jagħmlu studju f’dan ir-rigward.

    (275)

    Il-Belġju nnota li l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 diġà uża l-aħjar projezzjonijiet disponibbli tal-introduzzjoni tal-flessibbiltà u tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, f’konformità mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, u applika r-regola minRAM ta’ 70 %. Fix-xenarju ta’ każ bażi, din ir-regola titqies li ġiet issodisfata mill-pajjiżi Ewropej kollha fil-ħin.

    (276)

    Fir-rigward tat-tħassib dwar l-adegwatezza, il-Belġju sostna li, filwaqt li huwa korrett li l-istudji jindikaw varjazzjoni fil-ħtieġa għall-kapaċità kkalkolata speċifikament, dan ma jnaqqasx il-fatt li l-ħtieġa għall-kapaċità fl-2025 teħtieġ intervent li huwa mmirat lejn kapaċità ġdida wkoll.

    (277)

    L-aktar studju reċenti dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà juri ħtieġa dejjem akbar ta’ kapaċità bejn l-2025 u l-2032.

    4.2.   Adegwatezza tal-miżura

    4.2.1.   Għażla tal-istrument

    (278)

    Il-Belġju ma jaħsibhiex bħal xi partijiet interessati li riżerva strateġika tkun ippreferuta fuq CRM għas-suq kollu.

    (279)

    Il-Belġju rrefera għall-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019, li jinvestiga xenarju EOM + riżerva strateġika u xenarju EOM + CRM. Dan l-istudju kkonkluda li fix-xenarju EOM + riżerva strateġika, il-kriterju tas-sigurtà tal-provvista ma jiġix issodisfat.

    4.2.2.   Ftuħ tal-miżura għall-fornituri tal-kapaċità rilevanti kollha

    (280)

    Fir-rigward tal-irkant T-2, il-Belġju spjega li, kif inhu l-każ fi Stati Membri oħrajn b’CRM, irkant T-4 u rkant T-1 jippermettu li t-teknoloġiji kollha, bi żmien ta’ tħejjija itwal jew iqsar, jipparteċipaw fil-mekkaniżmu, u jippermettu lill-Istat Membru jkollu assigurazzjoni relattiva li jista’ jiġi akkwistat biżżejjed volum sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fis-sena tal-kunsinna. Il-qsim tal-volumi bejn irkant T-1 u rkant T-2 jirriskja li jnaqqas iżżejjed il-kompetizzjoni f’dawn l-irkantijiet.

    (281)

    Fir-rigward tal-użu tal-kapaċità installata biex jiġi kkalkolat il-limitu ta’ investiment, il-Belġju sostna li l-għoti ta’ kuntratti ta’ diversi snin lis-CMUs li jikkontribwixxu aktar għas-sigurtà tal-provvista huwa konformi mal-objettiv komuni tas-CRM.

    (282)

    Skont il-Belġju, kieku minflok il-kapaċità installata kellha titqies il-kapaċità deklassifikata offruta mis-CMU biex jiġi kkalkolat il-limitu ta’ investiment, il-kapaċitajiet b’fattur għoli ta’ deklassifikazzjoni jilħqu l-limitu ta’ investiment għal kuntratti ta’ diversi snin b’mod aktar faċli. Dan iwassal sabiex huma jingħataw vantaġġ, meta mqabbla ma’ oħrajn, waqt li jagħtu l-istess servizz.

    (283)

    Fir-rigward tal-ineliġibbiltà tal-fornituri ta’ kapaċità li jibbenefikaw minn miżuri ta’ appoġġ oħrajn biex jipparteċipaw fis-CRM, il-Belġju rrimarka li l-possibbiltà li l-kapaċitajiet ta’ koġenerazzjoni jibbenefikaw miż-żewġ mekkaniżmi toħloq riskju ta’ kumpens żejjed ta’ dawn il-kapaċitajiet, li joħloq ukoll vantaġġ kompetittiv inġust fl-irkantijiet tas-CRM.

    4.3.   Effett ta’ inċentiv

    4.3.1.   Kostijiet eliġibbli tal-investiment

    (284)

    B’referenza għall-osservazzjoni li jenħtieġ li n-nefqa li tippermetti li l-kapaċità tikkonforma mal-istandards ambjentali ma tkunx eliġibbli għal kuntratti ta’ durata itwal, il-Belġju kkjarifika li din il-proposta hija mmirata biex tiżgura trattament ugwali bejn il-kapaċitajiet ġodda u eżistenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kapaċitajiet fil-kuntratti ta’ durata itwal.

    4.4.   Il-proporzjonalità tal-miżura

    4.4.1.   Volum li għandu jiġi akkwistat

    (285)

    Skont il-Belġju, l-għażla li tirrigwardja l-kalibrazzjoni tal-volum tas-CRM (xenarju ta’ referenza) għall-ewwel irkant saret abbażi tal-parir mill-Ekonomija tal-FPS. Dan il-parir jikkunsidra disponibbiltà nukleari Franċiża mnaqqsa li hija inqas severa minn dik irrakkomandata mit-TSO (u inqas severa mix-xenarju ta’ dimensjonar li ntuża fis-snin li għaddew biex jiġi ddeterminat id-daqs tar-riżerva strateġika Belġjana).

    (286)

    Il-Belġju sostna li r-rata għolja ta’ interkonnessjoni u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tiegħu jikkostitwixxu partikolarità tal-provvista nazzjonali tal-elettriku. Huwa sostna wkoll li l-inklużjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kapaċità nukleari Franċiża hija l-unika sensittività li titqies, minkejja li l-Belġju jara diversi riskji oħrajn fil-pajjiżi ġirien (eż. l-eliminazzjoni gradwali aċċellerata tal-faħam, id-dewmien fl-ikkummissjonar tal-infrastruttura tal-grilja jew kapaċità ġdida).

    (287)

    Il-Belġju indika li l-Artikolu 4 tal-abbozz tad-Digriet Amministrattiv dwar il-metodoloġija biex jiġi definit ix-xenarju ta’ referenza għal kull irkant jirregola l-għażla tax-xenarju ta’ referenza. Għal kull irkant, ix-xenarju ta’ referenza huwa mibni abbażi tat-tliet passi deskritti hawn taħt u sottomessi għal konsultazzjoni pubblika:

    (a)

    L-għażla ta’ xenarji/sensittivitajiet mill-aħħar ERAA u/jew NRAA.

    Għall-ewwel irkant (2021), intgħażel ix-xenarju mill-MAF 2019 (l-aħħar studju Ewropew disponibbli li kien soġġett għal konsultazzjoni fil-livell Ewropew).

    (b)

    L-aġġornament tad-data u tas-suppożizzjonijiet mill-aktar sorsi disponibbli rilevanti.

    Għall-ewwel irkant (2021), ġew inklużi l-aġġornamenti mill-PLEF 2020 GAA (86).

    (c)

    L-għażla ta’ sensittivitajiet addizzjonali li jistgħu jħallu impatt fuq is-sigurtà tal-provvista Belġjana

    Għall-ewwel irkant (2021), tneħħew l-ekwivalenti ta’ żewġ unitajiet nukleari fi Franza, abbażi ta’ dak li sar fl-istudju tal-PLEF, sabiex jiġu allinjati mal-osservazzjonijiet storiċi/mistennija tal-flotta nukleari fi Franza, li ma humiex inklużi fil-punti (a) u (b) hawn fuq, iżda li jintużaw mit-TSO Franċiż fl-NRAA Franċiża (“Bilan Prévisionnel 2019”  (87)).

    (288)

    Il-Belġju indika li fil-PLEF 2020 GAA, hija ppreżentata “sensittività nukleari baxxa” biex timita x-xenarju bażi meħud mit-TSO Franċiż għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tiegħu. Din is-sensittività tqis 1 700 MW ta’ kapaċitajiet nukleari bħala nuqqas ta’ disponibbiltà addizzjonali.

    (289)

    Il-Belġju sostna li s-sensittività magħżula għas-CRM tikkorrespondi għad-data u s-suppożizzjonijiet mill-każ bażi tal-NRAA Franċiża. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi preżunt bl-istess mod bħala l-aktar każ bażi xieraq għall-Belġju, minħabba li dan l-aġġornament huwa konformi mad-data u s-suppożizzjonijiet mill-aktar sorsi disponibbli rilevanti. Għalhekk, dan ma għandux jiġi kkwalifikat bħala “każ ta’ HiLo”, iżda bħala xenarju bażi plawżibbli.

    (290)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta’ kapaċità akkwistata fl-irkant jenħtieġ li jiġu approvati abbażi ta’ proposta mir-regolatur, il-Belġju sostna li tħejjiet modifika tal-Liġi dwar is-CRM li tafferma dan. Sakemm tiġi approvata formalment din il-modifika, ir-Regolament dwar l-Elettriku diġà qed jiġi rrispettat, jiġifieri r-regolatur ippubblika l-proposta tiegħu għall-metodoloġija biex jiddetermina l-parametri tal-volum f’Marzu 2020 u r-regolatur se jabbozza proposta sa Frar 2021 għall-kurva tad-domanda tal-ewwel irkant.

    (291)

    Il-Liġi dwar is-CRM emendata ġiet ippubblikata fid-19 ta’ Marzu 2021. Id-Digriet Amministrattiv bil-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-parametri tal-volum ġie ppubblikat fit-30 ta’ April 2021. Il-CREG għamel proposta ta’ parametri tal-volum fit-30 ta’ April 2021. Fit-30 ta’ April 2021 inħareġ Digriet Ministerjali bl-istruzzjonijiet għall-irkant T-4 għas-sena tal-kunsinna 2025.

    (292)

    Il-Belġju sostna li r-raġunament li Stat Membru ma jkunx jista’ jiddevja minn proposta mir-regolatur huwa dikjarazzjoni li għaliha ma tista’ tinstab l-ebda bażi ġuridika fir-Regolament dwar l-Elettriku u li tkun kontradizzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru għas-sigurtà tal-provvista.

    4.4.2.   Mekkaniżmu ta’ finanzjament

    (293)

    Il-Belġju spjega li għalissa ma hemmx biżżejjed arloġġi intelliġenti installati fil-Belġju biex jippermettu mekkaniżmu ta’ finanzjament ibbażat fuq il-konsum tal-karga massima. Il-liġi dwar is-CRM ġiet immodifikata sabiex ikun jista’ jiġi introdott mudell bħal dan fl-2025. Il-Belġju spjega wkoll li huwa se jerġa’ jikkunsidra dan fl-2023 meta se jinħareġ rapport dwar l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti.

    (294)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-assi tal-ħżin jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu tas-servizz pubbliku li jiffinanzja s-CRM, il-Belġju spjega li din tikkonċerna kwistjoni usa’ ta’ tariffi u imposti applikati għall-ħżin tal-elettriku. F’dak ir-rigward, il-Belġju kkonferma li se japplika l-linji gwida u r-regolamenti kif previsti fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa (eż. id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew) u l-eżenzjonijiet kif previsti fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003).

    4.5.   L-evitar ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

    4.5.1.   Il-ftuħ tal-miżura għall-fornituri tal-kapaċità rilevanti kollha

    4.5.1.1.   Aggregazzjoni

    (295)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li r-regoli attwali tal-eliġibbiltà għal kuntratti ta’ diversi snin ifixklu l-aggregazzjoni u, b’mod aktar speċifiku, ir-regola li l-assi bl-inqas durata tal-kuntratt f’portafoll aggregat jiddetermina d-durata tal-kuntratt għall-portafoll kollu, il-Belġju sostna li l-abbozz tad-Digriet Amministrattiv u r-regoli ta’ funzjonament se jiġu mmodifikati biex jippermettu kapaċitajiet b’durata ta’ kuntratt itwal li jixtiequ jaggregaw biex jagħżlu kuntratt ta’ durata itwal.

    (296)

    Dan ġie adattat fid-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-limiti ta’ investiment, il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kostijiet tal-investiment u l-proċedura ta’ klassifikazzjoni, u fir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM.

    (297)

    Fir-rigward tal-projbizzjoni għal kapaċitajiet li huma soġġetti għal obbligu ta’ skeda ta’ kuljum li jiġu aggregati, il-Belġju ddikjara li f’dan il-punt ma jidhirx li huwa xieraq li jinbidel dan l-element tad-disinn, madankollu, huwa se jitlob aġġornament regolari dwar din il-projbizzjoni fil-valutazzjonijiet tas-CRM, sabiex ikunu jistgħu jsiru bidliet, jekk u fejn xieraq. Skont il-Belġju, l-unitajiet li jaqgħu f’din il-kategorija dejjem kienu u huma mistennija li jkomplu jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ koordinazzjoni speċjali. Dawn il-proċeduri jinkludu obbligu ta’ skedar ta’ kuljum preċiż għall-MW, koordinazzjoni stretta fl-ippjanar tal-indisponibilità u obbligi sabiex il-kapaċità titqiegħed għad-dispożizzjoni, pereżempju, għall-ibbilanċjar. Dan il-metodu jiżgura tħaddim f’ħin reali u kkoordinat sewwa tal-grilja. Fehma individwali dwar tali unitajiet tippermetti tbassir xieraq tal-flussi u tagħmilha possibbli li r-restrizzjonijiet speċifiċi jiġu ttrattati bl-aktar mod effiċjenti possibbli, filwaqt li f’ġabra aggregata din il-fehma tkun ‘imċajpra’, u tagħmel l-operat tal-grilja inqas sempliċi u inqas effiċjenti.

    (298)

    Barra minn hekk, id-disinn tas-CRM ġie kkalibrat għal kapaċitajiet li jaqgħu f’kategorija waħda jew f’oħra, u l-monitoraġġ tad-disponibbiltà huwa allinjat mal-kuntest tagħhom fis-suq tal-enerġija. Id-devjazzjoni minn din id-distinzjoni eżistenti tista’ twassal għal disinn aktar kumpless u potenzjalment inqas robust fuq bosta aspetti. Pereżempju, huwa diffiċli li jiġi previst kif japplika l-obbligu ta’ ħlas lura għal tali CMU, billi ż-żewġ partijiet tas-CMU aggregata jistgħu jaqgħu taħt reġimi differenti.

    4.5.1.2.   Limiti ta’ investiment

    (299)

    Fir-rigward tal-limiti ta’ investiment li jiddeterminaw l-aċċess għal kuntratti aktar fit-tul, il-Belġju ddikjara li se janalizza d-diversi elementi b’aktar reqqa u se jikkomunika t-triq ippreferuta tiegħu ’l quddiem lill-Kummissjoni Ewropea.

    (300)

    Fil-11 ta’ Ġunju 2021, il-Belġju ppubblika Digriet Amministrattiv li jqis ir-rimarki magħmula mill-partijiet interessati rigward il-limiti ta’ investiment.

    (301)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-investimenti li joħolqu flessibbiltà jew iżidu l-kapaċità deklassifikata mingħajr ma jżidu l-kapaċità installata jenħtieġ li jikkwalifikaw ukoll bħala kostijiet eliġibbli, il-Belġju ddikjara li, billi s-CRM huwa suq tal-kapaċità u mhux suq tal-enerġija, il-Belġju jitbiegħed mis-suppożizzjoni li huma eliġibbli biss l-investimenti li jżommu jew jespandu l-kapaċità. Pereżempju: (i) għar-rispons għad-domanda, l-investimenti li jippermettu żieda fil-kapaċità installata (li hija d-differenza bejn il-konsum massimu (offtake massimu) u l-offtake minimu (marġini li ma jistax jiġi evitat) huma eliġibbli biex jiksbu kuntratt ta’ durata itwal, u (ii) għall-unitajiet termali, l-investimenti maħsuba biex iżidu l-affidabbiltà u, b’hekk, id-deklassifikazzjoni, ma humiex eliġibbli, bl-istess mod kif ma humiex fil-każ tar-rispons għad-domanda.

    (302)

    Il-Belġju rrimarka li, għalkemm dawn il-kostijiet ma humiex eliġibbli biex jiksbu kuntratt ta’ durata itwal, huma jistgħu jiġu integrati fil-prezz tal-offerta tal-kapaċità.

    4.5.1.3.   Fatturi ta’ deklassifikazzjoni

    (303)

    Fir-rigward tal-fatturi ta’ deklassifikazzjoni, il-Belġju ddikjara li l-ispjegazzjoni għall-fatturi ta’ deklassifikazzjoni “aktar baxxi” mal-ewwel daqqa ta’ għajn għandha tinstab fil-fatt li d-deklassifikazzjonijiet tat-teknoloġiji limitati fl-użu tal-enerġija jkunu aktar baxxi meta jiżdied il-proporzjon tagħhom fis-sistema jew fil-pajjiż. Tabilħaqq, bi proporzjonijiet kbar ta’ teknoloġiji bħal dawn, il-kontribut tagħhom ma huwiex limitat għal mumenti ta’ skarsezza. Il-Belġju għandu l-ogħla proporzjon ta’ riżorsi b’użu limitat tal-enerġija meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn b’CRM, u dan se jkompli jiżdied skont ix-xenarju ta’ referenza tas-CRM (30 % fl-2025, meta mqabbel ma’ inqas minn 10 % fi Franza, fir-Renju Unit jew fl-Irlanda). Din ix-xejra, jiġifieri aktar ma jkun għoli l-proporzjon tar-riżorsi b’użu limitat tal-enerġija, aktar ikun baxx il-fattur ta’ deklassifikazzjoni, hija kkonfermata wkoll f’pajjiżi/żoni oħrajn, bħall-Irlanda jew ir-Renju Unit.

    (304)

    Il-Belġju spjega wkoll li hija mistennija opinjoni mir-regolatur dwar il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni proposti u li t-TSO organizza laqgħa speċifika tat-Task Force dwar dan is-suġġett għall-partijiet interessati kollha fil-bidu ta’ Jannar 2021.

    (305)

    Fid-deċiżjoni Ministerjali li tagħti l-istruzzjonijiet għall-irkant Y-4 għas-sena ta’ kunsinna 2025, li ġiet ippubblikata fit-30 ta’ April 2021, ġie inkluż sett aġġornat ta’ fatturi ta’ deklassifikazzjoni, li pprovda fatturi ta’ deklassifikazzjoni ogħla għall-kapaċitajiet limitati fl-użu tal-enerġija, filwaqt li qies id-durata massima tal-kunsinna tagħhom.

    4.5.1.4.   Obbligu ta’ ħlas lura

    (306)

    Fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas lura, il-Belġju spjega li t-tfassil tal-prezz tal-eżerċitar kien is-suġġett ta’ ħafna diskussjonijiet fit-Task Force dwar is-CRM. Is-soluzzjoni li tirriżulta għandha l-għan li tilħaq bilanċ bejn żewġ kunsiderazzjonijiet:

    (a)

    minn naħa, l-obbligu ta’ ħlas lura huwa karatteristika fundamentali tas-CRM Belġjan, abbażi ta’ għażliet ta’ affidabbiltà, u jenħtieġ li jkun hemm ċans realistiku li jiġi espost għall-prezz tal-eżerċitar fil-każ tal-prezzijiet massimi, sabiex jiġi evitat qligħ mhux mistenni;

    (b)

    min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-kapaċitajiet ma jiġux esklużi mis-CRM f’każ li jiġu attivati biss bi prezz tas-suq ogħla mil-livell tal-prezz tal-eżerċitar.

    4.5.1.5.   Limitu massimu tal-prezz intermedju għall-kapaċità nazzjonali

    (307)

    Fir-rigward tal-limitu massimu tal-prezz intermedju, il-Belġju sostna li qed jinvestiga l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ deroga.

    (308)

    Id-Digriet Amministrattiv ippubblikat fit-30 ta’ April 2021 jipprevedi proċedura u mekkaniżmu ta’ deroga għall-partijiet li jistgħu juru li għandhom “flus mitlufa” ogħla minn dawk li jistgħu jiġu rkuprati bis-saħħa tal-limitu massimu tal-prezz intermedju.

    4.5.2.   Dħul mill-konġestjoni

    (309)

    Skont il-Belġju, id-distribuzzjoni u l-użu tal-kirjiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta’ biljetti transfruntiera lis-CRM isegwu kompletament ir-regoli stabbiliti mir-Regolament dwar l-Elettriku, b’mod partikolari l-Artikolu 26(9).

    (310)

    Il-Belġju ddikjara li l-NRA(s) tieħu/jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-dħul bejn it-TSOs. L-użu tad-dħul mill-konġestjoni mit-TSO Belġjan huwa rregolat mill-metodoloġija tat-tariffi li tipprevedi li l-introjtu totali jkopri l-kostijiet meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet regolati.

    (311)

    Il-Belġju indika li, meta d-dħul jiġi kondiviż ma’ TSOs ġirien, ir-Regolament dwar l-Elettriku jirregola l-użu ta’ dan id-dħul.

    (312)

    Il-Belġju kkonferma wkoll li huwa se jikkonforma mad-deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020 li, fost l-oħrajn, tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tad-dħul li jinħoloq permezz tal-allokazzjoni tal-kapaċità tad-dħul.

    4.5.3.   Limitu massimu tal-prezz intermedju għal kapaċità barranija

    (313)

    Il-Belġju indika li l-limitazzjoni lejn kuntratti ta’ sena għal kapaċità indiretta barranija tidher ġustifikata, minħabba li ma jistax jiġi garantit li se jibqa’ jkun hemm biżżejjed biljetti transfruntiera għal fruntiera speċifika fuq il-medda ta’ kuntratt ta’ diversi snin.

    (314)

    Il-Belġju jindika li jekk l-applikazzjoni ġenerali tal-limitu massimu tal-prezz intermedju għal kapaċitajiet indiretti barranin twassal biex il-parteċipanti jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw, jistgħu jiġu kkunsidrati bidliet fid-disinn innotifikat (bħal li jiġi previst mekkaniżmu tal-għoti ta’ derogi).

    (315)

    Il-mekkaniżmu ta’ deroga msemmi fil-premessa (308) japplika wkoll għall-kapaċitajiet indiretti barranin.

    4.5.4.   Kapaċità transfruntiera diretta

    (316)

    Il-Belġju sostna li ġiet abbozzata modifika għal-Liġi dwar is-CRM li tipprevedi li prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ kapaċità barranija diretta hija l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Belġju u l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-kapaċità. Jenħtieġ li dan il-ftehim, minn naħa waħda, jaċċerta lill-Belġju li l-kundizzjonijiet tekniċi, organizzattivi u finanzjarji se jiġu rrispettati mid-detentur tal-kapaċità u, min-naħa l-oħra, jaċċerta lill-Istat Membru ospitanti li din il-parteċipazzjoni ma tikkawżax problemi għas-sigurtà tal-provvista jew għall-ġestjoni tal-konġestjoni tiegħu.

    (317)

    Il-Liġi dwar is-CRM, li tinkorpora din il-modifika, ġiet ippubblikata fid-19 ta’ Marzu 2021.

    4.6.   Konformità mar-Regolament dwar l-Elettriku

    4.6.1.   Interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1)

    (318)

    Il-Belġju ddikjara li l-istudji disponibbli dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jinkludu sensittivitajiet dwar il-kapaċitajiet barranin. Il-Belġju jemmen li tali inklużjoni hija kompletament konformi mar-Regolament dwar l-Elettriku, billi dipendenza għolja fuq l-importazzjoni jenħtieġ li titqies b’mod preċiż bħala “partikolarità tad-domanda u l-provvista nazzjonali tal-elettriku”, kif imsemmi fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku. Dan huwa appoġġat mill-kamp ta’ applikazzjoni reġjonali meħtieġ tal-NRAA.

    4.6.2.   Eliminazzjoni gradwali amministrattiva

    (319)

    Fir-rigward tal-klawżola ta’ eliminazzjoni gradwali amministrattiva, il-Belġju sostna li, b’kunsiderazzjoni tat-tfassil tas-CRM, il-kuntratti jistgħu u jenħtieġ li jxaqilbu lejn remunerazzjoni żero.

    (320)

    Kif iddikjarat fil-premessa (218), il-Belġju impenja ruħu li jintroduċi fl-Att dwar l-Elettriku dispożizzjoni li tiddikjara li, jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ġdid dwar il-kapaċità għal tliet snin konsekuttivi f’konformità mal-paragrafu 11 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku, ma jiġi organizzat l-ebda rkant ġdid mis-sena ta’ wara ’l quddiem taħt is-CRM.

    4.7.   Kummenti oħrajn

    4.7.1.   Is-sostenibbiltà

    (321)

    Il-Belġju spjega li s-CRM huwa mfassal biex ikun teknoloġikament newtrali u ma jirriżerva l-ebda kapaċità għal unitajiet li jaħdmu bil-gass. Barra minn hekk, saru ħafna għażliet ta’ disinn biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u biex tiġi promossa b’mod attiv il-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi, bħall-ġestjoni min-naħa tad-domanda u forom oħrajn ta’ flessibbiltà. Pereżempju, id-disinn jipprevedi r-riżerva ta’ ammont sostanzjali ta’ kapaċità għall-irkant T-1, sabiex it-teknoloġiji b’ħinijiet ta’ tħejjija iqsar, bħall-ġestjoni min-naħa tad-domanda jew il-batteriji, ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar fl-irkant. Il-volum huwa stmat għal aktar minn 1.5 GW disponibbli 100 %, li huwa aktar minn 3 jew 4 GW wara li jiġu applikati l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni. Meta mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn, dan is-sehem riżervat għall-irkant T-1 huwa ogħla b’mod sinifikanti, jiġifieri għas-sena tal-kunsinna 2018/19, ir-Renju Unit warrab 2,5 GW għall-irkant T-1, meta mqabbel ma’ 48,6 GW fl-irkant T-4. Fil-mekkaniżmu ta’ kapaċità Irlandiż, huwa previst li bejn 2 % u 5 % tar-rekwiżit tal-kapaċità huwa riżervat għall-irkant Y-1.

    (322)

    Kif ġie ddikjarat fil-premessa (109), l-installazzjonijiet il-ġodda li jaħdmu bil-fjuwils fossili, li se jkunu kuntratti eliġibbli ta’ 15-il sena, se jkunu marbuta bl-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u/jew mill-Belġju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bl-għan li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050.

    (323)

    Barra minn hekk, il-Belġju sostna li huwa żviluppa klima attraenti għall-iżvilupp tal-hekk imsejħa teknoloġiji b’użu limitat tal-enerġija (eż. permezz tal-possibbiltà li jipparteċipa fis-swieq tas-servizzi anċillari jew iffaċilitat permezz ta’ trasferiment ta’ mekkaniżmu tal-enerġija). Dan wassal għal proporzjonijiet għoljin ta’ ġestjoni min-naħa tad-domanda, xejra li se tiżdied saħansitra aktar hekk kif huwa previst li l-ħżin addizzjonali u r-rispons għad-domanda jiżdiedu fis-sistema lejn l-2025.

    (324)

    Fl-aħħar nett, il-Belġju bħalissa għandu livell ta’ interkonnettività tal-elettriku ta’ madwar 24 %, b’aspettattiva li jiżdied għal 33 % sal-2030.

    4.7.2.   Eliminazzjoni gradwali nukleari

    (325)

    Il-Belġju sostna li n-notifika tibqa’ bbażata fuq l-eliminazzjoni gradwali nukleari sħiħa. Huwa spjega wkoll li kwalunkwe proposta għal aġġustamenti, wara evalwazzjoni sal-aħħar ta’ Novembru 2021, se tiġi nnotifikata.

    4.7.3.   Durata

    (326)

    Il-Belġju sostna li r-raġuni primarja għaliex ġew introdotti kuntratti fit-tul hija b’hekk li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-kapaċitajiet eżistenti, rinnovati u ġodda. It-tħassib li jiġu żgurati tali kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni huwa validu fl-ewwel irkant daqs kemm f’dawk sussegwenti.

    (327)

    Fir-rigward tat-tul tal-kuntratti (15-il sena) u l-karattru temporanju tal-miżura (10 snin), il-Belġju nnota li trid issir distinzjoni bejn it-tul tal-kuntratt minn naħa u l-organizzazzjoni approvata tal-irkantijiet min-naħa l-oħra.

    5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    5.1.   Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

    (328)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. La l-Belġju u l-ebda parti interessata ma kkontestaw dik il-fehma.

    (329)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jiddefinixxi l-għajnuna mill-Istat bħala “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat”.

    (330)

    L-għajnuna mill-Istat li taqa’ fi ħdan l-Artikolu 107(1) tat-TFUE tkun inkompatibbli mas-suq intern jekk “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi […] safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

    (331)

    L-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE jelenka ċirkostanzi speċifiċi li fihom l-għajnuna hija jew tista’ madankollu titqies kompatibbli mas-suq intern. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk f’dan il-każ tapplikax xi waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi hija stabbilita fit-Taqsima 5.3.

    5.1.1.   Imputabbiltà lill-Istat u finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-Istat

    (332)

    Sabiex il-miżuri jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, (a) għandhom ikunu imputabbli lill-Istat u (b) għandhom jinvolvu riżorsi tal-Istat. Il-kundizzjoni msemmija l-aħħar tfisser li l-għajnuna trid tingħata direttament mill-Istat jew minn korp pubbliku jew privat maħtur jew stabbilit mill-Istat (88). Kif ġie spjegat fit-Taqsima 2.2, is-CRM ġie stabbilit mil-liġi federali, adottata fit-22 ta’ April 2019 li timmodifika l-Att Federali dwar l-Elettriku tad-29 ta’ April 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku Belġjan (leġiżlazzjoni primarja). Huma previsti diversi dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-mekkaniżmu ta’ kapaċità permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja bħal Digrieti Amministrattivi, Digrieti Ministerjali u kuntratti u Regoli tas-Suq regolatorji approvati. Din il-leġiżlazzjoni sekondarja kollha għandha l-bażi ġuridika tagħha fl-Att Federali dwar l-Elettriku msemmi hawn fuq. Konsegwentement, il-miżura hija imputabbli lill-Istat Belġjan.

    (333)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari tagħha li s-CRM huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat. Il-Belġju ma kkontestax din il-fehma.

    (334)

    Bil-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fit-Taqsima 2.12.2, l-Istat Belġjan joħloq sistema fejn il-kostijiet imġarrba mit-TSO minħabba s-CRM jiġu kkumpensati bis-sħiħ permezz tat-tariffi tan-network, li jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ imposta parafiskali. Tabilħaqq, l-Istat jistabbilixxi bil-liġi ħlas addizzjonali fuq il-konsum tal-elettriku permezz tat-tariffi tan-network (ara l-premessi (208) u (209)). Minn naħa, l-Att dwar l-Elettriku jistabbilixxi li t-TSO huwa obbligat li jiġbor dawn it-tariffi direttament mingħand l-utenti tan-network (ara l-premessa (208)). Min-naħa l-oħra, l-utenti tan-network li fuqhom jiġu imposti t-tariffi għandhom iħallsuh (ara l-premessa (210)). Barra minn hekk, kif enfasizzat fil-premessa (208), it-tariffi obbligatorji tan-network joriġinaw mill-Istat fis-sens li l-Istat ma llimitax ruħu li jagħmel obbligatorja għal grupp ta’ persuni privati kontribuzzjoni li ġiet introdotta u amministrata minn assoċjazzjoni ta’ tali persuna privata bħal fil-ġurisprudenza ta’ Pearle (89) u Doux Élevage (90) . Konsegwentement, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea, it-tariffi tan-network jikkwalifikaw bħala imposta li tiġi imposta mil-liġi (91).

    (335)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-CRM huwa ffinanzjat minn riżorsi tal-Istat, minħabba li huwa ffinanzjat mir-rikavat ta’ imposta parafiskali imposta mill-Istat u li huwa ġestit u mqassam f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni. Tabilħaqq, jekk il-liġi nazzjonali tirrikjedi li tiġi mgħoddija imposta fuq grupp partikolari ta’ persuni, l-imposta tkun obbligatorja u, b’hekk, il-fondi miġbura jkunu riżorsi tal-Istat (92).

    5.1.2.   Vantaġġ ekonomiku mogħti lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti (vantaġġ selettiv)

    (336)

    Vantaġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku, li impriża ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (93).

    (337)

    L-offerenti rebbieħa fl-irkantijiet tas-CRM jirċievu remunerazzjoni permezz tas-CRM, li huma ma jirċevux jekk ikomplu joperaw fis-suq tal-elettriku taħt kundizzjonijiet ekonomiċi normali li jbigħu l-elettriku u servizzi anċillari biss. Għalhekk, il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi, li kienu l-offerenti rebbieħa fl-irkantijiet tas-CRM. Dan il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li jiffavorixxi lil ċerti impriżi biss, jiġifieri l-offerenti rebbieħa fl-irkantijiet tas-CRM, li huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ma’ fornituri oħrajn ta’ kapaċità li jew ma setgħux jipparteċipaw, jew li ma pparteċipawx, fl-irkantijiet tas-CRM, jew inkella li pparteċipaw fihom iżda ma ntgħażlux.

    (338)

    Barra minn hekk, il-miżura tagħti vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi biss li jistgħu jgħinu sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-adegwatezza identifikata minħabba li kapaċitajiet iżgħar minn 1MW (ara l-premessa (69)) huma esklużi milli jipparteċipaw direttament fis-CRM (jiġifieri mingħajr aggregazzjoni, ara l-premessa (72)), minkejja li jistgħu jgħinu wkoll sabiex titnaqqas il-problema tal-adegwatezza identifikata. Għall-futur, l-eżistenza ta’ limitu minimu għall-parteċipazzjoni fis-CRM, anki jekk imnaqqsa (il-premessa (70)), se tkompli teskludi xi kapaċitajiet minn parteċipazzjoni diretta (jiġifieri mingħajr aggregazzjoni) fis-CRM. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet barranin li jinsabu fi Stati Membri mhux ġirien se jiġu esklużi mis-CRM (ara l-premessa (199)). Konsegwentement, anki minn din il-perspettiva, il-miżura tagħti vantaġġ selettiv.

    5.1.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fl-Unjoni

    (339)

    Il-miżura tirriskja li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fis-suq intern. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku kif ukoll is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa u bl-imnut huma attivitajiet miftuħa għall-kompetizzjoni fl-Unjoni kollha (94). Għalhekk, kwalunkwe vantaġġ mir-riżorsi tal-Istat lil kwalunkwe impriża f’dak is-settur għandu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ fl-Unjoni u li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    5.1.4.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

    (340)

    Għalhekk, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    5.2.   Il-legalità tal-għajnuna

    (341)

    Billi nnotifikaw il-miżura qabel l-implimentazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Belġjani ssodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    5.3.   Il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern

    (342)

    Il-Kummissjoni vvalutat il-miżura nnotifikata abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u l-EEAG. B’mod partikolari, hija vvalutat il-miżura skont it-Taqsima 3.9 tal-EEAG, (95) li stabbilixxiet kundizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna għall-adegwatezza tal-provvista ġenerata.

    (343)

    L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara bħala kompatibbli l-“għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Għalhekk, l-għajnuna kompatibbli skont dik id-dispożizzjoni tat-Trattat trid tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għajnuna ma tfixkilx il-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

    5.3.1.   Il-kontribut għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika

    (344)

    Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-miżura trid tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika (96).

    (345)

    Il-miżura nnotifikata tappoġġa l-iżvilupp ta’ attività ekonomika fis-settur tal-elettriku billi tistimula direttament investimenti suffiċjenti f’kapaċità ġdida u eżistenti ta’ ġenerazzjoni, ħżin u rispons għad-domanda biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Bħala effett sekondarju, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku appoġġata mill-miżura tista’ tkun mistennija li tistimula l-attività ekonomika b’mod aktar ġenerali, minħabba li provvista sigura tal-elettriku tipprovdi benefiċċji għal diversi attivitajiet ekonomiċi li jiddependu fuq l-elettriku bħala input.

    (346)

    L-iskema nnotifikata tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

    5.3.2.   Faċilitazzjoni ta’ attività ekonomika u effett ta’ inċentiv

    (347)

    Għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv jekk tinċentiva lill-benefiċjarju biex ibiddel l-imġiba tiegħu lejn l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika fil-mira tal-għajnuna u jekk il-bidla fl-imġiba ma sseħħx mingħajr l-għajnuna. (97) Gwida aktar speċifika dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju hija stabbilita fil-punt 227, moqrija flimkien mat-Taqsima 3.2.4 tal-EEAG.

    (348)

    Il-Belġju pprovda valutazzjoni tal-adegwatezza tal-provvista ġenerata li turi li, f’xenarju kontrofattwali mingħajr il-miżura, l-adegwatezza tal-provvista ġenerata kienet tilħaq livelli kritiċi fl-2025, kif muri fil-premessa (49). Fi kliem ieħor, mingħajr il-miżura, il-fornituri ta’ kapaċità ma kinux jagħmlu l-kapaċità meħtieġa disponibbli sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ affidabbiltà stabbilit mill-Belġju għat-twassil tal-enerġija fi żminijiet ta’ stress. Kif spjegat fil-premessa (227), xi partijiet interessati kkonfermaw il-ħtieġa għas-CRM u ssottolinjaw l-urġenza tiegħu.

    (349)

    Skont l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021, sehem żgħir ħafna biss tal-kapaċità addizzjonali se jkun vijabbli permezz tas-suq tal-enerġija biss sal-2025 (il-premessa (50)).

    (350)

    Għalhekk, il-miżura għandha effett ta’ inċentiv sabiex ikun hemm kapaċitajiet ġodda li jidħlu fis-suq. Il-miżura tinċentiva lill-atturi ġodda u eżistenti fis-suq sabiex jikkontribwixxu għall-objettiv tas-sigurtà tal-provvista.

    (351)

    Barra minn hekk, f’konformità mal-punt 52 tal-EEAG, l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti. Il-proċess tal-irkant deskritt fit-Taqsima 2.5 ma huwiex diskriminatorju u huwa miftuħ għat-tipi kollha ta’ kapaċità.

    (352)

    Barra minn hekk, l-obbligu ta’ ħlas lura deskritt fit-Taqsima 2.7.3 joħloq inċentiv finanzjarju li għandu jkun disponibbli fi żminijiet ta’ skarsezza. Barra minn hekk, il-Belġju introduċa proċeduri ta’ monitoraġġ għad-disponibbiltà qabel u matul il-perjodu ta’ kunsinna (ara t-Taqsimiet 2.8.1 u 2.8.2) u ttestjar u penali xierqa (deskritti fit-Taqsimiet 2.8.3 u 2.8.4) biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu tad-disponibbiltà.

    (353)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni taqbel mal-kummenti li waslu minn parti interessata li jindikaw li l-investimenti meħtieġa biex jippermettu li l-kapaċità tkun konformi mal-istandards ambjentali li diġà ġew adottati ma jenħtieġx li jkunu eliġibbli għal kuntratti ta’ durata itwal f’konformità mal-punt 53 tal-EEAG (ara l-premessa (238)).

    (354)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ l-emenda għad-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-limiti ta’ investiment, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-kostijiet tal-investiment u l-proċedura ta’ klassifikazzjoni. Id-Digriet Amministrattiv emendat jiddikjara li huma biss il-kostijiet għall-adattament għall-istandards futuri tal-Unjoni li se jkunu eliġibbli skont is-CRM (ara l-premessa (142)).

    (355)

    Il-Kummissjoni tqis li l-miżura għandha effett ta’ inċentiv li jbiddel l-imġiba tal-benefiċjarji tagħha lejn l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika segwita mill-għajnuna.

    5.3.3.   Il-konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni

    (356)

    L-għajnuna mill-Istat li tikser id-dispożizzjonijiet jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli (98).

    (357)

    Jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat (inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha, jekk ikun ipotekat għal dik l-għajnuna) tkun tinvolvi aspetti li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati mal-għan tal-għajnuna u li jiksru dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, tali ksur jista’ jaffettwa l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mill-Istat. (99) F’dan il-każ, din il-kwistjoni tista’ tinqala’ fir-rigward tal-Artikoli 30 u 110 tat-TFUE, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Elettriku. Għalhekk, il-Kummissjoni jeħtieġ li tivverifika jekk dak id-dritt tal-Unjoni jistax jinkiser minn aspetti tas-CRM u, fl-affermattiv, jekk tali aspetti humiex marbuta b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati mal-għan tal-għajnuna skont is-CRM.

    5.3.3.1.   Il-konformità mal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat

    (358)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati ma jintroduċi l-ebda restrizzjoni li tikser l-Artikolu 30 jew l-Artikolu 110 tat-TFUE. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jikkontesta dik il-fehma.

    (359)

    Kif indikat fil-punt 29 tal-EEAG, jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha (inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta jkun jifforma parti integrali minnha) ikunu jinvolvu ksur mhux separabbli tad-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fil-qasam tal-enerġija, kwalunkwe imposta li għandha l-għan li tiffinanzja miżura ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ li tikkonforma b’mod partikolari mal-Artikoli 30 u 110 tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati huwiex konformi mal-Artikoli 30 u 110 tat-TFUE.

    (360)

    Kif ġie spjegat fil-premessa (334), l-Istat Belġjan joħloq sistema fejn il-kostijiet imġarrba mit-TSO minħabba s-CRM jiġu kkumpensati bis-sħiħ mit-tariffi tan-network, li jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ imposta parafiskali. Kif ġie spjegat fil-premessa (214), it-tariffa tiġi applikata b’mod uniformi fuq bażi ta’ EUR/MWh għall-konsumaturi kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dawn it-tariffi huma simili ħafna għal taxxa fuq l-elettriku kkonsmat.

    (361)

    Fir-rigward tal-Artikoli 30 u 110 tat-TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-istat attwali ta’ żvilupp tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jillimitax il-libertà ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi sistema fiskali li tagħmel differenza bejn ċerti prodotti, anki prodotti li huma simili skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tat-TFUE, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħan-natura tal-materja prima użata jew il-proċessi ta’ produzzjoni użati. Madankollu, tali differenzazzjoni tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss jekk issegwi objettivi li huma stess ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u jekk ir-regoli dettaljati jkunu tali li jevitaw kull forma ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, kontra importazzjonijiet minn Stati Membri oħrajn jew kull forma ta’ protezzjoni ta’ prodotti domestiċi kompetituri (100).

    (362)

    Kif ġie spjegat fit-Taqsima 2.10, f’konformità mar-Regolament dwar l-Elettriku, il-Belġju se jippermetti lil kapaċità barranija li tinsab fi Stat Membru li għandu konnessjoni diretta tan-network mal-Belġju biex tipparteċipa fis-CRM mill-ewwel kunsinna, jiġifieri l-2025.

    (363)

    Minħabba l-ftuħ tal-miżura għall-kapaċità transfruntiera, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati ma jintroduċi l-ebda restrizzjoni li tikser l-Artikolu 30 jew l-Artikolu 110 tat-TFUE.

    5.3.3.2.   Konformità mar-Regolament dwar l-Elettriku

    Il-konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (364)

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-adegwatezza tar-riżorsi fit-territorju tagħhom abbażi tal-ERAA msemmija fl-Artikolu 23. Għall-fini tal-ikkomplementar tal-ERAA, l-Istati Membri jistgħu jwettqu wkoll NRAA skont l-Artikolu 24.

    (365)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ENTSO-E għadu ma kkonformax mal-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-Elettriku li jwettaq ERAA. Għaldaqstant, it-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi fil-Belġju ġie identifikat biss abbażi tal-NRAA. It-tqabbil bejn l-NRAA u l-ERAA skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, li għandu l-għan li jidentifika d-diverġenzi possibbli bejn iż-żewġ valutazzjonijiet, ma setax jitwettaq. Kif previst fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, anki l-NRAA jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-metodoloġija maqbula għall-ERAA, imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (366)

    Fil-25 ta’ Ġunju 2021, Elia ppubblika studju ġdid dwar l-adegwatezza tar-riżorsi li huwa bbażat fuq il-metodoloġija tal-ERAA. L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jidentifika tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għall-Belġju mill-2025 ’il quddiem.

    (367)

    Qabel ma jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità, l-Istati Membri huma meħtieġa jidentifikaw kwalunkwe distorsjoni regolatorja jew falliment tas-suq li jkunu kkawżaw jew ikkontribwixxew għat-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi. L-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw miżuri biex jeliminaw id-distorsjonijiet identifikati, u jippubblikaw skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom (l-Artikolu 20(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku).

    (368)

    Kif deskritt fit-Taqsima 2.3.4, il-Belġju żviluppa u ppubblika pjan ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi miżuri biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet regolatorji jew il-fallimenti tas-suq fis-suq tal-elettriku Belġjan.

    (369)

    Abbażi tal-pjan ta’ implimentazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom għal diversi riformi tas-suq, b’mod partikolari bil-ħsieb li jsaħħu s-swieq tal-ibbilanċjar (ara l-premessa (62)), jiffaċilitaw ir-rispons min-naħa tad-domanda (ara l-premessa (64)) u jżidu l-kapaċità ta’ interkonnessjoni (ara l-premessa (65)).

    (370)

    Il-Belġju impenja ruħu wkoll li jippubblika l-pjan u li jissorvelja l-applikazzjoni tiegħu, jippubblika r-riżultati tal-monitoraġġ f’rapport annwali u jippreżentah lill-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, il-Belġju impenja ruħu li jaderixxi mal-pjan ta’ implimentazzjoni, anki wara li jkun issolva t-tħassib identifikat dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

    (371)

    Wara konsultazzjoni pubblika, fit-30 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Belġju, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku (101). Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li jenħtieġ li l-Belġju jkompli jtejjeb il-ħidma tas-swieq tal-ibbilanċjar tiegħu billi jemenda l-iskema tal-ipprezzar tal-iskarsezza tiegħu billi jikkunsidra li japplika l-funzjoni tal-ipprezzar tal-iskarsezza wkoll għall-fornituri tas-servizzi tal-ibbilanċjar (BSPs) kif imsemmi fil-premessa (62), iżda rrikonoxxiet ukoll li dan l-aħħar ġie implimentat jew huwa ppjanat li jiġi implimentat għadd ta’ titjib. Kif imsemmi fil-premessa (62), il-Belġju introduċa l-hekk imsejjaħ komponent alfa fil-mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-iżbilanċ tiegħu, implimenta n-nettjar tal-iżbilanċi u qed jipprepara biex jingħaqad mal-pjattaforma tal-ibbilanċjar tal-Unjoni għall-aFRR u għall-mFRR. Fir-rigward tar-rispons min-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni sabet fl-opinjoni tagħha li jenħtieġ li l-Belġju jkompli bl-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti bil-funzjonalitajiet meħtieġa biex jiffaċilita l-użu tar-rispons għad-domanda abbażi tal-prezz. Kif imsemmi fil-premessa (64), il-Belġju impenja ruħu għal implimentazzjoni ulterjuri ta’ arloġġi intelliġenti fil-futur. Dawn il-miżuri huma biżżejjed biex jeliminaw id-distorsjonijiet regolatorji jew il-fallimenti tas-suq li ġew identifikati fil-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Belġju, f’konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (372)

    Il-miżura hija konformi mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    Konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (373)

    Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, sabiex jiġi eliminat it-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi residwi, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmu ta’ kapaċità, biss bħala l-aħħar alternattiva, b’mod partikolari soġġett għall-kundizzjonijiet fl-Artikolu 21(2) sa (8).

    (374)

    F’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku, bejn Ottubru u Diċembru 2019, il-Belġju wettaq studju dwar l-effetti tal-mekkaniżmu tiegħu fuq l-Istati Membri ġirien billi kkonsulta mal-Istati Membri ġirien tiegħu.

    (375)

    Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk mekkaniżmu ta’ kapaċità fil-forma ta’ riżerva strateġika huwiex kapaċi jindirizza t-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

    (376)

    Kif imsemmi fil-premessa (60), il-Belġju bħalissa għandu riżerva strateġika li se tkun fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2022. L-objettiv tar-riżerva strateġika huwa li tissodisfa d-domanda massima matul il-perjodi tax-xitwa meta s-suq jonqos milli jagħmel dan, billi żżomm xi kapaċità eżistenti ta’ ġenerazzjoni u ta’ rispons għad-domanda barra mis-suq bħala riżerva, maħsuba għall-attivazzjoni biss meta r-riżorsi ta’ bbilanċjar jiġu eżawriti.

    (377)

    Kif ġie spjegat fir-Rapport Finali tal-Inkjesta Settorjali dwar il-Mekkaniżmi ta’ Kapaċità (102), fejn jiġi identifikat tħassib dwar l-adegwatezza fit-tul, l-aktar mekkaniżmu ta’ kapaċità xieraq biex tiġi indirizzata l-problema x’aktarx li jkun skema għas-suq kollu bbażata fuq il-volum. Kif ġie spjegat aktar fl-istess rapport, riżerva strateġika ma ssolvix il-problema tal-investiment identifikata għal impjanti ġodda. B’kuntrast ma’ dan, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għas-suq kollu jistgħu jkunu aktar effettivi biex jinkoraġġixxu l-investiment għall-indirizzar tat-tħassib dwar l-adegwatezza aktar fit-tul.

    (378)

    Minħabba li l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 identifika ħtieġa strutturali għal kapaċità ġdida (ara l-premessi (49) u (50)), il-Kummissjoni tqis li mekkaniżmu ta’ kapaċità fil-forma ta’ riżerva strateġika ma jkunx kapaċi jindirizza t-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi identifikat fil-Belġju mill-2025 ’il quddiem.

    (379)

    Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità qabel ma l-pjan ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament ikun irċieva opinjoni mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(5).

    (380)

    Kif deskritt fil-premessa (371), il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Belġju fit-30 ta’ April 2020. Il-Belġju beda passi ta’ tħejjija għall-ewwel irkant Y-4, iżda għadu ma introduċiex is-CRM.

    (381)

    F’konformità mal-Artikolu 21(7) tar-Regolament dwar l-Elettriku, li jirrikjedi d-dispożizzjoni għal eliminazzjoni gradwali effettiva tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità fejn ma jiġi konkluż l-ebda kuntratt ġdid matul tliet snin konsekuttivi, il-Belġju introduċa klawżola li tiddikjara li ma huwa se jiġi organizzat l-ebda rkant ġdid skont is-CRM, jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ġdid dwar il-kapaċità matul tliet snin konsekuttivi f’konformità mal-paragrafu 11 tal-Artikolu 7 undecies tal-Att dwar l-Elettriku (ara l-premessa (218)).

    (382)

    Kif deskritt fil-premessa (217), il-Belġju qed ifittex approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għal perjodu ta’ 10 snin, jiġifieri għall-perjodu massimu preskritt mill-Artikolu 21(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (383)

    Fl-aħħar nett, il-Belġju impenja ruħu li japplika l-pjan ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità, kif meħtieġ mill-Artikolu 21(8) tar-Regolament.

    (384)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija konformi mal-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    Il-konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (385)

    L-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku jiddefinixxi karatteristiċi speċifiċi tad-disinn li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kapaċità għandu jissodisfa. Skont dak l-Artikolu, mekkaniżmu ta’ kapaċità għandu: (i) ikun temporanju, (ii) ma joħloqx distorsjonijiet bla bżonn tas-suq u ma jillimitax il-kummerċ transżonali, (iii) ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza, (iv) jagħżel il-fornituri ta’ kapaċità permezz ta’ proċess trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittiv, (v) jipprovdi inċentivi sabiex il-fornituri ta’ kapaċità jkunu disponibbli fi żminijiet ta’ stress mistenni fis-sistema, (vi) jiżgura li r-remunerazzjoni tiġi ddeterminata permezz tal-proċess kompetittiv; (vii) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni tal-fornituri ta’ kapaċità qabel il-proċess tal-għażla, (viii) ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni mir-riżorsi kollha li huma kapaċi jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, inklużi l-ħżin tal-enerġija u l-ġestjoni tan-naħa tad-domanda, u (ix) japplika penali xierqa għall-fornituri ta’ kapaċità li ma humiex disponibbli fi żminijiet ta’ stress fis-sistema.

    (386)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-miżura hijiex konformi mal-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament dwar l-Elettriku, li jistabbilixxi li jenħtieġ li mekkaniżmu ta’ kapaċità ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza.

    (387)

    Is-CRM innotifikat huwa temporanju, kif spjegat fil-premessa (385).

    (388)

    Is-CRM huwa mfassal b’tali mod li jillimita l-impatt għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika u jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tas-suq tal-elettriku. Is-CRM huwa miftuħ għall-ġeneraturi eżistenti u ġodda kollha, għar-rispons min-naħa tad-domanda u għall-operaturi tal-ħżin. Barra minn hekk, is-CRM huwa miftuħ għal kapaċità transfruntiera. Barra minn hekk, it-tfassil tas-CRM jinkludi diversi miżuri li huma speċifikament adottati biex jiġu evitati abbużi tas-saħħa fis-suq, pereżempju, għażliet ta’ affidabbiltà, limiti massimi tal-prezzijiet u proċess ta’ rkant kompetittiv (ara t-Taqsimiet 2.5 u 2.7). Barra minn hekk, il-ftuħ għal kapaċità ġdida u d-disponibbiltà ta’ kuntratti fit-tul huma mistennija li jiżguraw li d-dominanza eżistenti ma tissaħħaħx bla bżonn (ara l-premessi (66) u (117)).

    (389)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni li jenħtieġ li s-CRM ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza, il-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta’ kapaċità li għandha tiġi akkwistata fis-CRM ġew approvati mill-Belġju abbażi tal-proposta mill-awtorità regolatorja, f’konformità mal-Artikolu 25(4) tar-Regolament dwar l-Elettriku (ara l-premessi (88) u (290)).

    (390)

    Kif ġie ddikjarat fil-premessa (92), il-proċess għall-finalizzazzjoni tal-ammont ta’ kapaċità għall-akkwist jeħtieġ li jirrispetta l-partijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-Elettriku. Sabiex jiġi ddeterminat il-volum li għandu jiġi akkwistat fl-ewwel irkant Y-4 għall-perjodu ta’ kunsinna 2025-2026, il-Belġju uża x-xenarju tal-MAF 2019 aġġornat skont l-aġġornamenti mill-PLEF 2020. Il-Belġju kkjarifika li l-istess sensittivitajiet dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kapaċità nukleari Franċiża ntużaw fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 fix-xenarju ta’ “BAŻI tal-UE” (il-premessa (102)).

    (391)

    Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (103), l-awtoritajiet Belġjani warrbu volum sinifikanti għall-irkant Y-1, filwaqt li jiżguraw li ssir kalibrazzjoni ġdida tal-kurva tad-domanda aktar qrib is-sena tal-kunsinna u jevitaw li tiġi rkantata wisq kapaċità fl-ewwel irkant Y-4. Din ir-riżerva kbira ta’ Y-1 tippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jlaħħqu ma’ devjazzjonijiet żgħar wara d-data tal-input ġdida u t-titjib metodoloġiku.

    (392)

    Il-Kummissjoni tosserva li madwar 54 % biss tal-konsum massimu medju f’mumenti ta’ skarsezza se jiġi kkuntrattat fl-irkant Y-4 fl-2021 (ara l-premessa (104)).

    (393)

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-istandard ta’ affidabbiltà jiddetermina kemm tiġi rkantata kapaċità fis-suq tal-kapaċità u li l-istandard tal-affidabbiltà l-ġdid, ikkalkolat skont il-metodoloġija RS, ma jiddevjax mill-istandard tal-affidabbiltà l-antik (il-premessa (22)).

    (394)

    Kif ġie ddikjarat fil-premessi (28) u (105), il-Belġju impenja ruħu, jekk meħtieġ, li jistabbilixxi standard ta’ affidabbiltà ġdid qabel Settembru 2022, bl-għan li jintuża l-istandard ta’ affidabbiltà l-ġdid biex jiġi ddeterminat il-volum li għandu jiġi akkwistat mhux aktar tard mill-irkant tal-2023. Il-Belġju impenja ruħu wkoll li jagħmel kontroverifika u jaġġusta, jekk ikun hemm bżonn, il-volumi li għandhom jiġu akkwistati fl-irkant T-4 fl-2023 u fl-irkant T-1 fl-2026 mar-riżultati mill-NRAA 2023. Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Belġjani biex jikkonsultaw mal-ACER meta jaġġornaw l-istandard ta’ affidabbiltà u l-NRAA, sabiex jifhmu aħjar id-deċiżjonijiet relatati tal-ACER imsemmija fil-premessi (18) u (40).

    (395)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, b’mod partikolari l-kummenti addizzjonali pprovduti mill-Belġju matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tqis li s-CRM ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza.

    (396)

    Abbażi tar-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan, il-kapaċità se tiġi akkwistata permezz ta’ proċess trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittiv.

    (397)

    Is-CRM jipprovdi inċentivi sabiex il-fornituri tal-kapaċità jkunu disponibbli fi żminijiet ta’ stress mistenni fis-sistema (ara l-premessi minn (182) sa (186)).

    (398)

    Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni tiġi ddeterminata permezz tal-proċess kompetittiv ta’ offerti u l-proċess tal-irkant deskritt fit-Taqsima 2.5 ma huwiex diskriminatorju u huwa miftuħ għat-tipi kollha ta’ kapaċità.

    (399)

    Il-Belġju stabbilixxa l-kundizzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni tal-fornituri ta’ kapaċità qabel il-proċess tal-għażla. Dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan (ara l-premessa (12)).

    (400)

    Is-CRM se jkun miftuħ għall-kapaċitajiet kollha li jistgħu jikkontribwixxu għall-adegwatezza tar-riżorsi. Dan se jkun teknoloġikament newtrali u se jkun partikolarment miftuħ għall-kapaċità kemm eżistenti kif ukoll ġdida, għall-ħżin u għar-rispons għad-domanda. Barra minn hekk, is-CRM se jkun miftuħ għal kapaċità transfruntiera.

    (401)

    Fl-aħħar nett, kif ġie spjegat fil-premessa (182), is-CRM jipprevedi penali għan-nuqqas ta’ disponibbiltà fi żminijiet ta’ stress fis-sistema.

    (402)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku huma ssodisfati.

    (403)

    Skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom, barra minn hekk: (i) jinbnew b’tali mod li jiġi żgurat li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà awtomatikament ixaqleb lejn żero meta l-livell ta’ kapaċità fornuta jkun mistenni li jkun adegwat biex jintlaħaq il-livell ta’ kapaċità mitluba, (ii) jirremuneraw ir-riżorsi parteċipanti għad-disponibbiltà tagħhom biss u (iii) jiżguraw li l-obbligi ta’ kapaċità jkunu trasferibbli bejn il-fornituri ta’ kapaċità eliġibbli.

    (404)

    Il-miżura nnotifikata hija mekkaniżmu ta’ kapaċità teknoloġikament newtrali għas-suq kollu, li biha l-fornituri ta’ kapaċità eliġibbli kollha jikkompetu f’irkant wieħed ta’ kapaċità biex jiskopru l-aktar prezz baxx sostenibbli li bih tista’ tiġi fornuta l-kapaċità meħtieġa. In-natura kompetittiva tal-irkant jenħtieġ li tixpruna l-prezzijiet għal żero jekk ikun hemm biżżejjed provvista biex tintlaħaq id-domanda.

    (405)

    Kif ġie spjegat fil-premessa (8), it-tariffa tal-kapaċità mħallsa lill-fornituri tal-kapaċità b’għażla ta’ affidabbiltà tikkonsisti fi ħlas fiss għaż-żamma tal-kapaċità kkuntrattata disponibbli għal kwalunkwe perjodu ta’ skarsezza. B’hekk, hija tirremunera d-disponibbiltà tal-kapaċità u ma tinkludix remunerazzjoni għall-ammont ta’ elettriku li l-fornituri tal-kapaċità se joffru fis-suq.

    (406)

    Kif ġie deskritt fil-premessa (187), il-Belġju se jistabbilixxi suq sekondarju biex jipprovdi lill-fornituri tal-kapaċità b’mekkaniżmu biex itejbu l-ġestjoni tar-riskju tagħhom skont is-CRM. Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet fis-suq sekondarju, se jiġi żgurat trasferiment sħiħ tal-obbligi.

    (407)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku huma ssodisfati.

    (408)

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2.

    (409)

    Kif spjegat fil-premessa (107), ir-rekwiżiti ta’ qabel il-kwalifika jinkludu limitu tal-emissjonijiet: il-fornituri ta’ kapaċità li jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet li ġejjin ma jistgħux jipparteċipaw fl-irkant tal-kapaċità:

    (a)

    il-kapaċitajiet li bdew il-produzzjoni fl-4 ta’ Lulju 2019 jew wara huma soġġetti għal limitu ta’ emissjonijiet ta’ 550 gr ta’ CO2 ta’ oriġini mill-fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku;

    (b)

    il-kapaċitajiet li bdew il-produzzjoni qabel l-4 ta’ Lulju 2019 huma soġġetti għal limitu ta’ emissjonijiet ta’ 550 gr ta’ CO2 ta’ oriġini mill-fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku u għal limitu ta’ 350 kg ta’ CO2 ta’ oriġini mill-fjuwils fossili bħala medja kull sena għal kull kWe installat.

    (410)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija konformi mal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    Konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (411)

    Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-NRAAs għandu jkollhom kamp ta’ applikazzjoni reġjonali u għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament, b’mod partikolari l-punti minn (b) sa (m) tal-Artikolu 23(5).

    (412)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-aktar studju reċenti dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għall-Belġju, jiġifieri l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021, għandu kamp ta’ applikazzjoni reġjonali u huwa bbażat fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(3).

    (413)

    Skont l-Artikolu 12(1) tad-deċiżjoni tal-ACER, il-metodoloġija tal-ERAA għandha tiġi implimentata kompletament sal-aħħar tal-2023. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-ACER tipprevedi implimentazzjoni gradwali tal-metodoloġija tal-ERAA, abbażi ta’ pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-fażi ta’ implimentazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(8) tad-deċiżjoni tal-ACER.

    (414)

    Għalkemm il-metodoloġija tal-ERAA ġiet approvata żmien qasir qabel ma l-Belġju wettaq l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021, hija integrat diversi elementi tal-metodoloġija tal-ERAA deskritti fil-premessa (42).

    (415)

    Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jimmudella żieda awtomatika tal-prezz massimu tal-ikklerjar mill-2025 ’il quddiem biss. Madankollu, kif muri mill-Belġju, anki jekk iż-żieda awtomatika tal-prezz massimu tal-ikklerjar tibda mill-2022 ’il quddiem, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika għall-2025 ma jinbidlux. Barra minn hekk, il-Belġju impenja ruħu li jiżgura li l-istudju l-ġdid dwar l-adegwatezza li għandu jiġi ppubblikat sa Ġunju 2023 iqis bis-sħiħ il-metodoloġija għaż-żidiet dinamiċi fil-prezzijiet mill-bidu tal-perjodu ta’ żmien ta’ simulazzjoni ’l quddiem (ara l-premessa (48)).

    (416)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 huwa bbażat fuq xenarji ta’ referenza ċentrali xierqa, f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku (ara l-premessa (45)).

    (417)

    Skont l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-Istati Membri jistgħu jinkludu sensittivitajiet fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tagħhom li huma marbuta mal-partikolaritajiet tad-domanda u l-provvista nazzjonali tal-elettriku.

    (418)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità tas-CRM mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, minħabba li l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 uża x-xenarju ta’ EU-HiLo, li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet dwar il-provvista tal-elettriku barranija, jiġifieri n-nuqqas ta’ disponibbiltà addizzjonali tal-impjanti nukleari Franċiżi.

    (419)

    Diversi partijiet interessati kkritikaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, billi ddikjaraw li hija restrittiva wisq. Skont il-partijiet interessati, il-metodoloġija tal-ERAA tikkonferma li l-NRAAs irid ikollhom kamp ta’ applikazzjoni reġjonali u jistgħu jinkludu sensittivitajiet addizzjonali. Ma tispeċifikax jew ma tillimitax in-natura ta’ dawn is-sensittivitajiet addizzjonali. Kif imsemmi fl-Artikolu 3(6) tal-metodoloġija msemmija, dawn is-sensittivitajiet jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ bidliet fis-suppożizzjonijiet fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku kollu kkunsidrat, inklużi suppożizzjonijiet differenti relatati mad-data tal-input, bħall-kapaċitajiet installati (ara l-premessi minn (256) sa (258)).

    (420)

    Il-Belġju sostna li r-rata għolja ta’ interkonnessjoni u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tiegħu jikkostitwixxu partikolarità tal-provvista nazzjonali tal-elettriku (ara l-premessi (286) u (318)).

    (421)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jinkludi sensittivitajiet dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kapaċità nukleari Franċiża li huma konformi mad-data użata mit-TSO Franċiż fl-NRAA Franċiża (ara l-premessi minn (287) sa (289)).

    (422)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku u l-metodoloġija tal-ERAA jirrikjedu li l-NRAAs ikollhom kamp ta’ applikazzjoni reġjonali u li l-Artikolu 3(6) tal-metodoloġija tal-ERAA jippermetti li x-xenarji ta’ referenza ċentrali jiġu kkomplementati b’xenarji u/jew sensittivitajiet addizzjonali. Barra minn hekk, il-punt 224(a) tal-EEAG jirrikjedi li l-Istat Membru jipprovdi valutazzjoni tal-impatt tal-ġenerazzjoni varjabbli, inkluża dik li toriġina minn sistemi ġirien.

    (423)

    Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-użu fl-NRAAs ta’ sensittivitajiet addizzjonali relatati mal-provvista barranija tal-elettriku ma huwiex prekluż mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (424)

    Kif spjegat fil-premessa (365), it-tqabbil meħtieġ bejn l-NRAA u l-ERAA skont l-Artikolu 24(3) ma setax jitwettaq minħabba n-nuqqas tal-ENTSO-E li jissottometti l-ERAA.

    (425)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija konformi mal-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    Konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (426)

    Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, meta japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kapaċità, l-Istati Membri għandu jkollhom standard ta’ affidabbiltà fis-seħħ.

    (427)

    Kif iddikjarat fil-premessa (22), il-Belġju għandu standard ta’ affidabbiltà fis-seħħ li huwa stabbilit għal LOLE ta’ 3 sigħat.

    (428)

    L-Artikolu 25(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku jistabbilixxi li l-istandard ta’ affidabbiltà għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru jew minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru, wara proposta mill-awtorità regolatorja. L-istandard tal-affidabbiltà għandu jkun ibbażat fuq il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 23(6).

    (429)

    L-istandard ta’ affidabbiltà ġie stabbilit mid-Digriet Amministrattiv dwar id-determinazzjoni tal-istandard ta’ affidabbiltà u l-approvazzjoni tal-valuri għall-VOLL u għall-CONE wara l-proposta mill-awtorità regolatorja (ara l-premessa (20)). L-istandard ta’ affidabbiltà stabbilit jitbiegħed kemxejn minn dak propost mill-awtorità regolatorja għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (21). Madankollu, dan ma huwiex prekluż mill-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (430)

    Il-Belġju kkalkula l-istandard tal-affidabbiltà abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 23(6).

    (431)

    Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku, l-istandard ta’ affidabbiltà għandu jiġi kkalkolat bl-użu ta’ mill-inqas il-VOLL u l-CONE fuq perjodu ta’ żmien partikolari u għandu jiġi espress bħala “enerġija mistennija mhux moqdija” u “aspettattiva ta’ telf bit-tagħbija”.

    (432)

    Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament dwar l-Elettriku, VOLL tfisser stima, f’euro/MWh, tal-prezz massimu tal-elettriku li l-klijenti huma lesti jħallsu biex jevitaw indisponibilità.

    (433)

    Kif iddikjarat fil-premessa (25), il-CREG wettaq stħarriġ dwar ir-rieda li jħallas, madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet tal-istħarriġ, ir-riżultati tiegħu biex tiġi ddeterminata stima waħda tal-VOLL setgħu jintużaw biss sa ċertu punt limitat. Il-Belġju impenja ruħu li jaġġorna l-VOLL abbażi ta’ rieda ġdida li jħallas stħarriġ u, jekk ikun meħtieġ, jistabbilixxi standard ta’ affidabbiltà ġdid qabel Settembru 2022 (ara l-premessa (28)).

    (434)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-istandard ta’ affidabbiltà ġie stabbilit abbażi tal-istima tal-VOLL u tal-CONE mistenni (ara l-premessi (23) u (24)), f’konformità mal-Artikolu 25(3) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (435)

    Skont l-Artikolu 25(4) tar-Regolament dwar l-Elettriku, meta jiġu applikati l-mekkaniżmi ta’ kapaċità, il-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta’ kapaċità akkwistata fil-mekkaniżmu ta’ kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Istat Membru jew minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru, abbażi ta’ proposta tal-awtorità regolatorja.

    (436)

    Kif spjegat fil-premessi (86) u (290), il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-parametri li jiddeterminaw il-volum tax-xiri fil-mekkaniżmu ta’ kapaċità ġiet proposta mill-CREG.

    (437)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija konformi mal-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    Konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku

    (438)

    Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għajr ir-riżervi strateġiċi u fejn teknikament fattibbli, ir-riżervi strateġiċi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni transfruntiera diretta tal-fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    (439)

    Madankollu, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku jippermetti lill-Istati Membri jitolbu li l-kapaċità barranija tkun tinsab fi Stat Membru li jkollu konnessjoni diretta tan-network mal-Istat Membru li japplika l-mekkaniżmu ta’ kapaċità.

    (440)

    Il-Belġju se jippermetti li kapaċità barranija li tkun tinsab fi Stat Membru li jkollu konnessjoni diretta tan-network mal-Belġju tipparteċipa fis-CRM mill-ewwel sena tal-kunsinna, jiġifieri l-2025. Skont il-Belġju, il-metodoloġiji, ir-regoli komuni u t-termini msemmija fl-Artikolu 26(11) tar-Regolament dwar l-Elettriku ġew adottati biss f’Diċembru 2020 u jenħtieġ li jingħata żmien raġonevoli għall-implimentazzjoni tagħhom u għat-tħejjijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni transfruntiera. Minħabba li t-TSOs kienu għadhom ma setgħux jikkonkludu l-ftehimiet meħtieġa, ma kienx possibbli li tiġi organizzata l-parteċipazzjoni transfruntiera mill-ewwel irkant Y-4. Madankollu, skont l-awtoritajiet Belġjani, ġie riżervat volum għall-irkant Y-1, filwaqt li ġie żgurat li l-kapaċità transfruntiera xorta tista’ tipparteċipa u tikkontribwixxi mill-ewwel sena ta’ kunsinna (ara l-premessa (189)).

    (441)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni fittxet kjarifika dwar l-użu tad-dħul mill-konġestjoni tal-kapaċità u s-sehem ta’ dan id-dħul bejn it-TSOs.

    (442)

    Il-Belġju kkjarifika li d-dħul mill-konġestjoni se jintuża u jinqasam skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar l-Elettriku, b’mod partikolari l-Artikolu 26(9).

    (443)

    Barra minn hekk, il-Belġju kkonferma li huwa se jikkonforma mad-Deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi tal-kapaċità, inkluża l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tad-dħul li jinħoloq permezz tal-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ dħul.

    (444)

    Għalhekk, il-miżura hija konformi mal-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    5.3.3.3.   Konklużjoni dwar il-konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni

    (445)

    Il-miżura hija konformi mal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat u mar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (446)

    Għalhekk, il-miżura nnotifikata ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni rilevanti.

    5.3.4.   L-għajnuna hija maħsuba sabiex tillimita l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

    5.3.4.1.   Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat

    (447)

    Skont is-Subtaqsima 3.2.2 tal-EEAG, l-Istat Membru jeħtieġ li juri li hemm bżonn ta’ intervent mill-Istat u, b’mod partikolari, li l-għajnuna hija meħtieġa biex jiġi rrimedjat falliment tas-suq li altrimenti kien jibqa’ mhux indirizzat.

    (448)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-problema tal-adegwatezza tar-riżorsi ġietx identifikata b’mod preċiż biżżejjed u jekk ġietx analizzata u kkwantifikata kif suppost mill-awtoritajiet Belġjani, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti 221 u 222 tal-EEAG. Dawn id-dubji kienu appoġġati minn diversi partijiet interessati li qajmu dubji wkoll dwar in-neċessità u/jew id-dimensjoni tas-CRM ippjanat (ara l-premessi minn (227) sa (234)).

    (449)

    Skont l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021, mill-2025, ladarba titlesta l-eliminazzjoni gradwali nukleari, il-Belġju se jkun iffaċċjat bi problema ta’ adegwatezza u se jiffaċċja ħtieġa strutturali għal kapaċità ġdida. Din il-ħtieġa tammonta għal 2 GW fl-2025 fix-xenarju ċentrali ta’ “BAŻI tal-UE”, u tiżdied gradwalment għal 3,9 GW sal-2032 (ara l-premessa (49)). L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 ġie ppubblikat f’Ġunju 2021 u huwa bbażat fuq il-metodoloġija tal-ERAA (ara l-punt 221 tal-EEAG).

    (450)

    Issa li l-metodoloġija tal-ERAA ġiet approvata mill-ACER (ara l-premessa (40), id-dubji tal-Kummissjoni dwar l-enfasi fuq ix-xenarju tal-EU-HiLo fl-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2019 jew in-nuqqas ta’ xenarju kontrofattwali xieraq biex tiġi stmata l-firxa tal-problema tal-adegwatezza tar-riżorsi fil-MAF 2019 għall-Belġju ma għadhomx pertinenti, billi issa d-differenzi metodoloġiċi ġew unifikati f’metodoloġija waħda komuni u aktar robusta, li tikkonferma l-eżistenza ta’ tħassib dwar l-adegwatezza.

    (451)

    Filwaqt li żewġ partijiet interessati sostnew li l-istudji Belġjani tal-passat dwar l-adegwatezza tar-riżorsi ma kkunsidrawx il-funzjoni ta’ skarsezza mistennija (il-premessa (230)), f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda rekwiżit bħal dan. Madankollu, skont l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Belġju, dan tal-aħħar huwa mistieden jikkunsidra li jemenda l-iskema tal-ipprezzar tal-iskarsezza tiegħu kif xieraq u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tal-ħidma attwali mwettqa mill-awtorità regolatorja u mit-TSO rigward l-introduzzjoni tal-funzjoni ta’ pprezzar f’każ ta’ nuqqas għall-ibbilanċjar fil-Belġju.

    (452)

    Il-Belġju bħalissa għandu livell ta’ interkonnettività tal-elettriku ta’ madwar 24 % b’aspettattiva li jiżdied għal 33 % sal-2030. Kif ġie ddikjarat fil-premessa (323), il-Belġju ffaċilita wkoll l-iżvilupp tal-hekk imsejħa teknoloġiji b’użu limitat tal-enerġija, pereżempju, permezz tal-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fis-swieq tas-servizzi anċillari jew iffaċilitat permezz ta’ trasferiment ta’ mekkaniżmu tal-enerġija. Dan wassal għal proporzjonijiet għoljin tal-ġestjoni min-naħa tad-domanda.

    (453)

    Barra minn hekk, kif deskritt fit-Taqsima 2.3.4, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom għal diversi riformi tas-suq, b’mod partikolari bil-ħsieb li jsaħħu s-swieq tal-ibbilanċjar (ara l-premessa (62)), jiffaċilitaw ir-rispons min-naħa tad-domanda (ara l-premessa (64)) u jżidu l-kapaċità ta’ interkonnessjoni (ara l-premessa (65)).

    (454)

    Minkejja dawn ir-riformi, l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jidentifika r-riskji għall-adegwatezza tar-riżorsi Belġjani, b’referenza għall-istandard ta’ affidabbiltà deskritt fil-premessa (22). L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jistabbilixxi li sehem żgħir ħafna biss tal-kapaċità l-ġdida se jkun vijabbli permezz tas-suq tal-enerġija biss sal-2025.

    (455)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju wera għaliex is-suq għadu ma jistax iwassal il-kapaċità adegwata fin-nuqqas ta’ intervent, f’konformità mal-punt 223 tal-EEAG.

    (456)

    Il-punt 224 tal-EEAG jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis diversi valutazzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru, li jirrigwardjaw l-impatt tal-ġenerazzjoni varjabbli, il-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, l-interkonnessjoni u kwalunkwe element ieħor li jikkawża jew jaggrava l-problema tal-adegwatezza tal-provvista ġenerata.

    (457)

    L-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jintegra l-iżviluppi tas-suq kollha li għadhom għaddejjin u dawk ippjanati u l-miri ta’ politika pproġettati l-aktar reċenti kif integrati jew imsemmija fil-pjan ta’ implimentazzjoni, fir-rigward tal-erba’ elementi kollha msemmija fil-punt 224 tal-EEAG.

    (458)

    Kif spjegat fil-premessa (454), minkejja dawn ir-riformi, l-istudju dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà tal-2021 jidentifika r-riskji għall-adegwatezza tar-riżorsi tal-Belġju meta mqabbla ma’ dak li jkun meħtieġ biex tintlaħaq il-mira tal-LOLE ta’ 3 sigħat.

    (459)

    Il-Kummissjoni tqis li l-miżura nnotifikata hija meħtieġa, f’konformità mat-Taqsima 3.9.2 tal-EEAG.

    5.3.5.   Adegwatezza tal-miżura

    (460)

    Bħala prinċipju ġenerali, miżura ta’ għajnuna mill-Istat tkun xierqa jekk titfassal b’mod li tindirizza kif xieraq il-fallimenti tas-suq identifikati. L-EEAG tispeċifika wkoll fil-punti 225 u 226 li, fil-kuntest tal-għajnuna għall-adegwatezza tal-provvista ġenerata, dan jimplika li jenħtieġ li l-għajnuna tirremunera biss is-servizz ta’ disponibbiltà pura pprovdut mill-ġeneratur u li jenħtieġ li l-miżura tkun miftuħa u tipprovdi inċentivi adegwati kemm għall-ġeneraturi eżistenti u futuri kif ukoll għall-operaturi li jużaw teknoloġiji sostitwibbli, bħal soluzzjonijiet ta’ ħżin jew rispons għad-domanda.

    (461)

    Din it-taqsima l-ewwel tanalizza jekk CRM fis-suq kollu huwiex l-aktar xieraq fost id-diversi għażliet biex jiġi indirizzat it-tħassib identifikat dwar l-adegwatezza (it-Taqsima 5.3.5.1 ta’ din id-Deċiżjoni). Hija mbagħad tanalizza jekk id-disinn speċifiku tas-CRM huwiex konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-EEAG imsemmija hawn fuq (it-Taqsima 5.3.5.2 ta’ din id-Deċiżjoni).

    5.3.5.1.   L-adegwatezza tas-CRM bħala strument

    (462)

    Kif imsemmi fil-premessa (235), xi partijiet interessati indikaw li riżerva strateġika tista’ tindirizza aħjar il-problema ta’ adegwatezza identifikata minn CRM fis-suq kollu. B’kuntrast ma’ dan, il-Belġju qies li riżerva strateġika ma tindirizzax il-fallimenti sottostanti tas-suq (ara l-premessi (278) u (279)).

    (463)

    Kif imsemmi fil-premessa (60), il-Belġju bħalissa għandu riżerva strateġika li se tkun fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2022. L-għan tar-riżerva strateġika huwa li tissodisfa d-domanda massima matul il-perjodi tax-xitwa meta s-suq jonqos milli jagħmel dan billi żżomm xi kapaċità eżistenti ta’ ġenerazzjoni u rispons għad-domanda barra mis-suq bħala riżerva li għandha tiġi attivata biss meta r-riżorsi tal-ibbilanċjar ikunu eżawriti.

    (464)

    Kif spjegat fil-premessi (377) u (378), CRM fis-suq kollu, li jkun jinvolvi suq tal-kapaċità li jikkomplementa s-suq tal-enerġija, jidher li huwa l-aktar soluzzjoni effettiva biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fil-Belġju fil-kuntest ta’ bidla strutturali bħall-eliminazzjoni gradwali tal-ġenerazzjoni nukleari.

    5.3.5.2.   L-adegwatezza tad-disinn speċifiku tas-CRM

    Remunerazzjoni biss għas-servizz ta’ disponibbiltà pura tal-kapaċità

    (465)

    Skont il-punt 225 tal-EEAG, jenħtieġ li l-miżura tirremunera biss is-servizz ta’ disponibbiltà pura.

    (466)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-fehma preliminari li l-miżura tirremunera s-servizz ta’ disponibbiltà pura tal-kapaċità. La l-Belġju u l-ebda parti interessata ma kkontestaw il-fehma tal-Kummissjoni.

    (467)

    Is-CRM jirremunera d-disponibbiltà tal-kapaċità u ma jinkludix remunerazzjoni għall-ammont ta’ elettriku li l-fornituri tal-kapaċità se joffru fis-suq.

    (468)

    Għalhekk, il-miżura hija konformi mal-punt 225 tal-EEAG.

    Ftuħ tal-miżura għall-fornituri tal-kapaċità rilevanti kollha

    (469)

    Il-punt 226 tal-EEAG jiddetermina li jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità (i) ikunu miftuħa għal teknoloġiji differenti, (ii) iqisu sa liema punt il-kapaċità ta’ interkonnessjoni tista’ tgħin biex tiġi rrimedjata l-problema tal-adegwatezza tal-provvista ġenerata identifikata, u (iii) jipprovdu inċentivi adegwati kemm għall-kapaċità ġdida kif ukoll għal dik eżistenti.

    (470)

    Kif stabbilit fil-premessa (66), il-miżura hija ppjanata li tkun miftuħa għall-kapaċitajiet kollha li jistgħu jikkontribwixxu għall-adegwatezza tar-riżorsi, tkun teknoloġikament newtrali u, b’mod partikolari, tkun miftuħa kemm għall-kapaċità, il-ħżin u r-rispons għad-domanda eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda. Se tkun permessa aggregazzjoni tal-kapaċità, inkluż minn teknoloġiji differenti. It-teknoloġiji kollha jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-irkantijiet kollha (kemm Y-4 kif ukoll Y-1) għal perjodu ta’ kunsinna.

    (471)

    Il-Belġju ħa għadd ta’ miżuri biex jiżgura l-possibbiltà li t-teknoloġiji kollha jipparteċipaw fl-irkantijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota d-deċiżjoni li tirriżerva parti mill-volum li għandu jiġi akkwistat għall-Y-1 biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-fornituri tar-rispons għad-domanda. Barra minn hekk, hija prevista kategorija speċifika ta’ “kapaċità mhux ipprovata” (miftuħa għat-teknoloġiji kollha li ma jeħtiġux programmi ta’ kuljum u parteċipazzjoni individwali minħabba r-rilevanza tas-sistema tagħhom) fil-Y-4 biex titrawwem ukoll il-parteċipazzjoni ta’ kapaċitajiet li jista’ jkollhom aktar diffikultajiet biex diġà jipprovdu l-livell ta’ maturità standard meħtieġ fil-Y-4 (ara l-premessi (83) u (98)).

    (472)

    Fir-rigward tar-RES, il-fornituri tal-kapaċità tar-RES eżistenti jew ġodda huma eliġibbli li jipparteċipaw fis-CRM, ħlief jekk jirċievu għajnuna operatorja permezz ta’ skemi ddedikati ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-premessa (205)).

    (473)

    Wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, parti interessata waħda sostniet li d-detenturi tal-kapaċità eliġibbli għall-parteċipazzjoni (bħal CHP b’kapaċità ogħla minn 1 MW) huma esklużi mill-parteċipazzjoni jekk, matul perjodu partikolari, jibbenefikaw minn għajnuna operatorja permezz ta’ ċertifikati ħodor (GSC) u/jew ċertifikati tas-CHP (CHP) (ara l-premessa (237)).

    (474)

    Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċertifikati tas-CHP diġà huma mfassla biex ikopru l-kostijiet meħtieġa tal-operaturi tas-CHP u jinċentivaw it-tħaddim kontinwu tagħhom. Sabiex jiġu evitati l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u l-kumpens żejjed li jirriżulta, jenħtieġ li l-ġeneraturi ma jkunux riċevituri ta’ miżuri ta’ appoġġ oħrajn, eż. skemi ta’ appoġġ RES jew CHP li diġà jkopru biżżejjed dawn il-kostijiet operatorji tal-benefiċjarji, kif deskritt fil-premessa (205).

    (475)

    Kif iddikjarat fil-premessa (205), jekk dawn l-operaturi ma jibqgħux jibbenefikaw mill-għajnuna operatorja RES/CHP, imbagħad huma jsiru eliġibbli biex jipparteċipaw fis-CRM.

    (476)

    Ir-regoli deskritti fil-premessa (205) ma jwasslux għall-esklużjoni ta’ fornituri tal-kapaċità li ma jirċevux tali għajnuna.

    (477)

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni transfruntiera, il-parteċipazzjoni ta’ kapaċità transfruntiera li tinsab fi Stat Membru li għandu konnessjoni diretta tan-network mal-Belġju se tkun permessa mill-ewwel perjodu ta’ kunsinna ’l quddiem (ara l-premessa (189)).

    (478)

    Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda jew ta’ kapaċitajiet eżistenti li jeħtieġu nefqiet kapitali sinifikanti sabiex jibqgħu disponibbli hija permessa billi jiġu offruti kuntratti ta’ diversi snin, soġġetta għal dimostrazzjoni li huwa meħtieġ livell definit minn qabel ta’ kostijiet ta’ investiment għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet ġodda jew għar-rinnovazzjoni ta’ dawk eżistenti (ara l-premessa (138)).

    (479)

    Il-limiti ta’ investiment huma bbażati fuq sett ta’ kostijiet ta’ investiment eliġibbli kif deskritt fil-premessa (137). Il-limiti jqisu l-kapaċità installata nominali (jiġifieri l-kapaċità massima li l-unità hija ddisinjata biex tħaddem) minflok il-kapaċità installata deklassifikata (jiġifieri r-rata ta’ disponibbiltà definita minn qabel tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-objettiv tal-adegwatezza tar-riżorsi).

    (480)

    F’dan ir-rigward, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar l-użu tal-kapaċità installata nominali biex jiġu kkalkolati l-limiti ta’ investiment. Skont il-Kummissjoni, tali karatteristika tad-disinn x’aktarx li tiddiskrimina kontra teknoloġiji b’fatturi għoljin ta’ deklassifikazzjoni, notevolment sorsi intermittenti tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ rinnovabbli. Il-kapaċità installata deklassifikata hija l-miżura li tirrifletti l-kontribut effettiv ta’ teknoloġija għall-kapaċità ġenerali u tippermetti opportunitajiet indaqs għat-teknoloġiji kollha fir-rigward tal-possibbiltà tagħhom li jkollhom aċċess għal kuntratti ta’ diversi snin.

    (481)

    Minkejja d-dubji inizjali, minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-elettriku Belġjan u n-nuqqas ta’ kummenti mill-partijiet interessati dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza f’dan il-punt biex tikkonkludi li t-tfassil tal-mekkaniżmu fil-prattika se jwassal għal diskriminazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji f’dan il-każ speċifiku. Barra minn hekk, il-Belġju impenja ruħu li jżomm ir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM taħt rieżami biex jiżgura li dawn ma jwasslux għal diskriminazzjoni possibbli tat-teknoloġiji fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq.

    (482)

    Kif iddikjarat fil-premessa (236), parti interessata waħda ssuġġeriet li jinħoloq irkant T-2 sabiex jiġi evitat akkwist żejjed fl-irkant T-4.

    (483)

    F’dan ir-rigward, il-Belġju spjega li rkant maqsum f’żewġ perjodi (T-4 u T-1) diġà ppermetta li t-teknoloġiji kollha, bi żmien ta’ tħejjija itwal jew iqsar, jipparteċipaw fil-mekkaniżmu u fl-Istat Membru biex ikollhom assigurazzjoni relattiva li jista’ jiġi akkwistat biżżejjed volum biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fis-sena tal-kunsinna. Il-qsim ulterjuri tal-volumi tal-kapaċità u ż-żieda ta’ rkant T-2 jirriskjaw li jnaqqsu żżejjed il-kompetizzjoni f’dawn l-irkantijiet (ara l-premessa (280)).

    (484)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għażla tal-awtoritajiet li jakkwistaw kapaċità permezz ta’ żewġ irkantijiet Y-4 u Y-1 hija leġittima.

    (485)

    Il-Kummissjoni tieħu nota tal-impenn tal-awtoritajiet li jżommu r-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM taħt rieżami biex jiżguraw li dawn ma jwasslux għal diskriminazzjoni possibbli bejn it-teknoloġiji fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq.

    (486)

    Il-limitu tal-emissjonijiet deskritt fil-premessa (107) japplika għat-teknoloġiji kollha u huwa mod kif il-Belġju jirrispetta l-punt 220 u l-punt 233(e) tal-EEAG. Fl-aħħar nett, l-installazzjonijiet il-ġodda li jaħdmu bil-fjuwils fossili, li se jkunu kuntratti eliġibbli ta’ 15-il sena, se jkunu marbuta bl-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u/jew mill-Belġju li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 (ara l-premessa (109)).

    (487)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija xierqa.

    5.3.6.   Proporzjonalità

    (488)

    L-ammont ta’ għajnuna jkun proporzjonat jekk ikun limitat għall-minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv segwit. L-EEAG tispeċifika dan ir-rekwiżit għall-miżuri ta’ adegwatezza tal-provvista ġenerata fil-punti minn 228 sa 231, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-benefiċjarji ma jaqilgħux aktar minn rata ta’ redditu raġonevoli u li jiġi eskluż il-qligħ mhux mistenni.

    5.3.6.1.   Proċess kompetittiv ta’ offerti

    (489)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet tħassib fir-rigward tad-diskriminazzjoni possibbli kontra kapaċitajiet b’fatturi għoljin ta’ deklassifikazzjoni (deskritti fil-premessi (480) u (481)) u konsegwentement għall-proċess kompetittiv ta’ offerti.

    (490)

    Minkejja d-dubji prima facie, kif spjegat fil-premessa (485), f’dan il-punt il-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza biex tikkonkludi li t-tfassil tal-mekkaniżmu fil-prattika se jwassal għal diskriminazzjoni bejn teknoloġiji differenti f’dan il-każ speċifiku u, konsegwentement, ifixkel il-proċess kompetittiv ta’ offerti.

    (491)

    Il-miżura nnotifikata hija mekkaniżmu ta’ kapaċità teknoloġikament newtrali għas-suq kollu, li taħtu l-fornituri ta’ kapaċità eliġibbli kollha jikkompetu f’irkant wieħed ta’ kapaċità biex jiskopru l-aktar prezz baxx sostenibbli li bih tista’ tiġi fornuta l-kapaċità meħtieġa. In-natura kompetittiva tal-irkant jenħtieġ li tixpruna l-prezzijiet għal żero jekk ikun hemm biżżejjed provvista biex tintlaħaq id-domanda. Il-proċess huwa soġġett għal kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà. Ir-raġuni ewlenija għall-ineliġibbiltà hija meta l-fornituri tal-kapaċità jibbenefikaw minn miżuri ta’ appoġġ oħrajn li jwasslu għal akkumulazzjoni u kumpens żejjed possibbli. Fir-rigward tad-durata tal-kuntratti, il-biċċa l-kbira tal-fornituri tal-kapaċità huma eliġibbli biss għal ftehimiet ta’ kapaċità ta’ sena. Kapaċità ġdida u rinnovata, li tinvolvi kostijiet kapitali ta’ investiment intensiv, hija eliġibbli għal ftehimiet ta’ kapaċità itwal sabiex dawn l-investituri jkunu jistgħu jiggarantixxu l-finanzjament meħtieġ (ara l-premessi (117) u (326)).

    (492)

    Disinn tas-suq tal-kapaċità fis-suq kollu jirrifletti l-eżitu probabbli prodott minn suq tal-enerġija effiċjenti. L-irkantijiet se jiġu organizzati bħala ‘pay-as-bid’ għall-ewwel żewġ irkantijiet (irkantijiet Y-4 għall-ewwel sentejn ta’ kunsinna) u ‘pay-as-clear’ minn hemm ’il quddiem (ara l-premessi (112) u (113)). Huma inklużi żewġ limiti massimi differenti fuq il-prezzijiet fis-CRM biex jiġi evitat qligħ mhux mistenni u biex jiġi limitat l-abbuż tas-saħħa fis-suq: (i) il-limitu massimu globali fuq il-prezzijiet tal-irkant u (ii) il-limitu massimu tal-prezz intermedju (ara t-Taqsima 2.5.4.2). L-għan tal-limiti massimi huwa li jtaffu s-saħħa fis-suq u, b’hekk, li jillimitaw l-ammont ta’ għajnuna għal dik li hija remunerazzjoni raġonevoli għas-servizz tad-disponibbiltà.

    (493)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija mfassla bħala proċess kompetittiv ta’ offerti abbażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji u li hija tissodisfa wkoll ir-rekwiżit tal-prevenzjoni ta’ qligħ mhux mistenni.

    5.3.6.2.   Volum li għandu jiġi akkwistat

    (494)

    Kif imsemmi fil-premessa (223), fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-użu ta’ xenarju mhux realistiku għall-kalkolu tal-volum fis-CRM huwiex se jwassal għall-finanzjament ta’ kapaċità mhux meħtieġa.

    (495)

    Parti interessata waħda sostniet li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament jista’ jinfluwenza l-volum tal-kapaċità tas-CRM. Pereżempju, ir-rabta tal-imposti għall-finanzjament tas-CRM mal-konsum tal-elettriku matul id-domanda massima tista’ titqies bħala inċentiv għall-partijiet ikkonċernati biex inaqqsu l-konsum tagħhom matul id-domanda massima, li jwassal għal ħtieġa mnaqqsa għall-kapaċità li għandha tiġi rkantata (ara l-premessa (241)).

    (496)

    Kif spjegat mill-Belġju (ara l-premessa (293)), bħalissa ma hemmx biżżejjed arloġġi intelliġenti installati fil-Belġju biex jippermettu mekkaniżmu ta’ finanzjament ibbażat fuq il-konsum ta’ karga massima. Il-liġi dwar is-CRM ġiet immodifikata sabiex ikun jista’ jiġi introdott mudell bħal dan fl-2025. Il-Belġju spjega wkoll li huwa se jirrevedi l-mekkaniżmu ta’ finanzjament eżistenti fl-2023 meta jinħareġ rapport dwar l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti.

    (497)

    Il-Kummissjoni rċeviet ukoll riassigurazzjonijiet mill-Belġju dwar il-metodoloġija li għandha tintuża biex tiġi stabbilita l-kurva tad-domanda għall-irkant kif stabbilit fit-Taqsima 2.5.2. Il-Belġju kkonferma wkoll li se jakkwista ammont ta’ kapaċità proporzjonat għat-tħassib aġġornat dwar l-adegwatezza u jaġġusta l-ammont li għandu jiġi akkwistat maż-żmien biex ikun jirrifletti l-aġġornamenti fil-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-istandard tal-affidabbiltà, filwaqt li jiżgura l-kompetittività tal-irkantijiet. B’mod partikolari, il-Belġju impenja ruħu li jaġġusta l-volumi, jekk ikun meħtieġ, sabiex dawn ikunu jirriflettu l-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-istandard tal-affidabbiltà aġġornati kif deskritti qabel. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u r-raġunament stabbilit fil-premessi (395) u (400), il-Kummissjoni tqis li s-CRM ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza.

    5.3.6.3.   Konklużjoni dwar il-proporzjonalità

    (498)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija proporzjonata.

    5.3.7.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u t-test tal-ibbilanċjar

    (499)

    L-effetti negattivi tas-CRM fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku jridu jkunu limitati biżżejjed b’tali mod li l-bilanċ ġenerali tal-miżura jkun pożittiv. Il-Qorti kkjarifikat li sabiex tivvaluta jekk miżura taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni trid tiżen l-effett pożittiv tal-għajnuna ppjanata għall-iżvilupp tal-attivitajiet li l-għajnuna hija maħsuba li tappoġġa u l-effetti negattivi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq is-suq intern (103).

    5.3.7.1.   Effetti pożittivi

    (500)

    Fuq in-naħa pożittiva tal-bilanċ, il-Kummissjoni tinnota li l-iskema għandha effetti pożittivi f’termini taż-żamma tal-kapaċità eżistenti fis-suq tal-elettriku jew tal-ħolqien ta’ kapaċità ġdida u, b’hekk, tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. F’dan ir-rigward, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija huwa wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija, skont l-Artikolu 194 tat-TFUE.

    (501)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li installazzjoni tal-ġenerazzjoni li tarmi aktar minn 550 g ta’ CO2 għal kull kWh ta’ elettriku ma tistax tiġi kkuntrattata skont is-CRM (ara l-premessa (107)) u li l-installazzjonijiet eliġibbli se jkollhom iwiegħdu li jilħqu newtralità klimatika sal-2050. B’hekk, jista’ jiġi konkluż li s-CRM jagħti preferenza lill-ġeneraturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, f’konformità mal-punt 233(e) tal-EEAG.

    5.3.7.2.   Effetti negattivi

    (502)

    Fuq in-naħa negattiva tal-bilanċ, l-appoġġ lill-fornituri tal-kapaċità jista’ jfixkel il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq tal-elettriku, inkluż bejn l-impriżi li jirċievu l-appoġġ u l-kompetituri tagħhom fl-istess settur.

    (503)

    L-EEAG jispeċifikaw ir-rekwiżit li jiġu evitati l-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fil-punti 232 u 233, li jissottolinjaw il-ħtieġa għal parteċipazzjoni wiesgħa fl-iskema u l-evitar ta’ effetti li jimminaw is-suq, bħat-tisħiħ tad-dominanza jew l-effett fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment.

    (504)

    Il-miżura hija miftuħa għall-ġeneraturi eżistenti u ġodda kollha, għar-rispons min-naħa tad-domanda u għall-operaturi tal-ħżin. Barra minn hekk, il-miżura hija miftuħa għall-kapaċità transfruntiera.

    Il-ftuħ għall-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista

    (505)

    Il-punt 232(a) tal-EEAG jiddikjara li l-miżura ta’ adegwatezza tal-ġenerazzjoni jenħtieġ li tkun miftuħa għal aggregazzjoni potenzjali kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista.

    (506)

    Kif imsemmi fil-premessa (242), xi partijiet interessati indikaw li r-regoli attwali tal-eliġibbiltà għal kuntratti ta’ diversi snin ifixklu l-aggregazzjoni, b’mod aktar speċifiku, ir-regola li l-assi bl-inqas durata tal-kuntratt f’portafoll aggregat jiddetermina d-durata tal-kuntratt għall-portafoll kollu.

    (507)

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-regoli attwali tal-eliġibbiltà għal kuntratti ta’ diversi snin jistgħu jfixklu l-aggregazzjoni. Għalhekk, hija tilqa’ l-proposta tal-Belġju li jemenda d-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-limiti ta’ investiment, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-kostijiet tal-investiment u l-proċedura ta’ klassifikazzjoni (ara l-premessa (141)). L-emenda tistipula li l-maniġer tal-offerta aggregata jista’ jagħżel il-kategorija tal-kapaċità li tapplika għall-offerta aggregata.

    (508)

    Fir-rigward tal-kumment minn parti interessata dwar l-ostakoli għall-aggregazzjoni għall-assi b’obbligu ta’ skeda ta’ kuljum (ara l-premessa (243)), il-Kummissjoni tinnota l-argumenti ppreżentati mill-Belġju (il-premessi (297) u (298)) u mill-parti interessata (il-premessa (243)). Minħabba li l-kapaċitajiet soġġetti għal obbligu ta’ skeda ta’ kuljum huma affettwati minn proċeduri ta’ koordinazzjoni speċjali, il-Kummissjoni tqis li l-approċċ tal-Belġju għal dawn il-kapaċitajiet huwa ġġustifikat biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fis-suq tal-elettriku. Madankollu, il-Belġju se jwettaq valutazzjonijiet regolari tas-CRM biex jippermetti li jsiru bidliet, jekk u fejn xieraq, inkluża l-possibbiltà ta’ aggregazzjoni tal-assi b’obbligu ta’ skeda ta’ kuljum.

    Limiti ta’ investiment

    (509)

    Fir-rigward tal-kummenti minn xi partijiet interessati relatati mal-livell tal-limiti ta’ investiment għal kuntratti ta’ diversi snin u li allegaw li dawn jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni bejn ċerti klassijiet ta’ teknoloġija, il-Kummissjoni tinnota l-impenn tal-Belġju li jaġġorna dawn il-limiti f’każ ta’ evidenza ġdida, inklużi l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, li juru l-ħtieġa ta’ dan. Il-limiti ta’ investiment il-ġodda għal kuntratti ta’ diversi snin, li kienu soġġetti għall-konsultazzjoni pubblika, huma stabbiliti fil-premessa (138). Il-CREG se jaġġorna l-limiti ta’ investiment meta jidher li jkun meħtieġ, iżda mill-inqas kull 3 snin. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tikkunsidra li l-limiti l-ġodda għal kuntratti ta’ diversi snin se jwasslu għal diskriminazzjoni bejn it-teknoloġiji.

    Fatturi ta’ deklassifikazzjoni

    (510)

    Kif imsemmi fil-premessi (247) u (248), xi partijiet interessati sostnew li l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni attwali jirriskjaw li jippenalizzaw b’mod qawwi teknoloġiji bħall-ħżin, ir-rispons għad-domanda jew l-enerġiji rinnovabbli.

    (511)

    Il-Belġju spjega (ara l-premessa (303)) li l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni tat-teknoloġiji b’użu limitat tal-enerġija jkunu aktar baxxi meta jiżdied il-proporzjon tagħhom fis-sistema/fil-pajjiż. B’hekk, id-differenza bejn il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni fil-Belġju, fi Franza u fir-Renju Unit imsemmija mill-partijiet interessati. Madankollu, sabiex jakkomoda t-tħassib tal-partijiet interessati, il-Belġju aġġorna l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni wara parir mill-awtorità regolatorja u laqgħa speċifika tat-Task Force tal-partijiet interessati kollha dwar dan is-suġġett li saret fil-bidu ta’ Jannar 2021. Il-fatturi ta’ deklassifikazzjoni aġġornati huma stabbiliti fil-premessa (79). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tikkunsidra li l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni riveduti ma humiex xierqa.

    Obbligu ta’ ħlas lura

    (512)

    Fir-rigward tal-kummenti ta’ xi partijiet interessati li l-mekkaniżmi tal-obbligu ta’ ħlas lura jiddiskriminaw kontra operaturi tal-kapaċità bi skeda sħiħa (il-premessi (250) u (251)), il-Belġju sostna li s-CRM jilħaq bilanċ bejn l-inklużjoni tal-obbligu ta’ ħlas lura u l-evitar tad-diskriminazzjoni lejn il-kapaċità li tista’ tiġi attivata biss bi prezz ogħla mill-prezz tal-eżerċitar.

    (513)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Istati Membri li għandhom mekkaniżmi simili ta’ kapaċità għas-suq kollu għandhom prattiki diverġenti fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas lura. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-mekkaniżmu tal-obbligu ta’ ħlas lura fis-CRM Belġjan ġie mmodifikat u mtejjeb b’mod sinifikanti wara konsultazzjonijiet pubbliċi.

    (514)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu tal-obbligu ta’ ħlas lura jilħaq il-bilanċ xieraq bejn iż-żewġ għanijiet kompetituri msemmija fil-premessa (512).

    Limitu massimu tal-prezz intermedju

    (515)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-introduzzjoni ta’ limitu massimu tal-prezz intermedju għall-kapaċità fil-kategorija ta’ kuntratti ta’ sena, mingħajr il-possibbiltà ta’ deroga individwali, tistax teskludi lil ċerti detenturi tal-kapaċità mis-CRM. Dawn id-dubji ġew appoġġati minn xi partijiet interessati (ara l-premessa (252)).

    (516)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn tal-Belġju li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ deroga. Il-mekkaniżmu ta’ deroga kien soġġett għall-konsultazzjoni pubblika u ġie introdott fid-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi limiti ta’ investiment u kriterji ta’ eliġibbiltà għall-kostijiet tal-investiment. Il-mekkaniżmu ta’ deroga se japplika bl-istess mod kemm għall-kapaċitajiet transfruntiera nazzjonali kif ukoll għal dawk indiretti (ara l-premessi (129) u (130)).

    (517)

    Kif iddikjarat fil-premessa (131), id-deroga għall-ewwel irkant se tingħata ex post, jiġifieri wara l-għeluq tal-irkant. Minħabba l-argumenti mressqa mill-Belġju fil-premessa (131), il-Kummissjoni tqis li d-deroga ex post mil-limitu massimu tal-prezz intermedju għall-ewwel irkant hija ġustifikata.

    Konklużjoni dwar il-ftuħ tal-miżura għat-teknoloġiji kollha

    (518)

    Il-miżura tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ ġeneraturi li jużaw teknoloġiji differenti u ta’ operaturi li joffru miżuri bi prestazzjoni teknika ekwivalenti, f’konformità mal-punt 232(a) tal-EEAG.

    Il-kapaċità transfruntiera

    (519)

    Il-punt 232(b) tal-EEAG fih salvagwardji biex jiġi żgurat li l-operaturi minn Stati Membri oħrajn ikunu jistgħu jipparteċipaw f’miżura.

    (520)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-limitazzjoni tal-eliġibbiltà tal-kapaċità transfruntiera indiretta għal kuntratti ta’ sena, li huma soġġetti għal-limitu massimu tal-prezz intermedju, tista’ tiskoraġġixxi lill-operaturi minn Stati Membri oħrajn milli jipparteċipaw fis-CRM.

    (521)

    Il-Kummissjoni taċċetta l-argumenti tal-Belġju b’rabta ma’ dan it-tħassib. B’mod partikolari, fit-tul, mhux dejjem tista’ tiġi garantita kapaċità ta’ dħul suffiċjenti, minħabba li din tiddependi fuq diversi fatturi stabbiliti fil-premessa (143). Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn tal-Belġju li jirrevedi l-possibbiltà għal kapaċitajiet barranin li jaċċessaw kuntratti ta’ diversi snin (ara l-premessa (144)).

    (522)

    Kif imsemmi fil-premessa (516), il-mekkaniżmu ta’ deroga mil-limitu massimu tal-prezz intermedju, introdott mill-Belġju wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, japplika bl-istess mod kemm għall-kapaċitajiet transfruntiera nazzjonali kif ukoll għal dawk indiretti.

    (523)

    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni transfruntiera diretta fis-CRM, żewġ partijiet interessati sostnew li tali parteċipazzjoni tista’ tnaqqas l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità ta’ interkonnessjoni u timmina l-akkoppjament tas-suq (il-premessi (254) u (255)).

    (524)

    Kif ġie spjegat mill-Belġju (ara l-premessa (316)), saru bidliet fil-liġi dwar is-CRM sabiex jiġi akkomodat it-tħassib li tqajjem mill-partijiet interessati. Skont ir-regoli l-ġodda, prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ kapaċità transfruntiera diretta fis-CRM se tkun il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Belġju u l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-kapaċità.

    Dħul mill-konġestjoni

    (525)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni fittxet ukoll kjarifika dwar l-użu tad-dħul mill-konġestjoni tal-kapaċità u l-kondiviżjoni ta’ dan id-dħul bejn it-TSOs.

    (526)

    Il-Belġju kkjarifika li d-dħul mill-konġestjoni se jintuża u jinqasam skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar l-Elettriku, b’mod partikolari l-Artikolu 26(9).

    (527)

    Il-Belġju kkonferma wkoll li huwa se jikkonforma mad-Deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020 li, fost l-oħrajn, tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tad-dħul li jinħoloq permezz tal-allokazzjoni tal-kapaċità tad-dħul (ara l-premessa (204)).

    Konklużjoni dwar il-ftuħ tal-miżura għall-kapaċità transfruntiera

    (528)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma tnaqqasx l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità tal-interkonnessjoni jew fl-akkoppjament tas-suq, f’konformità mal-punt 233(a) u (b) tal-EEAG.

    (529)

    Fir-rigward tat-tisħiħ bla bżonn tad-dominanza tas-suq (il-punt 233(d) tal-EEAG), id-disinn tas-CRM jinkludi diversi miżuri li huma speċifikament maħsuba biex jipprevjenu l-abbuż tas-saħħa fis-suq, eż. għażliet ta’ affidabbiltà, limiti massimi fuq il-prezzijiet u proċess kompetittiv tal-irkant (ara l-premessi (94), (111) u (147)). Barra minn hekk, il-ftuħ għal kapaċità ġdida u d-disponibbiltà ta’ kuntratti fit-tul huma mistennija li jiżguraw li d-dominanza eżistenti ma tissaħħaħx bla bżonn.

    (530)

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għoti ta’ preferenza lill-ġeneraturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fejn joffru parametri tekniċi u ekonomiċi ekwivalenti (il-punt 233(e) tal-EEAG), il-Kummissjoni tinnota li l-miżura hija miftuħa għal ġeneraturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, sabiex jiġu evitati l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u l-kumpens żejjed li jirriżulta, il-ġeneraturi ma jridux ikunu riċevituri ta’ miżuri ta’ appoġġ oħrajn, kif deskritti fil-premessa (205).

    (531)

    Il-miżura hija konformi mat-Taqsima 3.9.6 tal-EEAG.

    5.3.7.3.   Konklużjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u t-test tal-ibbilanċjar

    (532)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura għandha effetti pożittivi sinifikanti f’termini tal-iffaċilitar ta’ attività ekonomika, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-provvista u ma twassalx għal distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Minn dan isegwi li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jissuperaw l-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Għalhekk, l-għajnuna proposta tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, filwaqt li ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

    5.3.8.   Trasparenza tal-għajnuna u d-ditti f’diffikultà jew soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti

    (533)

    Il-Belġju impenja ruħu li japplika l-kundizzjonijiet tat-trasparenza speċifikati fit-Taqsima 3.2.7 tal-EEAG sa fejn applikabbli għall-għajnuna mogħtija skont is-CRM (ara l-premessa (219)).

    (534)

    F’konformità mal-punt 16 tal-EEAG, ma tingħata l-ebda għajnuna lil ditti f’diffikultà (ara l-premessa (221)).

    (535)

    F’konformità mal-punt 17 tal-EEAG, skont is-CRM, ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna lil impriżi soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern (ara l-premessa (220)).

    6.   Konklużjoni

    Il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EEAG.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna fil-forma tal-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità li qed jippjana li jimplimenta r-Renju tal-Belġju hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. L-iskema ta’ għajnuna hija awtorizzata għal perjodu massimu ta’ 10 snin li jibda mid-data tal-ewwel irkant.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Jekk id-Deċiżjoni jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali li jenħtieġ li ma tiġix ippubblikata, jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data li fiha tirċeviha. Jekk il-Kummissjoni ma tirċevix talba motivata sa dik id-data ta’ skadenza, inti titqies li taqbel mal-pubblikazzjoni tat-test sħiħ tad-Deċiżjoni. Jenħtieġ li t-talba tiegħek li tispeċifika l-informazzjoni rilevanti tintbagħat elettronikament fuq l-indirizz li ġej:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

    Ir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat

    B-1049 Brussell

    Stateaidgreffe@ec.europa.eu

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU C 346, 16.10.2020, pp. 27–65.

    (2)  Cf. in-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (3)  Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

    (4)  https://ec.europa.eu/energy/en/content/national-energy-and-climate-plans-necps-belgium

    (5)  Il-Liġi tat-22 ta’ April 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità (Loi modifiant la loi du 29 avril 1999 relative à l'organisation du marché de l'électricité portant la mise en place d'un mécanisme de rémunération de capacité) (“il-Liġi dwar is-CRM”), u l-Liġi tal-15 ta’ Marzu 2021 li temenda l-Liġi tat-22 ta’ April 2019 (Loi modifiant la loi du 29 avril 1999 relative à l'organisation du marché de l'électricité et modifiant la loi du 22 avril 2019 modifiant la loi du 29 avril 1999 relative à l'organisation du marché de l'électricité portant la mise en place d'un mécanisme de rémunération de capacité) (“il-Liġi dwar is-CRM Emendata”).

    (6)  Dawn it-testi huma disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Enerġija, ara: https://economie.fgov.be/fr/themes/energie/securite-dapprovisionnement/mecanisme-de-remuneration-de

    (7)  L-ewwel proposta sussegwentement ġiet sottomessa lir-regolatur nazzjonali fit-13 ta’ Novembru 2020. Wara diskussjonijiet bejn it-TSO u r-regolatur, it-TSO ssottometta proposta ġdida lir-regolatur fit-30 ta’ April 2021. Ir-regolatur nieda konsultazzjoni pubblika addizzjonali bejn it-30 ta’ April u s-7 ta’ Mejju 2021, dwar il-modifiki li qies li huma meħtieġa għall-proposta tat-TSO. Ir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan imbagħad ġew stabbiliti mir-regolatur permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2021 u approvati b’Digriet Amministrattiv tat-30 ta’ Mejju 2021.

    (8)   Arrêté royal du 28 avril 2021 fixant les paramètres avec lesquels le volume de la capacité à prévoir est déterminé, y compris leurs méthodes de calcul, et les autres paramètres nécessaires pour l'organisation des mises aux enchères, ainsi que la méthode pour et les conditions à l'octroi d'une dérogation individuelle à l'application du ou des plafond(s) de prix intermédiaire(s) dans le cadre du mécanisme de rémunération de capacité.

    (9)   Arrêté royal du 21 mai 2021 relatif à l'établissement des critères de recevabilité visés à l'article 7undecies, § 8, alinéa 1er, 1° et 2°, de la loi du 29 avril 1999 relative à l'organisation du marché de l'électricité, en ce qui concerne les conditions dans lesquelles les détenteurs de capacité bénéficiant ou ayant bénéficié de mesures de soutien ont le droit ou l'obligation de participer à la procédure de préqualification et en ce qui concerne le seuil minimal, en MW.

    (10)   Arrêté royal du 4 juin 2021 fixant les seuils d'investissements, les critères d'éligibilité des coûts d'investissement et la procedure de classement.

    (11)   Projet d’arrêté royal relatif à l’établissement des conditions auxquelles les détenteurs de capacité étrangère directe et indirecte peuvent participer à la procédure de préqualification dans le cadre du mécanisme de rémunération de capacité. Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, dan id-Digriet Amministrattiv għadu ma ġiex adottat.

    (12)   Arrêté royal du 30 mai 2021 déterminant des modalités du contrôle du bon fonctionnement du mécanisme de rémunération de capacité par la commission de régulation de l'électricité et du gaz.

    (13)  Ara: https://www.elia.be/en/public-consultation/20200828_public-consultation-crm-functioning-rules

    (14)  LOLE95 tirreferi għal standard tal-95 perċentil li abbażi tiegħu, waqt kundizzjonijiet severi b’possibbiltà ta’ 5 % li jseħħu (jiġifieri xitwa kiesħa ħafna li sseħħ darba f’20 sena), il-LOLE trid tkun inferjuri għall-istandard partikolari li, fil-każ tal-Belġju, huwa ta’ 20 siegħa.

    (15)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-ACER tat-2 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Metodoloġija għall-kalkolu tal-valur tat-tagħbija mitlufa, il-kost ta’ entrata ġdida, u l-istandard tal-affidabbiltà: https://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Individual%20decisions%20Annexes/ACER%20Decision%20No%2023-2020_Annexes/ACER%20Decision%2023-2020%20on%20VOLL%20CONE%20RS%20-%20Annex%20I.pdf

    (17)  Il-valur preċedenti tal-VOLL fil-Belġju kien ta’ EUR 23,3/kWh u l-valur stmat tal-CONE kien ta’ EUR 65/kW/sena.

    (18)  https://www.elia.be/fr/actualites/communiques-de-presse/2019/06/20190628_press-release-adequacy-and-flexibility-study-for-belgium-2020-2030

    (19)  Ara d-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat C(2018) 589 final, fil-Kawża SA.48648 (2017/NN) – Il-Belġju – Riżerva Strateġika.

    (20)  Ix-xenarju “BAŻI tal-UE” iqis l-aħħar politiki magħrufa tal-pajjiżi Ewropej immudellati kollha (trajettorji nukleari u tal-faħam, il-ġenerazzjoni tal-gass mibnija ġdida mistennija, l-iżviluppi tal-ħżin u tar-rispons min-naħa tad-domanda, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità, approċċ abbażi tal-fluss, ir-regoli tal-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, l-iżvilupp mistenni tal-grilja, eċċ.).

    (21)  https://www.creg.be/fr/publications/etude-f1957

    (22)  https://eepublicdownloads.blob.core.windows.net/public-cdn-container/clean-documents/sdc-documents/MAF/2019/MAF%202019%20Appendix%201%20-%20Detailed%20Results%2C%20Sensitivities%20and%20Input%20Data.pdf

    (23)  Issir sensittività għall-“Eliminazzjoni gradwali tal-Faħam”. B’kollox, tneħħew madwar 23,6 GW tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni mix-xenarju ta’ Każ Bażi tal-2025, prinċipalment permezz ta’ tnaqqis fil-kapaċitajiet tal-linjite u tal-faħam iebes.

    (24)  Skont il-Belġju, l-istudju assuma ġenerazzjoni termali ta’ 2,5 GW u l-għażla tat-teknoloġija kienet arbitrarja.

    (25)  https://www.benelux.int/files/4515/8998/1576/PENTAreport_FINAL.pdf

    (26)  Il-Forum tal-Enerġija Pentalaterali huwa l-qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fl-Ewropa tal-Punent Ċentrali bejn l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvizzera.

    (27)  Bħal għall-MAF 2019, “għall-2025 hija b’hekk preżunta ħtieġa ta’ kapaċità ġdida ta’ 2,5 GW f’dan l-istudju li għandha titwassal taħt is-CRM fl-2025 sabiex tintlaħaq l-adegwatezza għall-Belġju.”

    (28)   “Għas-“Sensittività Baxxa għall-Gass” fil-PLEF għall-Belġju, il-kapaċità ġdida preżunta ta’ 2,5 GW tneħħiet mill-“Każ Bażi” tal-PLEF”. “Il-kapaċitajiet tal-gass tal-Belġju u ta’ Franza huma, rispettivament, 2,5 GW u 2,2 GW inqas milli fil-każ bażi. Għall-Awstrija (1,2 GW inqas kapaċità tal-gass), għan-Netherlands (1,6 GW inqas kapaċità tal-gass) u għal-Lussemburgu (0,1 GW inqas kapaċità tal-gass).”

    (29)   “Għas-sensittività baxxa għall-NTC Nukleari/CH, il-kapaċità nukleari hija 1 700 MW inqas fi Franza u 1 190 MW inqas fl-Iżvizzera. Għall-pajjiżi l-oħrajn kollha, il-kapaċità installata ma tinbidilx meta mqabbla mal-każ bażi. Barra minn hekk, l-NTCs bejn l-Iżvizzera u ż-żoni ġirien jitnaqqsu sabiex jitqiesu l-flussi mhux skedati li qed jiżdiedu mill-Iżvizzera minħabba l-fatt li l-Iżvizzera ma tistax tiġi inkluża fl-akkoppjament tas-swieq abbażi tal-flussi (FBMC) fl-2025.”

    (30)  Deċiżjoni tal-ACER dwar il-metodoloġija tal-ERAA: https://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Individual%20decisions%20Annexes/ACER%20Decision%20No%2024-2020_Annexes/ACER%20Decision%2024-2020%20on%20ERAA%20-%20Annex%20I.pdf

    (31)  Id-Deċiżjoni Nru 04/2017 tal-ACER tal-14 ta’ Novembru 2017 tiddikjara li f’każ li l-prezz tal-ikklerjar jaqbeż valur ta’ 60 fil-mija tal-prezz massimu armonizzat tal-ikklerjar għall-Akkoppjament Singolu ta’ Ġurnata bil-quddiem f’mill-inqas unità waħda tal-ħin tas-suq f’ġurnata f’żona tal-offerti individwali jew f’diversi żoni tal-offerti, il-prezz massimu armonizzat tal-ikklerjar għandu jiżdied b’EUR 1 000/MWh.

    (32)   ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.

    (33)  Ara d-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat C(2018) 589 final, fil-Kawża SA.48648 (2017/NN) – Il-Belġju – Riżerva Strateġika.

    (34)  https://ec.europa.eu/energy/consultations/consultation-belgiums-market-reform-plan_en

    (35)  L-Opinjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2654 final: https://ec.europa.eu/energy/topics/markets-and-consumers/capacity-mechanisms_en

    (36)  https://economie.fgov.be/sites/default/files/Files/Energy/Belgian-electricity-market-Final-implementation-plan-CRM-22062020.pdf

    (37)  Fl-2020, il-Gvern Fjamming iddeċieda li jħaffef l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti, bl-għan li jissostitwixxi 80 % tal-arloġġi tal-enerġija kollha fl-unitajiet domestiċi Fjammingi sal-aħħar tal-2024. Barra minn hekk, fid-digriet emendat dwar l-enerġija tas-17 ta’ Lulju 2020, il-Gvern Fjamming stabbilixxa l-ambizzjoni li l-arloġġi tradizzjonali kollha fi Flanders jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’arloġġi tal-enerġija diġitali sal-1 ta’ Lulju 2029.

    (38)  https://www.elia.be/en/grid-data/grid-development/investment-plan/federal-development-plan-2020-2030.

    (39)  Dawn il-persentaġġi huma bbażati fuq id-definizzjonijiet użati mill-Grupp ta’ Esperti fil-Mira tal-Interkonnessjoni (‘Interconnection Target Experts Group’ - ITEG), jiġifieri r-rata ta’ interkonnessjoni = il-kapaċità tal-importazzjoni Totali / tal-ġenerazzjoni Totali, bl-importazzjoni totali timplika “fluss massimu ta’ enerġija li l-assi transfruntier jista’ jittrażmetti f’konformità mal-kriterji tas-sigurtà tas-sistema.”

    (40)  Fl-aħħar tal-2020, tlestiet l-interkonnessjoni ta’ ALEGrO bejn il-Belġju u l-Ġermanja, li tippermetti l-iskambju tal-elettriku bejn iż-żewġ pajjiżi. Minn Novembru 2020, din l-interkonnessjoni hija disponibbli għal attivitajiet kummerċjali.

    (41)  Il-fornituri ta’ kapaċità huma eliġibbli biss għal kuntratti ta’ kapaċità sal-volum eliġibbli tagħhom, definit bħala l-potenza ta’ referenza tagħhom (b’kunsiderazzjoni tal-volumi ta’ nonparteċipazzjoni) immultiplikata bil-fattur ta’ deklassifikazzjoni.

    (42)  Disponibbli wkoll fuq: CRM-bijlage-reductiefactoren-veiling-10-2021.pdf (fgov.be)

    (43)  https://www.elia.be/fr/users-group/implementation-crm

    (44)  https://www.creg.be/fr/publications/avis-a2030

    (45)   “L-użu ta’ xenarju Hi-Lo, li fih l-avvenimenti estremi huma preżunti li huma l-każ bażi, ma tantx jista’ jitqies bħala “sena statistikament normali”. Għall-kuntrarju, xenarju Hi-Lo jimplika, minnu nnifsu, sitwazzjoni eċċezzjonali. Il-CREG ma jiċħadx li fil-fatt jistgħu jseħħu sitwazzjonijiet estremi, iżda dawn iridu jiġu inklużi bil-probabbiltà tagħhom f’simulazzjoni probabilistika. Minflok, l-analiżijiet tas-sigurtà tal-provvista ta’ Elia bbażati fuq xenarju Hi-Lo jinvolvu kalkolu ta’ LoLE medja b’suppożizzjoni bażi statistikament anomala (jiġifieri “probabbiltà baxxa”).”

    (46)  https://www.creg.be/fr/publications/note-z2024

    (47)  https://www.creg.be/fr/publications/proposition-e2064

    (48)  Enerġija Mistennija Mhux Moqdija: tbassir tad-domanda annwali li ma tistax tiġi pprovduta mir-riżorsi disponibbli fis-suq tal-enerġija, espressa f’MWh.

    (49)  https://www.plan.be/admin/uploaded/201403170843050.WP_1403.pdf

    (50)  https://www.acer.europa.eu/en/Electricity/Infrastructure_and_network%20development/Infrastructure/Documents/CEPA%20study%20on%20the%20Value%20of%20Lost%20Load%20in%20the%20electricity%20supply.pdf

    (51)  Elementi oħrajn tal-proposta tal-CREG jistgħu jinstabu hawn: https://www.creg.be/fr/publications/proposition-e2064

    (52)  https://economie.fgov.be/fr/themes/energie/securite-dapprovisionnement/mecanisme-de-remuneration-de

    (53)  L-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (54)  L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (55)  Ix-xenarju ta’ referenza użat għall-kalibrazzjoni tal-ewwel kurva tad-domanda huwa deskritt fil-premessa (287).

    (56)  Il-CONE nett jirrappreżenta d-dħul li l-aqwa teknoloġija ġdida jkollha bżonn tikseb fis-suq tal-kapaċità biex tikkumpensa għall-“flus mitlufa” tagħha fis-suq tal-enerġija għal sena. Dan jiġi kkalkolat billi jitneħħew id-dħul tas-suq u d-dħul tas-servizzi anċillari mill-CONE gross.

    (57)  Ir-regolatur CREG nieda konsultazzjoni pubblika mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-13 ta’ Lulju 2020 dwar proposta ta’ valuri tal-CONE għal lista qasira ta’ teknoloġiji ta’ referenza, id-WACC u l-fattur ta’ korrezzjoni X (ara l-premessa (99)(b)).

    (58)  Meta wieħed iqis is-CCGT, l-OCGT u l-magni diżil fil-lista qasira tat-teknoloġija ta’ referenza u meta wieħed jassumi l-valuri medji għall-CONE gross, id-dħul mis-suq tal-enerġija u d-dħul minn servizzi anċillari.

    (59)  https://www.elia.be/en/public-consultation/20200505_public-consultation-on-the-scenarios-sensitivities-and-data-for-the-crm

    (60)   “2.2.1 Id-disponibbiltà nukleari Franċiża - L-ewwel sensittività hija konformi mal-istudju ta’ 10 snin dwar l-Adegwatezza u l-Flessibbiltà 2020-30 (Elia, 2019) u hija ppreżentata f’§2.6.8. Hija tinkludi disponibbiltà nukleari mnaqqsa b’4 unitajiet fix-xitwa.”

    (61)  https://www.creg.be/fr/publications/proposition-c2105

    (62)  https://economie.fgov.be/sites/default/files/Files/Energy/avis-dg-energie-projet-proposition-2105-signed.pdf

    (63)  https://www.creg.be/fr/consultations-publiques/consultation-publique-relative-au-projet-de-proposition-2086-relative-au

    (64)  Elia nieda konsultazzjoni pubblika dwar ix-xenarji, is-sensittivitajiet u d-data għall-kalkolu tal-parametru tas-CRM għall-Irkant Y-4 għall-Perjodu ta’ Kunsinna 2025-2026 (ara l-premessa (99)(a)).

    (65)  Ċifri miksuba mir-rapport ta’ kalibrazzjoni ta’ Elia. Disponibbli fuq: https://www.elia.be/nl/users-group/implementatie-crm.

    (66)  Meta jitqies li l-medda ta’ fatturi ta’ deklassifikazzjoni għal “termali fuq skala kbira” tvarja bejn 85 u 95 %, jiġi applikat fattur ta’ deklassifikazzjoni ta’ minimu ta’ 90 % għas-CCGT, għall-OCGT u għat-teknoloġija tat-Turbo-ġett. Għat-teknoloġija tar-Rispons tas-Suq, il-fattur ta’ deklassifikazzjoni jirrappreżenta medja biex jitqiesu l-varjetà ta’ possibbiltajiet inklużi fit-teknoloġija tar-Rispons tas-Suq.

    (67)  Ċifri miksuba mir-rapport ta’ kalibrazzjoni ta’ Elia. Disponibbli fuq: https://www.elia.be/nl/users-group/implementatie-crm.

    (68)  Għandu jiġi nnotat li huma biss it-tariffi ta’ riżerva tal-mFRR ta’ inqas minn EUR 10 MW/h li jitqiesu lejn il-valur medju globali, billi l-prezzijiet ’il fuq minn dan il-punt ta’ limitu jitqiesu li jirrappreżentaw perjodi bi kwistjonijiet ta’ adegwatezza u, għalhekk, ma humiex rappreżentattivi għal din l-analiżi. Il-valuri BAXXI/MEDJI/GĦOLJIN jiġu kkalkolati bħala 60/75/90 % tal-valur medju globali, sabiex jitqiesu l-kostijiet varjabbli assoċjati mar-riżerva tal-mFRR, bħal pereżempju kost biex issir offerta. Id-dħul nett mill-forniment ta’ servizzi ta’ bbilanċjar relatati mal-frekwenza, sabiex jiġi evitat għadd doppju u jiġi kkunsidrat biss id-dħul nett, ġie kkunsidrat sal-punt li ġej: id-dħul tal-FCR ma jiġix ikkunsidrat, minħabba li l-batteriji x’aktarx li jsiru t-teknoloġija dominanti biex jipprovdu l-FCR. It-teknoloġija tal-Batteriji ma titqiesx għall-kalibrazzjoni tal-limitu massimu tal-prezz intermedju, minħabba li titqies li toħloq każ ta’ negozju pożittiv mill-forniment tal-FCR. Id-dħul tal-aFRR ma jiġix ikkunsidrat, billi huwa preżunt li t-teknoloġiji jipprovdu arbitraġġ tal-aFRR bejn il-forniment tal-aFRR u l-bejgħ tal-enerġija. Għalhekk, it-tariffi għar-riżerva tal-aFRR huma preżunti li ma jirrappreżentawx dħul nett minbarra l-kirjiet inframarġinali miksuba fis-suq tal-enerġija. Id-dħul mill-mFRR jitqies rilevanti għat-teknoloġiji tat-Turbo-ġett (preżunti li jipprovdu prodott standard tal-mFRR) u tar-Rispons tas-Suq (preżunti li jipprovdu prodott flessibbli tal-mFRR), minħabba li dawn tipikament jipprovdu dawn is-servizzi bħalissa fis-suq. B’mod aktar speċifiku, id-dħul għat-Turbo-ġett u għar-Rispons tas-Suq jiġi ddeterminat minn persentaġġ tat-tariffa medja għar-riżerva tal-mFRR jew il-kirja inframarġinali mis-suq tal-enerġija, skont liema waħda mit-tnejn twassal għall-ogħla valur.

    (69)  Ċifri miksuba mir-rapport ta’ kalibrazzjoni ta’ Elia. Disponibbli fuq: https://www.elia.be/nl/users-group/implementatie-crm.

    (70)  Metodoloġija għall-kisba ta’ deroga individwali kienet soġġetta għal konsultazzjoni pubblika mwettqa fi Frar 2021.

    (71)  Il-fornituri ta’ kapaċità huma meħtieġa jissottomettu informazzjoni tas-CO2 dwar is-CMUs tagħhom matul il-proċess ta’ prekwalifikazzjoni. Ir-Regoli dwar il-Funzjonament tas-CRM Belġjan (ara t-Taqsima 18.1.17) jipprovdu linji gwida għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi u annwali, abbażi tal-opinjoni tal-ACER nru 22/2019.

    (72)  https://www.creg.be/fr/publications/proposition-c1907

    (73)  Il-limiti ta’ investiment huma stabbiliti mid-Digriet Amministrattiv, abbażi ta’ proposta tar-regolatur (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tad-Digriet Amministrattiv ippubblikat).

    (74)  Il-volum li CMU hija obbligata tagħmel disponibbli waqt it-testijiet tad-disponibbiltà u l-monitoraġġ tad-disponibbiltà.

    (75)  Il-kapaċità tas-CMU li hija attwalment disponibbli matul il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-disponibbiltà jew it-test tad-disponibbiltà.

    (76)  Il-potenza massima (f’MW) li l-Punt ta’ Kunsinna jista’ jinjetta fil-grilja ta’ Elia, jew ineħħi minnha, għal ċertu perjodu ta’ ħmistax-il minuta, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet tekniċi, operazzjonali, meteoroloġiċi jew oħrajn kollha magħrufa fil-ħin tan-notifika lil Elia bl-Iskeda ta’ Kuljum, mingħajr ma titqies kwalunkwe parteċipazzjoni tal-punt ta’ kunsinna fil-forniment ta’ servizzi ta’ bbilanċjar.

    (77)  Abbozz ta’ Digriet Amministrattiv dwar l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li taħthom id-detenturi ta’ kapaċità barranija diretta u indiretta jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura ta’ prekwalifikazzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità.

    (78)  Ara d-Deċiżjoni tal-ACER Nru 36/2020 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi tal-kapaċità.

    (79)   “Operatur tas-suq tal-elettriku nominat (NEMO)” tfisser entità maħtura mill-awtorità kompetenti biex twettaq kompiti relatati ma’ akkoppjament wieħed ta’ ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata – ara l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (80)  https://www.dekamer.be/kvvcr/showpage.cfm?section=/none&leftmenu=no&language=fr&cfm=/site/wwwcfm/flwb/flwbn.cfm?lang=F&legislat=55&dossierID=1220

    (81)  https://www.creg.be/sites/default/files/assets/Publications/Decisions/Z1109-10FR.pdf

    (82)  Ara l-Artikolu 21(8) tar-Regolament dwar l-Elettriku.

    (83)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju u dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 30).

    (84)  Kif definiti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

    (85)   ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1, kif ikkoreġut mir-rettifika adottata mill-Kummissjoni fil-ĠU C 290, 10.8.2016, p. 11. Fit-2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li testendi l-EEAG sal-31 ta’ Diċembru 2021 u temendahom. Ara l-Komunikazzjoni C(2020) 4355 final.

    (86)  https://www.elia.be/en/news/press-releases/2020/05/20200520_third-regional-generation-adequacy-assessment-report

    (87)  https://assets.rte-france.com/prod/public/2020-06/bp2019_synthegse_12_1_0.pdf

    (88)  Il-Kawża 76/78 Steinike & Weinlig vs Il-Ġermanja [1977] il-Ġabra 595, il-paragrafu 21; Il-Kawża C-379/98 PreussenElektra [2001] il-Ġabra I-2099, il-paragrafu 58; Il-Kawża C-706/17 Achema [2019] il-paragrafu 47 u s-segwenti.

    (89)  Il-Kawża C-345/02, Pearle u Oħrajn [2004] ECLI:EU:C:2004:448.

    (90)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE [2013] ECLI:EU:C:2013:348

    (91)  Il-Kawża C- 405/16 P, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea [2019] ECLI:EU:C:2019:268, il-paragrafu 68.

    (92)  Ara l-Kawża C- 405/16 P, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea [2019] ECLI:EU:C:2019:268, il-paragrafi 68 u 72; il-Kawża C-706/17 Achema u Oħrajn [2019] ECLI:EU:C:2019:407, il-paragrafu 57 u l-Kawża T-217/17 FVE Holýšov I u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [2019] ECLI:EU:T:2019:633, il-paragrafu 111.

    (93)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.

    (94)  Ara r-Regolament dwar l-Elettriku u d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

    (95)  Fil-punt (16) tal-EEAG, żdiedet is-sentenza li ġejja fil-Komunikazzjoni C(2020) 4355 final: “Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

    (96)  Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-paragrafi 20 u 24.

    (97)  Ara, f’dak is-sens, il-punti 49 u 144 tal-EEAG.

    (98)  Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-paragrafu 44.

    (99)  Ara l-premessa (25) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat SA.40029 (2014/N) “L-introduzzjoni mill-ġdid tal-iskema ta’ stralċ, tal-iskema ta’ kumpens, il-Mudell I u l-Mudell II – H1 2015”, ĠU C 136, 24.4.2015, p. 4. Ara l-premessa (29) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat SA.42215 (2015/N) “Estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju Griegi (l-Artikolu 2 tal-Liġi 3723/2008)”, ĠU C 277, 21.8.2015, p. 11.

    (100)  Il-Kawża C-213/96 Outokumpu [1998] I-1777, il-paragrafu 30.

    (101)  Opinjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2654 final: https://ec.europa.eu/energy/topics/markets-and-consumers/capacity-mechanisms_en.

    (102)  Rapport Finali tal-Inkjesta Settorjali dwar il-Mekkaniżmi ta’ Kapaċità, SWD(2016) 385 final.

    (103)  Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punt 101.


    Top