Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0410

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/410 tal-10 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà f’raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1415

ĠU L 84, 11.3.2022, pp. 20–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/410/oj

11.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/410

tal-10 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà f’raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 62(14) u (15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenju tal-ajru, inkluż ir-rekwiżiti għall-ġestjoni tiegħu.

(2)

Skont l-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, fil-każ ta’ inġenju tal-ajru użat minn trasportaturi tal-ajru li ngħataw il-liċenzja b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-operatur għandu jkun responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru li jopera u għandu jiġi approvat, bħala parti miċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tiegħu, bħala organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà (“CAMO”) skont l-Anness Vc (Parti-CAMO).

(3)

Meta t-trasportaturi tal-ajru jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju wieħed, dan ir-rekwiżit joħloq ċerti ostakli għall-istabbiliment u għall-implimentazzjoni ta’ sistema komuni ta’ ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa (“CAW”) għall-inġenji tal-ajru kollha li jkunu operati minn dak ir-raggruppament. In-nuqqas ta’ tali sistema komuni ta’ ġestjoni tal-CAW jirriżulta f’duplikazzjoni tax-xogħol minħabba li l-organizzazzjonijiet ma jibbenefikawx minn objettivi u proċeduri simili, u fil-prevenzjoni tal-interoperabbiltà f’qasir żmien ta’ inġenji tal-ajru bejn detenturi differenti ta’ ċertifikati ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru (“AOC”).

(4)

Barra minn hekk, l-industrija tqis li s-sitwazzjoni attwali toħloq żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ operaturi oħra tal-ajru mhux tal-UE, li mhumiex soġġetti għal tali restrizzjonijiet ġuridiċi.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru liċenzjati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed jikkuntrattaw CAMO f’dak ir-raggruppament għall-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru operati minnhom.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 04/2021 (4) tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 75(2)(b) u 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt (t) li ġej:

“(t)

‘armonizzazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni’ tfisser il-proċess ikkoordinat li bih is-sistemi ta’ ġestjoni ta’ żewġ organizzazzjonijiet jew aktar jinteraġixxu u jikkondividu informazzjoni u metodi biex jilħqu objettivi komuni jew konsistenti ta’ monitoraġġ tas-sikurezza u l-konformità.”;

(2)

l-Anness I (Parti-M) huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(3)

l-Anness Vc (Parti-CAMO) huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(4)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


ANNESS I

L-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt M.A.201, jiddaħħlu l-punti (ea) u (eb) li ġejjin:

“(ea)

B’deroga mill-punt (e)(2), mill-inqas żewġ operaturi li jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed jistgħu jużaw l-istess CAMO biex jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru kollha li joperaw, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(1)

is-CAMO tkun approvata f’konformità mal-Anness Vc (Parti-CAMO) għall-inġenju tal-ajru li għandu jiġi ġestit;

(2)

is-CAMO tifforma parti mill-istess raggruppament tan-negozju tat-trasportatur tal-ajru bħall-operaturi kkonċernati;

(3)

ikun stabbilit kuntratt f’konformità mal-Appendiċi I ta’ dan l-Anness bejn is-CAMO u d-detentur tal-AOC li ma jkunx hu stess approvat bħala CAMO;

(4)

is-CAMO għandha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati;

(5)

is-sistemi individwali ta’ ġestjoni tal-organizzazzjonijiet li jikkonkludu kuntratt huma armonizzati ma’ xulxin.

(eb)

B’deroga mill-punt (e)(2), meta t-terminazzjoni jew ir-revoka ta’ ċertifikat ta’ operatur tal-ajru tirriżulta f’sitwazzjoni fejn trasportatur tal-ajru liċenzjat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u li jifforma parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru ma jibqax konformi mal-punt M.A.201(ea), dak it-trasportatur tal-ajru liċenzjat għandu jiddefinixxi u jimplimenta pjan ta’ azzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti biex jikkonforma mal-punt M.A.201(e)(2) hekk kif dan ikun prattikabbli.”;

(2)

l-Appendiċi I huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Għandu jiddikjara dan li ġej:

 

‘Is-sid jew l-operatur jinkariga lis-CAMO jew lis-CAO bil-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru, inkluż iżda mhux limitat għall-iżvilupp ta’ AMP li għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti kif spjegat fil-punt M.1, u l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru skont it-tali AMP.

 

Skont dan il-kuntratt, iż-żewġ firmatarji jintrabtu li jsegwu l-obbligi rispettivi ta’ dan il-kuntratt.

 

Is-sid jew l-operatur jiddikjara, skont l-aħjar għarfien tiegħu, li l-informazzjoni kollha mogħtija lis-CAMO jew is-CAO dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru hi u se tkun preċiża u li l-inġenju tal-ajru mhux se jiddewwa jew jiġi mmodifikat mingħajr il-ftehim minn qabel tas-CAMO jew is-CAO.

 

F’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-kuntratt, minn wieħed mill-firmatarji, is-CAMO jew is-CAO u s-sid jew l-operatur għandhom jivvalutaw jekk dan għandux impatt fuq il-kontinwazzjoni tal-kuntratt u għandhom jinfurmaw lill-awtorità(jiet) kompetenti tat-tali organizzazzjonijiet. Il-valutazzjoni mwettqa mill-organizzazzjonijiet għandha tqis is-sinifikat tas-sikurezza tan-nuqqas ta’ konformità u jekk tkunx ta’ natura ripetittiva. Jekk wara din il-valutazzjoni wieħed mill-firmatarji jikkonkludi li ma jistax jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu stess jew minħabba n-nuqqasijiet tal-firmatarju, il-kuntratt għandu jitħassar u l-awtorità(jiet) kompetenti tal-organizzazzjonijiet għandhom jiġu infurmati minnufih. F’tali każ, is-sid jew l-operatur jibqa’ responsabbli għal kull kompitu marbut mal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru, u fi żmien ġimagħtejn (2) jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistru dwar it-tali nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt. Fil-każ ta’ kuntratt konkluż skont M.A.201(ea), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandha tiġi infurmata minnufih.’ ”;

(b)

il-parti introduttorja tal-punt 5 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta sid jew operatur jikkuntratta CAMO jew CAO f’konformità mal-punt M.A.201, il-kuntratt għandu jispeċifika l-obbligi ta’ kull parti kif ġej:”;

(c)

fil-punt 5.1(2) il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jistabbilixxi u jordna l-manutenzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat kollegament xieraq mal-programm ta’ manutenzjoni preċedenti tal-inġenju tal-ajru;”;

(d)

fil-punt 5.1(2) il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

jikkoordina t-twettiq tal-manutenzjoni skedata, inkluż l-ispezzjoni tal-komponenti, il-bdil ta’ partijiet għal żmien limitat u t-twettiq ta’ kwalunkwe AD applikabbli, u jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti operattivi li jkollhom impatt fuq l-ajrunavigabbiltà kontinwa, ir-rekwiżiti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà stabbiliti mill-Aġenzija u l-miżuri meħtieġa mill-awtorità kompetenti b’reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza;”;

(e)

fil-punt 5.1(2), il-punti (j), (k) u (l) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(j)

jinforma lis-sid jew lill-operatur kull darba li l-inġenju tal-ajru għandu jittieħed għand organizzazzjoni ta’ manutenzjoni approvata;

(k)

jimmaniġġja u jarkivja r-rekords tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru;

(l)

jikkoordina mal-operatur jew mas-sid fuq kwalunkwe talba lill-awtorità kompetenti rilevanti għal kwalunkwe devjazzjoni mill-programm ta’ manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru;”

(f)

fil-punt 5.1(2) jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

jappoġġa lill-operatur jew lill-pilota-sid fir-rigward tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru meta jwettqu titjiriet ta’ kontroll tal-manutenzjoni.”;

(g)

fil-punt 5.2, jiżdiedu l-punti 13, 14 u 15 li ġejjin:

“13.

jiżgura l-konformità mal-programm ta’ manutenzjoni approvat u jikkoordina mas-CAMO jew mas-CAO fuq kwalunkwe talba lill-awtorità kompetenti rilevanti għal kwalunkwe estensjoni ta’ darba għal intervall ta’ programm ta’ manutenzjoni;

14.

jinforma lis-CAMO jew lis-CAO dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti operattivi li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru;

15.

jinforma lis-CAMO jew lis-CAO dwar kwalunkwe rekwiżit operazzjonali (eż. approvazzjonijiet speċifiċi) meħtieġ li jiġi ssodisfat sabiex l-inġenju tal-ajru jinżamm fil-konfigurazzjoni meħtieġa.”;

(h)

jiżdied il-punt 7 li ġej:

“7.

Rekwiżiti addizzjonali fil-każ tal-applikazzjoni tal-punt M.A.201(ea)

Minbarra r-rekwiżiti u l-obbligi elenkati hawn fuq fil-punti 5.1 u 5.2, meta jiġi konkluż kuntratt bejn is-CAMO u l-operatur f’konformità mal-punt M.A.201(ea), il-kuntratt tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà għandu jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti tal-punti minn 7.1 sa 7.3.

Qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, l-operatur għandu jivvaluta s-CAMO biex jiżgura li s-CAMO jkollha l-ħila u l-kapaċità li tikkonforma mal-kuntratt.

7.1.

Eliġibbiltà

Il-kuntratt tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà f’konformità mal-punt M.A.201(ea) għandu jiġi konkluż biss jekk it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ikun liċenzjat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u s-CAMO tifforma parti mill-istess raggruppament tan-negozju tat-trasportatur tal-ajru. Il-kuntratt tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà għandu jkun fih deskrizzjoni ċara ta’ kif il-kundizzjonijiet spjegati f’M.A.201(ea) ikunu ssodisfati. B’mod partikolari għandu jiddeskrivi kif is-sistemi tal-organizzazzjonijiet ikunu armonizzati bejniethom.

7.2.

Obbligi addizzjonali tas-CAMO:

1.

issir infurmata dwar il-proċedura tal-operatur relatata mal-monitoraġġ tal-kuntratt;

2.

tikseb il-ftehim mill-operatur qabel ma jissottokuntratta l-kompiti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà;

3.

tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni kull meta l-inġenju tal-ajru ma jiġix ippreżentat mill-operatur lill-organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata kif mitlub mis-CAMO, meta l-kuntratt preżenti ma jiġix irrispettat jew meta l-kuntratt jiġi ddenunzjat minn xi waħda mill-partijiet;

4.

tipprovdi taħriġ għall-persunal tal-operatur biex tiżgura li huma jifhmu:

(a)

il-politiki u l-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, l-obbligi, id-dmirijiet u l-oqsma ta’ interfaċċa tas-CAMO;

(b)

il-linji ta’ komunikazzjoni (pereżempju rekords tal-inġenji tal-ajru, skambju ta’ informazzjoni preċiża dwar l-ajrunavigabbiltà fil-ħin inkluż barra s-sigħat normali tax-xogħol) tas-CAMO;

(c)

il-proċeduri li jappartjenu speċifikament għas-CAMO bħall-użu personalizzat tas-software, il-monitoraġġ tal-affidabbiltà, l-użu tas-sistema ta’ reġistrazzjoni teknika tal-inġenji tal-ajru, u d-dispożizzjonijiet dwar l-interoperabbiltà.

7.3.

Obbligi addizzjonali tal-operatur:

1.

jiżviluppa proċeduri ta’ interfaċċa mas-CAMO biex jindirizza l-ħruġ u t-tiġdid taċ-ċertifikat tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà;

2.

f’każ ta’ ħtiġijiet ta’ manutenzjoni mhux mistennija f’postijiet fejn l-ebda organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata f’konformità mal-Anness II (Parti-145) ta’ dan ir-Regolament ma tkun ikkuntrattata, jinforma minnufih lis-CAMO;

3.

jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni meta l-kuntratt jiġi denunzjat minn kwalunkwe parti;

4.

jipprovdi taħriġ għall-persunal tas-CAMO sabiex jiġi żgurat li jifhem:

(a)

il-politiki u l-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, l-obbligi, id-dmirijiet u l-oqsma ta’ interfaċċa tal-operatur;

(b)

il-linji ta’ komunikazzjoni tal-operatur;

(c)

il-proċeduri li jappartjenu speċifikament għall-operatur bħal proċeduri operazzjonali, użu ta’ software personalizzat, użu tas-sistema ta’ reġistrazzjoni teknika tal-inġenji tal-ajru, u dispożizzjonijiet dwar l-interoperabbiltà tal-operatur.”.


ANNESS II

L-Anness Vc (il-Parti-CAMO) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt CAMO.A.105 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“CAMO.A.105 Awtorità kompetenti

Għall-fini ta’ dan l-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tkun:

(a)

għal organizzazzjonijiet li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f’territorju li għalih Stat Membru huwa responsabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, waħda minn dawn li ġejjin;

(i)

l-awtorità maħtura minn dak l-Istat Membru fejn hu lokalizzat l-post prinċipali tan-negozju tal-organizzazzjoni, jekk l-approvazzjoni mhix inkluża fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru jew jekk is-CAMO tkun ikkuntrattata b’mod konformi ma’ M.A.201(ea);

(ii)

l-awtorità maħtura mill-Istat Membru tal-operatur jekk l-approvazzjoni hi inkluża f’ċertifikat tal-operatur tal-ajru;

(iii)

l-awtorità maħtura minn Stat Membru minbarra (i) jew (ii), jekk ir-responsabbiltà tkun ġiet riallokata lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(iv)

l-Aġenzija jekk ir-responsabbiltà tkun ġiet riallokata lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikoli 64 jew 65 tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(b)

l-Aġenzija jekk il-post prinċipali tan-negozju tal-organizzazzjoni jkun jinsab barra minn territorju li għalih ikun responsabbli Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago.”;

(2)

fil-punt CAMO.A.125, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Minkejja l-punt (a), għat-trasportaturi tal-ajru liċenzjati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-approvazzjoni għandha tkun parti miċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru maħruġ mill-awtorità kompetenti għall-inġenju tal-ajru operat ħlief meta, f’konformità mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (Parti-M), is-CAMO tkun ikkuntrattata minn operaturi li jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed.”;

(3)

fil-punt (d) tas-CAMO.A.125, il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

tiġġestixxi l-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru użati minn trasportaturi tal-ajru li ngħataw il-liċenzja f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, meta dan ikun imniżżel kemm fiċ-ċertifikat tagħha kif ukoll fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru jew meta japplika M.A.201(ea);”;

(4)

fil-punt CAMO.A.135, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Minkejja l-punt (b), meta s-CAMO tiġi kkuntrattata minn operaturi li jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed f’konformità mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (Parti-M), it-terminazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ma jinvalidax awtomatikament iċ-ċertifikat tas-CAMO. F’dan il-każ, il-kuntratt f’konformità mal-Appendiċi I tal-Anness I (Parti-M) ta’ dan ir-Regolament isir null.”;

(5)

fil-punt CAMO.A.135, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

Meta jingħata lura jew jiġi revokat, iċ-ċertifikat għandu jintbagħat lura lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.”;

(6)

fil-punt CAMO.A.200, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

Meta, f’konformità mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (Parti-M), jiġi konkluż kuntratt bejn CAMO u operaturi li jiffurmaw parti minn raggruppament ta’ negozju ta’ trasportatur tal-ajru wieħed, is-CAMO għandha tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tagħha tkun armonizzata mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-operaturi li jiffurmaw parti minn dak ir-raggruppament ta’ negozju.”;

(7)

fil-punt CAMO.A.305, jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:

“(ba)

Jekk tkun involuta f’attivitajiet ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà relatati ma’ kuntratt stabbilit f’konformità mal-punt M.A.201(ea), il-persuna jew il-persuni nominata/i f’konformità mal-punt (a)(3) tal-punt CAMO.A.305 ma għandhomx jiġu impjegati minn organizzazzjoni approvata f’konformità mal-Anness II (Parti-145) b’kuntratt mas-CAMO, sakemm ma jkunx hemm qbil speċifiku mill-awtorità kompetenti.”;

(8)

fil-punt CAMO.B.300, jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

Meta jiġi konkluż kuntratt f’konformità mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (Parti-M), l-awtorità kompetenti responsabbli għas-sorveljanza tas-CAMO u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-sorveljanza tal-operaturi kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni li tkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa minn dawk l-awtoritajiet kompetenti u tista’ tinkludi t-twettiq ta’ kompiti ta’ sorveljanza fuq is-CAMO mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-operaturi.”;

(9)

l-Appendiċi I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Appendiċi I

Ċertifikat tal-Organizzazzjoni ta’ Ġestjoni tal-Kontinwità tal-Ajrunavigabbiltà — Formola 14 tal-EASA

[STAT MEMBRU (*)]

Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (**)

ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-KONTINWITÀ TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ

Referenza: [IL-KODIĊI TAL-ISTAT MEMBRU *].CAMO.XXXX

(Referenza/i: inkludi hawnhekk l-approvazzjoni(jiet) tal-AOC AOC XX.XXXX)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 u soġġetta għall-kundizzjonijiet speċifikati hawn taħt, l-[AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*)] b’dan tiċċertifika:

[L-ISEM U L-INDIRIZZ TAL-KUMPANIJA]

bħala organizzazzjoni ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà f’konformità mat-Taqsima A tal-Anness Vc (Parti-CAMO) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014.

KUNDIZZJONIJIET:

1.

Dan iċ-ċertifikat hu limitat għal dak l-ambitu speċifikat fit-taqsima tal-ambitu tax-xogħol tal-espożizzjoni ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà (CAME) approvata kif imsemmi fit-Taqsima A tal-Anness Vc (Parti-CAMO) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014.

2.

Dan iċ-ċertifikat jeħtieġ konformità mal-proċeduri speċifikati fis-CAME approvata f’konformità mal-Anness Vc (Parti-CAMO) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014.

3.

Dan iċ-ċertifikat ikun validu filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà approvata tibqa’ konformi mal-Anness I (Parti-M), mal-Anness Vb (Parti-ML) u mal-Anness Vc (Parti-CAMO) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014.

4.

Fejn l-organizzazzjoni ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà approvata tagħti b’sottokuntratt skont is-sistema ta’ ġestjoni tagħha s-servizz ta’ (diversi) organizzazzjoni(jiet), dan iċ-ċertifikat jibqa’ validu bil-kundizzjoni li din/dawn l-organizzazzjoni(jiet) tissodisfa/jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali applikabbli.

5.

Soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet 1 sa 4 ta’ hawn fuq, dan iċ-ċertifikat għandu jibqa’ validu għal perjodu mingħajr limitu sakemm iċ-ċertifikat ma jkunx preċedentement ġie ngħata lura, issostitwit, sospiż jew irrevokat.

Jekk din il-formola tintuża wkoll għad-detenturi ta’ ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) (operaturi tal-ajru li ngħataw liċenzja f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008), in-numru AOC, jew b’mod konformi mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (il-Parti-M) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, in-numri AOC, għandhom jiżdiedu mar-referenza, b’mod supplimentari għan-numru standard, u l-kundizzjoni 5 għandha tiġi ssostitwita bil-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

6.

Dan iċ-ċertifikat ma jikkostitwixxix awtorizzazzjoni għat-tħaddim tat-tipi ta’ inġenji tal-ajru msemmija fil-kundizzjoni 1. L-awtorizzazzjoni biex jitħaddmu l-inġenji tal-ajru hija l-AOC.

7.

It-terminazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-AOC ta’ trasportatur tal-ajru liċenzjat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 awtomatikament jinvalida ċ-ċertifikat preżenti fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru speċifikati fl-AOC ħlief meta s-CAMO tkun ikkuntrattata f’konformità mal-punt M.A.201(ea) tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor mill-awtorità kompetenti.

8.

Soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet preċedenti, dan iċ-ċertifikat għandu jibqa’ validu għal żmien mhux limitat sakemm iċ-ċertifikat ma jkunx preċedentement ngħata lura, sostitwit, sospiż jew revokat.

Data tal-ħruġ oriġinali: …

Iffirmat: …

Data ta’ din ir-reviżjoni: … Nru tar-reviżjoni: …

Għall-awtorità kompetenti: [AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*)]

Paġna … minn …

Paġna 2 minn 2

TERMINI TAL-APPROVAZZJONI

TAL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-ĠESTJONI TAL-KONTINWITÀ TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ

Referenza: [IL-KODIĊI TAL-ISTAT MEMBRU *].CAMO.XXXX

(Referenza/i tal-AOC XX.XXXX)

Organizzazzjoni: [L-ISEM U L-INDIRIZZ TAL-KUMPANIJA]

Tip/serje/grupp tal-inġenju tal-ajru

Rieżami tal-ajrunavigabbiltà awtorizzata

Permessi awtorizzati għat-titjir

Organizzazzjonijiet mogħtija sottokuntratt

 

[IVA/LE]

***

[IVA/LE]

***

 

 

[IVA/LE]

***

[IVA/LE]

***

 

 

[IVA/LE]

***

[IVA/LE]

***

 

 

[IVA/LE]

***

[IVA/LE]

***

 

It-termini tal-approvazzjoni huma limitati għall-ambitu tax-xogħol li jinsab fit-taqsima tas-CAME approvata…

Referenza tas-CAME: …

Data tal-ħruġ oriġinali: …

Iffirmat: …

Data ta’ din ir-reviżjoni: … Nru tar-reviżjoni: …

Għall-Awtorità Kompetenti: [AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU (*)]

Formola 14 tal-EASA Ħarġa 6

(*)

jew l-EASA, jekk l-EASA hi l-awtorità kompetenti

(**)

ħassar għal Stat Membru mhux tal-UE jew għall-EASA.

(***)

ħassar kif jixraq jekk l-organizzazzjoni mhijiex approvata.

Top