Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0904

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/904 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.) (EULEX KOSOVO)

ST/7790/2021/INIT

ĠU L 197, 4.6.2021, pp. 114–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/904/oj

4.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/114


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/904

tat-3 ta’ Ġunju 2021

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK

dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*) (EULEX KOSOVO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1).

(2)

Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/792 (2), li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u li testendi l-Missjoni sal-14 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku ta’ EULEX KOSOVO, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li jenħtieġ li l-Missjoni tiġi estiża sal-14 ta’ Ġunju 2023 u li l-kompitu li jiġi pprovdut appoġġ operazzjonali għad-djalogu ffaċilitat mill-UE jenħtieġ li jiġi ttrasferit lill-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(4)

Jenħtieġ li xejn minn din id-Deċiżjoni ma jiġi interpretat b’mod li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi attivi fi proċedimenti ġudizzjarji fil-kuntest ta’ EULEX KOSOVO.

(5)

Minħabba n-natura speċjali tal-attivitajiet ta’ EULEX KOSOVO b’appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa xieraq li f’din id-Deċiżjoni jkun identifikat l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għal dawk il-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru u biex jipprevedi l-implimentazzjoni ta’ dik il-parti mill-baġit permezz ta’ għotja.

(6)

Jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

EULEX KOSOVO ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-kompitu li jiġi pprovdut appoġġ operazzjonali għad-Djalogu ffaċilitat mill-UE għandu jiġi ttrasferit lill-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo sal-31 ta’ Diċembru 2022.";

(2)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej::

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ġunju 2021 sal-14 ta’ Ġunju 2023 għandu jkun ta’ EUR 173 693 683. Minn dak l-ammont, l-ammont maħsub biex ikopri n-nefqa ta’ EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo għandu jkun ta’ EUR 57 900 000 u l-ammont maħsub biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru għandu jkun ta’ EUR 115 793 683.

Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta’ għotja ma’ reġistratur li jaġixxi f’isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għall-ammont ta’ EUR 115 793 683. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandhom japplikaw għall-ftehim ta’ għotja.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX KOSOVO għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għajr l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 relatati mal-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, EULEX KOSOVO għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 20, it-tieni paragrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandha tiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

P. N. SANTOS


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo EULEX KOSOVO (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/792 tal-11 ta’ Ġunju 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 193, 17.6.2020, p. 9).


Top