EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2221

Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)

ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2221/oj

28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/30


REGOLAMENT (UE) 2020/2221 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 u l-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Wara li kkonsultaw l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Istati Membri ntlaqtu bla preċedent mill-kriżi li rriżultat mill-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-pandemija tal-COVID-19. Il-kriżi tfixkel it-tkabbir fl-Istati Membri, li min-naħa tagħha taggrava n-nuqqas serju ta’ likwidità minħabba ż-żieda f’daqqa u sinifikanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom. Il-kriżi aggravat ukoll is-sitwazzjoni tal-persuni fir-riskju tal-faqar, u b’hekk naqqset il-koeżjoni soċjali fl-Istati Membri. Barra minn hekk, l-għeluq tal-fruntieri interni kellu impatt qawwi fuq il-kooperazzjoni ekonomika, partikolarment fiż-żoni tal-fruntieri, u dan affettwa l-ivvjaġġar tal-ħaddiema u l-vijabbiltà tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi, immedjati u straordinarji li jilħqu lill-ekonomija reali malajr.

(2)

Sabiex jirrispondu għall-impatt tal-kriżi, ir-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 (4) u (UE) Nru 1303/2013 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġew emendati bir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) sabiex jippermettu aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-”FEŻR”), il-Fond Soċjali Ewropew (il-”FSE”) u l-Fond ta’ Koeżjoni (kollettivament “il-Fondi”) u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-”FEMS”). Madankollu, peress li l-effetti negattivi serji fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Unjoni marru għall-agħar, iż-żewġ Regolamenti reġgħu ġew emendati bir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dawk l-emendi pprovdew flessibbiltà addizzjonali eċċezzjonali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq ir-rispons meħtieġ għall-kriżi mingħajr preċedent billi titqawwa l-possibbiltà li jiġi mobilizzat appoġġ mhux użat mill-Fondi u billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti proċedurali marbuta mal-implimentazzjoni u l-awditjar tal-programm.

(3)

Fit-23 ta’ April 2020, il-Kunsill Ewropew approva l-”Pjan direzzjonali għall-irkupru” sabiex jiġu rimedjati xokkijiet kbar fl-ekonomija u jiġu mitigati, minn naħa, il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-Unjoni li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet eċċezzjonali stabbiliti mill-Istati Membri biex jikkontrollaw it-tixrid tal-COVID-19 u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ rkupru asimmetriku, li jirriżulta mid-differenzi fil-mezzi nazzjonali disponibbli fl-Istati Membri differenti, li, konsegwentement, kellu impatt serju fuq il-funzjonament tas-suq intern. Il-Pjan direzzjonali għall-irkupru għandu element qawwi ta’ investiment u jsejjaħ għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Irkupru. Barra minn hekk, u kif riaffermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020, huwa ta mandat lill-Kummissjoni biex tanalizza l-ħtiġijiet sabiex ir-riżorsi jkunu mmirati lejn dawk is-setturi u l-partijiet ġeografiċi tal-Unjoni li huma l-aktar milquta, filwaqt li tiġi wkoll iċċarata r-rabta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.

(4)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (8) u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ rkupru u reżiljenza taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġi indirizzat l-impatt mingħajr preċedent tal-kriżi tal-COVID-19. Tali riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw biex tiġi żgurata l-konformità mat-termini stipulati fir-Regolament (UE) 2020/2094.

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u arranġamenti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali pprovduti bħala Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jipprovdu assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija. Taħt ir-REACT-EU, ammont eċċezzjonali addizzjonali ta’ mhux aktar minn EUR 47 500 000 000 fi prezzijiet tal-2018 għal impenn baġitarju mill-Fondi Strutturali għas-snin 2021 u 2022 jenħtieġ li jsir disponibbli bħala sostenn lil dawk l-Istati Membri u reġjuni li huma l-aktar affettwati mill-miżuri ta’ tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u li qegħdin iħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (“ir-riżorsi REACT-EU”), bil-ħsieb li jiġu mmobilizzati riżorsi malajr fl-ekonomija reali permezz tal-programmi operattivi eżistenti. Ir-riżorsi REACT-EU ġejjin mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Parti mir-riżorsi REACT-EU jenħtieġ li jiġu allokati għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi t-tqassim tar-riżorsi REACT-EU għal kull Stat Membru abbażi ta’ metodu ta’ allokazzjoni bbażat fuq l-aħħar data statistika oġġettiva disponibbli li tikkonċerna l-prosperità relattiva tal-Istati Membri u l-firxa tal-effett tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. Qabel l-applikazzjoni tal-metodu ta’ allokazzjoni dwar ir-riżorsi REACT-EU għas-sena 2021 u sabiex jingħata appoġġ lill-aktar setturi importanti wara l-kriżi tal-COVID-19 f’ċerti Stati Membri, jenħtieġ li jiġi allokat ammont ta’ EUR 100 000 000 u EUR 50 000 000 lil-Lussemburgu u lil Malta, rispettivament. Il-metodu ta’ allokazzjoni jenħtieġ li jinkludi ammont iddedikat addizzjonali għar-reġjuni ultraperifiċi, minħabba l-vulnerabbiltà speċifika tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. Sabiex tiġi riflessa n-natura li qed tevolvi tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, it-tqassim jenħtieġ li jiġi rivedut fl-2021 fuq il-bażi tal-istess metodu ta’ allokazzjoni u bl-użu tal-aktar data statistika reċenti disponibbli sad-19 ta’ Ottubru 2021 biex jitqassam is-segment tal-2022 tar-riżorsi REACT-EU.

(6)

Fid-dawl tal-importanza li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Fondi se jikkontribwixxu biex jiġu integrati l-azzjonijiet klimatiċi u biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni b’appoġġ għall-objettivi klimatiċi. Ir-REACT-EU mistennija tikkontribwixxi 25 % tal-pakkett finanzjarju kumplessiv favur l-objettivi klimatiċi. Bi qbil man-natura tar-REACT-EU bħala strument għat-tiswija tad-dannu kkawżat minn kriżi u l-flessibbiltà mogħtija minn dan ir-Regolament, inklużi n-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u l-possibbiltà li l-Istati Membri jidderieġu r-riżorsi REACT-EU sabiex jappoġġaw operazzjonijiet taħt il-FEŻR jew il-FSE skont il-ħtiġijiet tagħhom, il-livell tal-kontributi tal-Istati Membri lejn dik l-ambizzjoni jista’ jvarja skont il-prijoritajiet nazzjonali.

(7)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (ir-”Regolament Finanzjarju”) u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet, implimentazzjoni indiretta u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(8)

Sabiex tkun permessa flessibbiltà massima lill-Istati Membri fit-tfassil ad hoc ta’ azzjonijiet li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u fit-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija, l-allokazzjonijiet jenħtieġ li jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-livell tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsir provvediment ukoll għall-possibbiltà li jintużaw xi riżorsi REACT-EU biex jingħata sostenn lil dawk l-aktar fil-bżonn u lill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (“YEI”, Youth Employment Initiative). Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti limiti massimi li jikkonċernaw l-allokazzjoni għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri filwaqt li titħalla l-flessibbiltà massima lill-Istati Membri fir-rigward tal-allokazzjoni tagħha fi ħdan il-programmi operattivi appoġġati mill-FEŻR jew mill-FSE. Is-saħħa operattiva tal-FSE jenħtieġ li tiġi ppreservata meta jiġu allokati riżorsi REACT-EU fl-oqsma tal-politika tal-impjiegi, b’mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ f’konformità mat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-ħiliet u l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa, b’enfasi partikolari li jintlaħqu gruppi u tfal żvantaġġati. Fil-kunsiderazzjoni tal-infiq rapidu mistenni tar-riżorsi REACT-EU, l-impenji marbuta ma’ dawn ir-riżorsi jenħtieġ li jiġu diżimpenjati biss fl-għeluq tal-programmi operattivi.

(9)

Peress li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat lil reġjuni u muniċipalitajiet fl-Istati Membri b’modi differenti, l-involviment ta’ atturi reġjonali u lokali minn awtoritajiet, sħab ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili, bi qbil mal-prinċipju tas-sħubija, huwa importanti għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi bl-appoġġ tar-REACT-EU.

(10)

Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll possibbiltajiet għal trasferimenti finanzjarji taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi bejn il-FEŻR u l-FSE għar-riżorsi REACT-EU f’konformità mal-Artikolu 25a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Tali trasferimenti jenħtieġ li ma jaffettwaw la r-riżorsi disponibbli taħt il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea u lanqas l-allokazzjoni speċifika għall-YEI.

(11)

Sabiex jikkomplementaw l-azzjonijiet diġà disponibbli taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-FEŻR, kif estiż bir-Regolamenti (UE) 2020/460 u (UE) 2020/558, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jitħallew jużaw ir-riżorsi REACT-EU primarjament għal investimenti fi prodotti u servizzi għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa transfruntieri u l-kura istituzzjonali, fil-komunità u fil-familja, biex jingħata appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju jew appoġġ għall-investiment lill-SMEs, inklużi servizzi ta’ konsulenza, partikolarment fis-setturi l-aktar affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 u li jeħtieġu rivitalizzazzjoni rapida, bħat-turiżmu u l-kultura, għal investimenti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u ekoloġika, għal investimenti fl-infrastruttura li tipprovdi servizzi bażiċi nondiskriminatorji liċ-ċittadini, u għal miżuri ta’ appoġġ ekonomiku għal dawk ir-reġjuni li huma l-aktar dipendenti fuq setturi l-aktar affettwati mill-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li jitrawmu wkoll kooperazzjoni, koordinazzjoni u reżiljenza aktar b’saħħithom fil-qasam tas-saħħa. Barra minn hekk, jenħtieġ li tkun appoġġata l-assistenza teknika. Huwa xieraq li r-riżorsi REACT-EU jkunu ffokati esklussivament taħt l-objettiv tematiku l-ġdid “Trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija”, li jenħtieġ li jikkostitwixxu wkoll prijorità ta’ investiment unika, sabiex ikunu possibbli l-programmazzjoni simplifikata u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi.

(12)

Għall-FSE, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw ir-riżorsi REACT-EU biex primarjament jappoġġaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u s-sistemi soċjali, filwaqt li jiżguraw iż-żamma tal-impjiegi, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u appoġġ għal persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll għall-imprendituri u l-ħaddiema indipendenti, l-artisti u l-ħaddiema kreattivi. L-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, partikolarment għal persuni li jaħdmu għal rashom, għandhom l-għan li jipproteġu mir-riskju tal-qgħad lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom filwaqt li jżommu l-istess livell ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u ta’ pagi tal-impjegati. Ir-riżorsi REACT-EU allokati għal tali skemi għandhom jintużaw esklużivament biex jingħata appoġġ lill-ħaddiema. Fil-kuntest taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali attwali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jkun jista’ jingħata appoġġ għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar għall-impjegati u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, anki meta tali appoġġ ma jkunx ikkombinat ma’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux imposti mil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dik ir-regola tapplika wkoll b’mod uniformi għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li jkunu ngħataw appoġġ f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif emendat bir-Regolamenti (UE) 2020/460 u (UE) 2020/558 sussegwentement għall-kriżi tal-COVID-19, u li jkomplu jingħataw appoġġ fl-ambitu tal-prijorità ta’ investiment iddedikata għat-”Trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija”. L-appoġġ tal-Unjoni għal tali skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jenħtieġ li jkun għal perjodu limitat.

(13)

Jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi u għal impjiegi ta’ kwalità, b’mod partikolari għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, kif ukoll għall-inklużjoni soċjali u għal miżuri biex jinqered il-faqar. Il-miżuri relatati mal-impjieg taż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu estiżi f’konformità mat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu previsti investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, partikolarment għall-gruppi żvantaġġati. Jenħtieġ li jiġi promoss aċċess ugwali għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, inkluż għat-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-minoranzi etniċi u l-persuni mingħajr dar.

(14)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jagħtu attenzjoni speċjali lill-persuni li jgħixu f’reġjuni rurali, mal-fruntieri, inqas żviluppati, insulari, muntanjużi, skarsament popolati u ultraperiferiċi, kif ukoll f’żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali u d-depopolazzjoni u, fejn xieraq, jużaw ir-riżorsi REACT-EU biex jagħtu appoġġ lil dawk il-persuni.

(15)

Peress li l-għeluq temporanju tal-fruntieri bejn l-Istati Membri wassal għal sfidi sinifikanti għall-komunitajiet u n-negozji transfruntieri, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jallokaw riżorsi REACT-EU anke għal programmi transfruntieri eżistenti taħt il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jimplimentaw malajr azzjonijiet li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u biex iħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija, huwa meħtieġ li jiġi pprovdut livell ogħla ta’ pagament ta’ prefinanzjament inizjali għall-implimentazzjoni rapida ta’ azzjonijiet appoġġati mir-riżorsi REACT-EU. Il-prefinanzjament inizjali li għandu jitħallas jenħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi biex jagħmlu arranġamenti għal ħlasijiet bil-quddiem lill-benefiċjarji fejn meħtieġ u li jħallsu lura lill-benefiċjarji malajr wara li jkunu tressqu t-talbiet għall-ħlas.

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jallokaw ir-riżorsi REACT-EU għal programmi operattivi dedikati ġodda skont l-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi jew għal assi prijoritarji ġodda fi ħdan il-programmi eżistenti skont l-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. Sabiex tkun tista’ ssir implimentazzjoni rapida, jenħtieġ li jkunu biss dawk l-awtoritajiet diġà maħtura ta’ programmi operattivi eżistenti appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE, jew mill-Fond ta’ Koeżjoni li jkunu jistgħu jiġu identifikati għal programmi operattivi speċifiċi ġodda. Jenħtieġ li ma tkunx rikjesta evalwazzjoni ex ante mill-Istati Membri u jenħtieġ li l-elementi meħtieġa għall-preżentazzjoni tal-programm operattiv għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni jkunu limitati.

(18)

Jenħtieġ li r-riżorsi REACT-EU jintużaw bi qbil mal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u ta’ “la tagħmilx ħsara”, filwaqt li jitqiesu l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Barra minn hekk, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-perspettiva tar-relazzjoni bejn is-sessi jenħtieġ li jitqiesu u jiġu promossi matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi.

(19)

Bil-ħsieb li jittaffa l-piż fuq il-baġits pubbliċi fir-rigward tat-teħid ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u fit-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija, in-nefqa għall-operazzjonijiet jenħtieġ li tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020 u l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà eċċezzjonali li jitolbu rata ta’ kofinanzjament sa 100 % li għandha tiġi applikata għall-assi prijoritarji separati tal-programmi operattivi li jipprovdu appoġġ mir-riżorsi REACT-EU.

(20)

Filwaqt li huwa importanti li jiġi żgurat li l-31 ta’ Diċembru 2023 tibqa’ d-data tat-tmiem tal-eliġibbiltà għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-operazzjonijiet xorta jistgħu jintgħażlu għall-appoġġ matul l-2023.

(21)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità fl-implimentazzjoni ta’ ċerti operazzjonijiet appoġġati mir-riżorsi REACT-EU, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni gradwali ta’ Regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi.

(22)

Wara l-miżuri speċifiċi ta’ flessibbiltà b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 introdotti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 bir-Regolament (UE) 2020/558, jenħtieġ li n-nefqa għal operazzjonijiet konklużi fiżikament jew implimentati bis-sħiħ li jrawmu t-tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u jħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija appoġġata fl-ambitu tal-objettiv tematiku korrispondenti l-ġdid tkun eliġibbli wkoll, dment li l-operazzjonijiet ikkonċernati jkunu bdew mill-1 ta’ Frar 2020.

(23)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw malajr ir-riżorsi REACT-EU fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, huwa ġġustifikat li l-Istati Membri jiġu eżentati, fuq bażi eċċezzjonali, mill-obbligu li jikkonformaw mal-kondizzjonalitajiet u r-rekwiżiti ex ante dwar ir-riżerva tal-prestazzjoni u l-applikazzjoni tal-qafas ta’ prestazzjoni, minn dawk dwar il-konċentrazzjoni tematika, anke fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-iżvilupp urban sostenibbli għall-FEŻR, u mir-rekwiżiti dwar it-tħejjija ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni għar-riżorsi REACT-EU. Huwa meħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jagħmlu mill-inqas evalwazzjoni waħda sal-31 ta’ Diċembru 2024 biex jiġu vvalutati l-effettività, l-effiċjenza, l-impatt u l-inklużività tar-riżorsi REACT-EU kif ukoll kif dawn ir-riżorsi jkunu kkontribwew fil-ksib tal-għanijiet tal-objettiv tematiku ddedikat ġdid. Biex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà ta’ informazzjoni komparabbli fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu rikjesti, fejn xieraq, jagħmlu użu mill-indikaturi speċifiċi għall-programmi COVID-19 disponibbli mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, filwaqt li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom marbuta mal-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà, l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jenħtieġ li jtejbu l-viżibbiltà tal-miżuri u r-riżorsi eċċezzjonali introdotti mill-Unjoni, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-benefiċjarji potenzjali, il-benefiċjarji, il-parteċipanti, ir-riċevituri finali tal-istrumenti finanzjarji u l-pubbliku ġenerali jkunu konxji mill-eżistenza, mill-volum u mill-appoġġ addizzjonali li jirriżultaw mir-riżorsi REACT-EU.

(24)

Bil-ħsieb li r-riżorsi REACT-EU jitħallew jiġu mmirati lejn iż-żoni ġeografiċi fejn huma l-aktar meħtieġa, bħala miżura eċċezzjonali u bla ħsara għar-regoli ġenerali għall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-Fondi Strutturali, jenħtieġ li r-riżorsi REACT-EU allokati għall-FEŻR u l-FSE ma jkunux meħtieġa jitqassmu skont il-kategorija ta’ reġjun. Madankollu, l-Istati Membri huma mistennija li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet reġjonali u l-livelli tal-iżvilupp differenti sabiex jiżguraw li l-appoġġ ikun ibbilanċjat bejn il-ħtiġijiet tal-aktar reġjuni u bliet affettwati mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li tinżamm enfasi fuq ir-reġjuni l-anqas żviluppati, f’konformità mal-objettivi ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-TFUE. L-Istati Membri jenħtieġ li jinvolvu wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lill-korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u lis-sħab soċjali, f’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija.

(25)

Ħlief f’dawk il-każijiet fejn huma previsti derogi minn dan ir-Regolament, in-nefqa fl-ambitu tar-REACT-EU jenħtieġ li tkun soġġetta għall-istess obbligi u salvagwardji bħal kull finanzjament relatat mal-koeżjoni. Dan jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll miżuri effettivi kontra l-frodi implimentati bl-appoġġ tal-aġenziji eżistenti kontra l-frodi fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni, bħall-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u, fejn rilevanti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

(26)

Meta jiġu adottati miżuri biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jiġu salvagwardjati kif xieraq.

(27)

Sabiex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti awtorizzati bit-tibdiliet imdaħħla taħt dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kundizzjoni stipulata fil-punt (f) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Finanzjarju rigward l-użu tal-approprjazzjonijiet għall-istess objettiv ma tapplikax fir-rigward ta’ dawk it-trasferimenti.

(28)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun hemm reazzjoni għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 billi jiġu introdotti miżuri ta’ flessibbiltà fil-qasam tal-għoti ta’ appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tà proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(29)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(30)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiġi emendat kif xieraq.

(31)

L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (10) jistipula li l-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (11) jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (12) li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim jew wara, ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-appoġġ skont dan ir-Regolament għall-2021 u l-2022 huwa ffinanzjat minn żieda fil-limitu massimu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jkollu impatt fuq l-obbligu finanzjarju tar-Renju Unit. Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għar-Renju Unit jew fir-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

1.

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 92a

Ir-riżorsi REACT-EU

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (*1) għandhom jiġu implimentati taħt il-Fondi Strutturali sal-ammont ta’ EUR 47 500 000 000 fi prezzijiet tal-2018 kif imsemmi fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, soġġett għall-Artikolu 3(3), (4), (7) u (9) tiegħu.

Dawn ir-riżorsi addizzjonali għall-2021 u l-2022, li jirriżultaw mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, għandhom jipprovdu assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (“riżorsi REACT-EU”).

Kif previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094, ir-riżorsi REACT-EU għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-finijiet tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 92b

Arranġamenti implimentattivi għar-riżorsi REACT-EU

1.   Ir-riżorsi REACT-EU għandhom isiru disponibbli taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi.

B’deroga mill-Artikolu 94, l-Istati Membri għandhom ukoll jallokaw b’mod konġunt parti mir-riżorsi REACT-EU tagħhom għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea li fihom jipparteċipaw, jekk jaqblu li tali allokazzjonijiet jirriflettu l-prijoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

Ir-riżorsi REACT-EU għandhom jintużaw biex tiġi implimentata assistenza teknika skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u l-operazzjonijiet li jimplimentaw l-objettiv tematiku imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Ir-riżorsi REACT-EU għandhom isiru disponibbli għall-impenn baġitarju għas-snin 2021 u 2022, flimkien mar-riżorsi globali stabbiliti fl-Artikolu 91, kif ġej:

2021: EUR 37 500 000 000;

2022: EUR 10 000 000 000.

Ir-riżorsi REACT-EU għandhom ukoll jappoġġaw in-nefqa amministrattiva sa massimu ta’ EUR 18 000 000 fi prezzijiet tal-2018.

L-operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati mir-riżorsi REACT-EU jistgħu jintgħażlu għall-appoġġ sa tmiem l-2023. Id-dispożizzjonijiet għat-tqassim stabbiliti f’Regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi huma applikabbli għall-operazzjonijiet appoġġati mir-riżorsi REACT-EU.

3.   0,35 % tar-riżorsi REACT-EU għandhom jiġu allokati għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, b’enfasi speċjali fuq l-Istati Membri milquta aktar mill-pandemija tal-COVID-19 u l-Istati Membri b’rati ta’ assorbiment u ta’ implimentazzjoni aktar baxxi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi t-tqassim tar-riżorsi REACT-EU bħala approprjazzjonijiet mill-Fondi Strutturali għall-2021 għal kull Stat Membru skont il-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fl-Anness VIIa. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi riveduta fl-2021 biex jiġi stabbilit it-tqassim tar-riżorsi REACT-EU għall-2022 abbażi tad-data disponibbli sad-19 ta’ Ottubru 2021.

5.   B’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76, l-impenji baġitarji għar-riżorsi REACT-EU fir-rigward ta’ kull programm operattiv ikkonċernat għandu jsir għal kull Fond għas-snin 2021 u 2022.

L-impenn legali msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 76 għas-snin 2021 u 2022 għandu jidħol fis-seħħ fid-data, jew wara d-data, imsemmija fl-Artiklu 3(3) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

It-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 76 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tar-riżorsi REACT-EU.

B’deroga mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli ta’ diżimpenn stabbiliti fil-Kapitolu IV tat-Titolu IX tal-Parti II u fl-Artikolu 136 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-impenji baġitarji abbażi tar-riżorsi REACT-EU. B’deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, ir-riżorsi REACT-EU ma għandhomx jintużaw għal xi programm jew azzjoni sussegwenti.

B’deroga mill-Artikoli 86(2) u 136(1) ta’ dan ir-Regolament, l-impenji għar-riżorsi REACT-EU għandhom jiġu diżimpenjati skont ir-regoli li għandhom jiġu segwiti għall-għeluq tal-programmi.

Kull Stat Membru għandu jalloka r-riżorsi REACT-EU disponibbli għall-ipprogrammar skont il-FEŻR u l-FSE għall-programmi operattivi jew għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll ta’ korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u lis-sħab soċjali, f’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija.

B’deroga mill-Artikolu 92(7), għandu jiġi wkoll propost li, jekk l-Istati Membri kkonċernati jqisu li jkun xieraq, parti mir-riżorsi REACT-EU tintuża biex jiżdied l-appoġġ għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (“FEAD”), sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk li ntlaqtu sa grad bla preċedent mill-kriżi tal-COVID-19. Parti mir-riżorsi REACT-EU tista’ tintuża wkoll biex jiżdied l-appoġġ għall-YEI. Fiż-żewġ każijiet, iż-żieda tista’ tiġi proposta qabel l-allokazzjoni lill-FEŻR u l-FSE, jew fl-istess mument tagħha.

Wara l-allokazzjoni inizjali tagħhom, ir-riżorsi REACT-EU jistgħu, fuq talba ta’ xi Stat Membru għal emenda ta’ xi programm operattiv skont l-Artikolu 30(1), jiġu trasferiti bejn il-FEŻR u l-FSE, irrispettivament mill-perċentwali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1), filwaqt li tinżamm is-saħħa operattiva ġenerali tal-FSE fil-livell tal-Unjoni. Dan is-subparagrafu ma għandux japplika għar-riżorsi tal-FEŻR allokati għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea.

L-Artikolu 30(5) ma għandux japplika għar-riżorsi REACT-EU. Dawk ir-riżorsi għandhom jiġu esklużi mill-bażi tal-kalkolu għall-fini tal-limiti massimi stabbiliti f’dak il-paragrafu.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (f) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kundizzjoni li l-approprjazzjonijiet ikunu għall-istess objettiv ma għandhiex tapplika fir-rigward ta’ tali trasferimenti. Tali trasferimenti jistgħu japplikaw biss għas-sena li tkun għaddejja jew għal snin fil-futur fil-pjan finanzjarju.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(4) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-allokazzjoni inizjali jew għat-trasferimenti sussegwenti tar-riżorsi REACT-EU.

Ir-riżorsi REACT-EU għandhom ikunu implimentati skont ir-regoli tal-Fond li lilu jkunu allokati jew trasferiti.

6.   Jistgħu jiġu allokati sa massimu ta’ 4 % tar-riżorsi REACT-EU totali taħt il-FEŻR u l-FSE għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri, taħt xi programm operattiv eżistenti appoġġat mill-FEŻR jew mill-FSE jew programm jew programmi operattivi ġodda msemmija fil-paragrafu 10.

Jistgħu jiġu allokati għall-assistenza teknika sa 6 % tar-riżorsi REACT-EU tal-FEŻR allokati għal programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera taħt il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

7.   B’deroga mill-Artikoli 81(1) u 134(1), il-prefinanzjament inizjali li għandu jitħallas wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv jew li tapprova l-emenda għal xi programm operattiv għall-allokazzjoni tar-riżorsi REACT-EU għandu jkun ta’ 11 % tar-riżorsi REACT-EU allokati għall-programmi għas-sena 2021.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 134(2) għall-prefinanzjament annwali fis-snin 2021, 2022 u 2023, l-ammont tal-appoġġ mill-Fondi għall-perjodu ta’ pprogrammar kollu kemm hu lill-programm operattiv għandu jinkludi r-riżorsi REACT-EU.

L-ammont imħallas bħala prefinanzjament inizjali addizzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi saldat għalkollox mill-kontijiet tal-Kummissjoni mhux aktar tard minn meta jingħalaq il-programm operattiv.

8.   Ir-riżorsi REACT-EU mhux allokati għal assistenza teknika għandhom jintużaw taħt l-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 għall-appoġġ ta’ operazzjonijiet li jrawmu miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u jħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija.

L-Istati Membri jistgħu jallokaw ir-riżorsi REACT-EU lil xi ass prijoritarju separat, wieħed jew aktar, fi ħdan programm jew programmi operattivi eżistenti taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi jew fi ħdan programm jew programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera eżistenti taħt il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, jew lil xi programm jew programmi operattivi ġodda msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. B’deroga mill-Artikolu 26(1), il-programm għandu jkopri l-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2022, suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Fil-każ tal-FEŻR, ir-riżorsi REACT-EU għandhom jintużaw primarjament biex jingħata appoġġ għall-investiment fi prodotti u servizzi għas-servizzi tas-saħħa jew f’infrastruttura soċjali, biex jingħata appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju jew appoġġ għall-investiment lill-SMEs fis-setturi b’potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi, biex jingħata appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u ekoloġika, biex jingħata appoġġ għall-investimenti fl-infrastruttura li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini, u biex jingħata appoġġ għall-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku fir-reġjuni li huma l-aktar dipendenti fuq is-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi tal-COVID-19.

Fil-każ tal-FSE, ir-riżorsi REACT-EU għandhom jintużaw primarjament biex jingħata appoġġ lill-aċċess għas-suq tax-xogħol billi jinżammu l-impjiegi ta’ impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar anki meta dak l-appoġġ ma jkunx ikkombinat ma’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux imposti bil-liġi nazzjonali. Ir-riżorsi REACT-EU għandhom ikunu ta’ appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-impjiegi ta’ kwalità, b’mod partikolari għal nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u jestendu miżuri ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ f’konformità mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. L-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet għandhom ikunu diretti biex jindirizzaw it-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.

Ir-riżorsi REACT-EU għandhom jappoġġaw ukoll lis-sistemi soċjali li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-miżuri għall-qerda tal-faqar, b’enfasi partikolari fuq il-faqar fost it-tfal u jtejbu l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, inkluż għat-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-minoranzi etniċi u l-persuni mingħajr dar.

9.   Bl-eċċezzjoni tal-assistenza teknika msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u tar-riżorsi REACT-EU użati għall-FEAD jew għall-YEI msemmija fis-seba’ subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-riżorsi REACT-EU għandhom isostnu operazzjonijiet taħt l-objettiv tematiku l-ġdid “Trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija”, li jikkomplementa l-objettivi tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 9.

L-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun disponibbli b’mod esklussiv għall-ipprogrammar tar-riżorsi REACT-EU. B’deroga mill-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 96(1) ta’ dan ir-Regolament u mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, huwa ma għandux ikun ikkombinat ma’ xi prijoritajiet oħra ta’ investiment.

L-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu wkoll jikkostitwixxi l-prijorità ta’ investiment unika għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi REACT-EU mill-FEŻR u l-FSE.

Fejn ass wieħed prijoritarju jew aktar ikunu stabbiliti li jikkorrispondu għall-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fi ħdan programm operattiv eżistenti, l-elementi elenkati fil-punti (b)(v) u (vii) tal-Artikolu 96(2) ta’ dan ir-Regolament u fil-punti (b)(v) u (vi) tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 ma għandhomx ikunu meħtieġa għad-deskrizzjoni tal-assi prijoritajiet fil-programm operattiv rivedut.

Il-pjan ta’ finanzjament rivedut stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 96(2) ta’ dan ir-Regolament u fil-punt (d) tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 għandu jistabbilixxi l-allokazzjoni tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2021 u, fejn applikabbli, għall-2022, mingħajr ma jiġu identifikati l-ammonti għar-riżerva ta’ prestazzjoni u mingħajr tqassim skont il-kategorija tar-reġjuni.

B’deroga mill-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament, it-talbiet għall-emendar ta’ xi programm ippreżentat minn xi Stat Membru għandhom jiġu debitament iġġustifikati u b’mod partikolari jistabbilixxu l-impatt mistenni tal-bidliet fil-programm fuq it-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u fuq it-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija. Dawk it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati mill-programm rivedut.

10.   B’deroga mill-Artikolu 26(4), jistgħu jitfasslu programmi operattivi ddedikati ġodda taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi mill-Istati Membri taħt l-objettiv tematiku ġdid imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. L-ebda evalwazzjoni ex ante kif stabbilita fl-Artikolu 55 ma għandha tkun rikjesta.

B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 96(2), meta tali programm operattiv ġdid jiġi stabbilit, il-ġustifikazzjoni għandha tistabbilixxi l-impatt mistenni tal-programm operattiv fuq it-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u fuq it-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija.

Fejn jiġi stabbilit tali programm operattiv ġdid, ikunu biss l-awtoritajiet diġà maħtura taħt programmi operattivi li jkunu għaddejjin u appoġġati mill-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni li jistgħu jiġu identifikati mill-Istati Membri għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 96(5).

L-elementi stabbiliti fil-punti (b)(v) u (vii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, fil-paragrafu 4, fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 6 u fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 96 ma għandhomx ikunu meħtieġa għal tali programm operattiv ġdid. L-elementi stabbiliti fl-Artikolu 96(3) għandhom ikunu meħtieġa biss fejn jiġi pprovdut appoġġ korrispondenti.

B’deroga mill-Artikolu 29(3) u (4) u l-Artikolu 30(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tapprova kwalunkwe programm operattiv ġdid iddedikat jew kwalunkwe emenda għal programm eżistenti fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mill-preżentazzjoni tagħhom minn Stat Membru.

11.   B’deroga mill-Artikolu 65(2) u (9), in-nefqa għal operazzjonijiet appoġġati taħt l-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

12.   B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 120(3), rata ta’ kofinanzjament ta’ massimu ta’ 100 % tista’ tiġi applikata lill-ass jew assi prijoritarju/i appoġġati mir-riżorsi REACT-EU pprogrammati taħt l-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. Minbarra l-indikaturi komuni stabbiliti fir-regoli speċifiċi għall-Fond, l-Istati Membri għandhom ukoll, meta jkun xieraq, jagħmlu użu mill-indikaturi speċifiċi għall-programmi tal-COVID-19 imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni.

B’deroga mill-Artikoli 56(3) u 114(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2024 issir mill-anqas evalwazzjoni waħda dwar l-użu tar-riżorsi REACT-EU biex issir evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, l-impatt tagħhom u, fejn applikabbli, tal-inklużività u n-nondiskriminazzjoni, inkluż mill-perspettiva tal-ġeneri, u kif huma kkontribwew għall-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

13.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin ma għandhomx japplikaw għar-riżorsi REACT-EU:

(a)

ir-rekwiżiti dwar il-konċentrazzjoni tematika inklużi l-limiti stabbiliti għall-iżvilupp urban sostenibbli kif stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fir-regoli speċifiċi għall-Fond, b’deroga mill-Artikolu 18;

(b)

kundizzjonalitajiet ex ante, b’deroga mill-Artikolu 19 u r-regoli speċifiċi għall-Fond;

(c)

ir-rekwiżiti fuq ir-riżerva ta’ prestazzjoni u l-applikazzjoni tal-qafas tal-prestazzjoni, b’deroga mill-Artikoli 20 u 22, rispettivament;

(d)

l-Artikolu 65(6) għal operazzjonijiet li bdew mill-1 ta’ Frar 2020 u li jrawmu miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u jħejju rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija appoġġat taħt l-objettiv tematiku msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

ir-rekwiżiti biex titħejja strateġija ta’ komunikazzjoni, b’deroga mill-Artikolu 116 u l-punt (a) tal-Artikolu 115(1).

B’deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 għal operazzjonijiet appoġġati mir-riżorsi REACT-EU taħt il-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, il-kooperazzjoni tal-benefiċjarji f’mill-inqas żewġ oqsma għandha tkun biżżejjed.

14.   Filwaqt li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom marbuta mal-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà, f’konformità mal-Artikolu 115(1) u (3) u mal-Anness XII, l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jaraw li l-benefiċjarji potenzjali, il-benefiċjarji, il-parteċipanti, ir-riċevituri finali tal-istrumenti finanzjarji u l-pubbliku ġenerali jkunu konxji mill-eżistenza, mill-volum u mill-appoġġ addizzjonali li jirriżultaw mir-riżorsi REACT-EU.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jagħmluha ċara liċ-ċittadini li l-operazzjoni inkwistjoni tkun iffinanzjata bħala parti mir-rispons tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19 u għandhom jiżguraw trasparenza sħiħa, bl-użu, fejn xieraq, tal-midja soċjali.

Ir-referenzi għal “Fond”, “Fondi” jew “Fondi ESI” fit-Taqsima 2.2 tal-Anness XII għandhom ikunu kkomplementati b’referenza għal “iffinanzjati bħala parti mir-rispons tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19”, meta jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju lil operazzjonijiet mir-riżorsi REACT-EU.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. 23).”;"

2.

fl-Artikolu 154, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Artikoli 92a u 92b ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit jew fir-Renju Unit. Ir-referenzi għall-Istati Membri f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala li ma jinkludux lir-Renju Unit.”;

3.

It-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness VIIa.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni tar-REACT-EU sal-31 ta’ Marzu 2025. Dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-ksib tal-objettivi tar-REACT-EU, l-effikaċja fl-użu tar-riżorsi REACT-EU, it-tipi ta’ azzjonijiet iffinanzjati, il-benefiċjarji u r-riċevituri finali tal-allokazzjonijiet finanzjarji, u l-valur miżjud Ewropew tagħha biex tgħin fl-irkupru ekonomiku.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 272, 17.8.2020, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2020.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. 23).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom, tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).


ANNESS

“ANNESS VIIa

METODOLOĠIJA GĦALL-ALLOKAZZJONI TAR-RIŻORSI REACT-EU – L-ARTIKOLU 92B(4)

Il-metodu tal-allokazzjoni għar-riżorsi REACT-EU

Ir-riżorsi REACT-EU għandhom ikunu mqassma bejn l-Istati Membri skont il-metodoloġija li ġejja:

1.

Is-sehem proviżorju ta’ kull Stat Membru mir-riżorsi REACT-EU jkun determinat bħala s-somma ponderata tal-ishma determinati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin, ponderati kif indikat:

(a)

Il-fattur tal-PDG (ponderazzjoni ta’ 2/3) miksub billi jkunu applikati l-passi li ġejjin:

(i)

is-sehem ta’ kull Stat Membru tat-total ta’ telf tal-PDG reali aġġustat skont l-istaġun kif espress f’EUR bejn l-ewwel semestru tal-2019 u t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza applikabbli għall-Istati Membri kollha kkunsidrati;

(ii)

aġġustament tal-ishma miksuba taħt il-punt (i) billi jkunu diviżi bl-ING per capita tal-Istati Membri kif espressi bħala perċentwal tal-medja tal-ING per capita tal-UE-27 (medja espressa bħala 100 %).

(b)

Il-fattur tal-qgħad (ponderazzjoni 2/9) espress bħala l-medja ponderata ta’:

(i)

is-sehem tal-Istat Membru fin-numru totali ta’ nies bla xogħol (ponderazzjoni ta’ 3/4) għall-Istati Membri kkunsidrati f’Jannar 2020; u

(ii)

is-sehem tal-Istat Membru fit-total taż-żieda fin-numru ta’ nies bla xogħol (ponderazzjoni ta’ 1/4) bejn Jannar 2020 u t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza applikabbli għall-Istati Membri kollha kkunsidrati.

(c)

Il-fattur tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (ponderazzjoni ta’ 1/9) espress bħala l-medja ta’:

(i)

is-sehem tal-Istat Membru fin-numru totali ta’ żgħażagħ bla xogħol (ponderazzjoni ta’ 3/4) għall-Istati Membri kkunsidrati f’Jannar 2020; u

(ii)

is-sehem tal-Istat Membru fit-total taż-żieda fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol (ponderazzjoni 1/4) bejn Jannar 2020 u l-perjodu ta’ referenza applikabbli għall-Istati Membri kollha kkunsidrati.

Jekk il-PDG reali aġġustat skont l-istaġun ta’ Stat Membru espress f’EUR għall-perjodu ta’ referenza applikabbli jkun ogħla minn dak tal-ewwel semestru tal-2019, id-data ta’ dan l-Istat Membru għandha tkun eskluża mill-kalkoli fil-punt (a)(i).

Jekk in-numru ta’ nies bla xogħol (bejn il-15 u l-74 sena) jew ta’ żgħażagħ bla xogħol (bejn il-15 u l-24 sena) fl-Istat Membru għall-perjodu ta’ referenza applikabbli jkun inqas minn dak ta’ Jannar 2020, id-data ta’ dan l-Istat Membru għandha tkun eskluża mill-kalkoli fil-punti (b)(ii) u (c)(ii).

2.

Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jirriżultaw f’allokazzjonijiet għal kull Stat Membru għall-perjodu sħiħ bejn l-2021 u l-2022 li jkunu ogħla minn:

(a)

dawk għall-Istati Membri li l-ING per capita tagħhom (f’PPS) għall-perjodu 2015-2017 jkun ogħla mill-109 % tal-medja tal-UE-27: 0,07 % tal-PDG reali tagħhom tal-2019;

(b)

dawk għall-Istati Membri li l-medja tal-ING per capita tagħhom (f’PPS) għall-perjodu 2015-2017 tkun ugwali jew inqas mid-90 % tal-medja tal-UE-27: 2,60 % tal-PDG reali tagħhom tal-2019;

(c)

dawk għall-Istati Membri li l-medja tal-ING per capita tagħhom (f’PPS) għall-perjodu 2015-2017 tkun ‘il fuq mid-90 % u ugwali għal jew ‘l isfel mill-109 % tal-medja tal-UE-27: il-perċentwal miksub permezz ta’ interpolazzjoni lineari bejn iż-0,07 % u t-2,60 % tal-PDG reali tagħhom tal-2019 li jwassal għal tnaqqis proporzjonali tal-perċentwal tal-limitu skont iż-żieda fil-prosperità.

L-ammonti li jeċċedu l-livell stipulat fil-punti minn (a) sa (c) għal kull Stat Membru jkunu ridistribwiti proporzjonalment lill-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra kollha li l-medja tal-ING per capita tagħhom (f’PPS) tkun inqas minn 100 % tal-medja tal-UE-27. L-ING per capita (f’PPS) għall-perjodu 2015-2017 huwa dak użat għall-politika ta’ koeżjoni fin-negozjati dwar il-QFP 2021-2027.

3.

Għall-finijiet tal-kalkolu tad-distribuzzjoni tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2021:

(a)

għall-PDG, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun l-ewwel semestru tal-2020;

(b)

għan-numru ta’ nies bla xogħol u n-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun il-medja minn Ġunju sa Awwissu 2020;

(c)

l-allokazzjoni massima li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tkun immultiplikata bis-sehem tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2021 fit-total tar-riżorsi REACT-EU għas-snin 2021 u 2022.

Qabel ma jkun applikat il-metodu deskritt fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2021, għandu jiġi allokat ammont ta’ EUR 100 000 000 u EUR 50 000 000 lil-Lussemburgu u lil Malta, rispettivament.

Barra minn hekk, ammont li jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ EUR 30 għal kull abitant għandu jkun allokat mill-allokazzjoni lir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ livell 2 tan-NUTS. Din l-allokazzjoni titqassam skont ir-reġjun u l-Istat Membru b’mod proporzjonali għat-total tal-popolazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni. L-allokazzjoni addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tiżdied mal-allokazzjoni li kull reġjun ultraperiferiku jirċievi bħala parti mid-distribuzzjoni tal-pakkett nazzjonali.

L-ammont li jibqa’ għas-sena 2021 għandu jitqassam fost l-Istati Membri skont il-metodu deskritt fil-paragrafi 1 u 2.

4.

Għall-finijiet li tkun ikkalkulata d-distribuzzjoni tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2022:

(a)

għall-PDG, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun l-ewwel semestru tal-2021;

(b)

għan-numru ta’ nies bla xogħol u n-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun il-medja minn Ġunju sa Awwissu 2021;

(c)

l-allokazzjoni massima li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tkun immultiplikata bis-sehem tar-riżorsi REACT-EU għas-sena 2022 fit-total tar-riżorsi REACT-EU għas-snin 2021 u 2022.

”.

Top