Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0855

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/855 tas-7 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-inklużjoni tal-Bahamas, il-Barbados, il-Botswana, il-Kambodja, il-Ghana, il-Ġamajka, il-Mauritius, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nikaragwa, il-Panama u ż-Żimbabwe fit-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tneħħija tal-Bożnija-Ħerzegovina, l-Etjopja, il-Guyana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, is-Sri Lanka u t-Tuneżija minn din it-tabella (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/2801

ĠU L 195, 19.6.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/855/oj

19.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/855

tas-7 ta’ Mejju 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-inklużjoni tal-Bahamas, il-Barbados, il-Botswana, il-Kambodja, il-Ghana, il-Ġamajka, il-Mauritius, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nikaragwa, il-Panama u ż-Żimbabwe fit-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tneħħija tal-Bożnija-Ħerzegovina, l-Etjopja, il-Guyana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, is-Sri Lanka u t-Tuneżija minn din it-tabella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprovdi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika l-pajjiżi li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta’ theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) identifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi. Dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi rieżaminat f’mumenti xierqa fid-dawl tal-progress li jkun sar minn dawk il-pajjiżi terzi b’riskju kbir biex ineħħu n-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”). Jenħtieġ li fil-valutazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni ġdida li tasal mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet li jistabbilixxu l-istandards, bħal dawk maħruġa mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika wkoll aktar pajjiżi li jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(3)

Billi l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-livell ta’ ftuħ tas-suq, huwa kkunsidrat li kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi kkunsidrata l-ħidma rilevanti li saret diġà fil-livell internazzjonali biex jiġu identifikati l-pajjiżi, partikolarment dik tal-FATF. Bil-għan tal-iżgurar tal-integrità tas-sistema finanzjarja globali, huwa tassew importanti li l-Unjoni tqis kif xieraq il-pajjiżi li jiġu identifikati li jkollhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom fil-livell tal-FATF u tal-Unjoni. B’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli b’mod partikolari l-Istqarrijiet Pubbliċi reċenti tal-FATF, id-dokument tal-FATF “Improving Global AML/CFT Compliance: Ongoing Process Statement”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Rieżami tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali, b’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(5)

Kwalunkwe pajjiż terz li jirrappreżenta riskju għas-sistema finanzjarja internazzjonali, kif ikun ġie identifikat mill-FATF, jitqies li jkun jirrappreżenta riskju għas-suq intern. Dik is-suppożizzjoni tikkonċerna kwalunkwe pajjiż li jiġi identifikat pubblikament fid-dokumenti tal-FATF “Dikjarazzjoni Pubblika” u fid-dokumenti tal-FATF “Improving Global AML/CFT Compliance: Ongoing Process Statement”.

(6)

Biex tagħmel il-valutazzjoni awtonoma u tasal għall-konklużjoni tagħha l-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni disponibbli mill-FATF u, fejn xieraq, għejun ta’ informazzjoni oħra. Wara dik il-valutazzjoni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonfermat in-nuqqasijiet strateġiċi rispettivi kif deskritti fil-premessi minn 8 sa 19.

(7)

F’Ottubru 2018 il-FATF identifikat il-Bahamas bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Bahamas żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. Il-Bahamas ħa passi biex itejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tiegħu u fi Frar 2020 il-FATF ħadet d-deċiżjoni inizjali li l-Bahamas ikkonkluda sostanzjalment il-pjan ta’ azzjoni tiegħu u jiġġustifika valutazzjoni fuq il-post biex jiġi vverifikat li l-implimentazzjoni tar-riformi tal-Bahamas fir-rigward tal-AML/CFT inbdietx u jekk hux qed titkompla, li għad hemm l-istess impenn politiku li huwa meħtieġ biex l-implimentazzjoni tibqa’ għaddejja fil-futur. L-FATF għadha ma għamlitx din il-valutazzjoni biex tikkonferma d-deċiżjoni inizjali tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex l-informazzjoni li f’dan l-istadju tkun tippermettilha tikkonferma li n-nuqqasijiet strateġiċi ġew indirizzati b’mod effettiv. Il-valutazzjoni li se ssir fil-futur se tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin: (1) li tiġi żviluppata sistema elettronika komprensiva tal-ġestjoni tal-każi għall-kooperazzjoni internazzjonali; (2) li tintwera superviżjoni fuq il-bażi tar-riskji fil-konfront ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; (3) li jiġi żgurat aċċess f’waqtu għal informazzjoni xierqa, preċiża u attwali dwar is-sjieda bażika u benefiċjarja; (4) li tittejjeb il-kwalità tal-prodotti tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja li jassistu lill-Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Liġi b’konformità mal-investigazzjonijiet tal-Ħasil tal-Flus (ML)/Finanzjament tat-Terroriżmu (TF), speċifikament ML/TF kumplessi u investigazzjonijiet awtonomi tal-ML; (5) li jintwera li l-awtoritajiet ikunu qegħdin jinvestigaw u jipproċessaw it-tipi kollha ta’ ħasil tal-flus, fosthom każi kumplessi ta’ ML, ħasil tal-flus awtonomu, u każijiet li jkunu jinvolvu rikavati minn reati barranin; (6) li jintwera li l-proċedimenti ta’ konfiska jkunu nbdew u ġew konklużi fir-rigward tat-tipi kollha ta’ ML; u (7) li jiġu indirizzati l-lakuni f’oqfsa tas-Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati għall-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Finanzjament tal-Proliferazzjoni u tintwera l-implimentazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ dan, il-Bahamas jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)

Fi Frar 2020 il-FATF identifikat il-Barbados bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Barbados żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) nuqqas ta’ superviżjoni effettiva fuq il-bażi tar-riskji fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ ċerti negozji u professjonijiet mhux finanzjarji (“DNFBPs”); (2) nuqqasijiet marbuta mal-miżuri għall-prevenzjoni li l-persuni u arranġamenti ġuridiċi jintużaw għal skopijiet kriminali, u nuqqasijiet fl-iżgurar li tingħata informazzjoni bażika u benefiċjarja aġġornata f’waqtha; (3) nuqqasijiet marbuta mal-kapaċità li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (“UIF”) tagħti informazzjoni finanzjarja biex tassisti aktar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu; (4) nuqqasijiet marbuta mal-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet relatati mal-ħasil tal-flus li ma jkunux konformi mal-profil tar-riskju tal-pajjiż u mal-prosekuzzjonijiet pendenti; (5) nuqqasijiet fit-twettiq tal-konfiski relatati ma’ każijiet ta’ ħasil tal-flus, fosthom assistenza limitata li tintalab minn kontropartijiet barranin. Abbażi ta’ dan, il-Barbados jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(9)

F’Ottubru 2018 il-FATF identifikat il-Botswana bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Botswana żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) nuqqasijiet marbuta mal-valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ persuni ġuridiċi, arranġamenti legali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ; (2) nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ manwali superviżorji tal-AML/CFT fuq il-bażi tar-riskju; (3) il-livell tal-analiżi u t-tixrid tal-intelligence finanzjarja mill-UIF; (4) nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ strateġija tas-CFT, u kapaċità insuffiċjenti tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ investigazzjonijiet tal-finanzjament tat-terroriżmu; (5) l-inabbiltà li tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr dewmien ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu u mal-finanzjament tal-proliferazzjoni u (6) nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju għall-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Abbażi ta’ dan, il-Botswana jenħtieġ jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(10)

Fi Frar 2019 il-FATF identifikat il-Kambodja bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Kambodja żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas ta’ bażi legali wiesgħa għall-Assistenza Legali Reċiproka u ta’ taħriġ rilevanti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; (2) in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tas-settur tal-proprjetà immobbli u l-każinòs; (3) in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tal-banek, fosthom permezz ta’ azzjonijiet ta’ infurzar minnufih, proporzjonati u dissważivi, kif inhu xieraq; (4) nuqqasijiet marbuta mal-konformità teknika fil-Liġi dwar l-AML/CFT; (5) il-livell tal-analiżi ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi u disseminazzjonijiet relatati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; (6) riżultati insuffiċjenti f’termini ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet marbuta mal-Ħasil tal-Flus; (7) riżultati insuffiċjenti f’termini ta’ ffriżar u konfiska ta’ rikavati, strumenti u proprjetà ta’ valur ekwivalenti kriminali; (8) in-nuqqas ta’ qafas legali u l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mal-Finanzjament tal-Proliferazzjoni, kif ukoll komprensjoni insuffiċjenti dwar l-evażjoni ta’ sanzjonijiet. Abbażi ta’ dan, il-Kambodja jenħtieġ li titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(11)

F’Ottubru 2018 il-FATF identifikat il-Ghana bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Ghana żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ Politika nazzjonali komprensiva fir-rigward tal-AML/CFT abbażi tar-riskji li ġew identifikati fil-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali, fosthom miżuri li jimmitigaw ir-riskji tal-Ħasil tal-Flus/Finanzjament tat-Terroriżmu assoċjati ma’ persuni ġuridiċi; (2) nuqqasijiet fis-superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju, fosthom il-kapaċità insuffiċjenti tar-regolaturi u l-għarfien insuffiċjenti tas-settur privat; (3) nuqqasijiet li jiġi żgurat aċċess f’waqtu għal informazzjoni xierqa, preċiża u attwali dwar is-sjieda bażika u benefiċjarja; (4) nuqqasijiet fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-UIF tiffoka l-attivitajiet tagħha fuq ir-riskji li jiġu identifikati fil-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju, u li l-UIF tiġi allokata r-riżorsi xierqa u (5) nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tal-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Abbażi ta’ dan, il-Ghana jenħtieġ li titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(12)

Fi Frar 2020 il-FATF identifikat il-Ġamajka bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Ġamajka żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas ta’ komprensjoni eżawrjenti tar-riskju tal-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu; (2) in-nuqqas li l-istituzzjonijiet finanzjarji u d-DNFBPs kollha jiġu inklużi fir-reġim tal-AML/CFT u li tiġi żgurata superviżjoni xierqa fuq il-bażi tar-riskju fis-setturi kollha; (3) nuqqasijiet marbuta mal-miżuri xierqa għall-prevenzjoni li l-persuni u arranġamenti ġuridiċi jintużaw għal skopijiet kriminali, u li jiġi żgurat li tingħata informazzjoni bażika u benefiċjarja aġġornata f’waqtha; (4) in-nuqqas ta’ miżuri xierqa biex jiżdied l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u biex jiżdiedu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus, b’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; (5) in-nuqqas li tintwera l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati minnufih għall-finanzjament tat-terroriżmu; u (6) nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tas-settur tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għall-prevenzjoni tal-abbuż bi skopijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Abbażi ta’ dan, il-Ġamajka jenħtieġ li titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(13)

Fi Frar 2020 il-FATF identifikat il-Mauritius bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Mauritius żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) nuqqasijiet b’rabta mal-wiri li s-superviżuri tas-settur tal-kummerċ globali u tad-DNFBPs tagħha jimplimentaw superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju; (2) in-nuqqas li jiġi żgurat aċċess għal informazzjoni bażika u dwar is-sjieda benefiċjarja preċiża min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti b’mod f’waqtu; (3) in-nuqqas li jintwera li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom il-kapaċità li jwettqu investigazzjonijiet tal-ħasil tal-flus, fosthom investigazzjonijiet finanzjarji paralleli u każijiet kumplessi; (4) in-nuqqas li jiġi implimentat approċċ fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tas-settur tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għall-prevenzjoni tal-abbuż bi skopijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu; u (5) in-nuqqas li tintwera l-implimentazzjoni xierqa ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati permezz ta’ sensibilizzazzjoni u superviżjoni. Abbażi ta’ dan, il-Mauritius jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(14)

F’Ottubru 2019 il-FATF identifikat il-Mongolja bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Mongolja żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. Filwaqt li l-Mongolja ħadet passi biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT, in-nuqqasijiet pendenti tagħha jinkludu: (1) nuqqasijiet fil-komprensjoni settorjali tas-superviżuri tad-DNFBP fir-rigward tal-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll fl-applikazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tas-superviżjoni, partikolarment fil-konfront ta’ negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjuż; (2) il-ħtieġa li tingħata prova ta’ aktar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ ħasil tal-flus b’konformità mar-riskji li jiġu identifikati; u (3) monitoraġġ inadegwat tal-konformità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tad-DNFBPs mal-obbligi tagħhom ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, u l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ sanzjonijiet proporzjonati u dissważivi. Abbażi ta’ dan, il-Mongolja jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(15)

Fi Frar 2020 il-FATF identifikat il-Myanmar/Burma bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Myanmar/Burma żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas li tintwera komprensjoni mtejba tar-riskji tal-ħasil tal-flus f’oqsma ewlenin; (2) in-nuqqas li jiġi żgurat li l-korp superviżorju għad-DNFBPs jkun iffinanzjat biżżejjed, li l-ispezzjonijiet fuq il-post u mhux isiru fuq il-bażi tar-riskju, u li l-operaturi tal-hundi jiġu rreġistrati u ssorveljati; (3) in-nuqqas li jintwera li sar titjib fl-użu tal-intelligence finanzjarja f’investigazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u analiżi operazzjonali u disseminazzjonijiet insuffiċjenti mill-UIF; (4) il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħasil tal-flus jiġi investigat/ipproċessat b’konformità mar-riskji; (5) in-nuqqas li juru li saret l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus transnazzjonali b’kooperazzjoni internazzjonali; (6) in-nuqqas li tintwera żieda fl-iffriżar/il-qbid u l-konfiska ta’ rikavati, strumenti u/jew proprjetà ta’ valur ekwivalenti kriminali; (7) nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-assi maqbuda biex il-valur tal-oġġetti maqbuda jinżamm sakemm jiġu konfiskati; u (8) nuqqasijiet li tintwera l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, fosthom taħriġ dwar l-evażjoni tas-sanzjonijiet. Abbażi ta’ dan, il-Myanmar/Burma jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(16)

Fi Frar 2020 il-FATF identifikat in-Nikaragwa bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li n-Nikaragwa żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas ta’ komprensjoni eżawrjenti tar-riskju tal-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu; (2) in-nuqqas li tintalab kooperazzjoni internazzjonali b’mod proattiv biex tingħata għajnuna fl-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus, speċjalment bil-għan li jiġu identifikati u traċċati assi b’rabta mal-konfiska u ta’ ripatrijazzjoni; (3) nuqqasijiet fir-rigward tat-twettiq ta’ superviżjoni effettiva fuq il-bażi tar-riskju; (4) nuqqasijiet marbuta mal-miżuri xierqa għall-prevenzjoni li l-persuni u arranġamenti ġuridiċi jintużaw għal skopijiet kriminali, u n-nuqqas li jiġi żgurat li tingħata informazzjoni bażika u benefiċjarja aġġornata f’waqtha; Abbażi ta’ dan, in-Nikaragwa jenħtieġ li titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(17)

F’Ġunju 2019 il-FATF identifikat il-Panama bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Panama żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) komprensjoni limitata tar-riskji nazzjonali u settorjali b’rabta mal-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu u n-nuqqas konsegwenti li l-informazzjoni dwar is-sejbiet relatati tingħadda fil-politiki nazzjonali tal-pajjiż biex jittaffew ir-riskji li jiġu identifikati; (2) nuqqasijiet dwar l-identifikazzjoni proattiva ta’ entitajiet bla liċenzja li jagħmlu rimessi ta’ flus, l-applikazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tas-superviżjoni tas-settur tad-DNFBP u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra ksur marbut mal-AML/CFT. (3) in-nuqqas li jsiru verifika u aġġornament xierqa tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja minn entitajiet obbligati, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ entitajiet offshore, nuqqasijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji eżistenti fl-użu ta’ persuni u arranġamenti ġuridiċi għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex ma jkunux jistgħu jintużaw azzjonisti mandatorji u diretturi, u nuqqasijiet biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu u xieraq għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja; u (4) nuqqasijiet fir-rigward tal-użu effettiv ta’ prodotti ta’ UIF għal investigazzjonijiet tal-ħasil tal-flus, kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ħasil ta’ flus li jkunu jinvolvu reati tat-taxxa barranin u li tingħata kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva u f’waqtha għal tali reati, u enfasi mhux sodisfaċenti fuq investigazzjonijiet tal-ML fir-rigward tal-oqsma b’riskju għoli fir-Rapport Nazzjonali dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju u l-Evalwazzjoni Reċiproka. Abbażi ta’ dan, il-Panama jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(18)

F’Ottubru 2019 il-FATF identifikat iż-Żimbabwe bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li ż-Żimbabwe żviluppa pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) komprensjoni insuffiċjenti tar-riskji ewlenin marbuta mal-Ħasil tal-Flus/il-Finanzjament tat-Terroriżmu fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar l-AML/CFT abbażi tar-riskju li ġew identifikati; (2) in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji u d-DNFBPs, fosthom il-bini ta’ kapaċità inadegwata fl-awtorità superviżorja; (3) in-nuqqas ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju fost l-istituzzjonijiet finanzjarji u d-DNFBPs li jinkludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati u dissważivi għall-ksur; (4) nuqqasijiet fil-qafas legali u l-mekkaniżmu li jiġbor u jżomm informazzjoni xierqa u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja fir-rigward ta’ persuni u arranġamenti ġuridiċi, u li jiġi żgurat aċċess f’waqtu min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti; u (5) lakuni fil-qafas u fl-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-proliferazzjoni. Abbażi ta’ dan, iż-Żimbabwe jenħtieġ li jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(19)

Skont l-informazzjoni relevanti l-aktar reċenti, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-Bahamas, il-Barbados, il-Botswana, il-Kambodja, il-Ghana, il-Ġamajka, il-Mauritius, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nikaragwa, il-Panama u ż-Żimbabwe jitqiesu bħala ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Qiegħed jiġi nnutat li dawn il-pajjiżi taw impenji politiċi ta’ livell għoli bil-miktub li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni mal-FATF.

(20)

Qiegħed jiġi nnutat ukoll li l-FATF identifikat lill-Uganda bħala ġurisdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li fi Frar 2020 l-Uganda żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Il-Kummissjoni vvalutat l-aħħar informazzjoni li waslitilha f’dan il-kuntest mill-FATF fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet u informazzjoni rilevanti oħra. In-nuqqasijiet jinkludu: (1) in-nuqqas ta’ strateġija nazzjonali tal-AML/CFT; (2) nuqqasijiet biex tintalab kooperazzjoni internazzjonali skont il-profil tar-riskju tal-pajjiż; (3) in-nuqqas li tiġi żviluppata u implimentata superviżjoni fuq il-bażi tar-riskju fil-konfront tal-istituzzjonijiet finanzjarji u d-DNFBPs; (4) lakuni li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni bażika u dwar is-sjieda benefiċjarja xierqa għall-entitajiet ġuridiċi; (5) nuqqasijiet li jintwera li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji japplikaw ir-reati tal-ħasil tal-flus b’mod konsistenti mar-riskji li jiġu identifikati; (6) in-nuqqas li jiġu stabbiliti u implimentati l-politiki u l-proċeduri għall-identifikazzjoni, it-traċċar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati u għall-istrumenti tar-reati; (7) in-nuqqas li jintwera li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jwettqu investigazzjonijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu u jagħmlu prosekuzzjonijiet li jikkorrispondu mal-profil tar-riskju tal-Uganda dwar il-finanzjament tat-terroriżmu; (8) nuqqasijiet tekniċi fil-qafas legali għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni u nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ approċċ fuq il-bażi tar-riskju għas-superviżjoni tas-settur tagħha tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ biex ma jitħalliex isir abbuż għal skopijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu. L-Uganda tat ukoll impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex tindirizza n-nuqqasijiet li ġew identifikati u li żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF. L-Uganda diġà hija inkluża fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675. Għaldaqstant, l-istatus u l-miżuri ta’ bħalissa fir-rigward tal-Uganda jenħtieġ li jibqgħu l-istess.

(21)

Huwa tassew importanti li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ permanenti ta’ pajjiżi terzi u tivvaluta l-iżviluppi fil-qafas legali u istituzzjonali tagħhom, tas-setgħat u tal-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti, u tal-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom, bil-għan tal-aġġornament tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(22)

Il-Kummissjoni vvalutat il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi tal-pajjiżi fl-Anness tar-Regolament (UE) 2016/1675 li tneħħew mil-lista mill-FATF minn Lulju 2016, abbażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849. Il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tal-progress li sar mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Etjopja, mill-Guyana, mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

(23)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li għamlu il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Etjopja, il-Guyana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, is-Sri Lanka u t-Tuneżija biex itejbu r-reġim tal-AML/CFT tagħhom u nnutat li dawn il-pajjiżi ħolqu l-qafas legali u regolatorju biex jissodisfaw l-impenji tagħhom fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi li ġew identifikati mill-FATF. Għaldaqstant dawn il-pajjiżi ma għadhomx suġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF skont il-proċess ta’ konformità globali dwar l-AML/CFT li jinsab għaddej. Dawn il-pajjiżi se jissoktaw jaħdmu mal-Entitajiet Reġjonali Simili għall-FATF biex ikompli jsir titjib fuq ir-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(24)

Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni dwar il-progress fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

(25)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan l-istadju, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Guyana ma għandhom l-ebda nuqqas strateġiku fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Riċentement dawn il-pajjiżi ħadu għadd ta’ miżuri biex isaħħu r-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u l-Kummissjoni se tkompli twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni se tivvaluta dawk il-pajjiżi meta jkollha għejun ta’ informazzjoni ġdida. Għaldaqstant il-Bożnija u l-Guyana jenħtieġ li ma jitqisux bħala pajjiżi b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(26)

Bl-istess mod, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tuneżija ma għadx għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha meta titqies l-informazzjoni li hija disponibbli. It-Tuneżija saħħet l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha u indirizzat in-nuqqasijiet tekniċi relatati biex tissodisfa l-impenji fil-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar in-nuqqasijiet strateġiċi li kienu ġew identifikati mill-FATF. Dawn il-miżuri huma komprensivi biżżejjed u jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi kkunsidrat li n-nuqqasijiet strateġiċi li ġew identifikati skont l-artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 ma għadhomx jeżistu.

(27)

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Etjopja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos u s-Sri Lanka implimentaw miżuri biex jindirizzaw in-nuqqasijiet strateġiċi li ġew identifikati mill-FATF u ma għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi. Fis-segwitu tal-miżuri li ġew implimentati biex jiġi indirizzat il-pjan ta’ azzjoni miftiehem mal-FATF, dawn il-pajjiżi ma għadhomx jippreżentaw theddida tal-AML/CFT fil-konfront tas-sistema finanzjarja internazzjonali. B’kunsiderazzjoni tar-rilevanza tagħhom fir-rigward tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn il-pajjiżi ma għadhom ta’ theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’dan l-istadju l-Etjopja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos u s-Sri Lanka jenħtieġ li ma jitqisux bħala pajjiżi b’nuqqasijiet fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(28)

Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti assistenza teknika, fejn xieraq, lill-pajjiżi li huma inklużi fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex tgħinhom jirrimedjaw in-nuqqasijiet strateġiċi li jiġu identifikati.

(29)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni tassew eċċezzjonali u imprevedibbli li ġiet ikkaġunata mill-pandemija tal-COVID-19, li ħalliet impatt fuq skala dinjija u li x’aktarx se twassal għal tfixkil b’rabta mal-funzjonament xieraq kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-awtoritajiet kompetenti, id-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 li jikkonċerna l-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li tiġi definita b’mod li tiggarantixxi żmien biżżejjed biex ikun jista’ jiġi implimentat b’mod effettiv f’dawn iċ-ċirkostanzi. Għaldaqstant, fuq bażi eċċezzjonali, id-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun aktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Ma għandha tinqala’ l-ebda kwistjoni maġġuri marbuta mal-implimentazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi li jenħtieġ li jinteħħew mil-lista. Għaldaqstant ikun raġonevoli li t-tneħħija mil-lista tiġi prevista mingħajr dewmien.

(30)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF”, jitħassru l-linji li ġejjin:

2

Il-Bożnija-Ħerzegovina

3

Il-Guyana

5

Il-Laos RDP

10

L-Etjopja

11

Is-Sri Lanka

13

It-Tuneżija

Artikolu 2

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, it-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF” tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir

1

L-Afganistan

2

Il-Bahamas

3

Il-Barbados

4

Il-Botswana

5

Il-Kambodja

6

Il-Ghana

7

L-Iraq

8

Il-Ġamajka

9

Il-Mauritius

10

Il-Mongolja

11

Il-Myanmar/Burma

12

In-Nikaragwa

13

Il-Pakistan

14

Il-Panama

15

Is-Sirja

16

Trinidad u Tobago

17

L-Uganda

18

Vanuatu

19

Il-Jemen

20

Iż-Żimbabwe”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).


Top