EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1240

Regolament (UE) 2019/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (riformulazzjoni)

PE/50/2019/REV/1

ĠU L 198, 25.7.2019, p. 88–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1240/oj

25.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/88


REGOLAMENT (UE) 2019/1240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

dwar il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 74 u l-Artikolu 79(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 (2) ġie emendat b’mod sostanzjali. Peress li għandhom isiru aktar emendi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Iż-żieda qawwija fil-flussi migratorji mħalltin fl-2015 u l-2016 poġġiet is-sistemi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri taħt pressjoni. Dan ħoloq sfida għall-Unjoni u l-Istati Membri, u wera l-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni bil-ħsieb li jinkiseb rispons Ewropew ikkoordinat u effettiv.

(3)

L-objettiv tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni huwa li l-flussi migratorji irregolari u mingħajr kontroll jiġu sostitwiti b’rotot migratorji sikuri u ġestiti tajjeb, permezz ta’ approċċ komprensiv li jkollu l-għan li jiżgura, fl-istadji kollha, il-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji f’konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni. L-Unjoni hija impenjata li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-migranti kollha, indipendentement mill-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali. Bħala tali, il-miżuri meħuda mill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu persuni vulnerabbli, jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali f’konformità mad-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni rilevanti, inklużi l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-aspetti kollha tal-politiki tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni, jenħtieġ li jiġu segwiti djalogu konsistenti u kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu għall-migranti u tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Tali kooperazzjoni, f’konformità mal-approċċ komprensiv stabbilit fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, jenħtieġ li tipprovdi għal ġestjoni aħjar tal-immigrazzjoni, inkluż it-tluq u r-ritorn, il-kapaċità ta’ appoġġ biex tinġabar u tiġi kondiviża l-informazzjoni, inkluż dwar l-aċċess tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, u fejn possibbli u rilevanti, dwar ir-riintegrazzjoni u tipprevjeni u tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin.

(6)

L-għodod ta’ protezzjoni jinkludu miżuri fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM). L-istrateġiji u l-kanali tal-immigrazzjoni legali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jenħtieġ li jinkludu wkoll il-migrazzjoni tal-ħaddiema, il-viżi għall-istudenti u r-riunifikazzjoni tal-familji, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri.

(7)

Fid-dawl tad-domanda dejjem tiżdied għal analiżi u informazzjoni biex jappoġġaw il-politika bbażata fuq l-evidenza u r-risponsi operattivi, hemm il-ħtieġa li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jiżguraw li l-komprensjoni u l-għarfien tagħhom jikkontribwixxu bis-sħiħ biex titfassal stampa komprensiva tas-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi.

(8)

L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-flussi migratorji, fejn possibbli u rilevanti, jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar l-età dikjarata tal-migranti, il-profil tal-ġeneru u l-familja u dwar minorenni mhux akkumpanjati.

(9)

L-iskjerament tal-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar il-Migrazzjoni Ewropej attwali fil-pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-laqgħa speċjali tal-kapijiet ta’ stat u gvern fit-23 ta’ April 2015, kien l-ewwel pass biex jissaħħaħ l-impenn mal-pajjiżi terzi dwar il-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati mill-Istati Membri. Filwaqt li jinbena fuq din l-esperjenza, l-iskjeramenti fit-tul tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni mill-Kummissjoni f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu previsti biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni u jimmassimizzaw l-impatt tal-azzjoni tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni.

(10)

L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura koordinazzjoni aħjar u jottimizza l-użu tan-netwerk ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati f’pajjiżi terzi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, kif ukoll il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni sabiex iwieġbu b’mod iktar effettiv għall-prijoritajiet tal-Unjoni tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera relatata, bħall-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, l-iffaċilitar ta’ attivitajiet ta’ ritorn, riammissjoni u riintegrazzjoni b’mod dinjituż u effettiv, il-kontribuzzjoni għal ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-ġestjoni tal-immigrazzjoni legali, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, ir-risistemazzjoni u l-miżuri ta’ integrazzjoni ta’ qabel it-tluq meħuda mill-Istati Membri u l-Unjoni. Tali koordinazzjoni jenħtieġ li tirrispetta bis-sħiħ il-linja ta’ kmand eżistenti u l-linji ta’ rappurtar bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ta’ skjerament rispettivi tagħhom, kif ukoll fost l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni nfushom.

(11)

Filwaqt li jibni fuq ir-Regolament (KE) Nru 377/2004, dan ir-Regolament jimmira biex jiżgura li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jikkontribwixxu aħjar għall-funzjonament ta’ netwerk Ewropew ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni primarjament billi jiġi stabbilit mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni jkunu jistgħu, b’mod aktar sistematiku, jikkoordinaw il-kompiti u r-rwoli tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni tagħhom skjerati f’pajjiżi terzi.

(12)

Minħabba l-fatt li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni jiġu skjerati minn awtoritajiet differenti u li l-mandati u l-kompiti tagħhom jistgħu jkunu duplikati, jenħtieġ li jsiru l-isforzi dovuti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-uffiċjali li joperaw fl-istess pajjiż terz jew reġjun. Meta uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jiġu skjerati fil-missjonijiet diplomatiċi tal-Unjoni f’pajjiż terz mill-Kummissjoni jew minn aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiffaċilitaw u jappoġġaw lill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f’dak il-pajjiż terz. Fejn xieraq, tali netwerks jistgħu jiġu estiżi għal uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri.

(13)

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu robust li jiżgura koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar fost l-uffiċjali għall-komunikazzjoni kollha fejn dawn l-uffiċjali jittrattaw kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni bħala parti minn dmirijiethom, huwa essenzjali sabiex jiġu minimizzati d-distakki tal-informazzjoni u d-duplikazzjoni tax-xogħol u jiġu massimizzati l-kapaċitajiet operattivi u l-effikaċja. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jipprovdi gwida f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, filwaqt li jqis ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, u jenħtieġ li jingħata s-setgħat neċessarji, b’mod partikolari biex jadotta programmi ta’ ħidma biennali ta’ attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, jiftiehem dwar azzjonijiet imfasslin apposta għall-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni li jindirizzaw il-prijoritajiet u l-bżonnijiet emerġenti li mhumiex diġà koperti mill-programm ta’ ħidma biennali, jalloka r-riżorsi għall-attivitajiet miftiehma u jkun responsabbli għat-twettiq tagħhom. La l-kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija u lanqas dawk tal-faċilitaturi tan-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni ma għandhom jaffettwaw il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-iskjerament fir-rigward tal-kompiti tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni rispettivi tagħhom. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jqis id-diversità tan-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni kif ukoll il-fehmiet tal-Istati Membri l-aktar ikkonċernati fir-rigward tal-pajjiżi terzi rispettivi.

(14)

Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jistabbilixxi lista ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati f’pajjiżi terzi u li jaġġornaha regolarment. Il-lista jenħtieġ li tinkludi informazzjoni relatata mal-post, il-kompożizzjoni u l-attivitajiet ta’ netwerks differenti, tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt u sommarju tad-dmirijiet tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

(15)

L-iskjerament konġunt ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni jenħtieġ li jiġi promoss bil-għan li jitjiebu l-kooperazzjoni operattiva u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll issir reazzjoni għall-bżonnijiet fil-livell tal-Unjoni, kif definit mill-Bord ta’ Tmexxija. L-iskjerament konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri jenħtieġ li jkun appoġġat mill-fondi tal-Unjoni li jinkoraġġixxu l-impenn, u jipprovdi valur miżjud għall-Istati Membri kollha.

(16)

Jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet speċjali għal azzjoni iktar mifruxa ta’ bini ta’ kapaċità tal-Unjoni għall-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Tali bini ta’ kapaċità jenħtieġ li jinkludi l-iżvilupp ta’ kurrikuli bażiċi komuni u korsijiet ta’ qabel il-missjoni, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali, b’kooperazzjoni mal-aġenziji tal-Unjoni, u t-tisħiħ tal-kapaċità operattiva ta’ netwerks ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Tali kurrikuli jenħtieġ li ma jkunux obbligatorji u jkunu supplimentari għall-kurrikuli nazzjonali stabbiliti minn awtoritajiet tal-iskjerament.

(17)

In-netwerks ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jenħtieġ li jevitaw li jidduplikaw ix-xogħol tal-aġenziji tal-Unjoni u ta’ strumenti u strutturi oħra tal-Unjoni, inkluża l-ħidma ta’ gruppi ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, u li jagħtu valur miżjud lil dak li diġà jiksbu f’termini ta’ ġbir u skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni, b’mod partikolari billi jiffokaw fuq aspetti operattivi. Jenħtieġ li dawk in-netwerks jaġixxu bħala faċilitaturi u fornituri ta’ informazzjoni minn pajjiżi terzi biex jappoġġaw l-aġenziji tal-Unjoni fil-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom, b’mod partikolari meta l-aġenziji tal-Unjoni ma jkunux stabbilew relazzjonijiet kooperattivi ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tiġi stabbilita kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn netwerks ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti għal dak il-għan. Jenħtieġ li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f’kull ħin ikunu konxji li l-azzjonijiet tagħhom jista’ jkollhom konsegwenzi operattivi jew reputazzjonali għal netwerks lokali u reġjonali ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Jenħtieġ li jaġixxu kif xieraq meta jwettqu l-kompiti tagħhom.

(18)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, fejn xieraq u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali, l-informazzjoni miksuba mill-uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati fi Stati Membri oħra u prodotti analitiċi strateġiċi u operattivi tal-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali, ir-ritorn u r-riintegrazzjoni b’mod dinjituż u effettiv, il-kriminalità transfruntiera jew il-protezzjoni internazzjonali u r-risistemazzjoni effettivament jilħqu lill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f’pajjiżi terzi u li l-informazzjoni miġbura mill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tiġi kondiviża mal-aġenziji tal-Unjoni rilevanti; b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-oqfsa ġuridiċi rispettivi tagħhom.

(19)

Sabiex tiżgura l-iktar użu effettiv tal-informazzjoni miġbura min-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, informazzjoni bħal din jenħtieġ li tkun disponibbli permezz ta’ pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(20)

Jenħtieġ li l-informazzjoni miġbura mill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri msemmija fir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ sistemi ta’ sorveljanza fil-fruntieri nazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(21)

Jenħtieġ li jkun possibbli jintużaw ir-riżorsi disponibbli tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ netwerk Ewropew tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni, kif ukoll biex ikomplu bl-iskjerament konġunt ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni mill-Istati Membri.

(22)

Kwalunkwe pproċessar, inkluż it-trasferiment, ta’ data personali minn Stati Membri fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li japplikaw ir-Regolament (UE) 2018/1725 Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39). meta jipproċessaw data personali.

(23)

L-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun bil-għan li jiġi assistit ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tal-iffaċilitar tar-risistemazzjoni ta’ persuni bi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u tal-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni u nazzjonali fir-rigward tal-ammissjoni għall-fini ta’ migrazzjoni legali u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin. Jenħtieġ, għalhekk, qafas ġuridiku li jirrikonoxxi r-rwol tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni f’dan il-kuntest.

(24)

L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jeħtiġilhom jipproċessaw id-data personali biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni xierqa tal-proċeduri ta’ ritorn, l-infurzar b’suċċess ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn, u r-riintegrazzjoni fejn rilevanti u possibbli. Il-pajjiżi terzi tar-ritorn mhumiex ta’ spiss suġġetti għal deċiżjonijiet ta’ adegwatezza adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679, u bosta drabi ma jkunux ikkonkludew jew mhux beħsiebhom jikkonkludu ftehim ta’ riammissjoni mal-Unjoni jew jipprovdu salvagwardji xierqa b’xi mod ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/679. Minkejja l-isforzi intensivi tal-Unjoni biex tikkoopera mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment soġġetti għal obbligu ta’ ritorn, mhuwiex dejjem possibbli li jiġi żgurat li pajjiżi terzi bħal dawn jissodisfaw sistematikament l-obbligu stabbilit mid-dritt internazzjonali biex jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom stess. Il-ftehimiet ta’ riammissjoni li ġew konklużi jew li jkunu qed jiġu nnegozjati mill-Unjoni jew mill-Istati Membri u li jipprevedu salvagwardji adatti għat-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/679, ikopru għadd limitat ta’ tali pajjiżi terzi. Fis-sitwazzjoni fejn ftehimiet bħal dawn ma jeżistux, id-data personali jenħtieġ li tiġi ttrasferita minn uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn tal-Unjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(25)

Bħala eċċezzjoni mir-rekwiżit għal deċiżjoni ta’ adegwatezza jew għal salvagwardji xierqa, it-trasferiment ta’ data personali lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun permess għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni. Jenħtieġ għalhekk li jkun possibbli għall-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni li jużaw id-deroga prevista fl-Artikolu 49(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/679 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri għar-ritorn b’mod dinjituż u effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fl-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(26)

Fl-interessi tal-persuni kkonċernati, l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproċessaw id-data personali ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali soġġetti għal risistemazzjoni u ta’ persuni li jixtiequ jimmigraw legalment lejn l-Unjoni, sabiex jikkonfermaw l-identità u n-nazzjonalità tagħhom. L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni joperaw f’kuntest fejn x’aktarx jiksbu għarfien importanti fl-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin. Għalhekk, huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jaqsmu data personali pproċessata waqt id-dmirijiet tagħhom ma’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u fi ħdan in-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, dment li d-data personali inkwistjoni tkun meħtieġa jew għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari jew għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jew it-traffikar ta’ bnedmin.

(27)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi sabiex jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Unjoni b’mod aktar effettiv filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri. Tali prijoritajiet tal-Unjoni jinkludu l-iżgurar ta’ ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, bl-għan li l-flussi irregolari jiġu sostitwiti b’rotot sikuri u ġestiti tajjeb permezz ta’ approċċ komprensiv li jindirizza l-aspetti kollha tal-immigrazzjoni, inklużi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni illegali. Aktar prijoritajiet tal-Unjoni huma l-iffaċilitar tar-ritorn b’mod dinjituż u effettiv, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, il-kontribut għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u l-appoġġ għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni legali jew skemi ta’ protezzjoni internazzjonali. Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, iżda jista’, minħabba l-iskala kbira tiegħu u l-effetti tiegħu mal-Unjoni kollha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(28)

Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta’ Schengen, li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

(29)

F’dak li jirrigwarda lill-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A u E tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (11).

(30)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (12) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (13).

(31)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(32)

Fl-1 ta’ Ottubru 2018, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill dwar ix-xewqa tiegħu li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi Protokoll, fil-31 ta’ Jannar 2019 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar in-notifika tar-Renju Unit tax-xewqa tiegħu li ma jibqax jieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 377/2004. Abbażi ta’ dan, fit-18 ta’ Frar 2019 (14), il-Kunsill iddeċieda li mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (15) u l-punt 6 tal-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE (16) għandhom jieqfu japplikaw għar-Renju Unit fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 377/2004 u kwalunkwe emenda ulterjuri għalih.

(33)

L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (17).

(34)

Il-parteċipazzjoni tal-Irlanda f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE tingħaqad mar-responsabbiltajiet tal-Unjoni li tieħu miżuri biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kontra l-organizzazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li fihom tipparteċipa l-Irlanda.

(35)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew inkella li huwa marbut miegħu skont, rispettivament, it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2011,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar , l-immigrazzjoni li jiġu skjerati f’pajjiżi terzi mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni permezz tal-ħolqien ta’ netwerk bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-aġenziji tal-Unjoni biex jiddefinixxu l-ambitu u l-assenjazzjoni tal-kompiti u l-linji ta’ rappurtar tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni rispettivi tagħhom u għall-kompiti tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, il-politiki jew il-proċeduri jew taħt ftehimiet speċjali konklużi mal-pajjiż ospitanti jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet japplikaw:

(1)

“uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni” tfisser uffiċjal għall-komunikazzjoni maħtur u skjerat barra mill-pajjiż, minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, jew mill-Kummissjoni jew minn aġenzija tal-Unjoni, f’konformità mal-bażi legali rispettiva, biex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni anki meta dak ikun biss parti mid-dmirijiet tagħhom;

(2)

“skjerati barra mill-pajjiż” tfisser skjerati f’pajjiż terz, għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi determinat mill-awtorità responsabbli, ma’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

missjoni diplomatika ta’ Stat Membru;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz;

(c)

organizzazzjoni internazzjonali;

(d)

missjoni diplomatika tal-Unjoni;

(3)

“data personali” tfisser data personali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

“ritorn” tfisser ritorn kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE.

Artikolu 3

Kompiti ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

1.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom jagħmlu xogħolhom fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom determinati mill-awtoritajiet tal-iskjerament u skont id-dispożizzjonijiet, inklużi dawk dwar il-protezzjoni ta’ data personali, kif stabbilit fil-liġijiet tal-Unjoni u fil-liġijiet nazzjonali u fi kwalunkwe ftehim jew arranġament konkluż ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità mad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt internazzjonali, inklużi l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandu jkollhom kunsiderazzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli u jqisu d-dimensjoni tal-ġeneri tal-flussi migratorji.

3.   Kull awtorità li tiskjera l-uffiċjali għandha tiżgura li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jistabbilixxu u jżommu kuntatti diretti mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, inkluż, fejn xieraq, mal-awtoritajiet lokali, u ma’ kwalunkwe organizzazzjoni rilevanti li topera fi ħdan il-pajjiż terz, inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom jiġbru informazzjoni għall-użu jew fil-livell operattiv, fil-livell strateġiku jew għaż-żewġ livelli. Informazzjoni miġbura taħt dan il-paragrafu għandha tinġabar f’konformità mal-Artikolu 1(2) u ma għandhiex tinkludi data personali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2). Tali informazzjoni għandha b’mod partikolari tkopri t-temi li ġejjin:

(a)

il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-fruntieri esterni bil-għan li l-migrazzjoni tiġi ġestita b’mod effettiv;

(b)

il-flussi migratorji li joriġinaw mill-pajjiż terz jew li jgħaddu minnu, inkluż, fejn possibbli u rilevanti, il-kompożizzjoni ta’ flussi migratorji u d-destinazzjoni intenzjonata tal-migranti;

(c)

ir-rotot użati mill-flussi migratorji li joriġinaw mill-pajjiż terz jew li jgħaddu minnu sabiex jilħqu t-territorji tal-Istati Membri;

(d)

l-eżistenza, l-attivitajiet u l-modi operandi ta’ organizzazzjonijiet kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin matul ir-rotot migratorji;

(e)

l-inċidenti u l-ġrajjiet li jistgħu jkunu jew li saru l-kawża ta’ żviluppi ġodda relatati ma’ flussi migratorji;

(f)

il-metodi użati fil-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti tal-identità jew dokumenti tal-ivvjaġġar;

(g)

modi u metodi għall-assistenza tal-awtoritajiet fil-pajjiżi terzi għall-prevenzjoni ta’ flussi migratorji illegali li joriġinaw mit-territorji tagħhom jew li jgħaddu minnhom;

(h)

il-miżuri qabel it-tluq disponibbli għall-immigranti fil-pajjiżi ta’ oriġini jew fil-pajjiżi terzi ospitanti li jappoġġaw l-integrazzjoni b’suċċess mal-wasla legali fl-Istati Membri;

(i)

modi u metodi biex jiġu ffaċilitati r-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni;

(j)

aċċess effettiv għal protezzjoni li l-pajjiż terz ikun stabbilixxa, inkluż favur persuni vulnerabbli;

(k)

strateġiji u kanali eżistenti u possibbli dwar l-immigrazzjoni legali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, kif ukoll l-għodod ta’ risistemazzjoni u għodod oħra ta’ protezzjoni;

(l)

il-kapaċità, l-abilità, l-istrateġiji politiċi, il-leġiżlazzjoni u l-prattiki legali ta’ pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati, inkluż fejn possibbli u rilevanti, dwar iċ-ċentri ta’ akkoljenza u ta’ detenzjoni u l-kundizzjonijiet tagħhom, kif rilevanti għall-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (k).

5.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom jikkoordinaw bejniethom u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-provvista ta’ attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità tagħhom lill-awtoritajiet u lill-partijiet ikkonċernati fil-pajjiżi terzi.

6.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jistgħu joffru assistenza, filwaqt li jitqiesu l-għarfien espert u t-taħriġ tagħhom, biex:

(a)

tiġi stabbilita l-identità u n-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jiġi ffaċilitat ir-ritorn tagħhom f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE, kif ukoll jiġu assistiti fir-riintegrazzjoni tagħhom, fejn rilevanti u possibbli;

(b)

tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi ffaċilitata r-risistemazzjoni tagħhom fl-Unjoni, inkluż billi tingħatalhom, fejn possibbli, informazzjoni u appoġġ adegwati ta’ qabel it-tluq;

(c)

tiġi kkonfermata l-identità u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni u miżuri nazzjonali fir-rigward tal-ammissjoni tal-immigranti legali.

(d)

tiġi skambjata l-informazzjoni miksuba matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fi ħdan netwerks ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-immigrazzjoni illegali kif ukoll biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin.

Artikolu 4

Notifika dwar l-iskjerament ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jinformaw lill-Bord ta’ Tmexxija stabbilit fl-Artikolu 7 dwar il-pjanijiet ta’ skjerament tagħhom ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-iskjerament innifsu, inkluża deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom u t-tul ta’ żmien tal-iskjerament tagħhom.

Ir-rapporti ta’ attività msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 8(2) għandhom jinkludu ħarsa ġenerali lejn l-iskjeramenti ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fuq il-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet prevista fl-Artikolu 9.

Artikolu 5

Ħolqien ta’ netwerks lokali jew reġjonali bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

1.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati fl-istess pajjiżi jew reġjuni għandhom jikkostitwixxu netwerks ta’ kooperazzjoni lokali jew reġjonali u jikkooperaw, fejn u meta xieraq, ma’ uffiċjali għall-komunikazzjoni skjerati minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri. Fi ħdan l-istruttura ta’ dawn in-netwerks, l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom, f’konformità mal-Artikolu 1(2), partikolarment:

(a)

jiltaqgħu regolarment u meta jkun meħtieġ;

(b)

jiskambjaw informazzjoni u esperjenza prattika, b’mod partikolari waqt laqgħat u permezz tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet prevista fl-Artikolu 9;

(c)

jiskambjaw informazzjoni, fejn xieraq, dwar l-esperjenza rigward l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali;

(d)

jikkoordinaw il-pożizzjonijiet li għandhom jadottaw f’kuntatti ma’ trasportaturi kummerċjali, fejn xieraq;

(e)

jattendu korsijiet speċjalizzati konġunti ta’ taħriġ, fejn xieraq, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali, it-traffikar ta’ bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, il-frodi tad-dokumenti jew l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali f’pajjiżi terzi;

(f)

jorganizzaw sessjonijiet informattivi u korsijiet ta’ taħriġ għall-membri tal-persunal diplomatiku u konsulari tal-missjonijiet tal-Istati Membri fil-pajjiż terz, fejn xieraq;

(g)

jadottaw approċċi komuni rigward metodi għall-ġbir u rappurtar ta’ informazzjoni strateġikament rilevanti, inklużi analiżijiet tar-riskju;

(h)

jistabbilixxu kuntatti regolari ma’ strutturi simili fil-pajjiż terz u f’pajjiżi terzi ġirien, kif xieraq.

2.   Uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati mill-Kummissjoni għandhom jiffaċilitaw u jappoġġaw in-netwerks previsti fil-paragrafu 1. F’postijiet fejn il-Kummissjoni ma tiskjerax uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati minn aġenziji tal-Unjoni għandhom jiffaċilitaw u jappoġġaw in-netwerks previsti fil-paragrafu 1. F’postijiet fejn la l-Kummissjoni u lanqas aġenziji tal-Unjoni ma jiskjeraw uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, in-netwerk għandu jiġi ffaċilitat minn uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, kif miftiehem mil-membri tan-netwerk.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien żejjed dwar il-ħatra tal-faċilitatur tan-netwerk maħtur jew fejn ma jiġi nnominat l-ebda faċilitatur.

Artikolu 6

Skjerament konġunt ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu bilateralment jew multilateralment jiftiehmu li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni li jiġu skjerati f’pajjiżi terzi jew f’organizzazzjoni internazzjonali minn Stat Membru għandhom ukoll jieħdu ħsieb l-interessi ta’ Stat Membru ieħor jew iktar.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jiftiehmu li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tagħhom għandhom jaqsmu ċerti kompiti bejniethom, abbażi tal-kompetenza u t-taħriġ tagħhom.

3.   Meta żewġ Stati Membri jew aktar jużaw uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni b’mod konġunt, dawk l-Istati Membri jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Artikolu 7

Bord ta’ Tmexxija

1.   Bord ta’ Tmexxija jiġi stabbilit għal netwerk Ewropew bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, rappreżentant wieħed mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, rappreżentant wieħed mill-Europol u rappreżentant wieħed mill-EASO. Għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar membru tal-Bord ta’ Tmexxija kif ukoll sostitut li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jinħatru partikolarment fuq il-bażi tal-esperjenza rilevanti u tal-għarfien espert tagħhom fil-ġestjoni ta’ netwerks bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni.

3.   Il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fil-Bord ta’ Tmexxija u għandhom jaħtru rappreżentant kull wieħed bħala membru mingħajr drittijiet tal-vot. Għandu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet kollha diskussi u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord ta’ Tmexxija.

Meta jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li huma rilevanti għal uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati minn pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jqis b’mod xieraq il-fehmiet espressi mir-rappreżentanti ta’ dawk il-pajjiżi.

4.   L-esperti, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni li mhumiex membri tal-Bord ta’ Tmexxija jistgħu jiġu mistiedna mill-Bord ta’ Tmexxija biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jorganizza laqgħat konġunti ma’ netwerks jew organizzazzjonijiet oħrajn.

6.   Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jaġixxi bħala l-President tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-President għandu:

(a)

jiżgura l-kontinwità u jorganizza l-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija, inkluż l-appoġġ għat-tħejjija ta’ programm ta’ ħidma biennali u rapport biennali dwar l-attivitajiet;

(b)

jagħti pariri lill-Bord ta’ Tmexxija sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollettivi miftiehma jkunu konsistenti u kkoordinati mal-istrumenti u l-istrutturi rilevanti tal-Unjoni u jirriflettu l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni;

(c)

ilaqqa’ l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija.

Biex jinkisbu l-għanijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, il-President għandu jkun assistit minn Segretarjat.

7.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.

8.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bi drittijiet tal-vot.

9.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu kkomunikati lill-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet rispettivi li jiskjeraw l-uffiċjali.

Artikolu 8

Kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess fuq il-bażi ta’ proposta mill-President fi żmien tliet xhur mill-ewwel laqgħa tiegħu. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu d-dettalji tal-arranġamenti ta’ votazzjoni. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jinkludu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għal membru biex jaġixxi f’isem membru ieħor kif ukoll kwalunkwe ħtieġa għar-rekwiżiti ta’ quorum.

2.   Fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u fl-ambitu tal-kompiti tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni kif definiti f’dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 1(2), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin abbażi ta’ stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u ta’ analiżijiet ipprovduti mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni:

(a)

jistabbilixxi prijoritajiet u jippjana attivitajiet billi jadotta programm ta’ ħidma biennali li jindika r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġaw dik il-ħidma;

(b)

jagħmel rieżami b’mod regolari tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu bil-ħsieb li jipproponi emendi għall-programm ta’ ħidma biennali, kif xieraq, u fir-rigward tal-ħatra ta’ faċilitaturi tan-netwerk u l-progress li jkun sar minn netwerks bejn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni fil-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi;

(c)

jadotta r-rapport ta’ attività biennali, inkluż il-ħarsa ġenerali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), li għandu jitħejja mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija;

(d)

jaġġorna l-lista tal-iskjerament tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni qabel kull laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija;

(e)

jidentifika d-distakki fl-iskjerament u jiddefinixxi possibbiltajiet għall-iskjerament ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jittrażmetti d-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-Parlament Ewropew.

3.   Fid-dawl tal-ħtiġijiet operattivi tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u fl-ambitu tal-kompiti tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni kif definiti f’dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 1(2), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

jiftiehem dwar azzjonijiet ad hoc min-netwerks bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni;

(b)

jimmonitorja d-disponibbiltà tal-informazzjoni bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-aġenziji tal-Unjoni, u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet neċessarji fejn meħtieġ;

(c)

jappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikuli bażiċi komuni supplimentari u mhux obbligatorji, taħriġ qabel il-missjoni, linji gwida dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet tagħhom b’attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli, u l-organizzazzjoni ta’ seminars konġunti dwar is-suġġett kif imsemmi fl-Artikolu 3(4), filwaqt li jitqiesu għodod ta’ taħriġ żviluppati mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

(d)

jiżgura li l-informazzjoni tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet kif prevista fl-Artikolu 9.

4.   Għall-eżekuzzjoni tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Artikolu 9

Pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-kompiti rispettivi tagħhom, l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u l-faċilitaturi tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 5(2) għandhom jiżguraw li l-istatistika u l-informazzjoni rilevanti kollha jittellgħu fuq u jiġu skambjati permezz ta’ pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet. Dik il-pjattaforma għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni bi ftehim mal-Bord ta’ Tmexxija u miżmuma mill-Kummissjoni.

L-ebda informazzjoni operattiva dwar l-infurzar tal-liġi ta’ natura strettament kunfidenzjali ma għandha tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet.

2.   L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet għandha tinkludi, mill-inqas, l-elementi li ġejjin:

(a)

dokumenti, rapporti u prodotti analitiċi rilevanti kif miftiehem mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 8(2) u (3);

(b)

programmi ta’ ħidma biennali, rapporti ta’ attività biennali u l-eżitu ta’ attivitajiet u kompiti ad hoc ta’ netwerks bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) u (3);

(c)

lista aġġornata tal-membri ta’ Bord ta’ Tmexxija;

(d)

lista aġġornata tad-dettalji ta’ kuntatt ta’ uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati f’pajjiżi terzi, inklużi l-ismijiet, il-postijiet ta’ skjerament u r-reġjun ta’ responsabbiltà, in-numri tat-telefown u l-indirizzi elettroniċi tagħhom;

(e)

dokumenti rilevanti oħra relatati mal-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Bl-eċċezzjoni ta’ data msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2, l-informazzjoni skambjata permezz tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet ma għandhiex tinkludi data personali jew xi link li permezz tiegħu data personali bħal din tkun disponibbli direttament jew indirettament. L-aċċess għad-data msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandu jkun ristrett għal uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, għall-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u għal persunal awtorizzat kif xieraq għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Parlament Ewropew għandu jingħata aċċess għal ċerti partijiet tal-pjattaforma sikura ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet, kif determinat mill-Bord ta’ Tmexxija fir-regoli ta’ proċedura tiegħu u f’konformità mar-regoli u l-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Artikolu 10

Ipproċessar ta’ data personali

1.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll tali regoli li jinsabu fi ftehimiet internazzjonali konklużi ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jistgħu jipproċessaw data personali għall-fini tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3(6). Dik id-data personali għandha titħassar meta ma tkunx aktar meħtieġa fir-rigward tal-finijiet li għalihom tkun inġabret jew inkella ġiet ipproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

3.   Id-data personali proċessata skont il-paragrafu 2 tista’ tinkludi:

(a)

data bijometrika jew bijografika fejn meħtieġ biex tiġi kkonfermata l-identità u n-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tar-ritorn, inklużi t-tipi kollha ta’ dokumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prova jew evidenza prima facie tan-nazzjonalità;

(b)

listi tal-passiġġieri għal titjiriet ta’ ritorn jew mezzi oħra ta’ trasport lejn pajjiż terzi;

(c)

data bijometrika jew bijografika biex tiġi kkonfermata l-identità u n-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-ammissjoni tal-migrazzjoni legali;

(d)

data bijometrika jew bijografika biex tiġi kkonfermata l-identità u n-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali għall-fini ta’ risistemazzjoni;

(e)

data bijometrika, bijografika kif ukoll data oħra personali neċessarja biex tiġi stabbilita l-identità ta’ individwu u meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin, kif ukoll data personali relatata mal-modi operandi tan-netwerks kriminali, il-mezzi tat-trasport użati, l-involviment ta’ intermedjarji u l-flussi finanzjarji.

Data taħt punt (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tiġi pproċessata għall-fini uniku ta’ eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija taħt il-punt (d) tal-Artikolu 3(6).

4.   Kwalunkwe skambju ta’ data personali għandu jkun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

5.   It-trasferimenti ta’ data personali minn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni lill-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 11

Kooperazzjoni konsulari

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni konsulari f’livell lokali li jinstabu fir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

Artikolu 12

Rapport

1.   Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni tar-rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-ħolqien ta’ network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31)

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’ isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni,l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/304 tat-18 ta’ Frar 2019 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tax-xewqa tiegħu li ma jibqax jieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta’ network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 7).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul b’effett ta’ partijiet tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(18)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien mal-emenda tiegħu

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004

(ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1)

Ir-Regolament (UE) Nru 493/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 141, 27.5.2011, p. 13)


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 2, kliem introduttorju

Artikolu 1(1)

Artikolu 2, punt (1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2, punt (1), kliem aħħari

Artikolu 1(3)

Artikolu 2, punt (2)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2), kliem introduttorju

Artikolu 3(4), kliem introduttorju

Artikolu 2(2), l-ewwel inċiż

Artikolu 3(4)(b)

Artikolu 2(2), it-tieni inċiż

Artikolu 3(4)(c)

Artikolu 3(1)

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 4(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1) u (2)

Artikolu 6 (1) u (2)

Artikolu 7

Artikolu 11

Anness I

Anness II


Top