Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0853

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 tal-21 ta' Mejju 2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    ST/8937/2019/INIT

    ĠU L 139, 27.5.2019, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/853/oj

    27.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/853

    tal-21 ta' Mejju 2019

    li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 301 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 300 tat-Trattat jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 (1) adattat il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Kroazja. L-għadd tal-membri għall-Estonja, għal Ċipru u għal-Lussemburgu tnaqqas b'wieħed sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn l-għadd massimu ta' membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 301 tat-Trattat u l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Kroazja.

    (3)

    Skont il-preambolu għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fi żmien adegwat għall-mandat tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jibda fl-2020.

    (4)

    Fit-18 ta' Settembru 2018, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kompożizzjoni futura tiegħu.

    (5)

    Jenħtieġ li l-bilanċ attwali fil-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, sa fejn hu possibbli, jinżamm peress li huwa r-riżultat ta' Konferenzi Intergovernattivi suċċessivi.

    (6)

    Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jwassal għal 24 siġġu vakanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Għaldaqstant, jenħtieġ li jerġa' jintlaħaq il-bilanċ fl-allokazzjoni tas-siġġijiet li kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun kif ġej:

    Belġju

    12

    Bulgarija

    12

    Ċekja

    12

    Danimarka

    9

    Ġermanja

    24

    Estonja

    7

    Irlanda

    9

    Greċja

    12

    Spanja

    21

    Franza

    24

    Kroazja

    9

    Italja

    24

    Ċipru

    6

    Latvja

    7

    Litwanja

    9

    Lussemburgu

    6

    Ungerija

    12

    Malta

    5

    Netherlands

    12

    Awstrija

    12

    Polonja

    21

    Portugall

    12

    Rumanija

    15

    Slovenja

    7

    Slovakkja

    9

    Finlandja

    9

    Żvezja

    12.

    2.   Fl-eventwalità li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun dak previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157 sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv. Mid-data li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv, l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun dak previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-21 ta' Settembru 2020.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 tal-14 ta' Lulju 2015 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 187, 15.7.2015, p. 28).


    Top