EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0848

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

ST/6781/2019/INIT

ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj

Related international agreement

27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/848

tas-17 ta' Mejju 2019

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(2)

It-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) ġie adottat fid-9 ta' Ottubru 2015 mir-rappreżentanti ta' 24 Stat Membru tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u ta' żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozjar ta' Ftehim Suċċessur tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

(3)

B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1), il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-28 ta' Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ b'mod proviżorju fl-1 ta' Jannar 2017, skont l-Artikolu 31(2) tiegħu.

(5)

Il-Kunsill tal-Membri huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ u jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri.

(6)

Skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri jista' jemenda d-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Annessi B u C għall-Ftehim, u b'hekk jemenda l-Ftehim.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' tali emendi għall-Ftehim mill-Kunsill tal-Membri u biex jiġi evitat ir-riskju li l-Unjoni ma jkollhiex pożizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tapprova tali emendi proposti f'isem l-Unjoni, taħt kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi speċifiċi.

(8)

Sabiex tiżgura li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi proposti għall-Annessi B u C għall-Ftehim tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti dawk l-emendi proposti biżżejjed minn qabel lill-Kunsill.

(9)

Il-konformità tal-emendi proposti ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Kunsill għandha tiġi evalwata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-gvernijiet tal-Istati Membri (“Coreper”). Il-Kummissjoni jenħtieġ li tapprova dawk l-emendi proposti dment li għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) ma joġġezzjonawx għalihom fil-Coreper.

(10)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni awtorizzati li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 28(4) tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri.

Artikolu 4

Jekk il-Kunsill tal-Membri jiġi interpellat jadotta emendi għad-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Annessi B u C għall-Ftehim, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova l-emendi proposti f'isem l-Unjoni, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f'isem l-Unjoni:

tkun fl-interessi tal-Unjoni,

taqdi l-għanijiet li l-Unjoni ssegwi fi ħdan il-qafas tal-politika kummerċjali tagħha,

tqis l-interessi tal-produtturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi tal-Unjoni,

ma tiksirx il-liġijiet tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, u b'mod partikolari ma tiksirx ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jemendaw ir-regoli tal-Unjoni f'konformità mal-emendi li jkunu saru fil-Ftehim u adottati mill-Kunsill tal-Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, kif imsemmi fl-Artikolu 75 ta' dak ir-Regolament,

fejn applikabbli, tappoġġa t-titjib tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, billi tagħmilha aktar faċli li jinqabdu prattiki frodulenti u qarrieqa u adulterazzjoni,

fejn applikabbli, tqis aħjar id-diversità tal-prodotti awtentiċi taż-żebbuġ,

fejn applikabbli, timmira lejn l-approssimazzjoni tal-istandards internazzjonali relatati mal-karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, żjut mir-residwi taż-żebbuġ u żebbuġ tal-mejda,

fejn applikabbli, tevita li jinħolqu ostakli għall-innovazzjoni, u

fejn applikabbli tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti taż-żebbuġ.

(2)

Qabel ma l-Kummissjoni tapprova tali emendi proposti f'isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissottomettihom lill-Kunsill biżżejjed minn qabel u mill-inqas 15-il ġurnata tax-xogħol qabel is-sessjoni fejn il-Kunsill tal-Membri jiġi interpellat biex jadotta dawk l-emendi proposti.

Il-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji stipulati fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu għandha tiġi evalwata mill-Coreper.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f'isem l-Unjoni dment li għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 16(4) tat-TUE ma joġġezzjonawx għalihom. Jekk ikun hemm tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f'isem l-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 293, 28.10.2016, p. 4, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(4)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


Top