Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0136

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/136 tat-28 ta' Jannar 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika fir-rigward tal-formoli li jridu jintużaw bħala ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun u l-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni

    ST/15724/2018/INIT

    ĠU L 25, 29.1.2019, p. 25–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/136/oj

    29.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/136

    tat-28 ta' Jannar 2019

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika fir-rigward tal-formoli li jridu jintużaw bħala ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun u l-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 (2). Din tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019.

    (2)

    Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, ċertifikat awtentikat f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun, inkluż awtoċertifikat stabbilit minn produttur awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun, huwa biżżejjed bħala dokumentazzjoni li sservi ta' evidenza li r-rekwiżiti għall-importazzjoni u l-bejgħ fl-Unjoni ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw fil-Ġappun imsemmija fl-Artikolu 2.25, 2.26 jew 2.27 tal-Ftehim ġew issodisfati.

    (3)

    Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid għandu, permezz ta' deċiżjoni, jadotta l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, u b'mod partikolari l-formoli li jridu jintużaw, u l-informazzjoni li trid titniżżel fiċ-ċertifikat.

    (4)

    Is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.35 tal-Ftehim jipprevedi li l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid għandu jadotta l-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni.

    (5)

    Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2.35 tal-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid għandu jiltaqa' għall-ewwel darba dakinhar tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

    (6)

    Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid, waqt l-ewwel laqgħa tiegħu fl-1 ta' Frar 2019 għandu jadotta d-deċiżjoni dwar il-formoli li jridu jintużaw bħala ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun u dwar il-modalitajiet dwar l-awtoċertifikazzjoni sabiex isseħħ l-implimentazzjoni b'mod effettiv tal-Ftehim u biex b'hekk l-importazzjoni ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun tiġi ssimplifikata. Il-formoli previsti, u l-modalitajiet previsti li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni, huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni dwar l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' frodi ma' pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni.

    (7)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid.

    (8)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid jenħtieġ għalhekk li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid fl-ewwel laqgħa tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. DAEA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 330, 27.12.2018, p. 1).

    (2)  ĠU L 330, 27.12.2018, p. 3.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-GRUPP TA' ĦIDMA DWAR L-INBID UE-ĠAPPUN

    ta'….

    dwar l-adozzjoni tal-formoli li għandhom jintużaw bħala ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun u l-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni

    IL-GRUPP TA' ĦIDMA DWAR L-INBID,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 2.28 u 2.35 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019.

    (2)

    L-Artikolu 22.4 tal-Ftehim jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid, li, inter alia, huwa responsabbli mill-implimentazzjoni u t-tħaddim effettivi tat-Taqsima C u tal-Anness 2-E tal-Ftehim.

    (3)

    Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, ċertifikat awtentikat skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun, inkluż awtoċertifikat stabbilit minn produttur awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun, huwa biżżejjed bħala dokumentazzjoni li sservi ta' evidenza li r-rekwiżiti għall-importazzjoni u l-bejgħ fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun imsemmija fl-Artikolu 2.25, 2.26 jew 2.27 tal-Ftehim ġew issodisfati.

    (4)

    Skont is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, il-formoli li għandhom jintużaw għaċ-ċertifikati u l-informazzjoni li għandha titniżżel fuq iċ-ċertifikati għandhom jiġu adottati b'deċiżjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid stabbilit skont l-Artikolu 22.4 tal-Ftehim.

    (5)

    Skont is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.35 tal-Ftehim, il-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-formola li għandha tintuża għaċ-ċertifikati awtentikati b'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun tinstab fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-formola li għandha tintuża għall-awtoċertifikati stabbiliti mill-produtturi awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun tinstab fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    3.   Il-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni mill-produtturi awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun jinstabu fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid

    […]


    ANNESS I

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS III

    Il-Modalitajiet li jikkonċernaw l-Awtoċertifikazzjoni

    1.

    L-Istitut Nazzjonali ta' Riċerka dwar il-Produzzjoni tal-Birra, taħt is-sorveljanza tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġappun,

    (a)

    jaħtar individwalment lill-produtturi awtorizzati fil-Ġappun biex ifasslu l-awtoċertifikati msemmija fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

    (b)

    jissorvelja u jispezzjona l-produtturi awtorizzati; u

    (c)

    jinnotifika lill-Unjoni Ewropea:

    darbtejn fis-sena, fix-xhur ta' Jannar u Lulju, l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi awtorizzati, flimkien man-numri ta' reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom; u

    mingħajr dewmien, b'kull modifika tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-produtturi awtorizzati jew bl-irtirar ta' kwalunkwe wieħed minnhom.

    2.

    L-Unjoni Ewropea tippubblika u taġġorna mingħajr dewmien l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi awtorizzati fil-lista intitolata “Il-korpi kompetenti tal-pajjiżi terzi, il-laboratorji maħtura u l-produtturi u l-proċessuri tal-inbid awtorizzati għat-tfassil tad-dokumenti VI-1 għall-importazzjoni tal-inbid fl-UE” li hija disponibbli fis-sit web uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea:

    ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/wine/lists/06.pdf


    Top