Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1547

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1547 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi

    C/2018/6629

    ĠU L 259, 16.10.2018, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1547/oj

    16.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/35


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1547

    tal-15 ta' Ottubru 2018

    li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(l) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiddaħħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta' żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

    (2)

    L-EES għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Jenħtieġ li l-EES, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EES tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' aċċess għad-data tal-EES għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħrajn. Jenħtieġ li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Europol jagħmlu talbiet għall-aċċess għad-data tal-EES permezz tal-hekk imsejħa punti ta' aċċess ċentrali, korp jew entità inkarigata mil-liġi nazzjonali biex teżerċita awtorità pubblika u li jenħtieġ li tkun kapaċi li tivverifika b'mod effettiv jekk il-kondizzjonijiet biex jintalab aċċess għall-EES humiex issodisfati f'kull każ. Jenħtieġ li l-punti ta' aċċess ċentrali jipproċessaw it-talbiet għall-aċċess għad-data tal-EES għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien jew l-investigazzjoni u jittrasmettu d-data tal-EES lill-unità operattiva li tagħmel it-talba. Sabiex jippermetti dawn l-operazzjonijiet ta' pproċessar tad-data, kull Stat Membru jenħtieġ li jikkollega l-punti ta' aċċess ċentrali rispettivi tiegħu mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi. Jenħtieġ li l-Europol ikun konness ukoll, u jkun responsabbli għall-kollegament tal-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol mal-EES.

    (4)

    F'konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni operattiva tal-EES.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jesiġi li qabel l-iżvilupp tal-EES, il-Kummissjoni tadotta miżuri meħtieġa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tal-EES. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 36(l) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jirreferi speċifikament għall-adozzjoni ta' miżuri għall-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mal-EES u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi

    (6)

    Abbażi ta' dawn il-miżuri, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jenħtieġ imbagħad li tkun tista' tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-EES inkluż l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa l-EES.

    (7)

    F'dan il-qafas huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għas-soluzzjonijiet tekniċi li għandhom jintużaw biex jikkollegaw il-punti ta' aċċess ċentrali tal-Istati Membri mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi u biex jikkollegaw il-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol mal-EES. Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet għal soluzzjoni teknika li tiffaċilita l-ġbir tad-data għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jiġu adottati wkoll.

    (8)

    Is-soluzzjoni teknika magħżula għall-implimentazzjoni tal-EES jenħtieġ li tqis il-ħtieġa li jkun hemm integrazzjoni aħjar tas-sistemi ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-Unjoni li diġà jeżistu u ta' dawk tal-futur, kif ukoll l-interoperabbiltà ta' dawn is-sistemi. Jenħtieġ li dawn is-soluzzjonijiet tekniċi jkunu jistgħu jespandu u jagħtu lok għal evoluzzjoni ulterjuri sabiex ikunu jistgħu, fejn ikun hemm bżonn, li jintegraw funzjonalitajiet addizzjonali, jimmaniġġjaw għadd akbar ta' operazzjonijiet u jaħżnu aktar data.

    (9)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, peress li r-Regolament (UE) 2017/2226 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, innotifikat fit-30 ta' Mejju 2018, id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

    (14)

    Fir-rigward ta' Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

    (15)

    Fir-rigward ta' Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, it-tħaddim tal-EES jitlob l-għoti ta' aċċess passiv għall-VIS u li jsiru applikabbli d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS f'konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta' evalwazzjoni applikabbli ta' Schengen tkun tlestiet b'suċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EES titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet sa ma jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. Stati Membri li ma jkunux qed iħaddmu l-EES mill-bidu nett tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konnessi mal-EES f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament (UE) 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kondizzjonijiet kollha.

    (16)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta' April 2018.

    (17)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kollegament tal-punt(i) ta' aċċess ċentrali ta' kull Stat Membru

    Għall-finijiet tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-punt(i) ta' aċċess ċentrali msemmi(ja) fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandu jkollu/hom aċċess għall-EES biex jipproċessa(w) it-talbiet tal-unitajiet operattivi fl-ambitu tal-awtoritajiet maħtura.

    F'konformità mal-Artikolu 38(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/2226, kull Stat Membru għandu jikkollega l-punt(i) ta' aċċess ċentrali tiegħu mal-interfaċċa nazzjonali uniformi rispettiva f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 2

    Kollegament tal-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol

    Għall-finijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol imsemmi fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandu jkollu aċċess għall-EES biex jipproċessa t-talbiet tal-awtorità maħtura tal-Europol imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    F'konformità mal-Artikolu 38(7) tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-Europol għandu jikkollega l-punt ta' aċċess ċentrali tiegħu ma' Interfaċċa Uniformi apposta f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 3

    Ġbir tad-data għall-fini ta' ġġenerar tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226

    Sabiex ikun iffaċilitat il-ġbir tad-data meħtieġa għall-iġġenerar tal-istatistika li trid tiġi prodotta mill-Istati Membri u mill-Europol skont l-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226, eu-LISA għandha tqiegħed soluzzjoni teknika għad-disponibbiltà tal-punt(i) ta' aċċess ċentrali msemmija fl-Artikolu 29(3) u l-Artikolu 30(2) ta' dak ir-Regolament. L-użu ta' din is-soluzzjoni għandu jkun fakultattiv. Jekk tintuża, kull Stat Membru u l-Europol għandhom ikunu responsabbli għall-mobilitazzjoni nazzjonali kif ukoll għat-tmexxija teknika u operattiva ta' din is-soluzzjoni. Din is-soluzzjoni għandha tagħti lok għall-ġbir tad-data ta' statistika segwenti għal kull talba għal aċċess għall-EES:

    (a)

    l-awtorità maħtura, il-punt ta' aċċess ċentrali u l-unità operattiva li tagħti bidu għat-talba msemmija fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

    (b)

    marka li tinforma jekk it-talba tkunx issarrfet b'suċċess f'konkordanza;

    (c)

    marka li tagħti indikazzjoni jekk il-konsultazzjoni saritx għall-fini ta' identifikazzjoni jew għar-rekords ta' dħul/ħruġ;

    (d)

    marka li tinforma jekk il-konsultazzjoni tkunx saret permezz tal-proċeduri ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u marka li tinforma jekk l-urġenza ma tkunx ġiet aċċettata mill-verifika ex post imwettqa mill-punt ta' aċċess ċentrali;

    (e)

    it-tip ta' reat terroristiku jew reat kriminali serju kif definit fil-punti (24) u (25) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li wassal għall-konsultazzjoni;

    (f)

    ir-raġunijiet mogħtija biex jiġġustifikaw is-suspett li l-persuna kkonċernata kienet koperta mir-Regolament (UE) 2017/2226 billi jintgħażel valur minn tabella tal-kodiċijiet bil-possibbiltà li jintgħażel il-valur “oħrajn” li jkollu miegħu spazju għal test liberu;

    (g)

    ir-raġunijiet mogħtija biex ma titnediex it-tfittxija fis-sistemi awtomatizzati għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' ta' Stati Membri oħra skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 billi jintgħażel valur minn tabella tal-kodiċijiet bil-possibbiltà li jintgħażel il-valur “oħrajn” li jkollu miegħu spazju għal test liberu.

    Din l-informazzjoni għandha tinħażen fil-livell lokali, mill-punt(i) ta' aċċess ċentrali biex issostni l-iġġenerar tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Id-data li tiddaħħal fis-soluzzjoni teknika għandha tintuża minn kull Stat Membru jew mill-Europol biex jiġġeneraw l-istatistika tagħhom imsemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top