Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0034

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/34 tat-28 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format ta' preżentazzjoni standardizzat tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu skont id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6456

ĠU L 6, 11.1.2018, p. 37–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/01/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/34/oj

11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/37


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/34

tat-28 ta' Settembru 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format ta' preżentazzjoni standardizzat tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu skont id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/92/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumatur b'dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi fuq karta stampata jew mezz durabbli ieħor li jkun fih it-termini standardizzati fil-lista finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas u, meta dawn is-servizzi jiġu offruti minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas, it-tariffi korrispondenti għal kull servizz. Il-listi finali għandhom jiġu ppubblikati mill-Istati Membri, fejn jintegraw it-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/32 (2).

(2)

Sabiex jiġi żgurat li d-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa jissodisfa l-għanijiet tad-Direttiva 2014/92/UE u fl-istess ħin, il-konsumatur ikollu l-informazzjoni rilevanti kollha b'mod li jtejjeb it-tqabbil u t-trasparenza, jinħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw mudell standardizzat għad-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi flimkien ma' struzzjonijiet ċari dwar kif jimtela d-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi.

(3)

Billi d-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi huwa maħsub biex jgħarraf lill-konsumaturi qabel ma jidħlu f'kuntratt għal kont tal-ħlas sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti tal-kontijiet tal-ħlas, jinħtieġ li fornitur tas-servizzi tal-ħlas juża l-mudell standardizzat biex jipproduċi dokument wieħed ta' informazzjoni dwar it-tariffi għal kull kont tal-ħlas offrut lill-konsumaturi.

(4)

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar kont adattat għall-bżonnijiet tagħhom, filwaqt li xorta jibqa' żgurat livell għoli ta' standardizzazzjoni, jinħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà tal-preżentazzjoni ta' taħlita xierqa ta' pakketti u għalhekk jinħtieġ li l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas ikun jista' jipproduċi aktar minn dokument wieħed ta' informazzjoni dwar it-tariffi fir-rigward ta' dan il-kont tal-ħlas, sakemm mill-anqas pakkett wieħed ikun inkluż f'kull dokument.

(5)

Sabiex ikun aktar faċli għall-konsumatur biex jifhem il-kontenut ta' diversi tipi ta' pakketti u tariffi, jinħtieġ li d-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa jelenka l-pakketti separatament.

(6)

Jekk is-servizzi li jaqbżu l-kwantità koperta minn pakkett mhumiex inklużi fil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi u għalhekk mhumiex inklużi fid-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi, jinħtieġ li jintwerew f'tabella separata u ma jkunux inklużi mal-informazzjoni dwar il-kontenut tal-pakketti, sabiex il-konsumaturi jingħataw ħarsa ġenerali ċara tal-pakkett.

(7)

Billi l-kontenut ta' kull dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi mogħti lill-konsumaturi jiddependi mill-offertà ta' servizzi tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas u mil-lista finali tal-Istat Membru tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas, sabiex tkun żgurata l-komparabbiltà ta' kont tal-ħlas offrut fis-suq uniku, jinħtieġ li l-mudell għad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi jipprovdi ċerti intestaturi li taħthom għandhom jinġabru s-servizzi differenti.

(8)

Jinħtieġ li l-mudell għad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi jinkludi tabella separata, biex tintuża minn dawk il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jkunu mitluba jipprovdu wkoll indikatur komprensiv tal-ispiża.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (“ABE”) lill-Kummissjoni Ewropea.

(10)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudell għad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jużaw il-mudell li jinsab fl-Anness u jimlewh kif previst mill-Artikoli minn 2 sa 13.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ma jistgħux jimmodifikaw il-mudell tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi billi jimlew b'mod li mhux dak previst minn dan ir-Regolament. B'mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom isegwu l-ordni tal-informazzjoni, l-intestaturi u s-subintestaturi stabbiliti fil-mudell. Id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi għandu:

(a)

jiġi ppreżentat f'format A4;

(b)

ikollu t-titolu “Dokument ta' Informazzjoni dwar it-Tariffi” fil-parti ta' fuq tal-ewwel paġna, bit-titolu ċċentrat u mqiegħed bejn il-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas fuq in-naħa ta' fuq tax-xellug tad-dokument u s-simbolu komuni fuq in-naħa ta' fuq tal-lemin tad-dokument;

(c)

ikollu s-simbolu komuni ta' daqs 2,5 cm × 2,5 cm u muri kif jidher fil-mudell stabbilit fl-Anness;

(d)

juża t-tipa Arial jew tipa simili għal Arial bid-daqs tat-tipa 11, bl-eċċezzjoni tat-titolu “Dokument ta' Informazzjoni dwar it-Tariffi” li juża t-tipa tad-daqs 16 b'tipa grassa; it-tipa tad-daqs 14 b'tipa grassa għall-intestaturi, u d-daqs 12 b'tipa grassa għas-subintestaturi, sakemm mhux meħtieġa tipa akbar jew l-użu tal-Braille għall-persuni li għandhom diffikultà bil-vista skont il-liġi nazzjonali jew miftehma bejn il-konsumatur u l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas;

(e)

jiġi riprodott bl-abjad u l-iswed, bl-eċċezzjoni tal-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas u s-simbolu komuni li jista' jkun bil-kulur, kif previst fl-Artikolu 2;

(f)

ikollu l-intestaturi b'kulur griż parzjalment skur bid-disinn tal-kuluri bin-numru ta' referenza 166,166,166 tal-mudell tal-kulur RGB u s-subintestaturi b'kulur griż ċar bil-mudell tal-kulur bin-numru ta' referenza 191,191,191 tal-mudell tal-kulur RGB;

(g)

ikollu l-paġni numerati.

3.   Fornitur tas-servizzi tal-ħlas għandu jipprovdi dokument separat ta' informazzjoni dwar it-tariffi għal kull kont tal-ħlas li jiġi offrut lill-konsumaturi.

4.   Minkejja l-forniment ta' kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi msemmija fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/92/UE jekk fornitur tas-servizzi tal-ħlas joffri biss kont tal-ħlas wieħed li jista' jiġi magħqud ma' pakketti differenti ta' servizzi msemmija fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/92/UE il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jista' jipprovdi aktar minn dokument wieħed ta' informazzjoni dwar it-tariffi fir-rigward ta' dak il-kont, jekk kull dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi jkun fih mill-inqas pakkett wieħed.

Artikolu 2

Is-simbolu komuni u l-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas

1.   Jekk is-simbolu komuni jidher bil-kulur huwa għandu jsegwi d-disinn tal-kulur bin-numru ta' referenza 0/51/153 (eżadeċimali: 003399) tal-mudell tal-kulur RGB għall-isfond u d-disinn tal-kulur 255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00) tal-mudell tal-kulur RGB għas-simbolu.

2.   Il-logo tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għandu jkun ta' daqs ekwivalenti għad-daqs tas-simbolu komuni.

3.   Il-logo jista' jintwera biss bil-kulur jekk s-simbolu komuni wkoll ikun bil-kulur. Meta jiġi stampat bl-abjad u l-iswed is-simbolu komuni għandu jkun b'mod li jinqara malajr.

Artikolu 3

L-isem tal-fornitur tal-kont

L-isem tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li joffri dak il-kont għandu jiġi nkluż b'tipa grassa u lejn in-naħa tax-xellug.

Artikolu 4

L-isem tal-kont:

L-isem tal-kont għandu jkun inkluż b'tipa grassa, lejn in-naħa tax-xellug, u taħt l-isem tal-fornitur tal-kont.

Artikolu 5

Data

Id-data ta' meta l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas aġġorna l-aħħar id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi għandha tkun inkluża, bit-tipa prevista fl-Artikolu 1(2)(d), lejn in-naħa tax-xellug u anki taħt l-isem tal-kont.

Artikolu 6

Dikjarazzjoni introduttorja

1.   It-test tad-dikjarazzjoni introduttorja speċifikati fil-mudell għandha tiġi riprodotta fid-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi, bl-ispazju bejn il-linji ta' 1,15, 0 pt qabel u 10 pt wara t-test.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jissostitwixxu l-parenteżi kwadri bl-ismijiet tad-dokumenti prekuntrattwali u kuntrattwali rilevanti.

Artikolu 7

It-tabella “Servizzi u Tariffi”

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw is-servizzi li huma inklużi fil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/92/UE jekk il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas joffri dawn is-servizzi, u t-tariffi korrispondenti tagħhom fit-tabella dwar is-servizzi u t-tariffi kif ġej:

(a)

is-servizzi għandhom jiddaħħlu fil-kolonna “Servizz”, lejn in-naħa tax-xellug, b'tipa grassa;

(b)

kull servizz għandu jiġi mniżżel darba biss u jintwera taħt is-subintestatura murija fit-tabella, bħal l-offertà ta' jew il-manutenzjoni tal-kont taħt is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”;

(c)

it-tariffi korrispondenti għas-servizzi għandhom jintwerew fil-kolonna “Tariffa”, lejn in-naħa tal-lemin;

(d)

jekk it-tariffa trid titħallas b'frekwenza regolari minflok skont kemm isir użu, il-frekwenza għandha tiġi indikata fil-kolonna “Tariffa”, lejn in-naħa tax-xellug, segwita mit-tariffa korrispondenti għal dak il-perjodu, lejn in-naħa tal-lemin; it-tariffa annwali totali għandha tiġi żvelata fuq il-linja direttament taħt il-frekwenza, b'tipa grassa, lejn in-naħa tax-xellug, u bil-kliem “Tariffa annwali totali” bit-tariffa korrispondenti lejn in-naħa tal-lemin;

(e)

l-ispazju bejn il-linji għandu jkun uniku, 0 pt qabel u 0 pt wara kull servizz u tariffa.

2.   Jekk l-ebda wieħed mis-servizzi offruti minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas, li jikkorrispondi ma' subintestatura, ma huwa inkluż fil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas, ir-ringiela sħiħa marbuta ma' din is-subintestatura għandha titħassar, kif ukoll it-titolu tas-subintestatura.

3.   Jekk il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ma joffrux servizz jew aktar mil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi msemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/92/UE jew jekk is-servizz mhux disponibbli ma' dan il-kont, għandha tintuża l-frażi “servizz mhux disponibbli”.

4.   Jekk iridu jitħallsu tariffi separati b'wieħed jew aktar mill-modi li ġejjin, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jipprovdu, fil-kolonna “Tariffa” ta' dan is-servizz u fuq linja separata, deskrizzjoni ta' kull istanza, kanal jew kundizzjoni fejn trid titħallas tariffa (“tipi ta' tariffi”):

(a)

għal kull istanza differenti fejn trid titħallas tariffa għall-forniment tal-istess servizz, bħal tariffa inizjali ta' twaqqif u tariffi sussegwenti ta' eżekuzzjoni għall-istess servizz;

(b)

għal kanali differenti li permezz tagħhom l-istess servizz jiġi mitlub, użat jew provdut, bħal permezz tat-telefown, fergħa jew online;

(c)

skont jekk tiġix sodisfata kundizzjoni speċifika għall-istess servizz, bħall-konformità għal ammont limitu minimu jew massimu għal trasferimenti ta' kreditu jew ta' ġbid ta' flus.

Id-deskrizzjoni għandha tkun lejn in-naħa tax-xellug u t-tariffa lejn in-naħa tal-lemin.

5.   Jekk it-tariffi jridu jitħallsu skont taħlita ta' diversi tipi ta' tariffi, bħal tariffi li jvarjaw minn kanal u mbagħad jerġgħu jitqassmu skont jekk jintlaħaqx il-livell limitu, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom, minbarra li japplikaw il-paragrafu 4, jaraw li d-deskrizzjoni ta' kull tip addizzjonali ta' tariffa tkun fuq in-naħa tal-lemin.

Artikolu 8

Il-preżentazzjoni ta' pakketti ta' servizzi li jridu jitħallsu bħala parti mit-tariffi skont is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”

1.   Jekk pakkett ta' servizzi marbut ma' kont tal-ħlas jrid jitħallas bħala parti mit-tariffi skont is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”, is-servizzi kollha inklużi fil-pakkett, irrispettivament jekk humiex inklużi fil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/92/UE għandhom jiġu elenkati fit-taqsima tat-tabella dwar is-servizzi ġenerali tal-kont, fir-ringiela tal-pakketti ta' servizzi.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu informazzjoni dwar it-tariffa addizzjonali għal kull servizz li jaqbeż il-kwantità koperta mill-pakkett ta' servizzi kif stabbiliti fl-Artikolu 10.

3.   Jekk in-numru tas-servizzi kollha koperti mill-pakkett ta' servizzi mhux limitat, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru d-dikjarazzjoni fin-naħa t'isfel tar-ringiela “Servizzi li jaqbżu dawn il-kwantitajiet iridu jitħallsu separatament”.

4.   Ir-ringiela sħiħa tal-pakkett ta' servizzi għandha titħassar, jekk pakkett ta' servizzi ma jiġix offrut mal-kont u jekk il-pakkett ta' servizzi jrid jitħallas separatament minn kull tariffa għal servizzi ġenerali tal-kont.

Artikolu 9

Il-preżentazzjoni ta' pakketti ta' servizzi li jridu jitħallsu separatament mit-tariffi skont is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”

1.   Jekk il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas joffri pakkett ta' servizzi marbut ma' kont tal-ħlas u l-pakkett jitħallas separatament minn kull tariffa taħt is-subintestatura “Servizzi ġenerali tal-kont”, kif imsemmi fit-tabella dwar is-servizzi u t-tariffi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja fit-tabella dwar il-pakkett ta' servizzi:

(a)

lista tas-servizzi kollha inklużi fil-pakkett, irrispettivament minn jekk jiġux inklużi fil-lista nazzjonali finali tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/92/UE;

(b)

il-kwantità ta' kull servizz kopert mit-tariffa tal-pakkett, li jista' jkun numru jew indikazzjoni li n-numru ta' servizzi mhux limitat;

(c)

it-tariffa tal-pakkett, fil-kolonna “Tariffa”, lejn in-naħa tal-lemin.

2.   Jekk il-pakkett jitħallas b'frekwenza regolari, il-frekwenza għandha tintwera fil-kolonna “Tariffa” lejn in-naħa tax-xellug, bl-ammont totali tat-tariffa muri fil-linja eżatt taħt il-frekwenza, b'tipa grassa u bl-użu tal-kliem “Tariffa totali annwali”.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu informazzjoni dwar it-tariffa addizzjonali għal kull servizz li jaqbeż il-kwantità koperta mill-pakkett ta' servizzi kif stabbiliti fl-Artikolu 10.

4.   Jekk in-numru tas-servizzi kollha fil-pakkett mhux limitat, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru d-dikjarazzjoni fin-naħa t'isfel tat-tabella li tgħid “Servizzi li jaqbżu dawn il-kwantitajiet iridu jitħallsu separatament”.

5.   Jekk iktar minn pakkett wieħed jaqa' taħt il-paragrafu 1 jiġi inkluż fid-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jipprovdu l-informazzjoni ta' dan l-Artikolu għal kull pakkett f'tabella separata, u jindikaw l-isem kummerċjali tal-pakkett ta' servizzi, jekk applikabbli.

6.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru t-tabella kollha, jekk il-pakkett ta' servizzi mhux offrut mal-kont jew jekk il-pakkett ta' servizzi jitħallas bħala parti mit-tariffa għal kull servizz ġenerali tal-kont.

Artikolu 10

Tabella dwar it-tariffi addizzjonali għas-servizzi li jaqbżu l-kwantità koperta minn pakketti ta' servizzi marbuta ma' kont tal-ħlas

1.   F'din it-tabella l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jinkludu informazzjoni dwar tariffi addizzjonali għal kull servizz li jaqbeż il-kwantità koperta minn pakkett imsemmi fl-Artikoli 8 u 9, jekk din l-informazzjoni ma tkunx inkluża fit-tabella tas-servizzi u t-tariffi, jew jekk it-tariffa korrispondenti għas-servizz hija differenti minn dik tat-tabella.

2.   Jekk il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas joffru aktar minn pakkett wieħed u t-tariffi addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 ikunu differenti minħabba l-pakkett, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jelenkaw it-tariffi differenti separatament għal kull pakkett u jużaw l-isem kummerċjali tal-pakkett, jekk applikabbli.

3.   Meta jimlew din it-tabella, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom isegwu l-istess preżentazzjoni u struttura kif stabbilit f'dan ir-Regolament, jekk applikabbli.

4.   Jek dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi ma jinkludix informazzjoni dwar il-pakketti ta' servizzi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru t-tabella msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Indikatur komprensiv tal-ispiża

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom juru l-indikatur komprensiv tal-ispiża li fil-qosor jiġbor l-ispiża annwali totali tal-kont tal-ħlas, f'tabella separata, jekk meħtieġ mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom iħassru t-tabella fuq l-indikatur komprensiv tal-ispiża, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jirrikjedux li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas juru l-indikatur komprensiv tal-ispiża.

Artikolu 12

Ismijiet kummerċjali

Jekk jintuża isem kummerċjali, huwa għandu jiġi eżattament wara l-isem tas-servizz, bit-tipa prevista fl-Artikolu 1(2)(d) u f'parenteżi kwadri.

Artikolu 13

L-użu ta' mezzi elettroniċi

1.   Jekk id-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa jiġu offrut permezz ta' mezzi elettroniċi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu, jekk fl-istess ħin il-konsumatur jingħata kopja tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa skont il-mudell stabbilit fl-Anness u mimli kif previst mill-Artikoli 2 sa 12, jimmodifikaw il-mudell biss b'dawn il-modi li ġejjin:

(a)

permezz ta' deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 1(2), ikabbru d-daqs tat-tipa, sakemm tinżamm il-proporzjon tad-daqs kif stipulat fl-Artikolu 1(2);

(b)

jekk id-dimensjonijiet tal-għodod elettroniċi huma tali li l-użu ta' diversi tabelli u kolonni jrendu l-qari tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi diffiċli, jistgħu jintużaw kolonna jew tabella waħda jekk jinżammu l-ordni tal-informazzjoni, l-intestaturi u s-subintestaturi;

(c)

jistgħu jużaw għodod elettroniċi, bħal-layering u pop-ups, jekk it-titolu tad-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi, is-simbolu komuni, id-dikjarazzjonijiet ta' introduzzjoni, l-intestaturi u sub-intestaturi jidhru b'mod prominenti u tinżamm l-ordni ta' informazzjoni.

2.   L-użu tal-għodod elettroniċi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandux ifixkel lill-konsumatur mill-informazzjoni fid-dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi. L-informazzjoni provduta bil-layering u pop-ups għandha tkun limitata għall-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/32 tat-28 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għat-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni għall-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma' kont tal-ħlas (Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS

Mudell ta' dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top