EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0981

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/981 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għall-konsultazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħrajn qabel ma tingħata awtorizzazzjoni konformi mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3790

ĠU L 148, 10.6.2017, p. 16–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/981/oj

10.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/981

tas-7 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għall-konsultazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħrajn qabel ma tingħata awtorizzazzjoni konformi mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 84(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/65/UE jipprovdi għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti qabel ma tingħata awtorizzazzjoni konformi mal-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva. Id-Direttiva 2014/65/UE tipprovdi wkoll għall-istabbiliment ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għal tali konsultazzjoni.

(2)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jinħtieġ li dawn jaħtru punt ta' kuntatt speċifikament għall-iskop tal-komunikazzjoni qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tingħata awtorizzazzjoni b'mod effiċjenti u fil-ħin, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għat-talbiet għal konsultazzjoni, il-konferma tar-riċevuta u risposti għal talbiet għall-konsultazzjoni.

(4)

Il-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għandhom jippermettu li l-informazzjoni li tiġi skambjata jew trażmessa tinżamm kunfidenzjali skont id-Direttiva 2014/65/UE, u biex ikun hemm konformità mar-regoli stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta personali.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta' formoli u proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u l-impatt tagħhom, filwaqt li jitqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq.

(8)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Punti ta' kuntatt

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament u jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt tagħhom fuq is-siti web tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt tagħhom lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). L-ESMA għandha żżomm lista aġġornata tal-punti ta' kuntatt għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti u għandha tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 2

Talba għall-konsultazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għandha tressaq it-talba għal konsultazzjoni f'forma kartaċja inkella permezz ta' mezzi elettroniċi, lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li għandha tiġi kkonsultata.

2.   L-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għandha tressaq it-talba tagħha għall-konsultazzjoni billi timla l-formola li tinsab fl-Anness I. Flimkien mat-talba għall-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tkun qed tagħmilha tista' tehmeż kull dokument jew materjal ta' sostenn li jitqies neċessarju biex isostni t-talba.

Artikolu 3

Konferma tar-riċevuta

L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta billi timla l-formola li tinsab fl-Anness II, fi żmien ħamest ijiem mindu tasal it-talba għall-konsultazzjoni, indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba.

Artikolu 4

Risposta għal talba għall-konsultazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tirrispondi għal talba għall-konsultazzjoni f'forma kartaċja jew b'mezzi elettroniċi. Ir-risposta għandha tkun indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li tagħhmel it-talba, sakemm l-awtorità ma tkunx speċifikat li għandu jsir mod ieħor.

2.   L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba dwar kwalunkwe kjarifika li tkun teħtieġ b'rabta mal-informazzjoni mitluba.

3.   Billi timla mill-iktar fis possibbli l-formola li tinsab fl-Anness III, u fi żmien 60 ġurnata xogħol mid-data li fiha tkun waslet it-talba għall-konsultazzjoni, l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti li tkun talbet l-informazzjoni:

(a)

l-informazzjoni mitluba fit-talba għal konsultazzjoni u kull fehma jew riżerva b'rabta mal-għoti tal-awtorizzazzjoni;

(b)

kull informazzjoni essenzjali oħra li tista' tinfluwenza l-għoti tal-awtorizzazzjoni.

4.   Meta l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba tqis li aktarx mhix se tlaħħaq mal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 3, din għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba b'dan minnufih, u tindika r-raġunijiet għad-dewmien u d-data mistennija tar-risposta. Din għandha tagħti wkoll informazzjoni regolari dwar il-progress tat-tħejjija tar-risposta tagħha.

5.   Meta l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba ma tkunx tista' tlaħħaq mal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, din għandha tipprovdi l-informazzjoni b'tali mod li jiżgura li kull azzjoni meħtieġa tkun tista' ssir bil-ħeffa, filwaqt li tkun konformi mal-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 5

Proċedura għall-konsultazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw b'rabta mat-talba għall-konsultazzjoni u r-risposta għaliha billi jużaw l-iktar mezz effiċjenti minn dawk li jinsabu fl-Artikoli 2(1) u 4(1), filwaqt li jqisu l-kunfidenzjalità, il-ħinijiet għall-korrispondenza, il-volum ta' materjal li għandu jiġi komunikat u l-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità kompetenti rikjedenti għandha tirrispondi minnufih għal kull kjarifika mitluba mill-awtorità kompetenti rikjesta.

2.   Jekk l-informazzjoni mitluba tinsab għand, jew tista' tinsab għand, awtorità kompetenti ta' Stat Membru għajr l-awtorità kompetenti tal-istess Stat Membru li tirċievi t-talba, l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tiġbor l-informazzjoni minnufih mill-awtorità kompetenti l-oħra u tittrażmettiha lill-awtorità kompetenti rikjedenti f'konformità mal-Artikolu 4.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinqala fit-twettiq ta' rikjesta.

4.   Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew tinqala' l-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-proċedura tal-għoti jew taċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-informazzjoni relevanti kollha tiġi skambjata. Il-formoli li jinsabu fl-Annessi I u II għandhom jintużaw għal dan l-għan.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikoli 2(1) u 4(1), meta l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tagħmel talba għal konsultazzjoni tul il-perjodu tal-aħħar 30 jum ta' ħidma qabel tmiem il-valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, din tista' tagħmel tali talba verbalment, dment li l-konferma sussegwenti tat-talba għal konsultazzjoni ssir bil-miktub, sakemm l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba ma taqbilx li jsir mod ieħor.

Artikolu 6

Użu tal-informazzjoni

1.   Jekk l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba tiġi riprodotta fir-risposta tal-awtorità kompetenti li tkun bagħtet it-talba għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet it-talba għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba qabel ma tinforma lill-applikant.

2.   Fil-każ li jkun hemm talba biex tiġi divulgata informazzjoni li awtorità kompetenti tkun irċeviet mingħand awtorità kompetenti oħra, l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti l-oħra qabel ma tiddivulga l-informazzjoni u għandha teżerċita l-eżenzjonijiet jew privileġġi legali xierqa fir-rigward tal-informazzjoni li jistgħu jkunu disponibbli.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Formola għal talba għal konsultazzjoni

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

Formola għall-konferma tar-riċevuta ta' talba għal konsultazzjoni

Image Test ta 'immaġni

ANNESS III

Formola għal risposta għal konsultazzjoni

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top