EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0807

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/807 tal-11 ta' Mejju 2017 li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2017

C/2017/3202

ĠU L 121, 12.5.2017, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/807/oj

12.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/807

tal-11 ta' Mejju 2017

li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2017

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jistipula d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku.

(2)

Diversi Stati Membri qegħdin jimplimentaw bidliet fis-sistema amministrattiva tagħhom għall-pagamenti diretti li jinvolvu, inter alia, bidliet strutturali fis-sistema ta' identifikazzjoni tal-irqajja' tal-art tagħhom u riorganizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Dawk il-bidliet jikkoinċidu ma' pass importanti fl-introduzzjoni obbligatorja tal-applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta' strumenti ġeospazjali. B'riżultat ta' dan, kien hemm diffikultajiet amministrattivi f'dawk l-Istati Membri.

(3)

Għalhekk ġiet affettwata l-possibbiltà li benefiċjarji jressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku fil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(4)

Minħabba dak kollu, jixraq li tiġi stipulata deroga mill-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ħalli għall-2017, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffissaw data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, u dawn id-dati jkunu aktar tard minn dawk stipulati f'dawk l-Artikoli. Peress li d-dati u l-perjodi msemmija fl-Artikoli 11(4), 15(2) u (2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huma marbuta mad-data finali stipulata fl-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għandha tiġi stipulata deroga simili għan-notifika tar-riżultati tal-kontrolli preliminari u tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas.

(5)

Billi dawn id-derogi jkopru l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament għas-sena 2017, jixraq li dan ir-Regolament ikun japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2017.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2017, id-dati finali li għandhom jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għas-sena 2017, fl-Istati Membri li jużaw id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sal-15 ta' Ġunju.

Artikolu 3

Id-derogi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll fl-Istati Membri kkonċernati biex jiġu kkalkulati l-perjodi ta' 26 jum, 35 jum u ta' 10 ijiem kalendarji, rispettivament, wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u d-data finali għan-notifika tal-emendi kif imsemmija fl-Artikoli 11(4) u 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 4

B'deroga mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2017, id-data li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku ma għandhiex tkun aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).


Top