Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0263

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/263 tal-14 ta' Frar 2017 dwar miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u miżuri għal bijosigurtà rinforzata u s-sistemi tad-detezzjoni bikrija f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għat-trażmissjoni ta' virusijiet tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja għall-pollam (notifikata bid-dokument C(2017) 765) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0765

    ĠU L 39, 16.2.2017, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/263/oj

    16.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 39/6


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/263

    tal-14 ta' Frar 2017

    dwar miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u miżuri għal bijosigurtà rinforzata u s-sistemi tad-detezzjoni bikrija f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għat-trażmissjoni ta' virusijiet tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja għall-pollam

    (notifikata bid-dokument C(2017) 765)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva tal-għasafar, li tinkludi l-pollam. L-infezzjoni bil-virusijiet tal-influwenza tat-tjur fil-pollam domestiku tagħti lok għal żewġ forom tal-marda li huma distinti bil-kapaċità tat-tixrid tagħhom. Ġeneralment, il-forma b'patoġeniċità baxxa tikkawża sintomi ħfief biss, filwaqt li l-forma b'patoġeniċità għolja tirriżulta f'rati għoljin ferm ta' mwiet fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Dik il-marda jista' jkollha impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tal-pollam.

    (2)

    Id-Direttiva 2005/94/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda fil-pollam jew f'għasafar f'kaptività oħrajn u tistipula wkoll ċerti miżuri preventivi li għandhom x'jaqsmu mas-sorveljanza u mad-detezzjoni minn kmieni tal-influwenza tat-tjur.

    (3)

    Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula wkoll li r-regoli dettaljati meħtieġa mis-sitwazzjoni epidemjoloġika biex jiġu ssupplimentati l-miżuri minimi ta' kontroll stabbiliti f'dik id-Direttiva jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni.

    (4)

    Għasafar selvaġġi, b'mod partikolari għasafar tal-ilma migratorji selvaġġi, huma magħrufa bħala l-ospitant naturali ta' virusijiet tal-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku baxx, li huma jġorru ġeneralment mingħajr ma juru sinjali ta' dik il-marda, matul il-movimenti migratorji staġjonali tagħhom. Madankollu, minn nofs l-2005 'l hawn, l-evidenza stabbiliet li razza tal-virus tas-sottotip H5N1 tal-influwenza tat-tjur b' patoġeniċità għolja (“HPAI”) hija kapaċi tinfetta għasafar selvaġġi u tinxtered minnhom fuq distanzi twal (4).

    (5)

    Il-preżenza ta' virusijiet tal-influwenza tat-tjur fl-għasafar selvaġġi tirrappreżenta theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta' dawn il-virusijiet f'azjendi agrikoli fejn jinżammu l-pollam jew għasafar oħra f'kaptività bir-riskju ta' tixrid sussegwenti tal-virus minn azjenda agrikola infettata għal azjendi agrikoli oħra.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE (5) ġiet adottata wara l-introduzzjoni tal-virus HPAI tas-sottotip H5N1 mix-Xlokk tal-Asja għall-Ewropa permezz tat-tixrid lejn il-Punent matul l-2005 sabiex jissaħħu l-miżuri ta' kontroll li diġà ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tar-riskji maħluqa mit-tixrid interkontinentali bla preċedent tal-virus HPAI minn għasafar selvaġġi.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tistipula miżuri ta' bijosigurtà u miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni tal-virus HPAI H5N1 minn għasafar selvaġġi għal pollam u għasafar oħra f'kaptività billi jiġu pprevenuti kuntatti diretti u indiretti bejn dawn il-popolazzjonijiet. Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tesiġi li l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni tat-territorju tagħhom li huma partikolarment f'riskju għall-introduzzjoni tal-virus HPAI H5N1 f'azjendi agrikoli fejn ikun hemm preżenti pollam u għasafar oħra f'kaptività, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni epidemjoloġika u fatturi tar-riskju speċifiċi. L-Istati Membri huma meħtieġa japplikaw ċerti miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju f'dawk l-oqsma ta' riskju għoli, bħal pereżempju tiżgura li l-pollam ikkonċernat qed jinżamm ġewwa. L-Istati Membri huma mitluba wkoll jiżguraw li s-sidien isiru aktar konxji tar-riskji ta' trażmissjoni u tan-neċessità li jiġu applikati miżuri ta' bijosigurtà fl-azjendi agrikoli tagħhom.

    (8)

    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2005/734/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' detezzjoni minn kmieni li huma mmirati lejn ir-rappurtar malajr ta' kull sinjal ta' influwenza tat-tjur fil-merħliet tal-pollam mis-sidien lill-awtorità veterinarja kompetenti li għandha tqis il-parametri speċifiċi u bidliet żgħar fil-produzzjoni tad-dejta.

    (9)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/367/UE (6) tistabblixxi linji gwida dwar l-implimentazzjoni mandatorja mill-Istati Membri ta' programmi ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fil-pollam domestiku u l-għasafar selvaġġi inkluż ir-rekwiżiti tal-ikkampjunar u tal-ittestjar fil-laboratorji. DIn tipprevedi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jiġu notifikati mingħajr dewmien dwar xi mwiet anormali jew mard sinifikanti jew mortalità f'għasafar salvaġġi speċjalment f'għasafar tal-ilma migratorji selvaġġi.

    (10)

    Waqt l-aħħar parti tal-2014 u l-ewwel parti tal-2015, il-virus HPAI H5N8 iddaħħal fl-Unjoni minn għasafar selvaġġi. Dan ikkawża mortalità ta' rata baxxa ħafna, iżda wassal għal tifqigħat fil-pollam u f'għasafar oħra f'kaptività f'bosta Stati Membri oħra.

    (11)

    Mill-aħħar ta' Ottubru 2016 'l hawn, ġiet individwata razza tal-virus relatata mill-qrib mal-HPAI H5N8 f'għasafar migratorji selvaġġi li prinċipalment instabu mejtin, f'20 Stat Membru, jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, fl-Ungerija, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit, kif ukoll f'pajjiżi terzi fil-qrib bħall-Iżvizzera, is-Serbja u l-Ukraina. Il-biċċa l-kbira tat-tifqigħat ġew ikkonfermati fi Franza, fl-Ungerija u fil-Bulgarija f'ċerti żoni b'għadd kbir ta' azjendi agrikoli li jżommu l-papri u l-wiżż.

    (12)

    Is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali hija dinamika ħafna u dejjem tevolvi. Il-movimenti tal-għasafar migratorji qed ikomplu u l-attivitajiet ta' sorveljanza kontinwa min-naħa tal-Istati Membri qed ikomplu jidentifikaw il-virus HPAI H5N8 fl-għasafar selvaġġi. Għalhekk, il-virus se jibqa' theddida għal pollam u għasafar oħra f'kaptività fl-Unjoni għax-xhur li ġejjin u x'aktarx matul movimenti staġjonali ulterjuri ta' għasafar migratorji bir-riskju ta' trażmissjoni ikbar tal-virus bejn azjendi agrikoli f'ċerti ambjenti b'riskju għoli.

    (13)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bħalissa qed tħejji opinjoni xjentifika komprensiva dwar l-influwenza tat-tjur li għandha tiġi ffinalizzata f'Settembru 2017. Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-epidemija tal-HPAI H5N8, l-EFSA ntalbet tipprovdi valutazzjoni urġenti tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u pariri xjentifiċi preliminari dwar l-adegwatezza tal-miżuri protettivi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li huma fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi infettati bl-HPAI H5N8.

    (14)

    Fl-20 ta' Diċembru 2016, il-Grupp ta' Esperti Xjentifiċi fis-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali tal-EFSA ppubblika d-dikjarazzjoni li ġejja: “Rikjesta urġenti dwar l-influwenza tat-tjur” (7) li tikkonferma li l-implimentazzjoni stretta tal-miżuri tal-bijosigurtà u tal-mitigazzjoni tar-riskji huma l-aktar mezz importanti biex tiġi evitata t-trażmissjoni ta' virusijiet tal-HPAI, taż-żewġ tas-sottotipi H5 u H7, direttament jew indirettament minn għasafar selvaġġi għal ġo azjendi agrikoli li fihom jinżammu l-pollam u l-għasafar f'kaptività. Il-bijosigurtà f'azjendi agrikoli ta' dan it-tip għandha tkun prattika ta' rutina u għandha tissaħħaħ matul perjodi ta' riskju akbar.

    (15)

    L-EFSA kkonkludiet ukoll li s-sorveljanza passiva ta' għasafar selvaġġi hija l-aktar mezz effettiv għad-detezzjoni bikrija tal-preżenza tal-virusijiet tal-HPAI f'għasafar selvaġġi u tirrakkomanda li jiġu mmirati t-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar tal-għasafar selvaġġi u b'hekk jissaħħu ċerti dispożizzjonijiet dwar l-għasafar selvaġġi stabbiliti fil-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fl-għasafar selvaġġi stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/367/UE.

    (16)

    L-EFSA tirreferi wkoll għall-valutazzjoni (8) mwettqa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) li tgħid li s'issa, fid-dinja kollha ma ġew irrappurtati l-ebda infezzjonijiet fil-bniedem bil-virus HPAI H5N8 attwali u li karatterizzazzjoni ulterjuri tal-virus turi li għadu essenzjalment virus tal-għasafar mingħajr l-ebda affinità speċifika żejda għall-bniedem.

    (17)

    L-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/734/KE juru li għandha tinżamm il-flessibilità sabiex dawk il-miżuri jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri individwali.

    (18)

    Sabiex tintlaħaq il-mira tal-popolazzjonijiet ta' għasafar li huma l-aktar f'riskju u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu mmirati ċerti miżuri preventivi lejn azjendi agrikoli li fihom jinżammu l-pollam.

    (19)

    Il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/734/KE għandhom għalhekk jiġu rieżaminati u adattati biex jqisu s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fil-pollam u fl-għasafar selvaġġi fl-Istati Membri, id-dikjarazzjoni dwar l-influwenza tat-tjur ppubblikata mill-EFSA fl-20 ta' Diċembru 2016 u l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika tal-miżuri stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni.

    (20)

    Il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/734/KE ġew emendati u estiżi diversi drabi u huma applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2017. Għal iktar ċarezza fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2005/734/KE għandha titħassar u tibidel b'din id-Deċiżjoni.

    (21)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu rieżaminati, jekk neċessarju, fid-dawl tal-eżitu finali tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar l-influwenza tat-tjur li għandu jiġi ffinalizzat f'Settembru 2017.

    (22)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2018.

    (23)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju u sistemi ta' detezzjoni bikrija f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għall-introduzzjoni tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) f'azjendi agrikoli kif ukoll miżuri biex itejbu l-għarfien fost is-sidien dwar dawn ir-riskji u dwar il-ħtieġa li jimplimentaw jew isaħħu l-miżuri tal-bijosigurtà fl-azjendi agrikoli tagħhom.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet preżentati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/94/KE.

    Artikolu 3

    Identifkazzjoni taż-żoni ta' riskju għoli għall-introduzzjoni tal-virusijiet tal-HPAI

    L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jeżaminaw mill-ġdid iż-żoni tat-territorju tagħhom li huma f'riskju partikolari għall-introduzzjoni tal-virusijiet tal-HPAI fl-azjendi agrikoli (minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala “żoni ta' riskju għoli”) kif ukoll il-perjodu ta' żmien li matulu dan ir-riskju jippersisti, filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħhom jew fit-territorju tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi fil-qrib, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    (i)

    id-detezzjoni ta' virusijiet tal-HPAI fl-għasafar selvaġġi jew fil-feċi miġbura minnhom;

    (ii)

    it-tifqigħat tal-HPAI fl-azjendi agrikoli li fihom jinżammu l-pollam jew għasafar oħra f'kaptività li x'aktarx li huma relatati mad-detezzjoni tal-virusijiet tal-HPAI kif imsemmi fil-punt (i);

    (iii)

    id-detezzjonijiet preċedenti ta' virusijiet tal-HPAI, kif imsemmi f'(i) u (ii) u r-riskju ta' okkorrenza mill-ġdid;

    (b)

    il-fatturi ta' riskju għall-introduzzjoni ta' virusijiet tal-HPAI f'azjendi agrikoli, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    (i)

    il-pożizzjoni tagħhom tul ir-rotta migratorja tal-għasafar, b'mod partikolari meta l-għasafar ikunu ġejjin mill-Asja ċentrali jew tal-Lvant, miż-żoni tal-Baħar Kaspju u tal-Baħar l-Iswed, mill-Lvant Nofsani u mill-Afrika;

    (ii)

    id-distanza bejn l-azjenda agrikola u artijiet mistagħdra, għadajjar, paludi, lagi jew xmajjar fejn jistgħu jinġabru l-għasafar migratorji, b'mod partikolari dawk tal-ordnijiet Anseriformes u Charadriiformes;

    (iii)

    il-post fejn jinsabu l-azjendi agrikoli f'żoni b'densità għolja ta' għasafar migratorji, partikolarment għasafar tal-ilma;

    (iv)

    it-tjur li jinżammu f'azjendi agrikoli mikxufa, fejn il-kuntatt bejn l-għasafar selvaġġi u l-pollam ma jkunx jista' jiġi evitat b'mod suffiċjenti.

    (c)

    il-fatturi ta' riskju addizzjonali għat-tixrid tal-virusijiet tal-HPAI fi ħdan u bejn dawn l-azjendi agrikoli, b'mod partikolari, meta:

    (i)

    il-post fejn tinsab l-azjenda agrikola jkun f'żoni b'densità għolja ta' azjendi agrikoli;

    (ii)

    l-intensità ta' movimenti ta' pollam, ta' vetturi u ta' persuni, fl-azjendi agrikoli u minnhom u kuntatti diretti jew indiretti oħra bejn azjenda agrikola u oħra jkunu għoljin;

    (d)

    il-valutazzjonijiet tar-riskju b'rabta mar-relevanza tat-tixrid tal-virusijiet tal-HPAI minn għasafar selvaġġi jitwettqu mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u minn korpi internazzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju;

    (e)

    ir-riżultati tal-programmi ta' sorveljanza mwettqa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/94/KE.

    Artikolu 4

    Miżuri ta' riskji ta' mitigazzjoni

    1.   Skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika fit-territorju tagħhom u sakemm ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli sabiex inaqqsu r-riskju ta' trażmissjoni mill-virusijiet tal-HPAI minn għasafar selvaġġi għall-pollam f'żoni ta' riskju għoli.

    2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu diretti, partikolarment, lejn il-prevenzjoni ta' kuntatt dirett jew indirett bejn għasafar selvaġġi, u b'mod partikolari għasafar tal-ilma migratorji selvaġġi, u l-pollam u b'mod partikolari l-papri u l-wiżż.

    3.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu dawn li ġejjin fiż-żoni ta' riskju għoli:

    (a)

    iż-żamma tal-pollam fil-miftuħ;

    (b)

    l-użu ta' ġibjuni tal-ilma li qegħdin fil-miftuħ għall-pollam;

    (c)

    l-għoti tal-ilma lill-pollam mill-ilma tal-wiċċ fil-ġibjuni li għandhom aċċess għalih l-għasafar selvaġġi;.

    (d)

    il-ħażna ta' għalf għall-pollam li ma tkunx protetta minn għasafar selvaġġi jew annimali oħra.

    4.   Bħala miżuri ulterjuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu:

    (a)

    il-ġbir flimkien tal-pollam u għasafar oħra f'kaptività fis-swieq, wirjiet, esebizzjonijiet u avvenimenti kulturali;

    (b)

    l-użu tal-għasafar tat-taħrik tal-ordnijiet Anseriformes u Charadriiformes (“għasafar tat-taħrik”).

    5.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-miżuri li ħadu skont il-paragrafi 1 sa 4 b'mod regolari sabiex jaġġustawhom u jadattawhom biex iqisu s-sitwazzjoni epidemjoloġika, inklużi r-riskji kkawżati minn għasafar selvaġġi.

    Artikolu 5

    Sensibilizzazzjoni u miżuri ta' sigurtà

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-miżuri meħtieġa fis-seħħ li jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji tal-HPAI fost il-partijiet ikkonċernati attivi fis-settur tal-pollam u biex jipprovdulhom informazzjoni dwar il-miżuri ta' bijosigurtà l-aktar xierqa, b'mod partikolari l-miżuri li jridu jiġu eżegwiti f'żoni ta' riskju għoli, permezz tal-mezzi l-aktar xierqa biex titressaq din l-informazzjoni għall-attenzjoni tagħhom.

    Artikolu 6

    Derogi mill-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji stabbiliti fl-Artikolu 4

    1.   B'deroga mill-Artikolu 4(3) u bil-kundizzjoni li jkunu fis-seħħ miżuri tal-bijosigurtà sabiex jiġi evitat ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virusijiet tal-HPAI, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw dawn li ġejjin:

    (a)

    iż-żamma tal-pollam fil-miftuħ, soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    il-pollam huwa protett kontra kuntatt ma' għasafar selvaġġi bi xbieki jew b'soqfa jew b'mezz xieraq ieħor; jew

    (ii)

    il-pollam huwa mill-inqas mogħti l-għalf u l-ilma ġewwa jew f'post kenni li jiskoraġġixxi b'mod suffiċjenti l-inżul ta' għasafar selvaġġi u b'hekk jiġi evitat il-kuntatt ta' għasafar selvaġġi mal-ikel u l-ilma intenzjonat għall-pollam.

    (b)

    l-użu ta' ġibjuni tal-ilma fil-miftuħ meta jkunu meħtieġa għal-raġunijiet ta' benessri tal-annimali għal ċertu pollam u jkunu skrinjati b'mod suffiċjenti kontra l-għasafar tal-ilma selvaġġi;

    (c)

    l-għoti tal-ilma lil pollam minn ilma tal-wiċċ li għandhom aċċess għalih l-għasafar tal-ilma selvaġġi wara t-trattament biex tkun żgurata l-inattivazzjoni tal-virusijiet tal-influwenza tat-tjur.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 4(4) u bil-kundizzjoni li jkunu fis-seħħ miżuri tal-bijosigurtà sabiex jiġi evitat ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virusijiet tal-HPAI, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw dawn li ġejjin:

    (a)

    il-ġbir flimkien tal-pollam u għasafar oħra f'kaptività fis-swieq, wirjiet, esebizzjonijiet u avvenimenti kulturali;

    (b)

    l-użu ta' għasafar tat-taħrik:

    (i)

    fil-qafas ta' programm ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur mwettaq skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/94/KE, il-proġetti tar-riċerka, l-istudji ornitoloġiċi jew kwalunkwe attività oħra approvata mill-awtorità kompetenti; jew

    (ii)

    skont il-miżuri xierqa u d-dispożizzjonijiet dwar il-bijosigurtà, li huma mmirati lejn il-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-virus tal-HPAI lill-pollam.

    Artikolu 7

    Sistemi ta' detezzjoni bikrija f'qatgħat tal-pollam

    1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu jew jirrinforzaw is-sistemi ta' detezzjoni bikrija mmirati lejn ir-rappurtar rapidu mis-sidien lill-awtorità kompetenti ta' kull sinjal ta' influwenza tat-tjur f'qatgħat tal-pollam f'azjendi agrikoli li jkunu jinsabu f'żoni ta' riskju għoli.

    2.   Is-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom mill-inqas jikkunsidraw tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-għalf u tal-ilma u fil-produzzjoni tal-bajd, ir-rata ta' mortalità osservata u kwalunkwe sinjal kliniku jew leżjoni post-mortem li jissuġġerixxu l-preżenza tal-virus tal-HPAI filwaqt li titqies il-varjazzjoni ta' dawn il-parametri fi speċijiet tal-pollam u tipi ta' produzzjoni differenti.

    Artikolu 8

    Sorveljanza akbar tal-għasafar selvaġġi

    1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li ż-żieda fis-sorveljanza passiva ta' għasafar selvaġġi tal-popolazzjonijiet u ż-żieda fil-monitoraġġ ta' għasafar mejta jew morda tkun saret f'konformità mal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni ta' programmi ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fl-għasafar selvaġġi stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/367/UE b'attenzjoni speċifika għal-lista ta' speċijiet fil-mira għat-teħid ta' kampjuni u għall-ittestjar fil-laboratorju stabbilita f'dik id-Deċiżjoni u għall-ispeċi ta' għasafar selvaġġi oħra li jkunu wrew li ġew infettati bil-virusijiet tal-HPAI.

    2.   L-awtorità kompetenti tista' timmira l-ikkampjunar u l-ittestjar fil-laboratorju ta' għasafar selvaġġi fuq speċijiet u f'żoni ġeografiċi li ma jkunux ġew affettwati qabel mill-virus tal-HPAI.

    Artikolu 9

    Obbligi ta' konformità u informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-miżuri li jieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u, jekk ikunux ingħataw derogi skont l-Artikolu 6.

    Artikolu 10

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2005/734/KE titħassar.

    Artikolu 11

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2018.

    Artikolu 12

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (4)  Scientific Opinion of the Panel on Animal Health and Welfare of the European Food Safety Authority on a request from the European Commission on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risk of its introduction into the EU poultry holdings (The EFSA Journal (2008) 715, 1–161).

    (5)  Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tad-19 ta' Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A tal-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari (ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/367/UE tal-25 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' programmi ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 22).

    (7)  EFSA Journal 2017;15(1):4687, 32 pp. doi:10.2903/j.efsa.2016.4687.

    (8)  European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC), 2016, RAPID RISK ASSESSMENT: Outbreaks of highly pathogenic avian influenza A(H5N8) in Europe: http://ecdc.europa.eu/en/publications/Publications/risk-assessment-avian-influenza-H5N8-europe.pdf


    Top