This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0879
Commission Implementing Regulation (EU) No 879/2014 of 12 August 2014 fixing an adjustment rate for direct payments provided for in Council Regulation (EC) No 73/2009 in respect of calendar year 2014
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 879/2014 tat- 12 ta' Awwissu 2014 li jiffissa rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja 2014
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 879/2014 tat- 12 ta' Awwissu 2014 li jiffissa rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja 2014
ĠU L 240, 13.8.2014, p. 20–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2014; Imħassar b' 32014R1227
13.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 240/20 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 879/2014
tat-12 ta' Awwissu 2014
li jiffissa rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-sena kalendarja 2014
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u partikolarment l-Artikolu 26(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistipula li għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex jingħata appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola billi fil-bidu ta' kull sena jiġi applikat tnaqqis għall-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament. |
(2) |
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li bil-għan li jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u għall-pagamenti diretti, għandha tiġi ddeterminata rata ta' aġġustament tal-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikulari jindikaw li l-limiti massimi annwali applikabbli jkunu se jinqabżu. |
(3) |
L-ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, li huwa meqjus fl-abbozz tal-baġit tal-Kummissjoni għall-2015, jammonta għal EUR 433 miljun fi prezzijiet attwali. Biex jiġi kopert dan l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (3) għas-sena kalendarja 2014. |
(4) |
Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u n-nefqa relatata mas-suq iddeterminati fl-abbozz tal-baġit 2015 tal-Kummissjoni indikaw li ma hemmx bżonn aktar dixxiplina finanzjarja. |
(5) |
Filwaqt li taġixxi skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 (4) fil-21 ta' Marzu 2014. |
(6) |
Sat-30 ta' Ġunju 2014 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu għadhom ma ddeterminawx din ir-rata ta' aġġustament. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rata ta' aġġustament permezz ta' att ta' implimentazzjoni u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill immedjatament dwar dan. |
(7) |
Skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ir-rata ta' aġġustament tista' tiġi adattata mill-Kummissjoni sal-1 ta' Diċembru 2014, abbażi ta' informazzjoni ġdida fil-pussess tagħha. Fil-każ ta' informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni se tqis dan u se tadotta Regolament ta' implimentazzjoni li jadatta r-rata ta' aġġustament sal-1 ta' Diċembru 2014, fil-kuntest tal-Ittra ta' Emenda għall-Abbozz tal-Baġit tal-2015. |
(8) |
B'mod ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu tal-pagament fiss fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħmlu pagamenti tardivi, sa ċertu limitu, lill-bdiewa lil hinn minn dan il-perjodu ta' pagament mingħajr ebda limitu ta' żmien. Tali pagamenti tardivi jistgħu jaqgħu f'sena finanzjarja aktar tard. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata f'sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament ma għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-snin kalendarji għajr f'dik is-sena li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rata ta' aġġustament għandha tiġi applikata biss għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-sena kalendarja li għalihom hi applikata d-dixxiplina finanzjarja, irrespettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa. |
(9) |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistipula li r-rata ta' aġġustament applikata għal pagamenti diretti stabbilita skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għal pagamenti diretti li jkunu iktar minn EUR 2 000 u li jkunu se jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li b'riżultat tal-introduzzjoni gradwali ta' pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament tapplika biss għall-Bulgarija u għar-Rumanija mill-1 ta' Jannar 2016 u għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022. Għalhekk, ir-rata ta' aġġustament li għandha tiġi ddeterminata mir-Regolament ma għandhiex tapplika għal pagamenti lill-bdiewa f'dawk l-Istati Membri, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Sabiex jiġi applikat l-aġġustament previst fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, li jkunu iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna mressqa għas-sena kalendarja 2014, għandhom jitnaqqsu b'1,301951 %.
2. It-tnaqqis stipulat fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-Bulgarija, għall-Kroazja u għar-Rumanija.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Awwissu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).
(4) COM(2014) 175.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).