Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0457

    2014/457/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Frar 2014 dwar it-tariffi tal-elettriku Spanjoli: id-distributuri SA.36559 (C 3/07) (ex NN 66/06) implimentati fi Spanja (notifikata bid-dokument C(2013) 7743) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 205, 12.7.2014, p. 45–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/457/oj

    12.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 205/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-4 ta' Frar 2014

    dwar it-tariffi tal-elettriku Spanjoli: id-distributuri SA.36559 (C 3/07) (ex NN 66/06) implimentati fi Spanja

    (notifikata bid-dokument C(2013) 7743)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/457/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    IL-PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta' ittra ddatata s-27 ta' April 2006, l-impriżi Céntrica plc u Céntrica Energía S.L.U. (minn issa 'l quddiem kollettivament imsejħa “Céntrica”) ippreżentaw ilment mal-Kummissjoni rigward is-sistema ta' tariffi tal-elettriku regolati implimentata fi Spanja fl-2005.

    (2)

    B'ittra ddatata s-27 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jipprovdulha informazzjoni dwar il-miżuri msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni rċeviet din l-informazzjoni f'ittra ddatata t-22 ta' Awwissu 2006.

    (3)

    Fit-12 ta' Ottubru 2006 il-każ ġie rreġistrat bħala għajnuna mhux innotifikata (il-Każ NN 66/06).

    (4)

    B'ittra ddatata d-9 ta' Novemberu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jipprovdulha kjarifikazzjonijiet addizzjonali dwar il-miżura. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu b'ittra ddatata t-12 ta' Diċembru 2006.

    (5)

    B'ittra ddatata l-24 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni nfurmat lill-awtoritajiet Spanjoli li kienet iddeċidiet li tinizjala l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) rigward il-miżura.

    (6)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

    (7)

    Spanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta' ittra ddatata s-26 ta' Frar 2007.

    (8)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati li ġejjin: il-Gvern tal-Galizja (ittra ddatata t-23 ta' Marzu 2007), Céntrica (ittri ddatati s-26 ta' Marzu u t-3 ta' Lulju 2007), ACIE — l-Assoċjazzjoni tal-Fornituri Indipendenti tal-Enerġija (ittra ddatata s-26 ta' Marzu 2007), il-Gvern tal-Asturias (ittra ddatata s-27 ta' Marzu 2007), AEGE — l-Assoċjazzjoni tal-Utenti Intensivi tal-Enerġija (ittra ddatata t-2 ta' April 2007), Asturiana de Zinc — AZSA (ittra ddatata t-3 ta' April 2007), Ferroatlántica — produttur tal-metall (ittra ddatata t-3 ta' April 2007), Alcoa (ittra ddatata t-3 ta' April 2007), UNESA –l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Industrija tal-Elettriku (ittra ddatata l-25 ta' April 2007), ENEL Viesgo (ittra ddatata s-26 ta' April 2007), Iberdrola (ittra ddatata s-26 ta' April 2007), Union Fenosa Distribución (ittra ddatata s-27 ta' April 2007), Hidrocantábrico Distribución Electrica (ittra ddatata s-27 ta' April 2007), Endesa Distribución Electrica (ittra ddatata s-27 ta' April 2007).

    (9)

    B'ittri ddatati l-15 ta' Mejju u s-6 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat il-kummenti tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Spanjoli, li ngħataw l-opportunità li jirreaġixxu; il-kummenti tagħhom daħlu permezz ta' ittra ddatata t-2 ta' Awwissu 2007.

    (10)

    Céntrica ppreżentat aktar informazzjoni b'ittri ddatati l-1 ta' Ġunju 2007, it-28 ta' Awwissu 2007, l-4 ta' Frar 2008 u l-1 ta' Marzu 2008.

    (11)

    B'ittri ddatati t-30 ta' Lulju 2009, id-19 ta' Marzu 2010, is-6 ta' Ottubru 2011, it-12 ta' April 2012, il-31 ta' Awwissu 2012, l-4 ta' Frar 2013 u s-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdu aktar kjarifiki dwar il-miżura. L-awtoritajiet wieġbu permezz ta' ittri ddatati l-5 ta' Ottubru 2009, is-26 ta' April 2010, is-7 ta' Diċembru 2011, it-12 ta' Ġunju 2012, it-18 ta' Ottubru 2012, il-11 ta' Frar 2013 u l-4 ta' Ottubru 2013.

    (12)

    Fid-19 ta' April 2013 il-każ inqasam fi tnejn: Il-Każ SA.21817 (C 3/07 ex NN 66/06), li jikkonċerna l-għajnujna lill-utenti aħħarija tal-elettriku, u l-Każ SA.36559 (C 3/07 ex NN 66/06), li jikkonċerna l-għajnuna lid-distributuri tal-elettriku. Id-deċiżjoni preżenti tittratta biss l-għajnuna lid-distributuri tal-elettriku.

    DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA

    IS-SISTEMA TAL-ELETTRIKU SPANJOLA FL-2005

    Id-distinzjoni bejn l-attivitajiet regolati u dawk mhux regolati

    (13)

    Fil-qafas leġiżlattiv stabbilit bil-Liġi 54/1997 tas-17 ta' Novembru 1997 (Ley del sector eléctrico — LSE) li hija l-pedament tas-sistema tal-elettriku Spanjola, issir distinzjoni fundamentali bejn l-attivitajiet regolati u dawk liberalizzati.

    (14)

    Il-ġenerazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-provvista bl-imnut tal-elettriku huma attivitajiet liberalizzati, jiġifieri attivitajiet li jistgħu jiġu ppratikati bil-libertà minn operaturi ekonomiċi fis-suq, u li fuqhom l-Istat ma jeżerċita l-ebda kontroll regolatorju strett, pereżempju billi jikkontrolla l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-provvista.

    (15)

    B'kuntrast ma' dan, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-attivitajiet li jsiru mill-Operatur tas-Suq (3) u mill-Operatur tas-Sistema (4) huma għal kollox irregolati mill-Istat. Dawn l-attivitajiet normalment jiġu rregolati mill-Istat fi kwalunkwe sistema tal-elettriku, peress li l-operaturi li jwettquhom ikollhom monopolji de facto jew de jure u, altrimenti, ma jkollhom l-ebda restrizzjoni li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni u jkunu jistgħu jżommu prezzijiet monopolistiċi ogħla mill-prezz normali tas-suq.

    Distribuzzjoni pura u provvista b'tariffi regolati

    (16)

    Fl-2005, id-distribuzzjoni kienet tkopri tliet tipi ta' attività regolata fis-sistema tal-elettriku Spanjola. L-ewwel waħda kienet dik tal-pura distribuzzjoni. Il-pura distribuzzjoni tikkonsisti fit-trażmissjoni tal-elettriku lejn il-punti fejn dan jiġi kkunsmat matul in-netwerks ta' distribuzzjoni, u hija monopolju fin-nuqqas ta' netwerks alternattivi. It-tieni tinkludi ċerti attivitajiet ta' ġestjoni kummerċjali marbuta mill-qrib mad-distribuzzjoni, bħal ma huma l-qari tal-arloġġi, il-konklużjoni ta' kuntratti, il-ħruġ tal-fatturi, il-provvista ta' servizzi lill-konsumaturi, eċċ It-tielet atrività regolata fl-2005 kienet il-provvista bit-tariffa regolata, u kienet assenjata bil-liġi lid-distributuri b'żieda mal-kompitu statutorju prinċipali tagħhom (il-ġestjoni u l-provvista ta' aċċess għan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku) (5). Wara r-riforma li saret fl-2009, id-distributuri ma baqgħux jipprovdu l-elettriku b'tariffi regolati.

    (17)

    Id-distributuri kienu obbligati bil-liġi li jixtru l-elettriku meħtieġ biex jiġi pprovdut lill-klijenti regolati mis-suq bl-ingrossa organizzat (il-“pool”) bil-prezz ta' kuljum (il-prezz marġinali tas-sistema jew il-“prezz tal-pool”) jew direttament minn produtturi tal-enerġija rinnovabbli (6) u mbagħad jerġgħu jbiegħu l-elettriku lill-konsumaturi aħħarija bit-tariffa applikabbli regolata.

    Ir-rwol tad-distributuri bħala intermedjarji finanzjarji tas-sistema

    (18)

    Fl-2005 kien hemm mhux anqas minn 25 tariffa regolata differenti għall-utenti aħħarija, skont il-livell ta' konsum, il-profil ta' konsum u/jew l-użu tal-konsum u l-vultaġġ tal-konnessjoni man-netwerk. Fl-istess ħin, kienu japplikaw disa' tariffi oħra regolati ta' aċċess għan-netwerk lill-utenti aħħarija fis-suq ħieles, ukoll abbażi tal-vultaġġ tal-konnessjoni u karatteristiċi oħra (7). Fis-suq ħieles, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk jitħallsu mill-utenti aħħarija lill-fornuturi, li jgħadduhom lid-distributuri. Fis-suq regolat, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk kienu integrati fit-tariffa regolata li tinkludi kollox, imħallsa mill-utenti aħħarija lid-distributuri (kienu impliċiti). Sa mill-2005, Spanja għamlet tibdiliet għas-sistema tat-tariffi regolati. L-aktar tibdiliet reċenti huma tal-2013, meta Spanja adottat qafas leġiżlattiv ġdid għas-settur tal-elettriku (il-Liġi 24/13) li jinkludi, fost miżuri oħra, ir-riforma tar-regolazzjoni tal-prezzijiet tas-suq bl-imnut. Spanja ħabbret li din il-liġi l-ġdida u d-diżpożizzjonijiet tagħha ta'implimentazzjoni jiġu applikati matul l-2014.

    (19)

    Il-livelli tat-tariffi integrali regolati u t-tariffi regolati għall-aċċess għas-suq kienu deċiżi minn qabel darba għas-sena kollha, normalment qabel tmiem is-sena N-1, iżda jkunu jistgħu jiġu aġġustati matul is-sena (8). Madankollu, iż-żidiet annwali tat-tariffi kienu suġġetti għal limitu massimu (9). Bħala prinċipju, il-livelli kollha ta' tariffi kienu jiġu stabbiliti, abbażi tat-tbassir, b'tali mod li jiġi żgurat li l-introjti regolati li jirriżuiltaw mill-applikazzjoni tagħhom ikunu biżżejjed biex jiġu koperti l-kosti regolati totali tas-sistema tal-elettriku. Dawn il-kosti regolati tas-sistema kienu jinkludu, fl-2005, il-kosti tal-provvista tal-enereġija għal tariffi integrali, il-kosti tax-xiri tal-enerġija minn skemi speċjali ta' appoġġ (sorsi rinnovabbli, koġenerazzjoni, eċċ.), il-kosti tat-trasport u tad-distribuzzjoni, miżuri ta' ġestjoni tad-domana, kosti addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-gżejjer Spanjoli, appoġġ għall-faħam, id-defiċits tas-snin ta' qabel, eċċ.

    (20)

    Fis-sistema regolatorja fi Spanja, id-distributuri kienu (u għadhom) l-intermedjarji finanzjarji ewlenin fis-sistema. Id-distributuri kellhom f'idejhom id-dħul kollu mis-sistema tat-tariffi regolata, jiġifieri t-tariffi tal-aċċess għan-netwerk u l-introjtu mit-tariffi integrali. Dan l-introjtu, kollettivament imsemmi “l-introjtu pagabbli” (ingresos liquidables) kien jintuża biex jiġu koperti l-kosti regolati kollha tas-sistema. Ma kien hemm l-ebda regoli li jistabbilixxu li xi kategorija partikolari ta' introjtu, jew proporzjon tagħha, iridu jiġu riżervati għal xi kategorija partikolari ta' kosti jew ta' proporzjon minnha. Bħala riżultat, ma ġiex stabbilit li l-introjti mit-tariffi ta' aċċess għan-netwerk ikunu riżervati, għal kollox jew parzjalment, biex jiġu ffinanzjati l-kosti aktar għolja għall-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabli jew il-kosti tal-ġenerazzjoni fil-gżejjer Spanjoli.

    (21)

    L-ikklerjar tal-kontijiet sar fil-qafas ta' proċess ta' settlement li sar taħt il-kontroll dirett tar-regolatur Spanjol, il-Comisión Nacional de Energía (minn issa 'l quddiem: “CNE”). Ir-rimunerazzjoni tad-distributuri (għall-attivitajiet marbuta mal-pura distribuzzjoni) inġabet ukoll mill-introjtu pagabbli, wara t-tnaqqis tal-kosti l-oħra kollha.

    Id-distributuri kontra l-fornituri u l-prezzijiet rispettivi

    (22)

    Għalhekk, fl-2005, kienu attivi żewġ kategoriji distinti ta' operaturi fis-suq tal-elettriku bl-imnut fi Spanja: distributuri li kienu obbligati li jbiegħu b'tariffi regolati, u fornituri, li kienu jbiegħu skont kundizzjonijiet innegozjati b'mod liberu. Għal raġunijiet storiċi, id-distributuri fi Spanja huma parti minn gruppi vertikalment integrati (operaturi stabbiliti) li tradizzjonalment operaw netwerks ta' distribuzzjoni f'żoni ġeografiċi speċifiċi, u li nbidlu biss inħabba amalgamazzjonijiet u konsolidazzjonijiet fil-passat. Fis-suq regolat, id-distributuri żammew tariffi integrali li ma kinux jiddistingwu bejn il-kosti tal-kisba tal-enerġija u l-kosti għall-aċċess għan-netwerks.

    (23)

    Il-fornituri jistgħu jew ikunu parti minn gruppi vertikalment integrati (li tipikament ikollhom diviżjonijiet separati għall-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista) jew inkella jkunu entitajiet li daħlu reċentement fis-suq. Dawk li jkunu ġodda fis-suq ma jkollhomx kapċità ta' ġenerazzjoni tagħhom stess u jkunu attivi biss fis-suq bl-imnut. Céntrica hija waħda minn dawn l-entitajiet ġodda fis-suq. Fis-suq ħieles, il-fornituri jitolbu prezzijiet li jkollhom ikopru t-tariffa għall-aċċess għan-netwerk (pagabbli lid-distributuri), il-kosti tal-kisba tal-enerġija (kosti għall-kisba tal-enerġija fis-suq bl-ingrossa jew il-kosti tal-ġenerazzjoni tagħhom stess fil-każ ta' kumpanija vertikalment integrata) kif ukoll “marġini ta' kummerċjalizzazzjoni”, li jkopri kosti oħra (il-kosti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-sistemi tal-IT, il-ħruġ tal-kontijiet, eċċ.) kif ukoll ritorn fuq il-kapital investit.

    (24)

    Fl-2005, il-koeżistenza bejn is-suq ħieles u dak regolat, u b'mod partikolari l-possibilità għall-utenti aħħarija li jaqilbu b'libertà bejn it-tnejn, fissret li t-tariffi regolati aġixxew bħala referenza għall-prezz (jew inkella limitu massimu de facto) fuq il-prezzijiet fis-suq ħieles. Għalhekk, fornitur ikun jista' jopera b'mod profittabbli f'xi sezzjoni partikolari tas-suq biss jekk ikun hemm marġini pożittiva ta' kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri jkun hemm xi spazju bejn il-prezz bl-imnut — f'dan il-każ it-tariffa regolata, li għaliha l-klijent ikun intitolat — u l-kosti ġenerali li huwa jeħel biex ikun jista' jservi l-klijenti.

    Id-defiċit fit-tariffi tal-2005

    (25)

    Fl-2005, il-livell li fih it-tariffi regolati u t-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ġew stabbiliti ma ġġenerax introjtu biżżejjed biex is-sistema tkun tista' tirkupra l-kosti kollha ddokumentati ex post għas-sena kollha. Il-proċess finali ta' settlement għall-2005, imwettaq mis-CNE fi tmiem is-sena, stabbilixxa defiċit ta' EUR 3 811 miljun. Din ma kinitx l-ewwel darba li l-proċess ta' settlement wassal għal defiċit, għalkemm id-daqs tad-defiċit tal-2005 kien bla preċedent. Fl-2000, l-2001 u l-2002 kienu diġà ġew irreġistrati defiċits iżgħar.

    (26)

    Fost affarijiet oħra, il-Gvern issottostima l-kosti attwali għall-kisba tal-enerġija. Filwaqt li, f'termini ġenerali, il-konsum tal-enerġija mill-utenti aħħarija kemm fis-suq regolat kif ukoll f'dak ħieles fl-2005 żviluppa bejn wieħed u ieħor kif kien previst f'Diċembru 2004, iż-żidiet mhux mistennija fil-prezzijiet matul is-sena stabbilixxew prezzijiet bl-ingrossa ta' EUR 62,4/MWh fl-2005, imqabbel ma' EUR 35,61/MWh fl-2004, biex il-prezz medju bl-ingrossa fl-2005 kien ta' EUR 59,47/MWh. Din iż-żieda kienet ikkawżata fost oħrajn minn sena b'xita anqas mis-soltu, b'mod li l-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika naqset b'55 %, żieda fil-prezzijiet taż-żejt, it-trasferiment tal-prezz fis-suq tal-benefiċċji għall-emissjonijiet ta' CO2 li kienu riċevuti b'xejn skont is-Sistema ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading System) u żieda fid-domanda għall-enerġija ogħla mit-tkabbir fil-PDG.

    (27)

    Ir-regolatur Spanjol, CNE, indika li fl-2005 it-tariffi integrali bħala medja ma kinux jirriflettu l-kosti kollha tal-provvista u, b'mod partikolari, il-kosti tax-xiri tal-enerġija fis-suq bl-ingrossa B'mod partikolari, kif jidher fil-grafika hawn taħt, kien biss f'ħames xhur, bejn Jannar u Frar 2005, u mbagħad mill-ġdid bejn April u Ġunju 2005, li l-prezzijiet tal-enerġija impliċiti fit-tariffi integrali regolati medji kunu taħt il-prezzijiet medji fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Madankollu, bejn Ottubru 2006 u Diċembru 2007 is-sitwazzjoni kienet bil-maqlub: matul dan il-perjodu ta' 14-il xahar, il-prezzijiet medji bl-ingrossa niżlu bil-qawwa taħt il-prezzijiet tal-enerġija impliċiti fit-tariffi integrali regolati medji, b'ammont ħafna aktar mid-differenza osservata fis-seba' xhur tal-2005 meta l-prezzijiet bl-ingrossa kienu ogħla minn dawk impliċiti fit-tariffi integrali.

    Grafika 1

    Prezz medju bl-ingrossa ppiżat kontra l-prezz impliċitu tal-enerġija f'tariffa integrali

    Image

    Sors: CNE — Informe sobre la evolución de la competencia en los mercados de gas y electricidad. Periodo 2005/2007, p. 84.

    (28)

    Fattur importanti li wkoll ikkontribwixxa għaż-żieda fil-kosti ġenerali tas-sistema kien il-livell għoli ta' appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. B'mod partikolari, il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli setgħu jagħżlu parteċipazzjoni diretta fil-“pool”. Fl-2005, din l-opzjoni kella attrazzjoni partikolari u, bħala riżultat, ipparteċipaw fil-“pool” aktar produturi ta' enerġija rinnovabbli milli mistenni, u dan wassal għal kosti ogħla għas-sistema. Barra minn dan, l-appoġġ dirett għall-kosti tal-enerġija tal-elettriku mill-iskema speċjali (enerġija rinnovabbli, il-koġenerazzjoni) mhux mibjugħ lill-pool, li ddaħħal fil-kontijiet bħala kost regolat, kien ta' EUR 2 701 miljun fl-2005, żieda ta' 5.75 % fuq l-2004. Bħala eżempju, il-kosti tat-trasport u d-distribuzzjoni tas-sistema kienu ta' EUR 4 142 fl-2004, EUR 4 410 miljun fl-2005 u EUR 4 567 miljun fl-2006.

    Mekkaniżmu adottat għall-prefinanzjament tad-defiċit

    (29)

    L-iżvilupp tad-defiċit ma baqax moħbi. F'Marzu 2005, meta beda jidher ċar li kien qed jiżviluppa defiċit tariffarju, permezz tal-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Rjali 5/2005 (10), l-awtoritajiet Spanjoli stipulaw li l-fondi meħtieġa biex jingħalaq id-distakk bejn il-kosti u l-introjti tas-sistema tal-elettriku jkunu pprovduti mill-ħames l-akbar “utilitajiet tal-elettriku intitolati”, li kienu dawk intitolati li jirċievu kumpens għal kosti mhux rekuperabbli (11), abbażi tal-perċentwali li ġejjin:

    Iberdrola, S.A.: 35,01 %;

    Unión Eléctrica Fenosa, S.A.: 12,84 %;

    Hidroeléctrica del Cantábrico S.A.: 6,08 %;

    Endesa, S.A.: 44,16 %;

    Elcogás, S.A.: 1,91 %;

    (30)

    Il-bilanċ negattiv fil-kont tal-kosti mhux rekuperabbli kien jagħti lok għal drittijiet ta' ġbir, li jikkonsistu mid-dritt tal-kumpaniji li jiġbru introjtu mill-konsumaturi tal-elettriku fil-futur. Il-kumpaniji jissekuritaw dawn id-drittijiet u jbiegħuhom fis-suq. Dawn il-kumpaniji, bl-eċċezzjoni ta' Elcogás S.A., huma l-kumpaniji possedenti ta' gruppi vertikalment integrati li normalment joperaw fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u fis-settur tad-distribuzzjoni permezz ta' diviżjonijiet ta' distribuzzjoni. Skont kif stabbilit bl-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Rjali 5/2005, il-motivi u l-kriterji li jirregolaw il-ħatra ta' dawn il-ħames kumpaniji għall-iskop ta' prefinanzjament tad-defiċit tariffarju tal-2005 — u mhux kumpaniji oħra li joperaw fis-suq tal-elettriku Spanjol — jidher li huma d-dritt li jirċievu kumpens għall-kosti mhux rekuperabbli u mhux, pereżempju, l-attività tagħhom fis-settur tad-distribuzzjoni. Elcogás S.A. kienet u għadha kumpanija li hija attiva unikament fil-ġenerazzjoni tal-elettriku (12). Bl-istess mod, għall-iskopijiet tal-prefinanzjament tad-defiċit fis-sistema tal-elettriku fis-snin ta' wara, Spanja ħatret jew lil-kumpanija possedenti tal-grupp (pereżempju, Endesa S.A., Iberdrola S.A.) jew lid-diviżjoni tal-ġenerazzjoni tagħha (Endesa Generación S.A., Iberdrola Generación S.A. fid-Digriet/Liġi Rjali 6/2009), iżda qatt lid-diviżjoni ta' distribuzzjoni (jiġifieri Endesa Distribución Eléctrica, S.L., sussidjarja kollha kemm hi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-elettriku taħt is-sistema ta' tariffi regolati fl-2005).

    (31)

    F'Ġunju 2006, l-awtoritajiet Spanjoli ħadu deċiżjoni rigward l-arranġamenti għall-irkupru tad-defiċit tal-2005 minn konsumaturi tal-elettriku permezz tat-tariffi regolati. Permezz tad-Digriet Irjali 809/2006 (13), l-awtoritajiet Spanjoli stabbilew li d-defiċit tal-2005 (jew, b'mod aktar preċiż, id-drittijiet ta' ġbir mogħtija lill-ħames utilitajiet magħżula) jitħallsu lura mill-konsumaturi fuq 14-il sena u nofs permezz ta' sopratariffa speċjali applikata kemm għat-tariffi integrali kif ukoll għal dawk tal-aċċess. Is-sopratariffa, ikkalkulata bħala l-ammont ta' kull sena meħtieġ biex jiġi kopert b'mod lineali il-valur nett preżenti tad-defiċit tal-2005 fuq 14-il sena u nofs, ġiet iffissata fil-livell ta' 1,378 % tat-tariffa integrali, u ta' 3,975 % tat-tariffa ta' aċċess għall-2006. Ir-rata ta' imgħax applikabbli kienet il-Euribor ta' tliet xhur.

    (32)

    Is-sopratariffa kienet meqjusa bħala “kontribuzzjoni għal skop speċifiku” (cuota con destino espécifico) L-awtoritajiet Spanjoli stabbilew li l-introjti mill-kontribwenti biex jiġi ffinanzjat id-defiċit tal-2005 jinġabru fil-kont tad-depożiti amministrat minn CNE. CNE imbagħad jittrasferixxi l-fondi lis-sidien tad-drittijie ta' ġbir, jiġifieri l-utilitajiet li kienu ffinanzjaw id-defiċit jew l-entitajiet li sussegwentement kienu xtraw id-drittijiet ta' ġbir mingħandhom, skont is-sehem tad-defiċit iffinanzjat minn kull wieħed minnhom.

    L-effetti tad-defiċit tariffarju fuq is-suq Spanjol

    (33)

    Fl-2005, 37,49 % tad-domanda għall-elettriku fi Spanja kienet tinkiseb mis-suq ħieles. Din il-kwantità tikkorrispondi ma' għadd relattivament żgħir ta' konsumaturi; kienu biss 8,5 % tal-konsumaturi li xtraw mis-suq ħieles, filwaqt li 91,5 % baqgħu fuq tariffi regolati (minn 97 % fl-2004). Il-klijenti tal-vultaġġ għoli (fuq kollox il-klijenti industrijali) kienu l-kategorija ewlenija preżenti fis-suq ħieles; 38,9 % minnhom kienu eżerċitaw l-opzjoni tagħhom u x-xirjiet tagħhom kienu jsarrfu għal 29 % tal-kosum totali tal-elettriku fil-parti kontinentali ta' Spanja fl-2005. Il-maġġoranza vasta tal-unitajiet domestiċi u tal-konsumaturi żgħar ta' vultaġġ baxx, li jistgħu jagħżlu s-suq ħieles mill-2003 'l quddiem (14), kienu għadhom fuq tariffi regolati. madankollu, fl-2005, għadd kbir fosthom ukoll għażlu s-suq ħieles. Fil-31 ta' Diċembru 2005, aktar minn żewġ miljun konsumatur kienu fis-suq ħieles (imqabbel ma' 1,3 miljun fl-2004).

    (34)

    Madankollu, il-vantaġġ tal-prezz li kien hemm bħala medja mit-tariffi regolati fl-2005 għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni b'mod parallel mar-ritorn tal-konsumaturi lejn is-suq regolati, għalkemm b'ċertu ttardjar. Kif jidher fit-Tabella 2 hawn taħt, l-għadd ta' konsumaturi li kienu fornuti mis-suq ħieles żdied matul l-2005 iżda naqas fl-2006, biex il-perċentwali (8,15 %) niżlet għal dik li kien hemm fl-ewwel nofs tal-2005. Bl-istess mod, it-tnaqqis fl-ammont ta' enerġija fornuta lill-utenti aħħarija fis-suq ħieles li kien qed jidher f'Diċembru 2004 kompla fl-ewwel nofs tal-2005. Għalkemm naqqas fil-pass b'mod sinifikanti bejn Ġunju u Settembru 2005, kompla f'Diċembru 2005 u matul l-2006.

    Tabella 2

    Sehem tas-siti ta' forniment u tal-enerġija fis-suq ħieles (bħala perċentwali tas-suq kollu) 2004-2006

    Elettriku

    2004

    2005

    2006

     

    Mar

    Ġun

    Sett

    Diċ

    Mar

    Ġun

    Sett

    Diċ

    Mar

    Ġun

    Sett

    Diċ

    Bħala % tas-siti ta' forniment

    1,53

    2,82

    4,21

    5,73

    7,42

    9,42

    10,37

    10,66

    10,20

    9,28

    8,86

    8,15

    Bħala % tal-enerġija

    29,30

    33,60

    36,19

    33,57

    33,15

    35,34

    41,39

    37,41

    29,38

    27,10

    25,74

    24,87

    Sors: Rapport ta' CNE “Nota Informativa sobre los suministros de electricidad y gas natural en los mercados liberalizados, actualización 31 de diciembre de 2006”.

    (35)

    Għalkemm l-impatt tat-telf li ġarrbu l-fornituri beda jinħass f'nofs l-2005, meta l-prezzijiet bl-ingrossa bdew jidiedu b'mod konsiderevoli, il-kuntratti tal-forniment ma setgħux jiġu tterminati b'mod immedjat. Bħala riżultat, il-fornituri fis-suq ħieles, partikolarment dawk li ma kellhomx kapaċità ta' ġenerazzjoni iżda li kellhom jakkwistaw l-elettriku fis-suq bl-ingrossa, ġew sfurzati jagħżlu bejn li jagħmlu offerti skont kundizzjonijiet tas-suq ħieles li jkunu simili għat-tariffa regolata, minkejja l-possibilità li jġarbu telf, u li jżommu prezziijet ogħla li jirriflettu l-kosti attwali tal-akkwist, biex b'hekk jitilfu mis-sehem fis-suq.

    ID-DEĊIŻJONI BIEX TIĠI INIZJATA L-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 108(2) TAT-TFUE

    (36)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiġi inizjata l-proċedura formali ta' investigazzjoni kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

    (37)

    Id-deċiżjoni pparagunat it-tariffi regolati mħallsa mid-diversi kategoriji ta' utenti aħħarija mal-prezzijiet stmati li kien ikollhom iħallsu fis-suq ħieles fin-nuqqas tat-tariffi, u sabet li kien jidher li kien hemm vantaġġ favur il-biċċa l-kbira ta' kategoriji ta' utenti. L-għajnuna allegata favur l-utenti aħħarija hija l-oġġett ta' deċiżjoni separata fil-Każ SA.21817 — Tariffi tal-Elettriku Regolati: konsumaturi.

    (38)

    Għal dawk li jirrigwardja d-distributuri, id-deċiżjoni tal-ftuħ indikat li, peress li s-sistema tħajjar lill-utenti aħħarija li jmorru lura għas-suq regolat, jista' jkun li din kienet qed tagħti benefiċċju lid-distributuri, li jidher li kienu qed igawdu marġini garantit ta' qligħ fuq l-attivitajiet regolati tagħhom. Dan il-vantaġġ jidher li ngħata b'mod selettiv lid-distributuri, peress li dawn kienu l-uniċi operaturi fis-suq li għandhom il-permess li jbiegħu l-eleettriku b'tariffi regolati.

    (39)

    Id-deċiżjoni sabet ukoll li s-sistema kienet tinvolvi trasferiment ta' riżorsi tal-istat, peress li s-sopratariffa fuq il-prezz użata biex jitħallas lura d-defiċit tikkostitwixxi levy parafiskali, li d-dħul minnha jgħaddi mingħand ir-regolatur Spanjol CNE (entità pubblika) qabel ma jiġu diretti lejn il-benefiċjaji finali. Id-deċiżjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan, dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-istat.

    (40)

    Meta jitqies li kemm l-utenti aħħarija l-kbar kif ukoll id-distributuri joperaw fi swieq li huma ġeneralment miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ ikkonkludiet li kienu ġew issodisfati l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE u li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-istat favur l-utenti aħħarija u d-distributuri.

    (41)

    Wara li nnotat li l-ebda waħda mid-derogi stipulati fl-Artikolu 107 TFUE ma kienet tidher li hi applikabbli, id-deċiżjoni ta' ftuħ eżaminat jekk il-provvista tal-elettriku b'tariffi regolati tistax tiġi kkunsidrata servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) u bħala tali tibbenefika mid-deroga stipulata fl-Artikolu 106(2) TFUE. Id-deċiżjoni ta' ftuħ iddikjarat li, fis-settur tal-elettrku, il-marġini ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-istabbiliment ta' obbligi ta' servizz pubbliku hija limitata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (15) (“id-Direttiva dwar l-Elettriku”) Id-Direttiva dwar l-Elettriku tobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxi obbligu ta' servizz universali (inkluż b'mod notevoli d-dritt li ta' forniment bi prezzijiet raġonevoli) biss għal konsumaturi fl-unitajiet domestiċi u għall-impriżi ż-żgħar (16). Id-deċiżjoni kkonkludiet li, fid-dawl tad-Direttiva msemmija, il-provvista tal-elettriku b'tariffi regolati lil impriżi medji u kbar, għall-kuntrarju ta' dik lil unitajiet domestiċi u negożji żgħar, ma tistax titqies SIEĠ fis-sens strett tal-kelma.

    (42)

    Il-Kummissjoni b'hekk esprimiet dubji serji dwar kemm l-elementi ta' għajnuna fit-tariffi regolati li ġew applikati lil impriżi li ma humiex impriżi żgħar u lid-distributuri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpatibbli mas-suq intern.

    IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (43)

    L-istedina tal-Kummissjoni għall-kummenti dwar id-deeċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni dettaljata attirat għadd kbir ta' sottomissjonijiet minn konsumaturi industrijali kbar, minn distributuri, fornituri indipendenti u gvernijiet tal-Komunitajiet Awtonomi ta' Spanja. Hawn se jiġu eżaminati biss l-osservazzjonijiet relevanti għall-pożizzjoni tad-distributuri/

    IL-KUMMENTI MILL-FORNITURI INDIPENDENTI

    (44)

    Ġew riċevuti kummenti minn Céntrica u minn ACIE, l-Assoċjazzjoni tal-Fornituri Indipendenti tal-Enerġija. L-argumenti u l-konklużjonijiet tagħhom huma fil-biċċa l-kbira ekwivalenti u se jiġu ttrattati flimkien.

    (45)

    L-attenzjoni ewlenija tas-sottomissjoni ta' Céntrica hija l-għajnunamill-istat li allegatamentii ngħatat lid-distributuri tal-elettriku. Céntrica ssosstni li fl-2005 il-kost medju tax-xiri tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa kien kważi 70 % ogħla mill-kost medju mbassar tal-akkwist integrat fit-tariffi integrali ffissati mill-Gvern permezz tad-Digriet Irjali 2329/2004.

    (46)

    Bħala riżultat ta' din id-diskrepanza bejn dan it-tbassir u l-kosti attwali, id-dħul mis-sistema ma kienx biżżejjed biex jiġu koperti l-ispejjeż, l-aktar peress li l-prezz imħallas mid-distributuri għax-xiri tal-elettriku kien ogħla mill-prezz regolat li bih kellhom ibiegħuh. Għalhekk id-distributuri rreġistraw defiċit fil-kontijiet tagħhom. Madankollu, bħala riżultat tal-mekkaniżmu adottat mill-awtoritajiet Spanjoli biex jagħqlu d-distakk fid-dħul (li kien jikkonsisti fl-obbligu tal-ġeneraturi eliġibbli li jipprefinanzjaw id-defiċit kontra talba għal żborż sussegwenti), il-kontijiet tad-distributuri baqgħu bilanċjati, u t-telfiet tagħhom kienu de facto newtralizzati mill-Istat.

    (47)

    Fil-każ tal-fornituri tas-suq ħieles kien hemm trattament differenti, minkejja l-fatt li huma wkol ġarrbu telf. Skont Céntrica u ACIE, il-fornituri fis-suq ħieles kienu suġġett għal kosti simili ta' akkwist bħad-distributuri (17). Barra minn dan, huma kienu de facto marbuta bil-livell tat-tariffa integrali ffissata mill-gvern għal kull kategorija ta' klijent għaliex kieku ma kienx ikun probabbli li jiġbdu lejhom klijenti ġodda jew li jżommu l-klijenti li kellhom. B'mod partikolari, ACIE tindika li fil-bidu tal-2005, il-membri tagħha kkonkudew kuntratti abbażi tat-tbassir tal-gvern tal-prezzijiet bl-ingrossa u li aktar tard huma kellhom jonoraw dawn il-kuntratti anki jekk instab li dawn ma kinux profittabbli. Bħala riżultat, il-fornituri indipendenti ġarrbu telf. Madankollu, kuntrarju għad-distributuri, it-telf tal-fornituri indipendenti ma ġewx ibbilanċjati mill-Istat. Céntrica tistma li fl-2005 hija sofriet telf ta' EUR 10 miljun. Skont ACIE, diversi fornituri, inkluż Saltea Comercial, Electranorte, CYD Energia u RWE ġew imbuttati 'l barra mis-suq.

    (48)

    Skont ACIE u Céntrica, il-kumpens għat-telf tad-distributuri kkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni, ħoloq diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri indipendenti u għandu jitqies bħala għajnuna mill-istat. Apparti l-allegazzjoni li l-kumpens għat-telf jikkostitwixxi vantaġġ minnu nnifsu, Céntrica ressqet l-argument li l-parteċipanti stabbiliti fis-suq (impriżi vertikalment integrati) setgħu jżommu s-sehem fis-suq tagħhom u jevitaw it-telf billi jħajru lill-konsumaturi li jaqilbu mid-diviżjonijiet tagħhom ta' provvista li qed jagħmlu t-telf lejn id-diviżjonijiet tagħhom ta' distribuzzjoni, li jirċievu kumpens, fejn ikun xieraq.

    (49)

    Skont ACIE u Céntrica, il-vantaġġ għall-impriżi stabbiliti kien “speċifiku”, jiġifieri selettiv, peress li l-mekkaniżmu ta' ffinanzjar u ta' kumpens kien ta' benefiċċju b'mod speċifiku lid-distributuri billi ngħatalhom vantaġġ finanzjarju u kompetitiv fuq il-fornituri fis-suq ħieles. Céntrica ressqet l-argument li d-distinzjoni bejn id-distributuri u l-fornituri fis-suq ħieles kienet biss formali, peress li ż-żewġ kategoriji kienu qed jikkompetu fl-istess suq (il-bejgħ tal-elettriku bl-imnut), it-tnejn kienu affettwati minn tariffi integrali (jew għaliex kienu ġew imposti bil-liġi jew inkella għaliex kienu aġixxew de facto bħala limitu massimu fuq il-prezzijiet tas-suq) u t-tnejn kienu jakkwistaw l-elettriku bl-istess prezz u sofrew l-istess telf.

    (50)

    Fl-opinjoni ta' Céntrica, it-trattament preferenzjali tad-distributuri ma kien iġġustifikat bl-ebda raġuni marbuta mal-loġika jew l-istruttura tas-sistema tal-elettriku, u lanqas ma seta' jitqies bħala kumpens għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Céntrica tisħaq li s-sistema kisret id-Direttiva dwar l-Elettriku, mhux biss minħabba n-natura diskriminatorja tal-arranġamenti tad-defiċit, iżda wkoll għaliex il-konsumaturi kienu ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li jkollhom prezzijiet u tariffi trasparenti (18). Peress li parti mill-prezz għall-elettriku pagabbli għall-2005 kienet differita għas-snin futuri, il-prezzijiet finali miżmuma ma kinux ċari għall-konsumaturi.

    (51)

    Céntrica hija tal-fehma li l-vantaġġ selettiv li ngħata bl-arranġamenti dwar id-defiċit kienu ta' benefiċċju mhux biss għad-distributuri iżda wkoll għall-impriżi vertikalment integrati li għalihom kienu jappartjenu. Skont Céntrica, grupp vertikalment integrat għandu jitqies bħala impriża waħda għall-iskop tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. Céntrica tallega li s-sistema Spanjol ppermettiet lil kumpaniji ta' ġenerazzjoni li jgħollu l-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa u b'hekk ikomplu jagħmlu l-qligħ. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-gruppi kellhom interess vestit li jżommu s-sehem mis-suq li fuq d-diviżjonijiet tad-distribuzzjoni tagħhom kienu jistrieħu. Għalhekk, il-gruppi vertikalment integrati għandhom ukoll jitqiesu bħala riċevituri ta' għajnuna mill-istat.

    IL-KUMMENTI TAD-DISTRIBUTURI

    (52)

    Daħlu kummenti minn UNESA (l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lid-distributuri), Iberdola Distribución, Union Fenosa Distribución, Enel Viesgo Distribución u Endesa Distribución. L-osservazzjonijiet tagħhom huma fil-biċċa l-kbira simili u se jiġu ttrattati flimkien.

    (53)

    Id-distributuri (kif rappreżentati minn UNESA) għamlu distinzjoni bejn attivitajiet ta' pura distribuzzjoni/ġestjoni kummerċjali, li huma jarawha bħala SIEĠ, u l-provvista b'tariffi regulati, li skont huma ma tinvolvi l-ebda għajnuna mill-ista peress li ma tipprovdi l-ebda vantaġġ finanzjarju.

    (54)

    Id-distributuri jfakkru li l-kuntest legali li fih il-fornituri u d-distributuri jwettqu l-attivitajiet tagħhom kien differenti ħafna; id-distributuri kienu obbligati li jixtru l-elettriku għall-provvista b'tariffi regolati b'modi speċifiċi (jew mingħand il-pool jew minn produtturi “tal-iskema speċjali”), filwaqt li l-fornituri kienu liberi li jinnegozjaw il-prezzijiet tagħhom. Id-distributuri ma setgħux jirrifjutaw li jfornu lil klijenti regolati u ma setgħux jakkwistaw klijenti ħlief dawk li jagħżlu tariffi regolati. Id-distributuri lanqas ma setgħu joffru servizz awżiljarji, filwaqt li l-fornituri kienu liberi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' provvista tagħhom.

    (55)

    It-tabella hawn taħt tiġbor fil-qosor id-differenzi bejn il-fornituri u d-distributuri tas-suq ħieles f'dak li għandu x'jaqsam mal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku (19):

     

    Obbligu ta' provvista

    Suq potenzjali

    Xiri ta' enerġija

    Fornituri

    Le

    L-utenti Spanjoli kollha

    Kull mekkaniżmu

    Distributuri

    Iva

    Biss l-utenti magħquda man-netwerks tagħhom

    Permess tal-pool jew minn ġeneraturi tal-iskema speċjali

     

    Prezz tax-xiri bl-ingrossa

    Prezz tal-bejgħ

    Marġini ta' profitt

    Fornituri

    B'xejn

    B'xejn

    Marġini fuq il-bejgħ

    Distributuri

    Prezz tal-pool jew prezz regolat tal-“iskema speċjali”

    Tariffi regolati

    L-ebda marġini ta' profitt

    (56)

    Għaldaqstant id-distributuri kkonludew li, meta jitqies il-kuntest legali u fattwali differenti, il-fornituri tas-suq ħieles ma kinux f'kompetizzjoni mad-distributuri, iżda pjuttost mat-tariffi regolati, li kienu qed jaġixxu bħala l-prezz ta' referenza fis-suq.

    (57)

    Id-distributuri ressqu l-argument li l-attività tal-provvista tal-elettriku bit-tariffa ma kienet qed iġġibilhom l-ebda tip ta' profitti jew vantaġġi. Filwaqt li għall-pura distribuzzjoni u l-ġestjoni kummerċjali, ir-rimunerazzjoni tad-distributuri kienet tinkludi marġini ta' profitt biex jiġi rimunerat il-kapital investit, għall-provvista b'tariffi regolati, id-distributuri kienu jiksbu biss rimborż tal-kosti tagħhom mingħajr l-ebda marġini ta' profitt. B'mod partikolari, il-kosti “rikonoxxuti” għal distributur kienu bbażati fuq il-prezz medju ppiżat imħallas għall-elettriku matul il-perjodu ta' referenza. F'ċerti ċirkostanzi, dawn il-kost rikonoxxuti setgħu kienu aktar baxxi mill-kosti totali attwali li jkollu distributur. Meta l-attività ta' bejgħ regolata pproduċiet bilanċ pożittiv, dawn il-fondi ma kinux jibqgħu għand id-distributuri, iżda kienu jiġu allokati, matul il-proċess ta' settlement, għall-iffinanzjar ta' kosti ġenerali oħra tas-sistema. L-ammont rikonoxxut mill-Istat kien ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz medju ppiżat tax-xirijiet tal-elettriku, mmultiplikat bil-kwanita ta' enerġija ttrasportata minn kull distributur, wara korrezzjoni għal telfiet standard.

    (58)

    Id-distributuri jsostnu wkoll li huma ma kisbu l-ebda benefiċċju finanzjarju dirett jew indirett, mill-bdil lura tal-klijenti fis-suq ħieles għal tariffi regolati, billi r-remunerazzjoni tagħhom għad-distribuzzjoni pura u l-ġestjoni kummerċjali kienet totalment indipendenti min-numru ta' klijenti fuq tariffi regolati jew il-kwantità ta' elettriku li nbiegħet bit-tariffa.

    L-ewwel nett, kif spjegat hawn fuq, għall-provvista bit-tariffa rregolata kien hemm biss rimborż tal-ispejjeż,

    It-tieni, ir-remunerazzjoni tad-distribuzzjoni pura kienet indipendenti wkoll mill-għadd ta' klijenti fuq tariffi regolati, peress illi kienet ibbażata fuq il-volum ta' “enerġija trasportata”, li kienet tinkludi l-elettriku kollu ttrasportat minn distributuri fuq in-netwerk, irrispettivament minn jekk l-enerġija kinetx tinbiegħ bit-tariffi rregolati jew b'rati tas-suq ħieles,

    It-tielet, ir-rimunerazzjoni għal attivitajiet ta' ġestjoni kummerċjali kienet indipendenti wkoll mill-għadd ta' klijenti forniti b'tariffi regolati, billi l-liġi kienet tistipula pagamenti bbażati fuq in-numru ta' kuntratti konklużi (kemm għat-tariffi ta' aċċess kif ukoll għat-tariffi regolati) u għalhekk ma kenitx relatata man-numru ta' klijenti fuq tariffi regolati. Fi kwalunkwe każ, id-distributuri kienu meħtieġa li jimmaniġġaw t-talbiet tal-klijenti kollha, bħal bidliet fit-tip ta' konnessjoni, kuntratti, il-fatturazzjoni ta' tariffi ta' aċċess, il-metraġġ, eċċ., indipendentement mit-tip ta' provvista.

    (59)

    Id-distributuri b'hekk jikkonkludu li l-“kumpens” li rċevew fir-rigward ta' provvisti bit-tariffi regolati għandu jitqies pjuttost bħala r-rimborż tas-somom li kienu meħtieġa li javvanzaw b'applikazzjoni tal-liġi, jew bħala kumpens għal telf u dannu.

    (60)

    Iberdrola speċifikament issostni li jkun legalment u ekonomikament inkorrett li l-iżbilanċ jiġi imputat lid-distributuri. l-ispejjeż imġarrba għax-xiri tal-elettriku għas-suq regolat kienu imputabbli għas-sistema tal-elettriku, mhux għad-distributuri, li sempliċement implimentaw id-dispożizzjonijiet legali. Ir-rikavat tal-bejgħ bi prezzijiet regolati qatt ma sar proprjetà tad-distributuri, iżda kien jappartjeni għas-sistema tal-elettriku kollha, u għalhekk is-sistema għandha titqies bħala “l-bejjiegħ” ta' elettriku bi prezzijiet regolati. F'sistema rregolata ħafna bħala dik Spanjola, ma jkunx raġonevoli, skont Iberdrola, li jiġu imputati lid-distributuri l-iżbilanċi finanzjarji kkawżati mill-istruttura regolatorja jew minn żbalji fi stimi ta' spejjeż futuri tal-enerġija.

    (61)

    Iberdrola tirrimarka wkoll li d-distributuri ma żammewx id-dħul mis-soprataxxa, li, bħala “kontribuzzjoni speċifikament allokata”, kienet trasferita immedjatament fil-kont ta' depożitu miftuħ mis-CNE u mgħoddija lill-ġeneraturi li prefinanzjaw id-defiċit.

    KUMMENTI MILL-GVERN REĠJONALI TAL-ASTURIAS

    (62)

    Il-kummenti mill-Gvern Reġjonali tal-Asturias huma ekwivalenti għal dawk ippreżentati hawn taħt mill-Gvern Spanjol, li qed issir referenza għalihom.

    KUMMENTI MINN SPANJA

    (63)

    Spanja ssostni li s-sistema tat-tariffi regolati fl-2005 ma kinitx tinvolvi għajnuna, la għall-utenti finali u lanqas għad-distributuri. B'mod partikolari, fir-rigward tad-distributuri, Spanja tqis li l-kumpens li rċevew huwa konformi mal-ġurisprudenza Altmark tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għalhekk, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

    L-EBDA RABTA KAWŻALI BEJN AZZJONI TAL-ISTAT U D-DEFIĊIT, U N-NUQQAS TA' IMPUTABBILTÀ TAD-DEFIĊIT LILL-ISTAT

    (64)

    Spanja ssostni li l-iżbilanċ ma kienx imputabbli lill-Istat, fis-sens li huwa kien ikkawżat minn ċirkustanzi esterni imprevedibbli u mhux mill-intenzjoni tal-Istat li jissussidja ċerti attivitajiet.

    (65)

    Spanja ssostni li l-provvista bit-tariffi rregolati stabbiliti mill-Istat ma kinitx prekluża mil-liġi tal-UE fl-2005. Għalhekk, intervent regolatorju mill-Istat kien legalment validu, billi kien l-espressjoni tas-sovranità nazzjonali. Wieħed minn dawn il-prerogattivi sovrani jikkonsisti fl-iffissar tat-tariffi sabiex l-ispejjeż mistennija jaqblu mad-domanda mistennija.

    (66)

    Id-distributuri ġabru l-fondi permezz ta' tariffi integrali u ta' aċċess, u mbagħad trasferew parti minn dan id-dħul f'kontijiet dedikati (skont il-perċentwali ffissati fid-digriet tat-tariffi annwali). Wara dan, naqqsu x-xiri ta' elettriku mill-pool u mingħand ġeneraturi mill-“iskema speċjali”. Jekk id-dħul minn tariffi integrali u ta' aċċess ma kienx ikopri l-kost ta' attivitajiet regolati, ġie ġġenerat defiċit tariffarju.

    (67)

    Spanja ssostni li d-defiċit tal-2005 kien ikkawżat minn diskrepanza bejn il-previżjonijiet tal-gvern għall-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa u l-prezzijiet reali rreġistrati fil-pool. Il-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin kienu kkawżati minn kawżi imprevedibbli li kienu jammontaw għal forza maġġuri (ara l-premessa 26).

    (68)

    Peress li l-avveniment li ġġenera l-għajnuna allegata kien żieda akbar minn dik mistennija fil-prezzijiet bl-ingrossa, il-vantaġġ allegat ma seta' jkun attribwibbli għall-ebda att legali. Anke jekk wieħed jassumi li dan il-vantaġġ kien jeżisti, kien ikun ikkawżat minn ċirkostanzi mhux relatati mal-intenzjonijiet tal-Istat. L-eżistenza ta' forza maġġuri, skont Spanja, tkisser ir-rabta kawżali bejn id-deċiżjoni amministrattiva li tistabbilixxi l-livell tat-tariffi u l-vantaġġ kompetittiv li ta lok għal għajnuna mill-Istat. Anke jekk wieħed jassumi li l-kundizzjoni oġġettiva tar-rabta ta' kawżalità kienet sodisfatta, il-kundizzjoni suġġettiva tal-intenzjoni (l-imputabbiltà) min-naħa tal-Istat tkun assenti.

    EBDA RIŻORSI TAL-ISTAT

    (69)

    Spanja ssostni li t-tariffi ma kinux jinvolvu fondi pubbliċi. L-ewwel nett, Spanja ssostni f'dan ir-rigward li s-sopraimposta ma hijiex “ħlas” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-imposti parafiskali, għaliex mhijiex miġbura mill-Istat u ma tikkorrispondix ma' imposta fiskali. Skont Spanja, iż-żieda hija parti integrali mit-tariffa u min-natura tagħha tixbaħ lil tariffa. It-tariffa hija għalhekk prezz privat.

    (70)

    It-tieni, il-fondi ma nġabrux mill-Istat, u ma tħallsux f'fond iddeżinjat mill-Istat. It-tariffi ġew miġbura mid-distributuri, mhux mill-Istat, u għalhekk kienu prezzijiet privati li żguraw ħlas ġust tal-atturi (kif stipulat fl-LSE). Dawn kienu la taxxi u lanqas prezzijiet pubbliċi. L-Istat ma tħallas xejn, peress li kienet is-sistema li pprovdiet remunerazzjoni permezz tal-forzi tas-suq għal attivitajiet mhux regolati u bis-saħħa ta' tariffi ta' aċċess stabbiliti mill-Istat fir-rigward ta' attivitajiet regolati. Peress li f'tali sistema ma hemm l-ebda piż għall-Istat, ma jkunu involuti l-ebda riżorsi tal-Istat, skont il-ġurisprudenza Sloman Neptune  (20). Barra minn hekk, dawn il-fondi qatt ma' daħlu fil-fondi tal-Istat, ma ssemmewx f'liġijiet baġitarji, ma kinux soġġetti għal verifika mill-Qorti tal-Awdituri, u ma setgħux jiġu rkuprati minn debituri permezz ta' proċeduri amministrattivi ta' rkupru. Id-dejn fir-rigward tas-sistema tal-elettriku ma kienx soġġett għar-rata tal-imgħax applikabbli għal djun dovuti lill-Istat.

    (71)

    Spanja tinsisti li dawn il-fondi kienu ġestiti mir-regolatur Spanjol, CNE, li kien qed jaġixxi bħala sempliċement intermedjarju tal-kontabbiltà. L-awtoritajiet Spanjoli jindikaw li fid-deċiżjoni tagħha tal-2001 dwar l-ispejjeż mhux rekuperabbli Spanjoli (SA NN 49/99) il-Kummissjoni kienet diġà stabbilixxiet li “t-tranżitu ta' fondi permezz tas-CNE huwa ta' natura essenzjalment tal-kontabilità. Il-fondi ttrasferiti lill-kont f'isem is-CNE qatt ma saru proprjetà ta' dan il-korp, u kienu immedjatament imħallsa lill-benefiċjarji skont ammont predeterminat li s-CNE ma tkunx jista' jimmodifika b'xi mod”. Fuq il-bażi ta' din il-kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li “ma [kinitx] f'pożizzjoni li tiddetermina jekk ir-rikavat tat-taxxa stabbiliti fil-qafas tal-iskema tal-ispejjeż mhux irkuprabbli jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat”.

    (72)

    It-tielet, Spanja tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li bejgħ regolat minn distributuri kien iffinanzjat permezz ta' “taxxa speċjali” pagabbli minn utenti finali tal-elettriku Spanjoli kollha. Skont Spanja, id-distributuri ma kinux “iffinanzjati mill-Istat”, iżda jirċievi remunerazzjoni ekwa u raġonevoli għat-twettiq ta' kompitu statutorju li kienu obbligati li jwettqu.

    (73)

    Barra minn hekk, meta bigħu l-elettriku f'tariffi regolati u xtrawh fil-“pool” mill-ġeneraturi, id-distributuri ġġeneraw defiċit (li kien kopert minn mekkaniżmu ta' finanzjament minn qabel stabbilit mid-Digriet-Liġi Rjali 5/2005) iżda kienu l-ġeneraturi, mhux id-distributuri, li kienu jirċievu d-dħul mis-soprataxxa miżjuda mat-tariffa.

    EBDA VANTAĠĠ

    (74)

    Spanja ma taqbilx mal-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li t-tariffi regolati taw vantaġġ ekonomiku lid-distributuri.

    (75)

    Fir-rigward tad-distributuri, Spanja tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-sistemi ta' tariffi ggarantixxew marġini ta' profitt minimu lid-distributuri. Spanja ssostni li l-provvista b'tariffi rregolati mid-distributuri kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi garantit servizz ta' interess ġenerali, u li r-remunerazzjoni ta' attivitajiet regolati kienet maħsuba esklussivament biex tkopri l-ispejjeż tat-twettiq tal-obbligi marbuta ma' dawn l-attivitajiet.

    L-EBDA IMPATT FUQ IL-KOMPETIZZJONI U L-KUMMERĊ BEJN L-ISTATI MEMBRI

    (76)

    Skont l-awtoritajiet Spanjoli, id-dispożizzjonijiet regolatorji applikabbli għall-provvista b'tariffi regolati ma llimitawx il-libertà ta' stabbiliment ta' fornituri tal-elettriku u ma kien hemm l-ebda trattament preferenzjali ta' fornituri Spanjola meta mqabbla ma' fornituri minn Stati Membri oħra.

    (77)

    Fl-2005 il-Peniżola Iberika kellha kapaċità ta' interkonnessjoni tant baxxa li ma kienx hemm suq intern reali għall-enerġija. L-awtoritajiet Spanjoli jikkunsidraw li, minħabba din is-sitwazzjoni ta' iżolament, ikun sproporzjonat li tikkonkludi — kif issosnti l-Kummissjoni — li t-tariffa kellha impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (78)

    L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-elettriku ma ġiex esportat barra Spanja u d-distributuri li joperaw fi Spanja ma setgħux ibigħu enerġija Spanjola barra t-territorju nazzjonali. Min-naħa l-oħra, kull kumpanija eleġibbli setgħet tieħu sehem fin-negozju tad-distribuzzjoni fuq livell ugwali ma' impriżi Spanjoli u tgawdi l-istess trattament ġuridiku u ekonomiku.

    (79)

    Spanja tqis li l-fornituri, min-naħa l-oħra, kienu qed jeżerċitaw attività libera u mhux regolata. Huma kienu jiffaċċaw ir-riskji u l-vantaġġi li dan iġib miegħu. Li jieħdu dawn ir-riskji kien ifisser li kellhom jaċċettaw li, taħt ċerti kundizzjonijiet imprevedibbli, l-attività bl-imnut tagħhom setgħet ma tkunx profittabbli. Il-profittabbiltà madankollu kienet tirritorna malli t-tariffi jippermettu jew malli ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jibqgħux jeżistu.

    L-ANALIŻI FID-DAWL TAL-ĠURISPRUDENZA ALTMARK

    (80)

    Spanja ssostni li, fl-2005, l-eżistenza ta' tariffi regolati ma kenitx tmur kontra l-liġi tal-Unjoni, minħabba li l-iskadenza għall-ftuħ tas-suq għall-konsumaturi kollha, inklużi l-unitajiet domestiċi, kienet l-1 ta' Lulju 2007.

    (81)

    Skont Spanja, il-kopertura tal-ispejjeż imġarrba mid-distributuri fil-provvista b'tariffi regolati kienet tirrispetta l-erba' kriterji tal-ġurisprudenza Altmark u għalhekk dan l-intervent ma jaqax fl-ambitu ta' għajnuna mill-Istat.

    (82)

    L-ewwel nett, il-provvista tal-elettriku hija servizz ta' interess ġenerali u l-Istat għandu jintervjeni biex jimpedixxu abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti li jirriżultaw mill-eżistenza ta' netwerk uniku (monopolju naturali). Għalhekk, il-kumpaniji li jwettqu attivitajiet regolati jwettqu obbligi ta' servizz pubbliku.

    (83)

    It-tieni nett, il-parametri għall-iffissar tat-tariffi ġew stabbiliti b'mod oġġettiv u trasparenti. Ir-rimunerazzjoni ta' attivitajiet regolati kienet oġġettiva u trasparenti. Impriżi oħra tal-UE wkoll setgħu jidħlu fis-suq tad-distribuzzjoni.

    (84)

    It-tielet nett, il-ħlasijiet għall-attivitajiet regolati kienu jkopru biss l-ispejjeż għat-twettiq tal-obbligu ta' servizz pubbliku. Id-distributuri setgħu jiksbu rimborż biss tal-ispejjeż relatati ma' attivitajiet regolati.

    (85)

    Ir-raba' nett, il-qafas regolatorju kumpless għall-iffissar tat-tariffi u l-proċedura ta' riżoluzzjoni juru li s-sistema tariffarja kienet ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-ispejjeż u d-dħul tas-sistema, u analiżi tad-domanda għall-elettriku.

    (86)

    Fuq din il-bażi Spanja tikkonkludi li s-sistema tariffarja ma kenitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għax kienet konformi mal-ġurisprudenza Altmark.

    VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    (87)

    L-ambitu ta' din id-deċiżjoni huwa limitat għall-provvista tal-elettriku lil impriżi kbar u ta' daqs medju mid-distributuri b'tariffi regolati, u ma jkoprix l-attivitajiet oħra li jsiru mid-distributuri u li jappartjenu għad-distribuzzjoni pura. Dawn tal-aħħar huma kompletament indipendenti, kemm legalment kif ukoll finanzjarjament, mill-attività ta' bejgħ b'tariffi regolati, u fi kwalunkwe każ, jaqgħu barra mill-ambitu tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li qajmet dubji biss dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-vantaġġ allegat mogħti lid-distributuri bħala riżultat tal-livell baxx tat-tariffi regolati u l-miżuri meħuda għall-kumpens u r-rifużjoni tad-defiċit fl-2005.

    L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TFUE

    (88)

    Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati: il-miżura (a) tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju; (b) tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat; (c) hija selettiva; (d) għandha impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u tista' tfixkel il-kompetizzjoni fl-Unjoni. Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati kumulattivament, il-Kummissjoni se tillimita l-valutazzjoni tagħha għall-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku mogħti lill-benefiċjarji.

    Eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku

    (89)

    Impriżi huma vvantaġġati skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk jiksbu vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinux jiksbu f'kundizzjonijiet tas-suq. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, f'każijiet speċifiċi, miżati għal servizzi pprovduti bi tpattija għal obbligi li l-Istati Membri jimponu, li ma jaqbżux l-ispejjeż annwali mhux koperti u li huma maħsuba sabiex jiżguraw li l-impriżi kkonċernati ma jagħmlux telf, ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) FUE iżda pjuttost kunsiderazzjoni għas-servizzi mwettqa mill-impriżi kkonċernati (21).

    (90)

    B'mod aktar speċifiku fis-settur tal-elettriku, il-Kummissjoni ma ħaditx il-pożizzjoni, fil-prattika estensiva tagħha ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) u (3)(c) tat-TFUE rigward l-obbligi imposti fuq id-distributuri sabiex jixtru l-elettriku minn ċerti sorsi ta' enerġija bi prezz ogħla minn dak tas-suq, li l-kumpens li jkopri d-differenza bejn il-kostijiet tax-xiri u l-prezzijiet tas-suq jinvolvi vantaġġ ekonomiku li jibbenefika lid-distributuri. F'dawk il-każijiet, l-operaturi kkonċernati kienu qed jaġixxu skont l-obbligi regolatorji bħala sempliċi intermedjarji fis-sistema tal-elettriku u kienu kkumpensati għall-ispejjeż tagħhom, mingħajr ma dan il-kumpens tqies li jinvolvi vantaġġ ekonomiku, filwaqt li, bla dubju, il-leġiżlazzjoni setgħet sempliċement imponiet obbligu ta' xiri mingħajr kumpens għall-kost.

    (91)

    L-istess jgħodd, b'mod aktar speċifiku fil-qasam tal-provvista tal-elettriku b'tariffi regolati, fir-rigward ta' kumpens maħsub biex jiffinanzja differenzi bejn id-dħul u l-ispejjeż tal-akkwist bl-ingrossa tal-elettriku b'tariffi regolati mitlub minn konsumaturi eliġibbli (22). Minn dan jirriżulta li l-kumpens tal-ispejjeż tax-xiri tal-elettriku tad-distributuri fis-settur tal-elettriku ma jimplikax neċessarjament vantaġġ ekonomiku fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-allegat kumpens lid-distributuri Spanjoli għall-ispejjeż tal-provvista ta' tariffi regolati għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta' dawn il-preċedenti.

    (92)

    Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni formali kienet li kien hemm vantaġġ ekonomiku fuq il-kundizzjonijiet tas-suq favur id-distributuri Spanjoli fuq il-bażi ta' żewġ argumenti. L-ewwel, id-distributuri allegatament ingħataw marġni ta' profitt garantit fuq l-attività ta' provvista bit-tariffa regolata. It-tieni, billi inkoraġġixxew lill-utenti sabiex jaqilbu għas-suq regolat moqdi mid-distributuri, it-tariffi allegatament żiedu d-dħul tad-distributuri. Dawn iż-żewġ argumenti jistgħu jiġu inkorporati fil-propożizzjoni unika li l-profitt tad-distributuri żdied fi proporzjon mal-provvisti tagħhom ta' elettriku b'tariffi regolati fl-2005.

    (93)

    Id-deskrizzjoni disponibbli tas-sistema tal-elettriku Spanjola u l-informazzjoni provduta fil-kors tal-proċedimenti, li hija riflessa fil-premessi 16, 19, 20, 57 u 58, ma tappoġġax din il-propożizzjoni. Filwaqt li, għad-distribuzzjoni pura, il-ħlas riċevut mid-distributuri fl-2005 kien jinkludi marġni ta' profitt, għall-provvista bit-tariffa regolata d-distributuri rċevew biss rimborż (“rikonoxximent”) tal-ispejjeż mingħajr marġini ta' profitt. Bl-istess mod, ir-rimunerazzjoni tad-distributuri fir-rigward tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni pura tagħhom kienet indipendenti min-numru ta' klijenti b'tariffi regolati u l-kwantità ta' elettriku mibjugħ bit-tariffa, u għalhekk id-dħul tagħhom ma kienx jiżdied li kieku servew numru ikbar ta' klijenti b'tariffi regolati.

    (94)

    Minn dan isegwi li l-informazzjoni miġbura matul il-proċedura ma ssostnix l-affermazzjoni li tgħid li l-bejgħ tal-elettriku b'tariffi regolati żied il-profitti tad-distributuri Spanjoli fl-2005 għax kienu jgawdu marġni ta' profitt garantit.

    (95)

    Dwar il-kwistjoni jekk ir-rikonoxximent tal-ispejjeż tal-provvista u l-kumpens tagħhom ipprovdiex lid-distributuri b'vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinux jiksbu f'kundizzjonijiet tas-suq, għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tal-ispejjeż imġarrba fil-forma ta' drittijiet ta' ġbir mogħtija lill-ħames impriżi maħtura bl-Artikolu 24 tad-Digriet Liġi Rjali 5/2005, jiġifieri Iberdrola, S.A., Unión Eléctrica Fenosa, S.A., Hidroeléctrica del Cantábrico S.A., Endesa, S.A. u Elcogás, S.A., ma kienx remunerazzjoni għall-attività ta' distribuzzjoni tagħhom. Kif diġà ġie spjegat fil-premessi 29 u 30, għalkemm Elcogás S.A., li ma kenitx proprjetarja ta' sussidjarji, ma kenitx qed topera fis-settur tad-distribuzzjoni fl-2005 (jew fis-snin ta' wara), l-impriżi in kwistjoni kienu magħżula bis-saħħa tad-dritt eżistenti tagħhom li jirċievu spejjeż mhux rekuperabbli, possibilment billi titqies l-attività ta' ġenerazzjoni, iżda mhux l-attività ta' distribuzzjoni tagħhom b'tariffi regolati.

    (96)

    It-tieni nett, anki jekk wieħed jassumi li d-drittijiet tal-ġbir li jirriflettu l-obbligu tal-ħames impriżi msemmija hawn fuq li jipprefinanzjaw id-defiċit fis-sistema tal-elettriku għall-2005 jistgħu jiġu interpretati bħala kumpens għall-ispejjeż ta' distribuzzjoni għall-erba' impriżi li joperaw fis-settur tad-distribuzzjoni fuq tariffi regolati, għandu jittieħed kont tal-kundizzjonijiet attwali li taħthom id-distributuri kienu obbligati li jeżerċitaw din l-attività regolata b'mod sħiħ. Kif diġà deskritt fil-premessi 54-55, id-distributuri ma setgħu jagħmlu la qligħ u lanqas telf, ma setgħux jagħżlu kif jixtru l-elettriku, ma setgħux jagħżlu l-klijenti tagħhom, ma setgħux jiddeterminaw il-prezz tal-bejgħ jew joffru l-ebda servizz addizzjonali li joffri marġni ta' profitt. Id-distributuri stess, kif ukoll il-gruppi integrati vertikalment li għalihom kienu jappartjenu, ma kellhom ebda interess ekonomiku, la dirett u lanqas indirett, sabiex jinvolvu ruħhom fil-provvista tal-elettriku bit-tariffa regolata. Grupp vertikalment integrat jippreferi jkollu interess li jaqdi lill-utenti finali fuq termini tas-suq ħieles, billi d-diviżjoni tal-provvista tiegħu kienet tagħmel profitt fuq bejgħ bħal dan, li ma jkunx il-każ jekk l-utenti kellhom ikunu fornuti mid-distributur tal-grupp b'tariffi regolati.

    (97)

    Minn dan isegwi li tqabbil mat-termini tal-provvista bil-kundizzjonijiet tas-suq ħieles jinjora s-sitwazzjoni legali u fattwali differenti bejn il-fornituri f'suq ħieles u d-distributuri li jfornu b'tariffi regolati. Billi l-Istat jista', fil-prinċipju, jimponi prezzijiet ta' bejgħ u ta' xiri u kundizzjonijiet oħra tan-negozju fuq id-distributuri f'sistema tal-elettriku, dan ma jfissirx li l-kumpens tal-ispejjeż imġarrba minn dawn tal-aħħar jagħtihom vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinux jiksbu f'kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, regolamentazzjoni ta' tariffi addizzjonalment rinfurzata b'obbligu ta' provvista ma tħalli l-ebda libertà li wieħed jiddeċiedi dwar l-aktar muturi fundamentali tal-provvista, bħall-prezzijiet u l-kwantità pprovduta. Mhuwiex biss taħt kundizzjonijiet tas-suq ipotetiċi, jiġifieri fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet regolatorji dwar tali parametri fundamentali, li d-distributuri jkunu jistgħu jżommu lill-klijent finali tariffa ħafna ogħla, li tkopri l-ispejjeż. Barra minn hekk, u aktar importanti minn hekk, fis-sistema tal-elettriku Spanjola fl-2005, bħal f'kull sistema tal-elettriku, id-distributur — jew l-operatur ta' netwerk b'vultaġġ għoli għall-konsumaturi li jużaw ħafna enerġija —huwa sempliċement intermedjarju li fiżikament jgħaqqad lill-utent man-netwerk, bħala kundizzjoni neċessarja għall-provvista tal-elettriku. Minħabba n-nuqqas ta' netwerk ta' distribuzzjoni alternattiv ipotetiku fi Spanja fl-2005, id-distributuri inkwistjoni kienu nominati u kienu jfornu kemm is-suq ħieles kif ukoll dak regolat. Id-distributuri għandhom rwol essenzjali minħabba li jagħmlu possibbli l-forniment tal-elettriku, irrispettivament mill-arranġamenti regolatorji jew il-politiki speċifiċi, jew minn jekk il-kundizzjonijiet kompetittivi li jirregolaw il-provvista humiex bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq jew fuq regolamentazzjoni.

    (98)

    F'sistema ta' tariffi regolati, bħas-sistema Spanjola fl-2005, fil-kors normali tan-negozju, nuqqas ta' riżorsi fil-kontijiet ġenerali tas-sistema sena normalment jiġi rkuprat fis-sena ta' wara permezz ta' tariffi ogħla u/jew tariffi ogħla għall-aċċess għall-utenti finali, filwaqt li tnaqqis fl-ispejjeż jista' jirriżulta f'bilanċ pożittiv, li jippermetti tariffi jew ħlasijiet aktar baxxi sussegwentement. Madankollu, fin-nuqqas tal-allokazzjoni għal kategoriji speċifiċi ta' dħul mal-ispejjeż, iż-żieda (tnaqqis) fid-dħul u/jew l-ispejjeż jistgħu ma jirriżultawx fi tnaqqis korrispondenti tad-defiċit jew il-bilanċ pożittiv li jibbenefikaw minnu d-distributuri. Pereżempju, kif muri fil-premessa 27, grafika 1, filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija impliċiti f'tariffi regolati kienu ġeneralment taħt il-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa f'ħafna xhur tal- 2005, l-oppost huwa l-każ fil-perjodu minn Novembru 2006 sa Diċembru 2007, mingħajr ma dan ġie rifless f'żieda fil-profitti għall-attività tad-distributuri ta' provvista b'tariffi regolati. Dan huwa konsistenti mal-istruttura regolatorja tas-sistema, fejn id-distributuri ma jġorrux l-ispejjeż tal-iżbilanċi fl-ispejjeż u d-dħul tas-sistema kollha kemm hi jew in parti, l-istess kif qatt ma kienu jagħmlu profitt minn din l-attività, u kull bilanċ pożittiv li jirriżulta minn bejgħ ta' elettriku b'tariffi regolati jintuża biex ikopri spejjeż oħra tas-sistema.

    (99)

    Id-distributuri aġixxew bħala intermedjarji finanzjarji tas-sistema tal-elettriku billi ċċentralizzaw il-flussi finanzjarji kollha, kemm dawk 'il ġewwa (dħul regolat minn tariffi u ħlasijiet għall-aċċess) u 'l barra (l-ispejjeż ġenerali kollha tas-sistema). Id-dħul u l-ispejjeż regolati tas-sistema tal-elettriku fl-2005, kif deskritt fil-premessi 19, 20 u 28, jinkludu varjetà wiesgħa ta' spejjeż regolati mmexxija mis-suq jew mill-politika, bħall-ispejjeż tax-xiri tal-elettriku, inkluż minn sorsi rinnovabbli, l-ispejjeż addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-gżejjer Spanjoli u l-ispejjeż tat-trasport u tat-distribuzzjoni, eċċ., mingħajr l-allokazzjoni ta' dħul speċifiku għal ċerti spejjeż. Id-dħul irregolat qatt ma sar proprjetà tad-distributuri, bl-eċċezzjoni tar-rimunerazzjoni għad-distribuzzjoni pura, li nżammet minnhom wara t-tnaqqis tal-ispejjeż l-oħra kollha tas-sistema.

    (100)

    Kull defiċit fil-kontijiet bħal dik li seħħ fl-2005, irrispettivament mill-kawżi tiegħu, għalhekk jidher fil-kontijiet tad-distributuri, mingħajr ma dawn ikollhom xi libertà li jiddeċiedu fuq il-livell tad-dħul u spejjeż regolati jew dwar il-finanzjament ta' spejjeż speċifiċi bi dħul speċifiku. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-figuri ċċitati fil-premessa 28, l-ispejjeż għat-trasport u d-distribuzzjoni tas-sistema tal-elettriku fl-2005 kienu ta' EUR 4 410 miljun, konsistenti mal-istess kategoriji ta' spejjeż fl-2004 u fl-2006 rispettivament. Dan il-livell ta' spejjeż tad-distributuri ma għandu l-ebda rabta mal-ammont tad-defiċit fl-2005.

    (101)

    Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-iżbilanċ tal-2005 bħala “telf tad-distributuri” ma tidhirx ġustifikata billi l-iżbilanċ mhuwiex imputabbli għal azzjoni min-naħa tad-distributuri, iżda pjuttost għad-dispożizzjonijiet regolatorji li jistabbilixxu d-dritt tal-utenti finali li jiġu fornuti b'tariffi regolati u, sa ċertu punt, għall-għażliet regolatorji u ta' politika li saru biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u l-koġenerazzjoni, pereżempju. Minn dan isegwi li l-finanzjament tad-defiċit fil-kontijiet tas-sistema tal-elettriku permezz tal-mekkaniżmi deskritti fil-premessi 29 sa 32 mhuwiex mod biex jiġi assorbit it-telf speċifiku tad-distributuri iżda pjuttost it-telf globali tas-sistema. Fil-fatt, mingħajr ir-rikonoxximent tad-defiċit ta' EUR 3 811 miljun fl-2005 u l-prefinanzjament mill-ħames utilitajiet tal-elettriku l-kbar, ma kienx ikun possibbli li jitħallsu l-ispejjeż tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tas-sistema mġarrba għall-benefiċċju tal-utenti kollha, kemm fis-suq regolat kif ukoll f'dak ħieles.

    (102)

    L-investigazzjoni formali ma tistabbilixxix l-eżistenza ta' elementi oħra ta' vantaġġ favur id-distributuri. Id-distributuri għaddew il-benefiċċju kollu tat-tariffi regolati baxxi lill-utenti finali, ma għamlu ebda profitt fuq il-bejgħ u ma ħadu ebda benefiċċju minn utenti li rritornaw lejn is-suq regolat. Minn dan isegwi li, minn perspettiva finanzjarja, il-pożizzjoni tad-distributuri fi Spanja kienet kompletament komparabbli ma' dik ta' intermedjarju tas-sistema. F'dak ir-rigward, ir-rikonoxximent tal-ispejjeż tal-provvista tal-elettriku bit-tariffi regolati fis-sistema tal-elettriku Spanjola fl-2005 hija, fil-prinċipju, mhux differenti minn kumpens tal-ispejjeż ta' xiri tal-elettriku li l-Kummissjoni ma kklassifikatx bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, kemm fir-rigward tal-elettriku minn ċerti sorsi (il-premessa 90) u l-elettriku bl-ingrossa għall-provvista b'tariffi regolati (il-premessa 91).

    (103)

    Għalkemm id-Deċiżjoni tal-ftuħ mhijiex immirata lejn l-entitajiet integrati vertikalment li d-distributuri jappartjenu għalihom, b'separazzjoni tal-kontabilità u separazzjoni legali parzjali, bil-ħsieb li tindirizza r-rappreżentanzi ta' Céntrica, il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk tali entitajiet setgħux ħadu vantaġġi indiretti li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Céntrica notevolment issottomettiet li entitajiet integrati attivi f'bejgħ bl-imnut tal-elettriku fis-suq ħieles (permezz ta' diviżjoni tal-provvista) kienu kapaċi jevitaw it-telf billi jinkoraġġixxu lill-utenti li jaqilbu għad-diviżjoni tad-distribuzzjoni tagħhom stess. Hija sostniet ukoll li kien hemm inċentiv għal ġeneratur li jappartjeni għal entità integrata sabiex iżomm il-prezzijiet bl-ingrossa għoljin, meta wieħed iqis li d-diviżjoni tad-distribuzzjoni tal-entità integrata (li tbigħ bit-tariffa regolata) tkun protetta mit-telf.

    (104)

    Il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-preżenza ta' vantaġġ ekonomiku li jirriżulta milli l-utenti tal-elettriku jagħżlu d-distributuri minflok il-fornituri. Ekonomikament, il-bidla mill-provvista għad-distribuzzjoni ma ġġeneratx profitti iżda sempliċement evitat it-telf għad-diviżjonijiet tal-provvista tal-erba' gruppi integrati vertikalment, Iberdrola, S.A., Unión Eléctrica Fenosa, S.A., Hidroeléctrica del Cantábrico S.A. u Endesa, S.A.; min-naħa tagħha, Elcogás kienet topera biss fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Madankollu, dan ma jistax jammonta għal vantaġġ għall-erba' kumpaniji l-oħra inkwistjoni, peress li d-diviżjonijiet tal-provvista setgħu jevitaw dan it-telf fi kwalunkwe każ billi sempliċiment itemmu l-kuntratti ta' provvista. Għad-diviżjonijiet tal-provvista, għalhekk, is-sistema ma kenitx tinvolvi vantaġġ iżda penali: huma tilfu l-klijenti. Is-sistema kienet finanzjarjament newtrali għad-distributuri wkoll (għar-raġunijiet spjegati hawn fuq). Il-ġeneraturi, min-naħa tagħhom, kienu jbigħu l-elettriku tagħhom xorta waħda fis-suq bl-ingrossa.

    (105)

    Fir-rigward tal-allegat inċentiv tal-ġeneraturi biex iżommu l-prezzijiet bl-ingrossa għolja, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-ambjent tas-suq maħluq mill-awtoritajiet Spanjoli seta' eventwalment ħoloq inċentiv għall-ġeneraturi biex jgħollu l-prezzijiet, it-tariffi per se ma wasslux għal prezzijiet bl-ingrossa ogħla. Prezzijiet li fil-fatt kienu qed jiżdiedu kienu jitolbu strateġiji kumplessi u mġiba antikompetittiva min-naħa tal-ġeneraturi. L-ebda rabta diretta u dixxernibbli ta' kawżalità bejn it-tariffi u żieda artifiċjali possibbli fil-prezzijiet bl-ingrossa ma hija stabbilita; din tibqa' ipoteżi teoretika mhux ippruvata.

    (106)

    Il-Kummissjoni qieset ukoll il-possibilità li s-sistema, billi tisforza lill-kompetituri tas-suq ħieles barra mis-suq tal-elettriku, setgħet tat vantaġġ lil gruppi eżistenti billi żiedet u “rrimodellat” is-sehem mis-suq tagħhom b'tali mod li kien hemm it-tendenza li dan jikkoinċidi, b'mod ġenerali, mad-daqs tan-netwerk tad-distribuzzjoni ta' kull grupp fil-każ tal-erba' gruppi integrati vertikalment. Dan il-vantaġġ ipotetiku ma setax jiġi stabbilit l-anqas, għar-raġunijiet li ġejjin:

    L-ewwel nett, mhux dejjem kien possibbli li “ċċaqlaq il-klijenti” fi ħdan l-istess grupp. Klijent moqdi mid-diviżjoni tal-provvista ta' Endesa f'żona fejn id-distributur lokali kien Iberdrola ma setax jaqleb għad-diviżjoni ta' distribuzzjoni ta' Endesa, iżda biss għal dik ta' Iberdrola. Barra minn hekk, dan il-qlib lejn is-suq regolat wassal għal spiża netta għall-entitajiet integrati, peress li żied id-defiċit li kellhom jiffinanzjaw fuq termini mhux favorevoli,

    It-tieni nett, il-gruppi ma għamlu l-ebda profitt fuq il-bejgħ magħmul mid-distributuri. Għalhekk, il-benefiċċju potenzjali li ġej minn sehem ogħla mis-suq ma setax jittraduċi ruħu fi profitti fl-2005 (is-sena koperta mill-investigazzjoni) iżda biss fis-snin ta' wara, meta s-suq ħieles reġa' kien vijabbli. Sabiex dan il-vantaġġ jimmaterjalizza, l-utenti moqdija minn distributur tal-grupp kellhom jaqilbu lura għad-diviżjoni tal-provvista tal-grupp. Madankollu, f'dan l-istadju, klijent li kien qed jikkunsidra tibdil ġdid tal-fornitur kien liberu li jagħżel minn fost il-fornituri attivi kollha fis-suq Spanjol. Għalhekk, il-Kummissjoni ma stabbilietx il-preżenza ta' vantaġġ konkret marbut mas-sempliċi eżistenza ta' sehem mis-suq ogħla għall-gruppi fil-perjodu kopert mill-investigazzjoni,

    Għall-kuntrarju, il-gruppi integrati kienu suġġetti għal penalità oġġettiva: l-obbligu li jiffinanzjaw id-defiċit fuq termini mhux remunerattivi, billi r-rata tal-imgħax iġġenerata mid-drittijiet tal-ġbir kienet inferjuri għal rata tas-suq adegwata u, b'hekk, it-titolizzazzjoni tad-drittijiet tal-ġbir twettqet b'remunerazzjoni li wieħed jista' jargumenta li kienet aktar baxxa minn dik li kienet tkun miksuba kieku ġiet applikata r-rata tas-suq.

    (107)

    Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sa fejn hija kkonċernata l-provvista lill-utenti tan-negozju, is-sistema regolatorja implementata minn Spanja fl-2005 ma kenitx tagħti vantaġġ ekonomiku, la dirett u lanqas indirett, la fuq id-distributuri u lanqas fuq il-gruppi integrati li kienu jappartjenu għalihom.

    (108)

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni ta' Céntrica li s-sistema kienet tiddiskrimina bejn id-distributuri u l-fornituri tas-suq ħieles, il-Kummissjoni tinnota li diskriminazzjoni tista' sseħħ meta persuni li jkunu fl-istess pożizzjoni legali u fattwali jiġu ttrattati b'mod differenti jew, bil-maqlub, meta jingħata l-istess trattament lil persuni li jkunu f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti.

    (109)

    L-ewwel nett, l-allegazzjoni hija manifestament infondata fil-każ ta' Elcogás S.A., li ngħatat drittijiet tal-ġbir anki jekk hija ma toperax fis-settur tad-distribuzzjoni. It-tieni, ma ntweriex li l-erba' kumpaniji l-oħra magħżula, Iberdrola, S.A., Unión Eléctrica Fenosa, S.A., Hidroeléctrica del Cantábrico, S.A., u Endesa, S.A., kienu kkumpensati minħabba l-attività tagħhom bħala distributuri li jfornu l-elettriku b'tariffi regolati, kif diġà indikat fil-premessa 30. It-tielet nett, u fi kwalunkwe każ, fis-sistema tal-elettriku Spanjola, id-distributuri u l-fornituri tas-suq ħieles ma kinux fl-istess pożizzjoni fattwali u legali. L-obbligu ta' forniment tal-elettriku b'tariffi regolati twettaq taħt restrizzjonijiet regolatorji li ġiegħlu lid-distributuri jaġixxu bħala sempliċi intermedjarji finanzjarji u tal-forniment li kienu jimplimentaw dispożizzjonijiet legali, filwaqt li l-forniment fuq termini ta' suq ħieles kien attività kompletament liberalizzata. Għalhekk, id-differenza fit-trattament ikkontestata minn Céntrica ma tistax tammonta għal diskriminazzjoni, minkejja l-fatt li l-livell tat-tariffi regolati seta' kien ta' ħsara għall-proċess ta' liberalizzazzjoni. Madankollu, dan ma kienx konsegwenza tal-għoti ta' għajnuna mill-Istat mhux legali lid-distributuri.

    KONKLUŻJONI

    (110)

    Id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha ġew allevjati matul l-investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni hija sodisfatta li r-rikonoxximent minn Spanja tal-ispejjeż imġarrba mid-distributuri tal-elettriku fir-rigward tal-attività tagħhom ta' provvista tal-elettriku b'tariffi regolati għal utenti kummerċjali kbar u ta' daqs medju ma tax vantaġġ ekonomiku lid-distributuri fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    (111)

    Billi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi, ma hemmx il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kriterji l-oħra humiex issodisfati. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur id-distributuri tal-elettriku. Din il-konklużjoni tirreferi għas-sitwazzjoni u l-perjodu ta' żmien koperti mill-ilment, u hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni teżamina l-miżuri li ttieħdu minn Spanja sa mill-2005,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-rikonoxximent mir-Renju ta' Spanja tal-ispejjeż sostnuti mid-distributuri fil-forniment tal-elettriku lil utenti finali kummerċjali kbar u ta' daqs medju b'tariffi regolati matul l-2005 fil-forma ta' drittijiet tal-ġbir ta' Iberdrola, S.A., Unión Eléctrica Fenosa, S.A., Hidroeléctrica del Cantábrico, S.A., Endesa, S.A. u Elcogás, S.A., stabbilit fid-Digriet Liġi Rjali 5/2005 ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi-President


    (1)  ĠU C 43, 27.2.2007, p. 9.

    (2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1

    (3)  L-Operatur tas-Suq (OMEL), iwettaq xirjiet u bejgħ tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa.

    (4)  L-Operatur tas-Sistema (Red Eléctrica de España) huwa responsabbli li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-koordinazzjoni tal-produzzjoni u tas-sistema tat-trasport.

    (5)  L-Artikolu 11 tad-Digriet Irjali 281/1998 jiddefinixxi d-distribuzzjoni bħala “dik l-attività li l-iskop prinċipali tagħha hija t-trasmissjoni tal-enerġija elettriku min-netwerk tat-trasport għall-punti ta' konsum skont rekwiżiti adekwati ta' kwalità, kif ukoll il-bejgħ tal-enerġija elettrika lil utenti jew distributuri bi prezzijiet regolati”.

    (6)  Il-ġeneraturi hekk imsejħa tal-“iskema speċjali”. L-“iskema speċjali” hija sistema ta' tariffa “feed-in”: id-distributuri (u l-operatur tas-sistema ta' trażmizzjoni) huma obbligati li jixtru l-produzzjoni kollha tal-istallazzjonijiet eliġibbli ta' koġenerazzjoni u bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli li jkunu lokalizzati fiż-żona ta' responsabilità tagħhom b'rata li tkopri l-kosti, iffissata mill-Istat.

    (7)  Id-Digriet Irjali 2392/2004 tat-30 ta' Diċembru, li jistabbilixxi t-tariffa tal-elettriku għall-2005. Il-Gazzatta tal-Istat Uffiċjali 315, p. 42766, Anness I.

    (8)  L-Artikolu 12(2) tal-LSE kien jistipula li t-tariffi tal-elettriku kienu, bi prinċipju, iffisati darba f'sena iżda li jistgħu jiġu aġġustati matul is-sena.

    (9)  Skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Irjali 1432/2002, it-tariffa medja ma setgħetx tiżdied b'aktar minn 1,40 % (minn sena għall-oħra), filwaqt li t-tariffi individwali setgħu jiżdiedu biss b'perċentwali kkalkolat bħala ż-żieda fit-tariffa medja + 0,60 % (2 % b'kollox).

    (10)  Id-Digriet-Liġi Rjali 5/2005 tal-11 ta' Marzu 2005 dwar riformi urġenti għall-promozzjoni tal-produttività u t-titjib tal-akkwist pubbliku. Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 62, 14.3.2005, p. 8832.

    (11)  Il-kosti mhux rekuperabbli huma telf li jsir mill-fornituri stabbiliti tal-elettriku bħala riżultat ta' investimenti mhux rekuperabbli li kienu saru qabel il-liberalizzazzjoni. Il-Kummissjoni awtorizzat l-għoti ta' għajnuna kompensatorja biex jiġi kopert tali telf, abbażi tal-kriterji mfissra fil-Metodoloġija tal-Kosti mhux Rekuperabbli (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta ma' kostijiet mhux rekuperabbli), permezz ta' ittra SG (2001) D/290869 tas-6 ta' Awwissu 2001. Bid-Deċiżjoni SG (2001) D/290553 tal-25 ta' Lulju 2001 fil-Każ NN 49/99, il-Kummissjoni awtorizzat lil Spanja biex tagħti kumpens għal kosti mhux rekuperabbli sal-2008 lill-istess kumpaniji li kienu ntalbu jagħmlu prefinanzjament tad-defiċit tal-2005.

    (12)  Rapport Annwali 2005, Elcogás SA, li jinsab hawnt http://www.elcogas.es/images/stories/3-principales-indicadores/1-datos-economico-financieros/esp2005.pdf

    (13)  L-ewwel dispożizzjoni addizzonali tad-Digriet Irjali 809/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jirrevedi t-tariffa tal-elettriku mill-1 ta' Lulju 2006. Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 156, 1.7.2006.

    (14)  Spanja lliberalizzat is-suq bl-imnut tal-elettriku aktar kmieni milli kien obbligatorju permezz tad-Direttivi tal-Elettriku tal-1996 u l-2003, li stabbilew skeda għal-liberalizzazzjoni bejn l-1999 u l-2004 għal utenti aħħarija fin-negozju (mill-ikbar sal-iżgħar) u li bihom il-liberalizzazzjoni għas-settur tal-unitajiet domestiċi ma sarx obbligatorja qabel l-1 ta' Lulju 2007.

    (15)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

    (16)  L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Elettriku tgħid: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jaraw bħala xieraq, l-impriżi ż-żgħar, (speċjalment impriżi b'inqas minn 50 persuna impjegata u b'turnover annwali jew karta bilanċjanti li ma tkunx taqbeż l-10 miljun Ewro), ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta' kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jkunu raġonevoli, kumparabbli b'mod ħafif u ċar u trasparenti. Biex tkun żgurata d-disposizzjoni ta' servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom.”

    (17)  Il-fornituri xtraw ukoll l-enerġija mis-suq bl-ingrossa (“il-pool”) u anki jekk, fit-teorija, setgħu daħlu fi ftehimiet bilaterali mal-ġeneraturi, fir-realtà ma kien hemm l-ebda inċentiv għall-ġeneraturi (fil-biċċa l-kbira gruppi vertikalment integrati) li jagħmlu hekk.

    (18)  Ara l-Anness I, ittri (b) u (c) tad-Direttiva 2003/54/KE.

    (19)  Sors: osservazzjonijiet ta' Iberdrola bid-data tas-26 ta' April 2007.

    (20)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti C-72/91 u C-73/91, paragrafu 21. “Is-sistema kkonċernata ma tfittixx, permezz tal-objettiv u l-istruttura ġenerali tagħha, li toħloq vantaġġ li jkun jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat”.

    (21)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 240/83 Procureur de la République v Association de Défense des brûleurs D'huiles usagées (ADBHU) [1985] Ġabra 531, speċjalment p. 543-544 u l-paragrafu 18.

    (22)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21918 (C 17/07) (eks NN 17/07) implimentata minn Franza — Tariffi tal-elettriku regolati fi Franza, ĠU C 398, 22.12.2012, p. 10, b'mod partikolari l-paragrafi 30 sa 37 u 134 sa 137.


    Top