Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0456

    2014/456/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Frar 2014 dwar l-għajnuna mill-istat Nru S.A.21817 (C 3/07) ( ex NN 66/06) implimentata minn Spanja It-Tariffi tal-Elettriku ta' Spanja: il-konsumaturi (notifikata bid-dokument C(2013) 7741) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 205, 12.7.2014, p. 25–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/456/oj

    12.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 205/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-4 ta' Frar 2014

    dwar l-għajnuna mill-istat Nru S.A.21817 (C 3/07) (ex NN 66/06) implimentata minn Spanja

    It-Tariffi tal-Elettriku ta' Spanja: il-konsumaturi

    (notifikata bid-dokument C(2013) 7741)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/456/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    B'ittra bid-data tas-27 ta' April 2006, l-impriżi Céntrica plc u Céntrica Energía S.L.U. (minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod kollettiv “Céntrica”) ressqu ilment quddiem il-Kummissjoni rigward is-sistema tat-tariffi tal-elettriku regolati implimentata fi Spanja fl-2005.

    (2)

    B'ittra bid-data tas-27 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdu informazzjoni dwar il-miżura ta' hawn fuq. Il-Kummissjoni rċeviet din l-informazzjoni permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' Awwissu 2006.

    (3)

    Fit-12 ta' Ottubru 2006, il-każ ġie irreġistrat bħala għajnuna mhux innotifikata (il-Każ NN 66/06).

    (4)

    B'ittra bod-data tad-9 ta' Novembru 2006, l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli aktar kjarifiki dwar il-miżura ta' hawn fuq. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu b'ittra bid-data tat-12 ta' Diċembru 2006.

    (5)

    B'ittra bid-data tal-24 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Spanjoli li ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-miżura.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

    (7)

    L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b'ittra bid-data tas-26 ta' Frar 2007.

    (8)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-partijiet interessati li ġejjin: il-Gvern Reġjonali ta' Galicia (Xunta de Galicia) (ittra bid-data tat-23 ta' Marzu 2007) Céntrica (ittri bid-data tas-26 ta' Marzu 2007 u t-3 ta' Lulju 2007), ACIE — Assoċjazzjoni ta' Fornituri tal-Enerġija Indipendenti (ittra bid-data tas-26 ta' Marzu 2007), il-Gvern tal-Asturias (ittra bid-data tas-27 ta' Marzu 2007), AEGE — Assoċjazzjoni tal-Enerġija-Utenti Intensivi (ittra bid-data tat-2 ta' April 2007, b'suppliment tal-21 ta' Novembru 2011), Asturiana de Zinc — AZSA (ittra bid-data tat-3 ta' April 2007), Alcoa (ittra bid-data tat-3 ta' April 2007), UNESA — l-Assoċjazzjoni tal-Industrija Elettrika Spanjola (ittra bid-data tal-25 ta' April 2007), ENEL Viesgo (ittra bid-data tas-26 ta' April 2007), Iberdrola (ittra bid-data tas-26 ta' April 2007), Union Fenosa Distribución (ittra bid-data tas-27 ta' April 2007), Hidrocantábrico Distribución Electrica (ittra bid-data tas-27 ta' April 2007), Endesa Distribución Electrica (ittra bid-data tas-27 ta' April 2007).

    (9)

    B'ittri bid-dati tal-15 ta' Mejju 2007 u s-6 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni ressqet il-kummenti tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Spanjoli, li ngħataw l-opportunità li jirreaġixxu; il-kummenti tagħhom waslu b'ittra bid-data tat-2 ta' Awwissu 2007.

    (10)

    Informazzjoni ulterjuri ġiet ippreżentata minn Céntrica b'ittri bid-dati tal-1 ta' Ġunju 2007, it-28 ta' Awwissu 2007, l-4 ta' Frar 2008 u l-1 ta' Marzu 2008, minn AEGE b'ittra bid-data tal-21 ta' Novembru 2011 u minn Ferroatlántica b'ittra bid-data tal-5 ta' Diċembru 2011.

    (11)

    B'ittri bid-dati tat-30 ta' Lulju 2009, id-19 ta' Marzu 2010, is-6 ta' Ottubru 2011, it-12 ta' April 2012, il-31 ta' Awwissu 2012, l-4 ta' Frar 2013 u s-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdu aktar kjarifiki dwar il-miżura. L-awtoritajiet wieġbu b'ittri bid-dati tal-5 ta' Ottubru 2009, is-26 ta' April 2010, is-7 ta' Diċembru 2011, it-12 ta' Ġunju 2012, it-18 ta' Ottubru 2012, il-11 ta' Frar 2013 u l-4 ta' Ottubru 2013.

    (12)

    Fid-19 ta' April 2013, il-fajl inqasam f'żewġ partijiet: il-każ preżenti, jiġifieri l-Każ SA.21817 (C 3/07, ex NN 66/06), li jikkonċerna l-għajnuna lill-utenti finali tal-elettriku u l-Każ SA.36559 (C 3a/07, ex NN 66/06), li jikkonċerna l-għajnuna lid-distributuri tal-elettriku. Id-deċiżjoni preżenti tindirizza biss l-għajnuna possibbli lill-utenti finali tal-elettriku inkluża fl-ambitu tal-proċedura, jiġifieri, l-esklużjoni ta' unitajiet domestiċi u negozji żgħar.

    2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

    IS-SISTEMA TAL-ELETTRIKU SPANJOLA FL-2005

    (13)

    Fil-qafas leġiżlattiv stabbilit bil-Liġi 54/1997 tas-27 ta' Novembru 1997 (Ley del Sector Eléctrico, minn hawn 'il quddiem “LSE”) applikabbli fl-2005, il-provvista tal-elettriku għall-utenti finali b'tariffi rregolati ġiet ikkategorizzata bħala attività rregolata. Dan il-kompitu kien assenjat mil-Liġi għad-distributuri.

    (14)

    Fl-2005 l-utenti finali tal-elettriku kollha fis-suq Spanjol setgħu jagħżlu jinnegozjawx il-kuntratti ta' provvista ma' fornituri indipendenti jew jiġux ipprovduti b'tariffi rregolati stabbiliti mill-Istat. Fis-suq regolat, kull utent finali li talab dan kellu d-dritt li jkun provdut mid-distributur lokali tiegħu bit-tariffa rregolata integrali (prezz li jinkludi kollox) wara li ġew ikkunsidrati l-profil u l-volum ta' konsum tiegħu. Fis-suq ħieles, il-konsumaturi ħallsu tariffa għall-aċċess għan-netwerk, li kienet irregolata wkoll, li flimkien magħha riedu jlaħħqu mal-ispejjeż tal-provvista tal-enerġija. Mit-tlestija tar-riforma tas-settur tal-elettriku fl-2009, id-distributuri ma għadhomx ifornu l-elettriku bit-tariffi rregolati integrali.

    (15)

    It-tariffi rregolati integrali u l-ħlas għall-aċċess għan-netwerk irregolat ġew deċiżi ex ante għas-sena sħiħa, normalment qabel it-tmiem tas-sena N – 1, iżda jistgħu jiġu aġġustati matul is-sena (3). Madankollu, iż-żidied annwali fit-tariffi kienu suġġetti għal-limitu massimu (4). Fil-prinċipju, it-tariffi u l-ħlas ġew stabbiliti, fuq il-bażi ta' tbassir, biex jiġi żgurat li d-dħul irregolat li jirriżulta mill-applikazzjoni tagħhom ikun biżżejjed biex ikopri l-kost totali rregolat tas-sistema tal-elettriku. Dawn il-kosti irregolati tas-sistema kienu jinkludu, fl-2005, il-kosti tal-provvista tal-enerġija bit-tariffi integrali, il-kosti tax-xiri tal-enerġija minn skemi speċjali (sorsi rinnovabbli, koġenerazzjoni, eċċ.), il-kosti tat-trasport u d-distribuzzjoni, il-miżuri tal-ġestjoni tad-domanda, kosti addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-gżejjer Spanjoli, is-sostenn għall-faħam, id-defiċits tas-snin ta' qabel eċċ. Ma kien hemm ebda regoli li jallokaw kategorija partikolari ta' dħul, jew proporzjon minnhom, għal kategorija partikolari ta' kosti jew proporzjon minnhom. Bħala riżultat, id-dħul mill-ħlas għall-aċċess għan-netwerk, pereżempju, fejn ma jkunx allokat bis-sħiħ jew f'parti għall-finanzi, pereżempju, is-sussidji għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli jew elettriku pprovduti fil-gżejjer Spanjoli.

    (16)

    Fl-2005, kien hemm mill-anqas 25 tariffa rregolata għall-utenti finali, skont il-livell ta' konsum, il-profil ta' konsum, il-konsumatur maħsub u l-vultaġġ tal-konnessjoni tan-netwerk. Fl-istess ħin, disa' ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerk irregolati ġew applikati għall-utenti finali fis-suq ħieles, b'bażi wkoll fuq il-vultaġġ tal-konnessjoni u karatteristiċi oħra.

    (17)

    Fit-30 ta' Diċembru 2004, l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew it-tariffi tal-elettriku applikabbli fl-2005 (5), li jikkorrispondu mal-kategoriji tal-utenti li ġejjin:

    TARIFFI INTEGRALI

    Vultaġġ baxx

    1.0.

    Qawwa sa 770 kW

    2.0.

    Ġenerali, qawwa mhux fuq il-15-il kW

    3.0.

    Ġenerali

    4.0.

    Ġenerali, użu fit-tul

    B.0

    Dawl pubbliku

    R.0

    Tisqija Agrikola

    Vultaġġ Għoli

    Tariffi ġenerali

    Użu fil-qosor

    1.1.

    Ġenerali, mhux fuq is-36 kV

    1.2.

    Ġenerali, bejn 36 u 72,5 kV

    1.3.

    Ġenerali, bejn 72,5 u 145 kV

    1.4.

    Ġenerali, fuq il-145 kV

    Użu medju

    2.1.

    Mhux fuq is-36 kV

    2.2.

    Bejn 36 u 72,5 kV

    2.3.

    Bejn 72,5 u 145 kV

    2.4.

    Fuq il-145 kV

    Użu fit-tul

    3.1.

    Mhux fuq is-36 kV

    3.2.

    Bejn 36 u 72,5 kV

    3.3.

    Bejn 72,5 u 145 kV

    3.4.

    Fuq il-145 kV

    Tariffi tat-trazzjoni (Tarifas de tracción)

    T.1

    Mhux fuq is-36 kV

    T.2

    Bejn 36 u 72,5 kV

    T.3

    Bejn 72,5 kV u 145 kV

    Tisqija Agrikola

    R.1

    Mhux fuq is-36 kV

    R.2

    Bejn 36 u 72,5 kV

    R.3

    Bejn 72,5 u 145 kV

    G.   Tariffa għal konsumaturi kbar (G4)

    Tariffi għall-bejgħ lid-distributuri

    D.1

    Mhux fuq is-36 kV

    D.2

    Bejn 36 u 72,5 kV

    D.3

    Bejn 72,5 u 145 kV

    D.4

    Fuq il-145 kV

    TARIFFI TA' AĊĊESS

    Vultaġġ baxx

    2,0 A

    Tariffa ta' aċċess b'vultaġġ baxx ordinarja

    2,0 NA

    Tariffa ta' aċċess b'vultaġġ baxx sempliċi b'diskriminazzjoni tal-jum/tal-lejl

    3,0 A

    Tariffa ta' aċċess b'vultaġġ baxx ġenerali

    Vultaġġ Għoli

    3.1.A

    Tariffa ta' aċċess għal vultaġġ mhux ogħla minn 36 kV (qawwa mhux fuq l-450 kW)

    6.1

    Tariffa ta' aċċess għal vultaġġ mhux ogħla minn 36 kV (qawwa fuq l-450 kW)

    6.2

    Tariffa ta' aċċess għal vultaġġ ogħla minn 36 kV u mhux ogħla minn 72,5 kV (qawwa fuq l-450 kW)

    6.3

    Tariffa ta' aċċess għal vultaġġ ogħla minn 72 kV u mhux ogħla minn 145 kV (qawwa fuq l-450 kW)

    6.4

    Tariffa ta' aċċess għal vultaġġ ogħla minn 145 kV (qawwa fuq l-450 kW)

    6.5

    Tariffa ta' aċċess għal skambji internazzjonali

    (18)

    Tariffi rregolati integrali jistgħu jinqasmu f'komponent maħsub li jkopri t-trasport, id-distribuzzjoni u l-kosti ġenerali tas-sistema (il-ħlas għall-aċċess għan-netwerk) u komponent li jirrifletti l-kost tal-akkwist tal-elettriku fis-suq tal-operaturi (komponent tal-enerġija). Barra minn hekk, sistema ta' skontijiet fuq tariffi integrali ġiet applikata għal servizzi tal-ġestjoni tad-domanda (pereż interruzzjonijiet aċċettati fil-provvista tal-enerġija fuq avviż jew konsum konċentrat matul sigħat kwieti. Mill-2005 Spanja introduċiet tibdil fis-sistema ta' tariffi rregolati. L-aħħar waħda saret fl-2013, meta Spanja adottat qafas leġiżlattiv ġdid għas-settur tal-elettriku (il-Liġi 24/13) li kien jinkludi, fost miżuri oħra, ir-riforma tar-regolament tal-prezzijiet tas-suq fil-livell tal-konsumatur. Spanja ħabbret li din il-liġi l-ġdida u d-dispożizzjonijiet implimentattii tagħha se jitfasslu fl-2014. Hawn isfel hawn xi wħud mit-tariffi integrali bażiċi għall-aktar livell tat-tariffi baxx tal-kategoriji msemmija hawn fuq (jiġifieri mhux aktar minn 145 kV) applikabbli mill-1 ta' Jannar 2005.

    Tabella 1

    Tariffi rregolati integrali bl-ammont bażiku tal-2005

     

    A/Komponent tal-enerġija

    B/Komponent tal-enerġija

    Tariffa integrali (A+B)

     

     

     

     

    EUR/kW xahar

    EUR/kWh

    EUR/MWh

     

     

     

    Vultaġġ baxx

     

     

     

     

     

     

    1.0

    Potenza < 770 W

    0,277110

    0,062287

    62,67

     

     

     

    3.0

    Ġenerali

    1,430269

    0,083728

    85,71

     

     

     

    4.0

    Ġenerali, użu fit-tul

    2,284634

    0,076513

    79,69

     

     

     

    Vultaġġ għoli

     

     

     

     

     

     

    1.4

    Użu fil-qosor, ġenerali > 145 kV

    1,759358

    0,058412

    60,86

     

     

     

    2.4

    Użu medju, ġenerali > 145 kV

    3,632629

    0,053224

    58,27

     

     

     

    3.4

    Użu fit-tul, ġenerali > 145 kV

    9,511921

    0,042908

    56,12

     

     

     

    G.

    Konsumaturi Kbar G4

    10,208070

    0,011265

    25,44

     

     

     

    Sors: Anness I tad-Digriet Irjali 2392/2004, il-Kalkoli tal-Kummissjoni.

    (19)

    Il-Kummissjoni Nazzjonali Spanjola tal-Enerġija (Comisión Nacional de Energía — CNE), ir-regolatur Spanjol, qal li, fuq medja, it-tariffi integrali fl-2005 ma rriflettewx l-ispejjeż kollha tal-provvista, l-aktar il-kost tal-akkwist tal-enerġija fis-suq tal-operaturi. B'mod partikolari, bħat-tabella ta' hawn taħt, il-prezzijiet kienu impliċiti fit-tariffi rregolati integrali medji taħt il-prezzijiet medji fis-suq tal-operaturi tal-elettriku biss f'ħames xhur bejn Jannar u Frar 2005 u mbagħad minn April u Ġunju 2005. Min-naħa l-oħra, bejn Ottubru 2006 u Diċembru 2007 ġara l-oppost: matul dan il-perjodu ta' 14-il xahar, il-prezzijiet tal-operaturi medji, niżlu sew taħt il-prezzijiet impliċiti tal-enerġija fit-tariffi rregolati integrali medji, ħafna aktar mid-differenza osservata fis-seba' xhur tal-2005 meta l-prezzijiet tal-operaturi kienu ogħla minn dawk impliċiti fit-tariffi integrali.

    Graff 1

    Il-prezz tal-operaturi medju peżat vs il-prezzijiet impliċiti tal-enerġija tat-tariffa integrali

    Image

    Sors: CNE — Ir-Rapport dwar l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u l-elettriku. Il-perjodu bejn l-2005/2007 p. 84.

    ID-DEFIĊIT TAT-TARIFFI TAL-2005

    (20)

    Il-kontijiet tas-sistema tal-elettriku, ġew riżolti darba fis-sena, ibbażati fuq id-dħul u l-kosti irregolati attwali. Fl-2005, il-livell li fih ġew stabbiliti t-tariffi rregolati u l-ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerk, ma ġġenerax biżżejjed dħul biex jippermetti li s-sistema tirkupra l-kosti kollha rregolati dokumentati ex post għas-sena sħiħa. Il-proċess tar-riżoluzzjoni finali għall-2005, li sar minn CNE fl-aħħar tas-sena, stabbilixxa defiċit ta' EUR 3 811-il miljun. Din ma kenitx l-ewwel darba li l-proċess tar-riżoluzzjoni wassal għal defiċit, għalkemm id-defiċit tal-2005 qatt qabel ma kien hemm bħalu. Fl-2000, l-2001 u l-2002 ġew irreġistrati defiċits aktar baxxi.

    (21)

    B'mod partikolari, il-gvern issottovaluta l-kosti attwali tal-akkwist tal-elettriku. Filwaqt li l-konsum tal-elettriku mill-utenti finali kemm fis-suq irregolat kif ukoll fis-suq ħieles żviluppa fl-2005 kważi kif imbassar f'Diċembru 2004, numru ta' żidied fil-prezzijiet mhux previsti matul is-sena stabbilixxew il-prezzijiet tal-operaturi bi EUR 62,4/MWh fl-2005 imqabbla ma' EUR 35,61/MWh fl-2004, u żiedu l-prezz medju tal-operaturi fl-2005 għal EUR 59,47/MWh. Ir-raġunijiet għal din iż-żieda jinkludu sena b'nixfa straordinarja, li naqqset il-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika b'55 %, żieda fil-prezzijiet taż-żejt, l-impatt tal-prezz tas-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' CO2 riċevuti mingħajr ħlas skont l-Iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet u żieda fit-talba għall-enerġija ogħla mit-tkabbir tal-PDG.

    (22)

    Element ieħor importanti li kkontribwixxa għaż-żieda tal-ispejjeż ġenerali tas-sistema kien il-livell għoli ta' għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. B'mod partikolari, il-produtturi rinnovabbli setgħu jagħżlu parteċipazzjoni diretta fis-suq tal-operaturi tal-elettriku jew pool. Fl-2005 din kienet għażla partikolarment attraenti u bħala riżultat, ipparteċipaw fil-pool aktar produtturi rinnovabbli milli mistenni, li wassal għal kosti ogħla għas-sistema. Barra minn hekk, l-għajnuna diretta għall-kosti tal-enerġija bl-iskema speċjali (rinnovabbli, kogenerazzjoni), li ddaħħlu fil-kontijiet bħala kosti irregolati, ammontaw għal EUR 2 701 miljun fl-2005. Bħala eżempju, il-kosti ta' trasport u distribuzzjoni tas-sistema ammontaw għal EUR 4 410 miljun fl-2005.

    Mekkaniżmu adottat bħala prefinanzjament tad-defiċit

    (23)

    L-iżvilupp tad-defiċit ġie osservat. Diġà f'Marzu 2005, meta kien jidher ċar li qed jiżviluppa defiċit tat-tariffi, permezz tal-Artikolu 24 tad-Digriet Irjali-Leġiżlattiv 5/2005 (6) l-awtoritajiet Spanjoli stipulaw li l-fondi meħtieġa biex iġibu fix-xejn id-differenza bejn l-ispejjeż u d-dħul tas-sistema tal-elettriku jkunu pprovduti mill-akbar ħames “utilitajiet elettriċi intitolati” Spanjoli, li kienu dawk intitolati li jirċievu kumpens għall-kosti mhux rekuperabbli (7), fuq il-bażi tal-perċentwali li jmiss:

    Iberdrola, S.A.: 35,01 %;

    Unión Eléctrica Fenosa, S.A.: 12,84 %;

    Hidroeléctrica del Cantábrico; S.A: 6,08 %;

    Endesa, S.A.: 44,16 %;

    Elcogas, S.A.: 1,91 %

    (24)

    Id-digriet leġiżlattiv 5/2005 stabbilixxa li d-defiċit tal-futur ikun attribwit lill-ħames kumpaniji ta' hawn fuq bħala bilanċ negattiv f'kont ta' depożitu eżistenti użat minn CNE biex tħallas il-kosti mhux rekuperabbli lil dawn il-kumpaniji. Dan kien ifisser fil-prattika li l-utilitajiet kienu meħtieġa javvanzaw il-fondi. Il-bilanċ negattiv fil-kont tal-kosti mhux rekuperabbli jwassal għad-drittijiet ta' ġbir, li jikkonsistu fid-dritt tal-utilitajiet li jiġbru d-dħul mill-konsumaturi tal-elettriku fil-futur. Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ttitolizzati u mibjugħa fis-suq mill-utilitajiet. Id-drittijiet ta' ġbir assenjati lil dawn l-utilitajiet rendew rata ta' interess minima (Euribor ta' tliet xhur ikkalkulat bħala r-rati tal-Euribor medju għal Novembru tas-sena ta' qabel mingħajr marġni).

    Mekkaniżmu adottat bħala rkupru tad-defiċit mill-utenti finali

    (25)

    F'Ġunju 2006, l-awtoritajiet Spanjoli ħadu deċiżjoni li tikkonċerna l-arranġamenti għall-irkupru tad-defiċit tal-2005 minn konsumaturi tal-elettriku permezz tat-tariffi rregolati. Permezz tad-Digriet Irjali 809/2006 (8), l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew li d-defiċit tal-2005 (jew aħjar, id-drittjiet ta' ġbir attribwiti għall-utilitajiet) jiġi mħallas lura lill-konsumaturi f'14-il sena u nofs, permezz ta' soprataxxa applikata kemm għat-tariffi integrali kif ukoll għat-tariffi ta' aċċess. Is-soprataxxa, ikkalkulata bħala l-ammont meħtieġ fis-sena biex jiġi rkuprat il-valur nett preżenti b'mod lineari tad-defiċit tal-2005 f'14,5 snin, ġie stabbilit bħala 1,378 % tat-tariffa integrali u 3,975 % tat-tariffa ta' aċċess għall-2006. Ir-rata ta' interess applikabbli kienet l-Euribor ta' tliet xhur.

    (26)

    Din is-soprataxxa ġiet ikkunsidrata bħala “kontribuzzjoni allokata b'mod speċifiku” (cuota con destino específico). L-awtoritajiet Spanjoli stabilixxew li d-dħul mill-kontribuzzjoni biex jiġi ffinanzjat id-defiċit tal-2005 jkun dovut fil-kont ta' depożitu mmaniġġat minn CNE. CNE imbagħad tittrasferixxi l-fondi lis-sidien tad-drittijiet ta' ġbir, jiġifieri l-ġeneraturi li ffinanzjaw id-defiċit jew l-entitajiet li wara xtraw id-drittijiet ta' ġbir mingħandhom, skont is-sehem tad-defiċit iffinanzjat minn kull wieħed minnhom.

    L-effetti tad-defiċit tariffarju fuq is-suq Spanjol

    (27)

    FL-2005, 37,49 % tad-domanda għall-elettriku fi Spanja ġiet akkwistata fis-suq ħieles. Din il-kwantità tikkorrispondi għal numru relattivament żgħir ta' konsumaturi; huma biss 8,5 % tal-konsumaturi li xtraw l-enerġija fis-suq ħieles, filwaqt li 91,5 % baqgħu fuq it-tariffi regolati (bi tnaqqis minn 97 % fl-2004). Il-konsumaturi tal-vultaġġ għoli (fuq il-klijenti industrijali kollha) kienu l-kategorija ewlenija preżenti fis-suq ħieles; 38,9 % minnhom kienu eżerċitaw l-għażla tagħhom u x-xiri tagħhom kien jammonta għal 29 % tal-konsum tal-elettriku totali fi Spanja kontinentali. Il-maġġoranza l-kbira tal-unitajiet domestiċi u tal-konsumaturi żgħar ta' vultaġġ baxx, li setgħu jagħżlu s-suq ħieles mill-2003 (9), kienu għadhom fuq it-tariffi rregolati; madankollu, fl-2005 parti kbira minnhom ukoll għażlu s-suq ħieles. Fil-31 ta' Diċembru 2005, aktar minn 2 miljun konsumatur kienu fis-suq ħieles (meta mqabbla ma' 1,3 miljuni fl-2004).

    (28)

    Madankollu, il-vantaġġ fil-prezz mogħti fuq medja mit-tariffi irregolati fl-2005 għandu jitqies flimkien mar-ritorn tal-konsumaturi għas-suq irregolat, għalkemm b'xi intervall latenti. Kif muri fit-Tabella 2 hawn isfel, in-numru ta' konsumaturi pprovduti fis-suq ħieles, żdied matul l-2005 iżda naqas fl-2006, u dan wassal biex il-perċentwali (8,15 %) ikun bħal dak miksub fl-ewwel nofs tal-2005. Bl-istess mod, it-tnaqqis fl-ammont ta' enerġija fornuta lill-utenti finali fis-suq ħieles li kienet evidenti f'Diċembru 2004, kompliet fl-ewwel tliet xhur tal-2005. Għalkemm waqfet b'mod sinifikattiv bejn Ġunju u Settembru 2005, kompliet f'Diċembru 2005 u matul l-2006.

    Tabella 2

    Is-sehem tas-siti tal-provvista u tal-enerġija fis-suq ħieles (bħala perċentwal tas-suq totali) 2004-2006

    Elettriku

    2004

    2005

    2006

     

    Mar

    Ġun

    Sett

    Diċ

    Mar

    Ġun

    Mar

    Diċ

    Mar

    Ġun

    Sett

    Diċ

    Bħala % tas-siti tal-provvista

    1,53

    2,82

    4,21

    5,73

    7,42

    9,42

    10,37

    10,66

    10,20

    9,28

    8,86

    8,15

    Bħala % tal-enerġija

    29,30

    33,60

    36,19

    33,57

    33,15

    35,34

    41,39

    37,41

    29,38

    27,10

    25,74

    24,87

    Sors: Ir-rapport ta' CNE “Nota Informativa sobre los suministros de electricidad y gas natural en los mercados liberalizados, actualización 31 de diciembre de 2006”.

    (29)

    Minkejja li l-impatt tat-telf imġarrab mill-fornituri beda jinħass f'nofs l-2005, meta l-prezzijiet tal-operaturi bdew jiżdiedu b'mod konsiderevoli, il-kuntratti ta' provvista ma setgħux jintemmu minnufih. Bħala konsegwenza, il-fornituri fis-suq ħieles, l-aktar dawk li ma kellhomx kapaċità ta' ġenerazzjoni iżda kellhom jakkwistaw l-elettriku fis-suq tal-operaturi, kienu mġiegħla jagħmlu offerti b'kundizzjonijiet tas-suq ħieles li kienu jaqblu mat-tariffa rregolata minkejja ċ-ċans li jġarrbu telf, jew li jżommu prezzijiet ogħla li jirriflettu l-kosti ta' akkwist attwali, u għalhekk jitilfu s-sehem mis-suq.

    3.   ID-DEĊIŻJONI LI JINBDEW PROĊEDIMENTI SKONT L-ARTIKOLU 108(2) TFUE

    (30)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-investigazzjoni formali qabblet it-tariffi rregolati mħallsa minn kategoriji differenti ta' untenti finali bil-prezzijiet stmati li kien ikollhom iħallsu fis-suq ħieles fin-nuqqas ta' dawn it-tariffi. L-istimi tal-prezzijiet tas-suq ġew ikkalkulati fuq il-bażi tal-prezz tal-elettriku fis-suq tal-operaturi, il-ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerk, u margni tal-kummerċjalizzazzjoni medja stmata EUR 10/MWh, kif sottomessa minn Céntrica.

    Tabella 3

    Tqabbil tal-prezzijiet skont il-kategorija tal-konsumaturi

    Kategorija tal-Konsumaturi

    Tariffa rregolata

    (EUR/MWh)

    Prezz tas-suq stmat (prezz tal-operaturi biss, flimkien mat-tariffa tal-aċċess)

    (EUR/MWh)

    prezz tas-suq stmat (+ EUR 10 margni tal-kummerċjalizzazzjoni)

    1.

    Konsumaturi industrijali kbar imqabbda man-netwerk b'vultaġġ għoli (tariffa G4)

    23,9

    61,17

    71,17

    2.

    Konsumaturi industrijali kbar b'provvista b'interruzzjoni

    27,0

    73,87-76,47

    83,87-86,47

    3.

    Konsumaturi mqabbda man-netwerk b'vultaġġ għoli

    76,2

    81,57

    91,57

    4.

    Unitajiet domestiċi

    101,2

    107,75

    117,75

    5.

    Konsumaturi industrijali żgħar jew kumpaniji tas-servizz imqabbda man-netwerk b'vultaġġ baxx

    103,9

    101,07

    111,07

    Sors: Céntrica

    (31)

    Din it-tabella wriet vantaġġ konsiderevoli għall-ewwel żewġ kategoriji (utenti industrijali kbar). Għall-kategoriji l-oħra ta' utenti finali, it-tqabbil huwa anqas konklussiv iżda xorta waħda jista' jiġi osservat vantaġġ żgħir.

    (32)

    Id-deċiżjoni qieset li dan il-vantaġġ ingħata b'mod selettiv, ladarba l-prezzijiet irregolati artifiċjalment baxxi kienu jiffavorixxu l-impriżi li jużaw l-elettriku aktar milli pereżempju l-gass, bħala sors ta' enerġija. Barra minn hekk, ġiet osservata l-eżistenza ta' selettività de facto u de jure, minħabba li l-vantaġġ kien sproporzjonalment akbar għal utenti finali industrijali kbar, li f'ċerti każi bbenefikaw minn prezzijiet li jinkludu kollox li kienu anqas minn nofs tal-komponent tal-enerġija tal-prezzijiet stmati tas-suq ħieles.

    (33)

    Id-deċiżjoni ta' ftuħ uriet li, billi l-utenti finali jiġu inkoraġġuti biex jerġgħu jaqilbu għas-suq irregolat, is-sistema tista' wkoll tibbenefika lid-distributuri, li jidher li gawdew minn marġni ta' profitt garantita fl-attivitajiet irregolati tagħhom.

    (34)

    Id-deċiżjoni qieset ukoll li s-sistema involviet trasferiment ta' riżorsi ta' istat, minħabba li s-soprataxxa tal-prezzijiet użata biex jitħallas lura d-defiċit, hija taxxa parafiskali, li r-rikavat minnha jgħaddi mir-Regolatur Spanjol CNE (korp pubbliku) qabel ma jitqassam lill-benefiċjarji finali. Id-deċiżjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi statali.

    (35)

    Minħabba li l-utenti finali joperaw fi swieq li huma ġeneralment mifruħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-UE, fid-deċiżjoni ta' ftuħ il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) ġew issodisfati u li l-miżura kkostitwixxiet għajnuna tal-istat favur l-utenti finali.

    (36)

    Wara li nnutat li l-ebda mid-derogi pprovduti fl-Artikolu 107 TFUE ma kienet applikabbli, d-deċiżjoni ta' ftuħ vvalutat jekk id-dispożizzjoni tal-elettriku b'tariffi rregolati setgħet tiġi kkunsidrata servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) u għalhekk tibbenefika mid-deroga pprovduta fl-Artikolu 106(2) TFUE. Id-deċiżjoni ddikjarat li fis-settur tal-elettriku, il-marġni ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-istabbiliment tal-obbligi tas-servizz pubbliku huwa limitat mid-dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (10) (“Id-Direttiva dwar l-Elettriku”). Din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jistabbilixxu obbligu tas-servizz universali (inkluż notevolment id-dritt li jkunu pprovduti bi prezzijiet reġonevoli) għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi żgħar biss (11). Id-deċiżjoni kkonkludiet li, fid-dawl tad-Direttiva dwar l-Elettriku, id-dispożizzjoni tal-elettriku b'tariffi rregolati għal impriżi ta' daqs medju u kbar ma setgħetx tiġi kkunsidrata SFEI fis-sens strett tat-terminu.

    (37)

    Il-Kummissjoni għalhekk esprimiet dubji serji dwar jekk l-elementi tal-għajnuna fit-tariffi rregolati li ġew applikati lil impriżi oħra minbarra l-intrapriżi żgħar jistgħux jiġu meqjusa kompatibbli mas-suq intern.

    (38)

    Id-deċiżjoni ta' ftuħ sabet ukoll li huwa possibbli li d-distributuri tal-elettriku jirċievu għajnuna mill-istat. Din il-parti tal-każ hija s-suġġett ta' deċiżjoni separata (il-Każ C 3a/07).

    4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (39)

    L-istedina tal-Kummissjoni biex tissottometti l-kummenti dwar id-deċiżjoni li tinfetah investigazzjoni fil-fond, ġibdet għadd kbir ta' sottomissjonijiet minn konsumaturi industrijali kbra, distributuri, fornituri indipendenti u Komunitajiet Awtonomi tal-Gvern ta' Spanja. Huma biss l-osservazzjonijiet rilevanti għall-allegata għajnuna mill-istat favur utenti finali tal-elettriku li se jiġu miġbura fil-qosor hawn.

    KUMMENTI MINN FORNITURI INDIPENDENTI

    (40)

    Il-kummenti ntlaqgħu minn Céntrica u ACIE, l-Assoċjazzjoni ta' Fornituri tal-Enerġija Indipendenti. L-argumenti u l-konklużjonijiet huma simili ħafna.

    Kummenti minn Céntrica u ACIE

    (41)

    L-iffukar ewlieni tas-sottomissjonijiet ta' Céntrica huwa l-allegat vantaġġ mogħti lid-distributuri tal-elettriku. Madankollu, l-figuri u l-argumenti mressqa mill-kumpanija jissuġġerixxu wkoll il-preżenza ta' għajnuna mill-istat għall-utenti finali tal-elettriku.

    (42)

    Skont Céntrica, il-koeżistenza bejn is-suq ħieles u dak irregolat, u b'mod partikolari l-possibilità għall-utenti finali li jaqilbu liberament bejn it-tnejn li huma, fissret li t-tariffi rregolati aġixxew bħala referenza ta' prezz, jew bħala limitu de facto, fuq il-prezzijiet tas-suq ħieles. Il-fornituri ma setgħux iżommu prezzijiet ogħla mit-tariffa rregolata, inkella kienu jonqsu milli jattiraw klijenti ġodda u jitilfu lil dawk eżistenti.

    (43)

    Normalment, f'suq ħieels, il-prezz imħallas mill-utenti finali tal-elettriku jikkonsisti minn żewġ komponenti: il-ħlas għall-aċċess għan-netwerk u “komponent ta' provvista”, li jirriżulta minn mekkaniżmi tas-suq u jmur għand il-fornitur fil-livell tal-konsumatur. Fil-provvista fil-livell tal-konsumatur, il-profittabilità tiddependi fuq jekk il-“komponent ta' provvista” imħallas mill-klijenti jkoprix il-kosti tal-fornitur (jiġifieri l-kosti tal-akkwist tal-enerġija fis-suq tal-operaturi jew l-ispejjeż tal-awtoproduzzjoni fil-każ ta' impriża integrata vertikalment) u “marġni ta' kummerċjalizzazzjoni”, li jinkludi kosti ta' provvista oħra (kosti ta' kummerċjalizzazzjoni, sistemi tal-IT, il-fatturazzjoni eċċ.) u l-ħlas fuq il-kapital investit. Għalhekk, fornitur tas-suq ħieles jista' jopera bi profitt f'qasam partikolari tas-suq biss jekk ikun hemm “marġni ta' kummerċjalizzazzjoni pożittiv” fi kliem ieħor differenza bejn il-kosti ġenerali mġarrba mil-fornitur fil-qadi tal-klijenti u t-tariffa rregolata.

    (44)

    Céntrica ssostanzjat l-eżistenza ta' żvantaġġ kompetittiv għal fornituri tas-suq ħieles permezz ta' kalkoli li juru li ma kienx hemm marġni ta' kummerċjalizzazzjoni fl-2005 għal kull kategorija ta' konsumatur (12) (jew kwalunkwe marġni li kienu jeżistu fil-bidu tas-sena ttieklu matul is-sena). Dan kien ifisser li t-tariffi rregolati kienu stabbiliti fil-baxx wisq għal fornituri indipendenti biex jikkompetu bi profitt. Skont Céntrica, ma kienx possibbli li tikkompeti għal ċerti kategoriji ta' utenti finali (l-aktar utenti li jużaw ħafna enerġija fuq it-tariffa G4 u utenti industrijali kbar oħra) anki qabel il-preżenza ta' defiċit tariffarju, minħabba li t-tariffi integrali qatt ma ħallew marġni għall-kompetizzjoni. L-iżvantaġġ kompetittiv allegat minn Céntrica seħħ fil-kategorija tal-utenti li tinkludi impriżi tas-servizzi u industriji żgħar imqabbda man-netwerk b'vultaġġ baxx, u fis-settur tal-unitajiet domestiċi.

    (45)

    Il-figuri pprovduti minn Céntrica, l-aktar it-tqabbil bejn it-tariffi rregolati u l-prezzijiet tas-suq stmati, se jaqgħu skont id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-Kummissjoni (ara l-premessa 30 u Tabella 3).

    (46)

    Fl-opinjoni ta' Céntrica, is-sistema kisret id-Direttiva dwar l-Elettriku, mhux biss minħabba n-natura diskriminatorja tal-arranġamenti tad-defiċit (li kkumpensaw għat-telf tad-distributuri iżda mhux tal-fornituri) iżda wkoll minħabba li l-konsumaturi kienu miċħuda mid-dritt għal prezzijiet u tariffi trasparenti (13). Minħabba li parti mill-prezz tal-elettriku pagabbli għall-2005 ġie diferit għal snin futuri, il-prezzijiet finali imposti ma kenux trasparenti għall-konsumaturi.

    (47)

    Apparti dan, Céntrica stqarret li l-mekkaniżmu ta' ħlas lura tad-defiċit ma kienx ibbilanċjat għal żewġ raġunijiet ewlenin: l-ewwel, id-defiċit jiġi mħallas l-aktar minn utenti finali b'vultaġġ baxx, anki jekk l-utenti li kkontribwixxew l-aktar għall-ħolqien tiegħu kienu l-utenti finali kbar b'vultaġġ għoli. It-tieni, l-utenti finali fis-suq ħieles kienu meħtieġa jħallsu għal defiċit li ma kkkontribwixxewx għalih.

    (48)

    Céntrica appoġġat il-ħarsa preliminari tal-Kummissjoni li l-arranġamenti ta' defiċit ta' Spanja involvew trasferiment ta' riżorsi tal-istat. Céntrica stqarret ukoll li r-riżorsi tal-istat kienu involuti fid-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol biex il-ġeneraturi jiġu permessi jittitolizzaw id-drittijiet ta' ġbir tagħhom.

    (49)

    ACIE, l-Assojazzjoni ta' Fornituri tal-Enerġija Indipendenti, tistima li l-kost tal-akkwist tal-enerġija meħud bħala l-bażi għat-tariffi rregolati fl-2005 kien 68 % taħt il-kost attwali sostnut mill-fornituri fix-xiri tal-enerġija fis-suq tal-operaturi. ACIE tissottolinja r-riperkussjonijiet kbar li d-defiċit tariffarju tal-2005 kellu fuq il-fornituri indipendenti. Skont ACIE, il-fornituri fis-suq ħieles kienu soġġetti għal kosti ta' akkwist simili għal dawk tad-distributuri. Barra minn hekk, huma kienu obbligati de facto biex jaġġustaw mal-livell ta' tariffa integrali stabbilit mill-gvern għal kull kategorija ta' klijenti, minħabba li inkella ma kenux ikunu kapaċi jattiraw klijenti ġodda jew iżommu lil dawk eżistenti. B'mod partikolari, ACIE tindika li, fil-bidu tal-2005 il-membri tagħha kkonkludew kuntratti bbażati fuq it-tbassir tal-gvern tal-prezzijiet tal-operaturi, u li aktar tard, huma kellhom jirrispettaw dawn il-kuntratti anki jekk irriżulta li ma kenux ta' profitt. Bħala riżultat, il-fornituri indipendenti esperjenzaw telf. Céntrica tistima li fl-2005 ġarrbet telf ta' EUR 10 miljun. Skont ACIE, diversi fornituri, inklużi Saltea Comercial, Electranorte, CYD Energia, CYD Energia u RWE, ġew sfurzati li joħorġu mis-suq.

    KUMMENTI MINN UTENTI LI JUŻAW ĦAFNA ENERĠIJA

    (50)

    Utenti li jużaw ħafna enerġija ħadu sehem fil-proċedura permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom AEGE (Asociación de Empresas con Gran Consumo de Energia). Xi wħud minnhom (Asturiana de Zinc, Ferroatlántica and Alcoa) ħadu sehem ukoll b'mod individwali. Alcoa hija produttur tal-aluminju li topera tliet faċilitajiet ta' produzzjoni fi Spanja, li jinsabu f'San Ciprián, La Coruña u Avilés, li bbenefikat mit-tariffa integrali G4 (it-tariffa interrompibbli riservata għal utenti li jużaw ħafna enerġija) fl-2005. Ferroatlántica hija produttur tal-aluminju u ligi tal-ħadid li bbenefikat mit-tariffa interrompibbli 3.4. Asturiana de Zinc hija produttur taz-Zingu li bbenefikat mit-tariffa G4 għall-impjant tagħha f'San Juan de Nieva.

    (51)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-utenti li jużaw ħafna enerġija jisfidaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li t-tariffi industrijali (it-tariffa G4 u tariffi oħra interrompibbli) huma għajnuna mill-istat, u argumentaw li t-tariffi ma tawx vantaġġ ekonomiku, ma nvolvewx riżorsi tal-istat u ma affettwawx il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    L-ebda vantaġġ ekonomiku

    (52)

    Fl-opinjoni tal-utenti li jużaw ħafna enerġija, il-punti ta' riferiment użati fid-deċiżjoni ta' ftuħ biex tistabbilixxi l-preżenza ta' vantaġġ kienu skorretti. Il-Kummissjoni kkumparat it-tariffi industrijali mal-prezz tas-suq tal-operaturi medju (il-prezz bl-ingrossa), li kien ikkunsidrat rappreżentattiv tal-kost li dawn il-kumpaniji kieku ħallsu fis-suq f'kundizzjonijiet normali. Minn mindu t-tariffi industrijali nstabu li kienu aktar baxxi mill-prezz bl-ingrossa, id-deċiżjoni ta' ftuħ ikkonkludiet li t-tariffi taw vantaġġ ekonomiku fuq il-benefiċjarji tagħhom.

    (53)

    Utenti li jużaw ħafna enerġija jistqarru li l-pool huwa suq spot li fih l-elettriku huwa nnegozjat kull siegħa għall-ġurnata ta' wara. Skont l-utenti li jużaw ħafna enerġija, il-pool għandu xi nuqqasijiet li jaffettwaw l-effiċjenza u l-kompetittività tiegħu. Minħabba hekk, il-prezzijiet tal-pool ma jirriflettux b'mod preċiż il-kost tal-ġenerazzjoni marġinali u għalhekk ma jirriflettux sitwazzjoni ta' kompetizzjoni perfetta. Utenti finali kbar, li jikkunsmaw ammonti kbar ta' elettriku u għandhom profili b'konsum ċatt, ma jixtrux mill-pool, iżda tipikament jidħlu f'kuntratti bilaterali mal-fornituri tal-elettriku. Dan huwa kkonfermat mir-rapport tal-2005 tal-OMEL, li juri li kienu biss seba' mill-utenti eliġibbli, li jirrappreżentaw 5 % tal-elettriku negozjat, akkwistaw l-elettriku direttament fil-pool.

    (54)

    F' kull każ, anki jekk wieħed jassumi li l-prezzijiet irreġistrati fil-pool jistgħu jitqiesu bħala punt ta' riferiment validu, ma jkunx korrett li jintuża l-prezz tal-operaturi medju fl-2005, kif għamlet il-Kummissjoni, minħabba li dan il-prezz medju jirrifletti d-domanda għall-elettriku ta' fornituri li taw portafoll ta' utenti finali varju, inklużi unitajiet domestiċi u impriżi żgħar. Skont AEGE Ferroatlántica u Asturiana de Zinc, punt ta' riferiment xieraq ikun il-prezz minimu rreġistrat fil-pool fl-2005, jiġifieri EUR 18,6/MWh, minħabba li l-prezz jirrifletti l-aktar kundizzjonijiet tas-suq kompetittivi fil-pool (fejn il-ġeneraturi joffru l-elettriku bi prezz ekwivalenti għall-kosti marġinali tagħhom). Konsumaturi industrijali kbar mhumiex f'sitwazzjoni kumparabbli ma' utenti finali oħra, l-aktar l-unitajiet domestiċi. Għalhekk, il-prezz tal-pool medju ma jkunx il-punt ta' riferiment xieraq. Skont Alcoa, il-Kummissjoni minflok għandha tqabbel it-tariffi kkontestati ma' prezzijiet ikkummissjonati bilateralment minn utenti finali kbar.

    (55)

    Alcoa pprovdiet eżempju wieħed ta' prezz tas-suq bilaterali u indikat li t-tliet impjanti ewlenin tal-aluminju tagħha dejjem ibbenefikaw mit-tariffa G4. Madankollu, Alcoa hija sid ukoll ta' impjant tal-alumina (Alúmina Española) li għalih daħlet f'kuntratt bilaterali ma' fornitur fl-aħħar tal-2004. Il-kuntratt kien għal sentejn, li jiġi estiż għal sena oħra. It-tliet impjanti tal-aluminju għandhom l-istess profil ta' konsum ċatt bħall-impjanti tal-alumina. madankollu, dawn tal-aħħar jikkunsmaw volumi ta' elettriku aktar baxxi mhux ħażin (0,35 TWh imqabbla ma' 1,3 TWh fl-impjanti ta' Avilés u La Coruña, u 3,4 TWh għall-impjant ta' San Ciprián). Il-prezz medju miftiehem fuq il-bażi ta' dan il-kuntratt kien ta' EUR 34,45/MWh (inkluż il-kost tal-moratorju nikleari, il-kosti tal-aċċess għan-netwerk u kosti oħra anċillari). Dan il-prezz inkiseb fuq il-bażi ta' offerta kompetittiva, u l-offerti tal-fornituri kienu EUR 5 'l bogħod minn xulxin.

    (56)

    Skont Alcoa, id-differenza bejn dan il-prezz bilaterali (EUR 34,45/MWh) u t-tariffa G4 (EUR 23,9/MWh) tista' tiġi spjegata b'fatturi oġġettivi. B'mod partikolari, l-utenti tat-tariffa G4 huma suġġetti għal restrizzjonijiet regolatorji li ma japplikawx għal kuntratti bilaterali, bħall-obbligu li jużaw l-enerġija kollha kkummisjonata skont it-tariffa G4 (soġġett għal pieni), il-ħtieġa għal tagħmir tal-kontroll tal-vultaġġ, u l-ħtieġa ta' ħlas fi żmien 20 ġurnata (filwaqt li l-kuntratti bilaterali għandhom termini ta' pagament aħjar).

    (57)

    Alcoa għalhekk tikkonkludi li prezz tas-suq ipotetiku applikabbli għalt-tliet impjanti tal-aluminju tagħha, ikun ferm aktar baxx minn EUR 34,45/MWh minħabba l-livell ta' konsum ogħla ta' dawn l-impjanti. Barra minn hekk, jekk ġie kkunsidrat marġni ta' kkummerċjalizar medju ta' EUR 10/MWh, il-kost nett tal-provvista tal-impjant tal-alumina jkun EUR 24,25/MWh, li huwa qrib ħafna tat-tariffa integrali G4.

    (58)

    Ferroatlántica, ġibdet l-attenzjoni li d-deċiżjoni ta' ftuħ tat rappreżentanza ħażina tat-tariffa rregolata 3,4 użata fl-2005 li inkludiet skontijiet b'mod ħażin fit-tariffa bażika u qabblitha ma' imposta ta' aċċess 10 darbiet ogħla minn dik applikabbli (u dik ta' konsumaturi kbar ħafna). Ferroatlántica, tat evidenza wkoll li, filwaqt li l-prezz tas-suq medju kull xahar fl-2004 għal kuntratti forward għall-provvista tal-elettriku fl-2005 kien EUR 31,68/MWh, dan il-prezz kien EUR 31,05/MWh f'Diċembru 2004. Konsegwentement, impriża kieku kienet tikseb il-provvista bażika tal-elettriku tagħha fl-2005 b'dak il-prezz fiż-żmien meta ġew stabbiliti t-tariffi rregolati. Wara li jżid “servizzi addizzjonali” (EUR 3,92/MWh) u t-tariffa ta' aċċess rilevanti (EUR 1,70/MWh), utent industrijali kieku jikseb prezz tas-suq ta' EUR 36,67/MWh, li huwa taħt l-ammont ta' EUR 56,11/MWh tat-tariffa 3,4 applikabbli għal utenti li jużaw ħafna enerġija.

    (59)

    Skontijiet oħra fuq dik it-tariffa ħallsu l-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi tal-ġestjoni tad-domanda u l-aċċettazzjoni ta' dawn is-servizzi mill-benefiċċju tas-sistema. F'dan ir-rigward, Ferroatlántica tgħid ukoll li l-iskont fuq it-tariffa jirrifletti diversi servizzi pprovduti, l-aktar, diskriminazzjoni fis-sigħat (bil-konsum ta' bil-lejl u ta' tmiem il-ġimgħa), l-interruttibilità (l-aċċettazzjoni tal-provvista fuq talba tal-operatur tan-netwerk), l-istaġonalità (b'konċentrazzjoni ta' provvista f'xhur ta' domanda baxxa) u l-ġestjoni ta' enerġija reattiva. Huma biss dawn l-iskonti, li kienu varjabbli u stabbiliti mir-regolament mill-1995, u mhux il-livell tat-tariffa rregolata, li jispjegaw u, fl-opinjoni ta' Ferroatlántica, jiġġustifikaw il-prezz tal-elettriku medju aktar baxx imħallas fl-2005.

    (60)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija ma jaqblux mad-dikjarazzjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ li l-vantaġġ ma kienx proporzjonat mal-volumi kkunsmati, u kien hemm tendenza għal żieda għal konsumaturi kbar. Fuq dan il-punt, l-utenti li jużaw ħafna enerġija jistqarru li, pereżempju, CNE nnifisha kkonfermat li l-livell tat-tariffa G4 kellu jkun saħansitra aktar baxx. L-utenti li jużaw ħafna enerġija jinnutaw li l-konsumaturi l-kbar skont it-tariffa G4 jew 3,4 ikkunsmaw diversi eluf ta' drabi aktar ta' elettriku mill-konsumaturi b'vultaġġ għoli medji, filwaqt li ħallsu tliet darbiet anqas minnhom.

    (61)

    Barra minn hekk, ikun normali għall-konsumaturi l-kbar li jiksbu skont għal kull unità aktar baxx fuq il-prezz. Fuq din il-bażi, l-utenti li jużaw ħafna enerġija jistqarru li l-konklużjoni li t-tariffi industrijali involvew vantaġġ hija dibattibbli. Huma jirrimarkaw li f'kull każ, huwa f'idejn il-Kummissjoni biex tipprovdi evidenza konklużiva li dan il-vantaġġ jeżisti.

    (62)

    Alcoa wriet ukoll li l-prezz imħallas minn Alcoa fi Spanja kien kważi l-istess bħall-prezz medju peżat imħallas mill-impjanti tal-aluminju fl-UE, u kien saħansitra ogħla mill-prezz medju peżat imħallas fiż-ŻEE.

    L-ebda riżorsi tal-Istat

    (63)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li kienu huma li ħallsu tariffi industrijali direttament lid-distributuri, mingħajr il-fondi minn skont il-kontroll tal-Istat, u għalhekk f'konformita mal-każistika PreussenElektra, arranġament bħal dan ma involviex riżorsi tal-istat.

    (64)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jargumentaw li kien hemm żmien li għadda bejn l-istabbiliment tat-tariffi, li sar fl-aħħar tal-2004 u l-adozzjoni tal-mekkaniżmu biex jiġi rkuprat id-dejn mill-konsumaturi, li ma seħħx sa Ġunju 2006. Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni argumentat li r-riżorsi tal-istat kienu involuti minħabba l-introduzzjoni tas-soprataxxa fil-kontijiet tal-utenti, li ġiet kwalifikata bħala imposta parafiskali. L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li, jekk din l-ipoteżi tkun aċċettata, miżura li ma kenitx għajnuna fl-2005 ssir għajnuna (ex post) fl-2006. Dan ikun kuntrarju għal prinċipji fundamentali tal-liġi tal-UE bħaċ-ċertazza legali u l-aspettattiva leġittima. L-utenti li jużaw ħafna enerġija jirrimarkaw li l-klassifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna tiddependi biss fuq iċ-ċirkostanzi li jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, u ma tistax tiddependi fuq ġrajjiet fil-futur, l-aktar meta ma jkunux raġonevolment prevedibbli. Huma jikkwotaw lill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Van Calster  (14): “is-sitwazzjoni għandha tiġi vvalutata fid-data tal-introduzzjoni inizjali tal-akkużi, u ma tistax tinbidel b'mod retroattiv”.

    (65)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li t-tariffi rregolati tal-2005 ma kenux għajnuna mill-istat fl-2005. Dawn il-kumpaniji jirrimarkaw li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-analiżi tal-mekkaniżmu ta' finanzjament hija rrelevanti, minħabba li dan tal-aħħar ġie introdott fl-2006. Din il-valutazzjoni tal-mod ta' finanzjament tkun rilevanti biss jekk il-miżura tkun għajnuna mill-istat mill-bidu. Minħabba li t-tariffi ma inkludewx l-għajnuna, l-utenti li jużaw ħafna enerġija huma tal-opinjoni li l-Kummissjoni ma tistax tiddependi fuq is-soprataxxa biex tasal għall-konklużjoni opposta.

    (66)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li, fil-każ ta' taxxi parafiskali, il-mod ta' finanzjament ta' miżura huwa f'kull każ rilevanti biss għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-istat fejn it-taxxa tkun “ipotetika għall-għajnuna” jiġifieri fejn ikun hemm rabta diretta u immedjata bejn il-miżura u l-finanzjament tagħha (15). L-utenti li jużaw ħafna enerġija jiċħdu l-eżistenza ta' rabta bħal din, minħabba li s-soprataxxa ġiet imfassla biex tkopri defiċit li rriżulta matul ir-riżoluzzjoni ta' attivitajiet irregolati, li kkonċernaw mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-elettriku b'tariffi rregolati, iżda wkoll kosti oħra tas-sistema. Is-soprataxxa għalhekk ma ġietx speċifikament allokata biex tkopri t-telf li ġej mill-provvista b'tariffi rregolati. It-tieni nett, ma kien hemm ebda rabta diretta jew indiretta bejn il-livell tat-tariffi u s-soprataxxa applikata, minħabba li t-tariffa stabbilita fl-2004 kienet inkondizzjonata (mhux soġġetta għal aktar aġġustamenti fi snin aktar tard).

    (67)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu wkoll li s-soprataxxa ma kenitx imposta jew levy parafiskali, minħabba li ma kenitx ta' natura fiskali skont il-liġi Spanjola. Il-miżuri fiskali jintużaw biex jiffinanzjaw in-nefqa pubblika, filwaqt li f'dan il-każ l-għan tas-soprataxxa kien li jiġi rkuprat id-defiċit li kien imġarrab minn operaturi privati (distributuri) li wettqu attivitajiet irrregolati fis-sistema tal-elettriku. Skont il-Kostituzzjoni Spanjola, miżura fiskali ġdida tista' biss tiġi introdotta b'liġi (mhux b'Digriet Irjali). Barra minn hekk, l-Istat qatt ma jkun fil-pussess jew ikollu d-diskrezzjoni li jiddisponi mir-rikavat tas-soprataxxa; dawn il-fondi huma ttrasferiti f'kont ta' depożitu ġestit minn CNE u ma jistgħux jiġu approprjati mill-Istat. Il-proċess ta' riżoluzzjoni huwa għal kollox awtomatiku, u CNE ma għandha l-ebda marġni ta' diskrezzjoni, awtonomija jew kontroll fuq id-destinazzjoni jew l-ammont tal-fondi li għandhom jiġu riżolti għad-diversi atturi.

    (68)

    Skont l-utenti li jużaw ħafna enerġija, dan ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha dwar il-Kosti mhux Irkuprabbli Spanjoli (16), li kienet tgħid li “t-trasferiment tal-ammonti permezz ta' CNE huwa essenzjali għall-iskopijiet ta' kontabilità” u ma tikkonkludix li l-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-istat.

    (69)

    Utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li din is-sitwazzjoni hija identika għax-xenarju tal-“kosti mhux rekuperabbli”, minħabba li fiż-żewġ każi l-gvern introduċa soprataxxa bil-għan li jikkumpensa kost permanenti tas-sistema. Dan ġie kkonfermat ukoll f'każ li jinvolvi r-Renju Unit (17).

    L-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

    (70)

    Asturiana de Zinc u Alcoa jargumentaw li, minħabba karatteristiċi speċifiċi tas-swieq tal-aluminju u taż-żingu, miżura li tikkonċerna l-prezz tal-elettriku użat fil-produzzjoni ta' dawn il-metalli ma jistax ikollha impatt fuq il-kummerċ tal-UE, minħabba li l-metalli huma komoditajiet u l-prezzijiet tagħhom jiġu stabbiliti fuq livell dinji fil-Borża tal-Metalli ta' Londra (London Metal Exchange). F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-varjazzjonijiet fil-kosti ta' produzzjoni lokali ma jissarrfux f'differenzi fil-prezzijiet dinjija.

    (71)

    Iż-żewġ kumpaniji jissottomettu li hemm defiċit ta' produzzjoni dejjem jikber fl-UE għall-aluminju u ż-żingu, filwaqt li d-domanda qed tintlaħaq aktar mill-esportazzjonijiet minn stati mhux tal-UE.

    (72)

    Jekk l-industriji tal-aluminju u ż-żingu jisparixxu minn Spanja, l-ebda parteċipant ġdid tal-UE ma jissostitwixxihom, minħabba li l-impjanti tal-UE (tal-aluminju) diġà qed jaħdmu bil-kapaċità massima tagħhom, u l-ebda parteċipant ġdid jew produttur eżistenti ma jkollu inċentiva biex iżid il-kapaċità, minħabba li prospetti fit-tul huma inċerti fir-rigward tad-disponibilità ta' enerġija affordabbli fil-futur. Id-defiċit għalhekk ikun kopert biss mill-importazzjonijiet.

    (73)

    Barra minn hekk, Alcoa tgħid li l-interessi ta' produtturi oħra Ewropej mhumiex mhedda mit-tariffi, minħabba li joffru l-elettriku bi prezz li huwa identiku għall-prezz medju mħallas minn produtturi oħra tal-aluminju fl-UE 25.

    Anki li kieku t-tariffi industrijali interompibbli kienu għajnuna, din tkun “għajnuna eżistenti”

    (74)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jgħidu li t-tariffi kkontestati kienu jeżistu qabel l-adeżjoni ta' Spanja mal-UE.

    (75)

    Anki jekk id-denominazzjoni “tariffa 4G” ġiet introdotta formalment mill-Ordni Ministerjali tas-6 ta' Marzu 1986, hija kienet teżisti de facto diġà qabel l-1 ta' Jannar 1986, id-data tal-adeżjoni ta' Spanja fl-UE, minħabba li taqbel mat-“tariffa industrijali għal użu twil I” preċedenti stabbilita bl-Ordni Ministerjali tal-14 ta' Ottubru 1983, jiġifieri qabel l-adeżjoni ta' Spanja. L-utenti finali kollha tal-elettriku li bbenefikaw mit-tariffa industrijali I inqalbu b'mod awtomatiku għat-tariffa 4G, lil kienet de facto l-istess tariffa taħt isem ġdid.

    (76)

    It-tariffi interrompibbli oħra huma pprovduti wkoll b'mod espliċitu fl-Ordni Ministerjali tal-1983.

    (77)

    Barra minn hekk, skont l-utenti li jużaw ħafna enerġija, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (18), minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta' limitazzjoni ta' 10 snin.

    L-irkupru jkun prekluż minn aspettattivi leġittimi

    (78)

    L-utenti li jużaw ħafna enerġija jissottomettu li anki jekk wieħed jassumi li t-tariffi ma jitqisux li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, l-irkupru jkun prekluż mill-prinċipju tal-aspettattiva leġittima. Matul l-2005, it-tariffi kienu pagament dirett bejn l-operaturi privati. L-utenti ma setgħux jipprevedu li t-tariffi stabbiliti f'Diċembru 2004 kienu se jsiru għajnuna permezz ta' miżura tal-gvern adottata f'Ġunju 2006. L-ebda operatur ekonomiku, għalkemm prudenti, ma seta' jistenna din il-bidla fis-sitwazzjoni legali tiegħu. Għalhekk, l-utenti kellhom aspettattiva leġittima li t-tariffi tagħhom ma kenux jinvolvu l-għajnuna mill-istat.

    KUMMENTI MINN GVERNIJIET REĠJONALI TAL-GALICIA U L-ASTURIAS

    (79)

    Fir-rigward tal-għajnuna possibbli għal utenti li jużaw ħafna enerġija, il-Gvern Reġjonali tal-Galicia jissottometti li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta użat il-prezz tal-pool bħala sostitut għall-prezz tas-suq, minħabba li l-unteti li jużaw ħafna enerġija normalment jidħlu f'kuntratti fuq terminu twil fuq termini aħjar b'mod konsiderevoli.

    (80)

    Minħabba li l-liberalizzazzjoni tas-suq Spanjol għadha ma twettqitx, u minħabba b'mod partikolari l-assenza ta' kuntratti bilaterali bejn il-produtturi u l-konsumaturi l-kbar, il-Gvern Reġjonali tal-Galicia jikkunsidra li jkun jagħmel sens li jintużaw bħala punt ta' riferiment il-kosti attwali mħallsa mill-produtturi biex jfornu lil dawn il-klijenti. Alternattiva minnhom tkun li jinkiseb press ta' riferiment ibbażat fuq id-dokumentazzjoni teknika (Wilson, 1993 (19) u Castro-Rodriguez (20), 1999), billi jitqiesu jew il-kost tal-aktar teknoloġija effiċjenti li tilħaq il-bżonnijiet speċifiċi tal-utenti li jużaw ħafna enerġija jew il-kost medju tal-elettriku matul sigħat differenti tal-ġurnata. Id-differenza bejn prezz ta' riferiment miksub u t-tariffa rregolata mħallsa fl-2005, għalhekk tkun ħafna anqas. Il-Gvern Reġjonali tal-Galicia jistqarr ukoll li, f'kull każ, l-utenti Spanjoli kollha, inklużi l-utenti li jużaw ħafna enerġija, tul iż-żmien, jħallsu lura d-defiċit maħluq mit-tariffi aktar baxxi applikat fl-2005.

    (81)

    Barra minn hekk, skont il-Gvern Reġjonali tal-Galicia, is-sistema tariffarja kif kienet fl-2005 ma kenitx legalment selettiva, minħabba li l-Istat ma kienx beħsiebu jagħti vantaġġ lill-utenti finali iżda biss żbalja fit-tbassir tiegħu tax-xejriet u l-prezzijiet tas-suq meta stabbilixxa t-tariffi fl-2004. Il-Gvern Reġjonali tal-Galicia ma jaqbilx mal-konklużjoni li s-sistema kellha impatt fuq il-kummerċ fl-UE.

    (82)

    Il-kummenti mill-Gvern Reġjonali tal-Asturias huma simili għal dawk imressqa mill-Gvern Spanjol, li jirreferu għalihom.

    OSSERVAZZJONIJIET MINN SPANJA

    (83)

    Spanja ssostni li s-sistema tat-tariffi rregolati fl-2005 ma kenitx tinkludi għajnuna, la għall-utenti finali u lanqas għad-distributuri.

    L-ebda konnessjoni każwali bejn l-azzjoni tal-istat u d-defiċit u d-defiċit ma jistax jiġi attribwit lill-Istat.

    (84)

    Spanja tgħid li d-defiċit mhux attribwibbli lill-Istat minħabba li ġie kkawżat minn ċirkostanzi esterni mhux prevvedibbli u mhux mill-intenzjoni deliberata tal-Istat li jissusidja ċerti attivitajiet.

    (85)

    Spanja tgħid ukoll li t-tariffi rregolati stabbiliti mill-Istat ma kenux preklużi mil-liġi tal-UE fl-2005. Għalhekk, l-intervent regolatorju tal-istat kien validu legalment, minħabba li kien l-espressjoni tas-sovranità nazzjonali. Waħda minn dawn il-prerogattivi sovrani tikkonsisti fl-istabbiliment tat-tariffi biex il-kosti mistennija jaqblu mad-domanda mistennija.

    (86)

    Spanja tissottometti li d-defiċit tal-2005 kien ikkawżat minn diskrepanza bejn it-tbassir tal-gvern tal-prezzijiet tal-operaturi tal-eleettriku u l-prezzijiet attwali rregistrati fil-pool. Il-prezzijiet għoljin ħafna tal-2005 tmexxew minn kawżi mhux prevvedibbli li jammontaw għal force majeure.

    (87)

    Minħabba li ċ-ċirkostanza li ġġenerat l-allegata għajnuna kienet żieda akbar minn dik imbassra fil-prezzijiet tal-operaturi, il-vantaġġ allegat ma setax jiġi attribwit lil kwalunkwe att legali. Anki jekk wieħed jassumi li dan il-vantaġġ kien jeżisti (li mhux il-każ), dan ikun ġie kkawżat minn ċirkostanzi mhux relatati mal-intenzjoni tal-Istat. L-eżistenza ta' force majeure, skont Spanja, tkisser ir-rabtiet każwali bejn id-deċiżjoni amministrattiva li tistabbilixxi l-livell tat-tariffi u l-vantaġġ kompetittiv li jagħti lok għal għajnuna mill-istat. Anki jekk wieħed jassumi (li mhux il-każ) li l-kundizzjoni oġġettiva tar-rabta każwali ntlaħqet, il-kundizzjoni suġġettiva ta' intenzjonalità (l-imputabbiltà) min-naħa tal-Istat tkun nieqsa.

    L-ebda riżorsi tal-Istat

    (88)

    Spanja tissottometti li t-tariffi ma involvewx fondi pubbliċi. L-ewwel nett, Spanja tisħaq f'dan ir-rigward li s-soprataxxa mhix “imposta” fi ħdan it-tifsira tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq imposti parafiskali, minħabba li ma tinġabarx mill-Istat u ma tikkorrispondix għal lieva fiskali. Skont Spanja, s-soprataxxa hija parti integrali mit-tariffa u hija fin-natura tagħha simili għal tariffa. It-tariffa hija għalhekk prezz privat.

    (89)

    It-tieni nett, il-fondi ma jinġabrux mill-Istat u ma jitħallsux ġo fond deżinjat mill-Istat. It-tariffi jinġabru mid-distributuri, mhux mill-Istat, u għalhekk dawn huma prezzijiet privati li jiżguraw ir-remunerazzjoni ekwa tal-parteċipanti (kif stabbilit fil-LSE). Dawn mhumiex la taxxi u lanqas prezzijiet pubbliċi. L-Istat ma jirremunera xejn, minħabba li hija s-sistema li tat remunerazzjoni minħabba forzi tas-suq għal attivitajiet mhux regolati u minħabba l-aċċess għat-tariffi stabbilit mill-Istat rigward attivitajiet irregolati. Minħabba li f'sistema bħal din ma hemm ebda piż għall-Istat, l-ebda riżorsi tal-istat ma jkunu involuti, skont il-każistika Sloman Neptune  (21). Barra minn hekk, dawn il-fondi qatt ma jgħaddu fil-kaxxa tal-istat, ma jissemmewx f'liġijiet baġitaji, mhumiex soġġetti għal verifika mill-Qorti tal-Awdituri, u ma jistgħux jiġu rkuprati mid-debituri permezz ta' proċeduri ta' rkupru amministrattivi. Id-djun fil-konfront tas-sistema tal-elettriku mhumiex suġġetti għar-rata ta' interessi applikabbli għad-djun dovuti lill-Istat.

    (90)

    Spanja ttenni li dawn il-fondi jieħu ħsiebhom ir-Regolatur Spanjol, CNE, li taġixxi bħala sempliċi intermedjarju tal-kontabilità. Spanja tirrimarka li fid-deċiżjoni tagħha tal-2001, dwar il-kosti mhux rekuperabbli Spanjoli, (SA NN 49/99), il-Kummissjoni kienet diġà stabbilixxiet li “t-trasferiment tal-fondi permezz ta' CNE huwa ta' natura ta' kontabilità essenzjali. Il-fondi ttrasferiti fil-kont fuq l-isem ta' CNE qatt ma saru proprjetà ta' dan il-korp, u ġew imħallsa immedjatament lill-benefiċjarji skont ammont predeterminat li CNE mhix kapaċi tbiddel bl-ebda mod.” Fuq il-bażi ta' din il-kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li “ma kenitx f'pożizzjoni li tiddetermina jekk ir-rikavat tal-imposta stabbilit fil-qafas tal-iskema tal-Kosti mhux Rekuperabbli jikkostitwixxi riżorsi tal-istat”.

    L-ebda vantaġġ

    (91)

    Spanja mhix tal-istess opinjoni tall-Kummissjoni li t-tariffi rregolati jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-utenti finali (jew distributuri).

    (92)

    Rigward l-utenti finali, wara li tennet li d-defiċit huwa r-riżultat ta' force majeure, Spanja tgħid li d-defiċit ma bbenefikax konsumaturi kbar, minħabba li għadda għat-tariffi għas-snin ta' wara b'interess. Għalhekk, il-vantaġġ ekonomiku allegat li jinħoloq minn prezz tal-elettriku aktar baxx huwa biss apparenti, minħabba li d-differenza fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq ħieles hija mħallsa lura b'interess mill-konsumaturi.

    Il-provvista b'tariffi rregolati huwa servizz ta' interess ekonomiku ġenerali

    (93)

    Spanja tissottometti li fl-2005, l-eżistenza ta' tariffi rregolati ma kenitx tmur kontra l-liġi tal-UE, minħabba li l-iskadenza biex jinfetaħ is-suq għall-konsumaturi kollha, inklużi l-unitajiet domestiċi kien l-1 ta' Lulju 2007.

    (94)

    B'mod partikolari, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-provvista tal-elettriku huwa serviżż ta' interess ġenerali, u l-Istat għandu jintervjeni biex jevita l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti li jinħolqu mill-eżistenza ta' netwerk wieħed (monopolju naturali)/

    (95)

    Il-parametri għall-istabbiliment tat-tariffi ġew stabbiliti b'mod oġġettiv u trasparenti. Il-qafas regolatorju kumpless għall-istabbiliment tat-tariffi u l-proċedura ta' riżoluzzjoni juri, fl-opinjoni ta' Spanja, li s-sistema tariffarja kienet ibbażata fuq analiżi komprensiva tal-kosti u d-dħul tas-sistema, u analiżi tad-domanda għall-elettriku.

    Impriża minn Spanja

    (96)

    Kif innutat fil-premessi 25 u 26, id-defiċit iġġenerat fl-2005 qed jitħallas f'porzjonijiet annwali, li jrendu rata ta' interess stabbilita fir-rata Euribor, mingħajr marġni. Mingħajr preġudizzju għall-kummenti tagħha, Spanja ntrabtet li tgħolli b'mod retrospettiv ir-rata ta' interess imposta lil utenti tan-negozju b'konnessjonijiet ta' aktar minn 1 kV. Iż-żieda tkun iddeterminata proporzjonalment mal-kontribuzzjoni tad-defiċit tal-2005 tal-utenti tan-negozju li huma s-suġġett tal-proċedumenti kurrenti, u li ġew ipprovduti b'tariffi rregolati integrali. Dan jirriżulta mill-applikazzjoni ta' marġni ta' 65 punt ta' bażi fuq ir-referenza tal-Euribor, u għalhekk tallinjaha b'mod ġenerali mar-rata applikata lid-defiċit fis-snin ta' wara.

    (97)

    L-ammont rilevanti jkun impost lill-utenti tan-negozju kif ġej: fir-rigward tal-porzjonijiet annwali tal-parti tad-defiċit tal-2005 li diġà tħallas, tiġi applikata żieda ta' darba fit-tariffi ta' aċċess; fir-rigward tal-ammonti li għad iridu jiġu rimborsati, l-ogħla rata ta' interess tiġi applikata direttament lil kull ammont annwali, għal darb'oħra fil-forma ta' tariffi ta' aċċess ogħla.

    5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE

    (98)

    Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li jmiss: il-miżura (a) tagħti vantaġġ ekonomiku fuq il-benefiċjarju; (b) tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-istat; (c) hija selettiva; (d) għandha impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u huwa responsabbli mit-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fl-UE. Minħabba li dawn il-kundizzjonijiet iridu jintlaħqu kollha, il-Kummissjoni se tillimita l-valutazzjoni tagħha għall-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku mogħti fuq il-benefiċjarji.

    Il-preżenza ta' vantaġġ ekonomiku

    (99)

    Impriżi jkunu ffavoreġġati fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk jiksbu vantaġġ ekonomiku li kieku ma jiksbux skont il-kundizzjonijiet tas-suq. F'dan il-każ partikolari, il-valutazzjoni trid tistabbilixxi, wara li tikkunsidra wkoll il-ħlas lura tad-defiċit tal-2005 tas-sistema tal-elettriku, jekk kienx hemm xi differenza pożittiva bejn it-tariffi rregolati stabbiliti fl-2005 u l-prezzijiet tas-suq li l-benefiċjarji potenzjali kieku jkollhom iħallsu għall-elettriku mixtri u s-servizzi pprovduti bir-reġim tariffarju tagħhom. Kull vantaġġ fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq jrid jiġi stabbilit b'referenza għall-prezzijiet tas-suq attwali. Iż-żewġ kwistjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta' differenzi pożittivi — jew in-nuqqas tagħhom — bejn il-prezzijiet tal-elettriku tal-pool, il-prezzijiet tas-suq u t-tariffi rregolati, u l-ħlas lura tad-defiċit huma min-naħa tagħhom eżaminati hawn taħt.

    It-tqabbil mal-prezzijiet tal-elettriku medju tal-pool

    (100)

    Il-prezzijiet medji tal-pool tal-elettriku jipprovdu indikazzjoni tal-livelli tal-prezzijiet ġenerali fis-suq tal-operaturi. Dan il-prezz ta' riferiment medju kien EUR 59,47 MWh fl-2005, is-sena kollha. Kif indikat u muri fil-premessa 19 (il-Graff 1), f'seba' xhur mhux konsekuttivi fl-2005, il-prezzijiet tal-operaturi medji kienu fuq l-impliċitu tal-prezzijiet tal-elettriku fit-tariffi rregolati integrali applikati lill-utenti finali kollha. Għalhekk, il-livell tat-tariffi medju stabbilit bid-Digriet 2392/2004 jidher li wassal għal differenza pożittiva favur l-utenti finali kollha li għażlu t-tariffi rregolati, għallanqas għall-parti l-kbira tax-xhur fl-2005.

    (101)

    Madankollu, f'perjodi ta' xahar ta' inqas minn sena, din id-differenza ma dehritx matul il-ħames xhur bejn Jannar u Mejju 2005. Għalhekk ma kien hemm ebda vantaġġ għas-sistema tariffarji rregolata sħiħa. Barra minn hekk, jekk it-tqabbil isir bejn il-perjodi ta' aktar minn sena, pereżempju sat-30 ta' Diċembru 2007, il-vantaġġ akkumulat possibbli minn Ġunju 2005, huwa annullat għal kollox mit-tnaqqis fil-prezzijiet medji tal-pool, li waqgħu drastikament għal EUR 37/MWh f'Marzu 2007, filwaqt li l-prezzijiet impliċiti fit-tariffi rregolati integrali kienu madwar EUR 68/MWh matul l-istess perjodu. Minn Ottubru 2006, l-impliċitu tal-prezzijiet tal-elettriku fit-tariffi integrali kienu ħafna aktar għolja mill-prezzijiet tal-operaturi ta' provvista (ara l-Graff 1). Minħabba hekk, il-benefiċċji u l-vantaġġi ekonomiċi għall-konsumaturi li kienu pprovduti b'tariffi rregolati, fejn il-prezzijiet tal-pool ikunu ogħla mill-kost impliċitu tal-elettriku fit-tariffi rregolati, jistgħu jiġu eliminati għal kollox meta l-prezzijiet tal-pool ikunu aktar baxxi mill-kost impliċitu tal-elettriku.

    (102)

    Konsegwentement, kemm f'perjodi ta' xahar ta' anqas minn sena fl-2005 u perjodi ta' sentejn li jinkludu parti mill-2005, il-prezzijiet tal-enerġija ma jidhrux li pprovdew vantaġġ lill-grupp ta' konsumaturi provdut b'tariffi rregolati, meta mqabbla mal-prezzijiet tal-operaturi tal-pool tal-elettriku. Madankollu, id-dħul mill-ħlasijiet ta' aċċess u t-tariffi rregolati mħallsa fir-rigward tas-sistema tal-elettriku sħiħa ma kenux biżżejjed biex ikopru l-kosti rregolati tas-sistema fl-2005. Għandu għalhekk jitqies jekk il-mekkaniżmu fis-seħħ huwiex biżżejjed biex jiggarantixxi l-ħlas lura tad-defiċit.

    Il-ħlas lura tad-defiċit tal-2005 tas-sistema tal-elettriku

    (103)

    Kif deskritt fil-premessi 15 u 20-22 hawn fuq, il-kontijiet tas-sistema tal-elettriku fl-2005 inkludew il-kosti rregolati kollha u d-dħul irregolat tas-sistema mingħajr ma jiġi assenjat dħul speċifiku għall-kosti speċifiċi. Pereżempju, il-kosti tat-trasport u d-distribuzzjoni (EUR 4 410 miljun) jew il-kosti tal-appoġġ tal-koġenerazzjoni u tal-enerġija rinnovabbli, (EUR 2 701 miljun) ma kenux maqsuma, rispettivament, bejn id-dħul irregolat minn tariffi integrali fis-suq irregolat u/jew dħul minn ħlas ta' aċċess irregolat fis-suq ħieles, u ma kenux iffinanzjati b'divrenzjar bejn dawn iż-żewġ tipi ta' dħul. L-utenti kollha tas-sistema jirċievu profitt u jistgħu jistennew li jiġu koperti l-ispejjeż kollha tal-appoġġ għal formoli effiċjenti tal-koġenerazzjoni u l-enerġija rinnovabbli, jew servizzi ta' trasport jew distribuzzjoni. F'din is-sistema ta' kost mhux kumulattiv għal kull tariffa, huwa impossibbli ex post biex tiġi assenjata b'mod oġġettiv id-distribuzzjoni tal-kosti lil utenti tas-suq ħieles u l-utenti b'tariffi rregolati u, f'din l-aħħar kategorija, għall-25 pass tariffarju differenti applikabbli fl-2005. B'konsegwenza ta' hekk huwa xieraq li jiġu eżaminati l-vantaġġi possibbli, jew in-nuqqas tagħhom, tad-defiċit tal-2005 għas-sistema tal-elettriku b'mod ġenerali.

    (104)

    F'dan ir-rigward, Spanja daħħlet fis-seħħ mekkaniżmu għall-iskupru tad-defiċit sħiħ tal-2005. Dan huwa konsistenti mal-universalità tal-kontijiet tas-sistema applikata matul dak il-perjodu. Dan in-nuqqas fid-dħul irregolat tas-sistema tal-elettriku biex ikopri l-kosti tas-sistema, ġie indirizzat permezz tal-injezzjoni ta' riżorsi miġbura permezz ta' “kontribuzzjoni allokata b'mod speċifiku” pprovduta bid-Digriet Irjali 809/2006. Minn nofs l-2006, beda l-irkupru permezz tal-applikazzjoni ta' soprataxxa fuq il-valur ta' 1,378 % fuq it-tariffi rregolati integrali u 3,975 % fuq il-ħlasijiet ta' aċċess u, wara dan, is-soprataxxi jeħtieġ li jiżguraw li fuq 14,5 snin li jintemmu fl-2020, it-EUR 3,8 biljun flimkien mal-interessi jkunu rkuprati (ara l-premessi 25 u 26 hawn fuq).

    (105)

    Konsegwentement, id-dħul minn kontribuzzjoni speċjali allokata għall-finanzjament tad-defiċit tal-2005 tippermetti lill-utenti tas-sistema jħallsu l-kontijiet tal-elettriku, biż-żieda meħtieġa biex tibbilanċja l-kontijiet tas-sistema tal-2005 ex post bi żmien li għadda sinifikanti.

    (106)

    F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-uniku aspett dibattibbli tal-metodu magħżul fl-2006 biex jitħallas lura d-defiċit tas-sistema tal-elettriku tal-2005 u jiġu bbilanċjati l-kontijiet huwa r-rata ta' interess baxxa applikata fil-bidu għall-ħlasijiet lura annwali, l-aktar ir-rata ta' referenza Euribor mingħajr marġni. Kif deskritt f'aktar dettall fil-premessi 96 u 97, Spanja impenjat ruħha biex iżżid ir-rata ta' interess applikabbli għall-utenti tan-negozju li huma soġġetti għall-proċedimenti preżenti. Spanja timpenja ruħha li tapplika marġni ta' 65 punt ta' bażi fuq ir-rata ta' interess referenzjarja.

    (107)

    L-applikazzjoni ta' din il-modifika tal-miżura applikata fil-bidu għad-defiċit tal-2005, li teskludi l-unitajiet domestiċi u n-negozji żgħar li ħallsu l-ogħla tariffi rregolati bil-mekkaniżmu ta' korrezzjoni, tħassar kull vantaġġ ipotetiku li l-kumpaniji jistgħu jkunu kisbu mid-diferiment tal-pagamenti mill-2006. Aktar minn hekk, l-applikazzjoni ta' soprataxxa fuq it-tariffa tfisser li l-ammont total rkuprabbli huwa, għal kull impriża, fi proporzjon dirett għall-konsum tal-elettriku tagħha. Aktar ma jiġi kkunsmat elettriku, ogħla tkun is-soprataxxa.

    It-tqabbil ma' prezzijiet tas-suq tal-elettriku

    (108)

    It-tieni nett kif innutat minn xi partijiet interessati, il-prezzijiet irreġistrati fil-pool tal-elettriku mhumiex punti ta' riferiment xierqa għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-elettriku mħallsa minn konsumaturi kbar taħt tariffi rregolati bi prezzijiet tas-suq. B'bażi fuq l-evidenza fir-rapport tal-2005 tal-operatur tas-suq tal-elettriku OMEL, kienu biss seba' utenti finali li jammontaw għal 5 % tad-domanda li kienu qed jieħdu l-elettriku direttament mill-pool, meta mqabbla ma mijiet ta' utenti industrijali u ta' negozji kbar. Konsumaturi industrijali u konsumaturi kbar oħra, b'mod partiolari konsumaturi li jużaw ħafna enerġija li għalihom l-enerġija tammonta għal proporzjon imdaqqas tal-ispejjeż ta' produzzjoni tagħhom (normalment 30-40 % għall-produzzjoni tal-aluminju) jeħtieġ li jiksbu kundizzjonijiet prevvedibbli ta' prezzijiet u provvista. Dawn il-kundizzjonijiet jiġu stabbiliti f'kuntratti b'termini itwal minn jum minn qabel. Il-prezzijiet ikkwotati kull siegħa u fis-suq minn jum qabel bħall-pool tal-elettriku juru l-prezzijiet tas-suq medji għall-fornituri li jaqdu firxa wiesa' ta' konsumaturi, inklużi l-unitajiet domestiċi. Dawn madanakollu m'humiex punti ta' riferiment xierqa biex jiġu ddeterminati l-prezzijiet li l-utenti li jużaw ħafna enerġija għandhom iħallsu fis-suq ħieles b'kuntratti fuq żmien itqal minn jum minn qabel. Bil-maqlub tal-opinjoni mogħtija fid-deċiżjoni ta' bidu, l-investigazzjoni wriet li t-tariffi rregolati aktar baxxi mill-prezzijiet medji tal-pool ma jimplikawx neċessarjament vantaġġ fuq il-kundizzjonijiet tas-suq għal utenti industrijali, minħabba li l-prezzijiet tal-pool mhumiex prezzijiet tas-suq għal ħafna minn dawn l-utenti. Dan ineħħi d-dubju mqajjma f'din ir-rabta.

    (109)

    Barra minn hekk, fi Spanja, l-għażla ta' qlib għas-suq ħieles ma kenitx irriversibbli fl-2005. Il-konsumaturi kienu djjem kapaċi jagħżlu bejn l-aktar offerti attraenti fis-swieq irregolati u ħielsa, li wassal għal livell ta' konverġenza ta' prezz. Ir-riversibilità ta' għażliet ta' provvista għandha tendenza li twaqqa' l-prezzijiet tas-suq fil-livell tal-konsumatur f'sitwazzjonijiet ta' żidiet fil-prezzijiet tal-operaturi fi Spanja minn April 2005, filwaqt li l-inċentiva opposta biex jiżdiedu l-prezzijiet tas-suq ħieles biex jersqu aktar viċin tal-ogħla livelli tat-tariffi rregolati, tidher meta tinqaleb is-sitwazzjoni.

    (110)

    Kif ikkonfermat mill-assoċjazzjoni ta' fornituri indipendenti (il-premessi 42-49), fl-2005 il-fornituri fis-suq ħieles kellhom jirrispettaw il-kuntratti tagħhom jew itemmuhom unilateralment, jekk dan ikun possibbli, jew inkella jinnegozjaw il-prezzijiet tagħhom u jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom 'il fuq, filwaqt li jieħdu r-riskju li l-konsumaturi tagħhom ikunu jixtiequ jaqilbu għas-suq irregolat. It-telf operattiv li l-fornituri tas-suq ħieles jallegaw li ġarrbu jindika li l-prezzijiet fis-suq ħieles fl-2005, l-aktar għal kuntratti ta' sena li ġew irrispettati, baqa' viċin tal-livelli tat-tariffi rregolati rispettivi, u għaldaqstant, it-tariffi rregolati ma tawx de facto vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mal-prezzijiet attwali fis-suq ħieles.

    (111)

    Dan jimplika, għalhekk, li żewġ utenti industrijali li ipotetikament qed jikkompetu, wieħed skont kuntratt tal-provvista tal-elettriku ta' sena bbażat fis-suq ħieles minn Jannar sa Diċembru 2005 u l-ieħor billi jikseb il-provvista bit-tariffi rregolati fl-istess perjodu, ħabbtu wiċċhom, bl-affarijiert l-oħra kollha jibqgħu ugwali, kosti tal-elettriku simili. L-uniku effett li kellu l-livell tat-tariffi rregolati fuq il-prezzijiet fis-suq ħieles fl-2005 kien li jagħti lill-utenti tas-suq ħieles il-benefiċċju indirett li jiġu limitati ż-żidiet fil-prezzijiet, anki jekk jitqies li dawn iż-żidiet kienu kuntrattwalment possibbli matul is-sena jew, fuq żmien itwal, fl-2005 kollu. Il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali bejn l-utenti industrijali li kiksbu l-elettriku fis-swieq ħielsa u rregolati ma setgħux jgħawġu t-tariffi rregolati.

    (112)

    It-tielet nett, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tagħha, l-Kummissjoni rreferiet b'mod partikolari għal-livelli baxxi tat-tariffi rregolati ta' EUR 23,9/MWh u EUR 27,0/MWh, applikati fl-2005 għal konsumaturi industrijali kbar (it-tariffa G4) u għall-konsumaturi industrijali l-kbar bi provvista interrompibbli (pereżempju, it-tariffa 3,4), rispettivament, kif muri fit-Tabella 3 fil-premessa 30 hawn fuq. Kif enfasizzat minn xi partijiet terzi, il-livelli ta' tariffi rregolati oġġezzjonati fid-deċiżjoni ta' ftuħ mhumiex tariffi iżda prezzijiet medji wara l-iskont. Mingħajr skontijiet, il-livelli tat-tariffi bażiċi, stabbiliti fid-Digriet 2392/2004 fit-Tabella 1, kienu EUR 56,12/MWh (it-tariffa 3,4) u EUR 25,44/MWh (it-tariffa G.4) rispettivament.

    (113)

    F'dan ir-rigward, l-investogazzjoni formali tat evidenza li t-tariffi rregolati applikabbli għall-utenti industrijali msemmija fid-deċiżjoni ta' ftuħ kienu fil-livell tal-prezzijiet tas-suq applikabbli għall-perjodu kollu bejn Jannar u Diċembru 2005, kif muri aktar l'isfel:

    (114)

    L-ewwe nett, ingħatat evidenza li kien hemm prezzijiet ta-ssuq bilaterali ta' EUR 34,45/MWh li ġew applikati għall-utenti li jużaw ħafna enerġija fis-suq ħieles fl-2005 (il-premessi 55-57). B'marġni tas-suq aktar baxx mill-marġni medja ta' EUR 10 miżjud fid-deċiżjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali, dan il-prezz tas-suq juri kost tal-provvista qrib il-EUR 25,44/MWh tal-aktar tariffa rregolata baxxa (G4) (EUR 23,9/MWh ta' prezz medju ex post). Meta jittieħed kont tad-differenzi oġġettivi li jikkonċernaw il-provvista bit-tariffa rregolata, bħal volumi ta' provvista 9,7 drabi ogħla bħal dawn, l-investiment fit-tagħmir ta' kontroll u l-limiti ta' żmien tal-pagamenti, il-fatt li t-tariffa rregolata kienet aktar baxxa ma jidhirx li ta' xi vantaġġ ekonomiku mhux dovut lill-benefiċjarji.

    (115)

    It-tieni nett l-evidenza disponibbli turi li f'Diċembru 2004, setgħu jiġu konklużi kuntratti ta' sena fuq il-provvista baseload, b'bażi fuq il-prezzijiet tas-suq bil-quddiem ta' EUR 31,05/MWh, bejn Jannar u Diċembru 2005. Prezz tas-suq finali (b'tariffa tas-servizzi u ta' aċċess addizzjonali) ta' EUR 36,67/MWh, li hija aktar baxxa mil-livell tat-tariffi bażiku rilevanti (it-tariffa 3,4), kien disponbbli għal utenti industrijali interrompibbli b'modulazzjoni ta' tagħbija qawwija (ara l-premessi 16, 18 u 58 hawn fuq).

    (116)

    Skontijiet addizzjonali disponibbli bit-tariffi rregolati għal ġestjoni tad-domanda (pereż. modulazzjoni tat-tagħbija, l-interrompibilità) permessi għal prezzijiet medji aktar baxxi fis-suq irregolat għall-utenti li jipprovdu dwan is-servizzi (22). Dawn l-iskontijiet, li ma kenux indirizzati b'mod speċifiku fid-deċiżjoni ta' ftuħ, irremuneraw servizzi siewja fuq in-naħa tad-domanda lin-netwerk, li kien jeħtieġ aġġustament, investiment jew restrizzjoni imposta fi proċessi kummerċjali jew industrijali. Il-modulazzjoni tat-tagħbija teħtieġ li l-proċessi industrijali jew kummerċjali li jużaw ħafna enerġija jitwettqu f'perjodi kwieti minflok f'perjodi ta' quċċata sabiex jitnaqqsu l-konsum u l-vultaġġ fin-netwerk tal-elettriku. Bl-istess mod, is-servizzi ta' interrompibilità provduti lin-netwerk huma ekonomikament utli minħabba li jikkonsistu, għall-utent industrijali involut, f'li jippermettu lill-operatur tas-sistema li jinterrompi l-provvista fi żmien qasir (minn ftit sekondi sa sagħtejn) u għal perjodu twil (minn siegħa sa 12-il siegħa), kif kien il-każ bit-tariffi rregolati rilevanti fi Spanja.

    (117)

    Il-benefiċċji ta' dawn is-servizzi f'termini ta' garanzija tal-kontinwità tal-provvista tal-elettriku huma rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 li tikkonċerna miżuri biex jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-investiment fl-infrastruttura, teħtieġ li l-Istati Membri jqisu d-domanda ta' teknoloġiji ta' ġestjoni u li jieħdu miżuri biex ineħħu l-ostakli li jċaħħdu l-użu ta' kuntratti interrompibbli sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda (23). Dawn is-servizzi jissuplimentaw u jistgħu wkoll jissostitwixxu mezzi oħra ta' regolazzjoni użata mill-operatur tan-netwerk biex jiggarantixxi li d-domanda għall-elettriku min-netwerk hija konformi mal-provvista, u għalhekk jiġi evitat il-qtugħ tad-dawl, li jiswa l-flus soċjalment u ekonomikament u jista' jwassal għal sanzjonijiet u responsabilitajiet.

    (118)

    Fil-każ partikolari ta' Spanja, in-nuqqas ta' kapaċità ta' interkonnessjoni sinifikanti ma' Stati Membri oħra u l-penetrazzjoni sinifikanti tal-provvista tal-elettriku intermittenti mir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-2005 jagħmlu dawn is-servizzi partikolarment siewja. Il-firxa tal-valur ekonomiku tagħhom u l-kost li jista' jiġi evitat fis-sistema tal-elettriku jistgħu jintwerew f'termini tal-kostijiet imġarrba mill-operatur tan-netwerk Spanjol Red Eléctrica de España fl-akkwist tas-servizzi ta' bbilanċjar. Fl-2005 Red Eléctrica de España, ħallset medja ta' EUR 65/MWh għal servizzi ta' regolazzjoni addizzjonali biex iżżid l-enerġija (b'żieda ta' enerġija addizzjonali onlajn għal madwar 15-il sekonda biex tibbilanċja n-netwerk); għar-regolament terzjarju taż-żieda tal-enerġija (b'żieda ta' enerġija addizzjonali on lajn bejn 15-il minuta u sagħtejn biex jerġa jkun hemm ir-riżerva tal-enerġija tar-regolament sekondarju), il-prezz medju fl-2005 kien EUR 78/MWh li żdied sa EUR 600/MWh (24). Billi tkompli titnaqqas id-domanda u titneħħa minn ħinijiet ta' quċċata (il-modulazzjoni tal-piż) jew tingħata l-kapaċità li titnaqqas f'sitwazzjonijiet kritiċi (servizz interrompibbli), l-iskontijiet fuq it-tariffi rregolati rilevanti (pereż. madwar EUR 32/MWh fuq it-tariffa 3,4) jidhru li huma ġustifikabbli ekonomikament.

    (119)

    Fin-nuqqas ta' skontijiet bħal dawn għal miżuri tal-ġestjoni tad-domanda, it-tariffi rregolati għal utenti mqabbda man-netwerk ta' vultaġġ għoli (it-tariffi 1,4 u 2,4) kienu f'livell ħafna aktar għoli EUR 58 u EUR 61/MWh għat-tariffa bażika u EUR 76,2/MWh għall-prezz medju attwali. Meta mqabbla mal-prezzijiet tas-suq bil-quddiem ta' EUR 31,05/MWh disponibbli għall-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2005, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prezzijiet tas-suq huma ogħla mit-tariffi rregolati applikabbli għall-maġġoranza assoluta ta' utenti industrijali u kummerċjali li jużaw ħafna enerġija.

    (120)

    Konsegwentement, minkejja li l-prezzijiet irreġistrati fil-pool tal-elettriku mhumiex punt ta' riferiment xieraq għat-tqabbil mal-prezzijiet tal-elettriku mħallsa minn utenti industrijali u kummerċjali kbar, il-prezzijiet tas-suq attwali applikabbli għal provvisti ta' elettriku lill-utenti finali li ġew ipprovduti bit-tariffi rregolati fl-2005, kienu konformi mal-livelli rispettivi tar-tariffi rregolati.

    6.   KONKLUŻJONIJIET DWAR IL-MIŻURA

    (121)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li ntwera li, l-ewwel nett, il-kumpaniji li rċevew l-elettriku b'tariffi rregolati integrali ma kisbux benefiċċji mil-livell ta' dawn it-tariffi u, t-tieni nett, meta wieħed iżomm f'moħħu l-impenn ta' Spanja biex temenda l-miżura, dak l-interess ikun impost b'rata xierqa għad-dewmien minn xi kumpaniji fil-ħlas ta' parti mill-kontijiet tal-elettriku tagħhom fl-2005.

    (122)

    Għalhekk, il-miżura disponibbli ma timplikax vantaġġ ekonomiku favur l-utenti tan-negozju. Minħabba li l-kriterji tal-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk humiex issodisfatti kriterji oħrajn.

    (123)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li, wara li kkunsidrat l-arranġamenti mdaħħla fis-seħħ minn Spanja biex tieħu lura d-dejn tal-utenti finali fis-sistema tal-elettriku, is-sistema tat-tariffi rregolati implimentata fl-2005 ma wasslitx għal għajnuna mill-istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Din il-konklużjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni u l-perjodu ta' żmien kopert mill-ilment, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni li l-Kummissjoni tista' tagħmel ta' miżuri meħuda minn Spanja fl-2005.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sistema ta' tariffi rregolati implimentata mir-Renju ta' Spanja fl-2005 mhix għajnuna mill-istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 43, 27.2.2007, p. 9.

    (2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

    (3)  L-Artikolu 12(2) tal-LSE pprovda li t-tariffi tal-elettriku kellhom, fil-prinċipju, jiġu stabbiliti darba f'sena iżda setgħu jiġu aġġustati matul is-sena.

    (4)  Skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Irjali 1432/2002, it-tariffa medja ma tistax tiżdied b'aktar minn 1,40 % (sena wara sena) filwaqt li t-tariffi individwali jistgħu jiżdiedu biss b'perċentwal ekwivalenti maż-żieda fit-tariffa medja. +0,60 % (2 % b'kollox).

    (5)  Id-Diġriet Irjali 2392/2004 tat-30 ta' Diċembru 2004 jistabbilixxi t-tariffa tal-elettriku għall-2005. Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat Nru 315 p. 42766.

    (6)  Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 5/2005 tal-11 ta' Marzu 2005 dwar riformi urġenti biex jippromwovu l-produttività u jtejbu l-akkwist pubbliku. Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 62, 14.3.2005, p. 8832.

    (7)  It-telf mill-kosti mhux rekuperabbli sostnut mill-fornituri tal-elettriku responsabbli bħala riżultat ta' investimenti mhux rekuperabbli mwettqa qabel il-liberalizzazzjoni. Il-Kummissjoni Awtorizzat l-għoti ta' għajnuna obbligatorja biex tkopri telf bħal dan, fuq il-bażi tal-kriterji sottolineati fil-Metodoloġija tal-Kostijiet mhux Rekuperabbli (Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija biex tiġi analizzata l-għajnuna mill-Istat marbuta ma' kosti mhux rekuperabbli), b'ittra SG (2001) D/290869 tas-6 ta' Awwissu 2001 Bid-Deċiżjoni SG (2001) D/290553 tal-25 ta' Lulju 2001, fil-Każ NN 49/99, il-Kummissjoni awtorizzat lil Spanja biex tagħti kumpens għal kosti mhux rekuperabbli sal-2008 lill-kumpaniji li ntalbu jiffinanzjaw minn qabel id-defiċit tal-2005.

    (8)  L-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 809/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jirrevedi t-tariffa tal-elettriku mill-1 ta' Lulju 2006. Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 156, 1.7. 2006.

    (9)  Spanja lliberalizzat is-suq tal-elettriku fil-livell tal-konsumatur aktar kmieni milli meħtieġ mid-Direttivi dwar l-Elettriku tal-1996 u tal-2003, li pprovdew għal skeda ta' liberalizzazzjoni bejn l-1999 u l-2004 għall-utenti finali tan-negozju (li tibda mill-akbar) u għamlu l-liberalizzazzjoni tal-qasam tal-unitajiet domestiċi obbligatorja biss mill-1 ta' Lulju 2007.

    (10)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

    (11)  L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar l-Elettriku jgħid: “L-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu li huwa xieraq, l-intrapriżi żgħar (l-aktar intrapriżi b'anqas minn 50 impjegat u fatturat annwali jew karta tal-bilanċ li ma jaqbżux l-EUR 10 miljun), igawdu minn servizz universali, li huwa d-dritt li jiġu pprovduti bl-elettriku ta' kwantità speċifikata fit-territorju bi prezzijiet raġonevoli u trasparenti li jitqabblu faċilment u b'mod ċar. Biex jiżguraw id-dispożizzjoni tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur tal-aħħar istanza”.

    (12)  Centrica nnifisha qasmet il-konsumaturi f'ħames gruppi. Din il-qasma ma tikkorrispondix mal-istruttura tat-tariffa rregolata ppubblikata fid-digriet tat-tariffi annwali, kif indikat fil-premessa 17.

    (13)  Ara l-Anness A(b) u (c) tad-Direttiva dwar l-Elettriku.

    (14)  L-opinjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Kawżi Konġunti C-261/01 u C-262/01 Van Calster il-paragrafu 41.

    (15)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti C-261/01 Van Calster, ibid, il-paragrafi 49 u 50).

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2001, L-Għajnuna mill-Istat N 49/99 — Spanja. Reġim tranżizzjonali għas-suq tal-elettriku.

    (17)  L-ittra tal-Kummissjoni lir-Renju Unit tas-27 ta' Frar 2002 (Għajnuna mill-Istat N 661/99).

    (18)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (19)  Wilson, R. (1993), Nonlinear Pricing, Oxford University Press.

    (20)  Castro Rodriguez, F. (1999), Wright tariffs in the Spanish electricity industry, The case of residential consumption, Utilities Policy, pp. 17-31.

    (21)  Sentenza tal-QEĠ tas-17 ta' Marzu 1993 fil-Kawżi Konġunti C-72/91 u C-73/91, il-paragrafu 21: Is-sistema inkwistjoni ma tfittixx, permezz tal-oġġett u l-istruttura ġenerali tagħha, li toħloq vantaġġ li jkun ta' piż żejjed għall-Istat.

    (22)  Is-sors ewlieni li minnu jittieħdu l-figuri fid-deċiżjoni ta' ftuħ huwa r-rapport CNE: “El Consumo Eléctrico en el Mercado Peninsular en el Año 2005”, 25.7.2006, it-Taqsima 2. Għal konsumaturi industrijali kbar (interrompibbli u THP), ir-rapport jindika li l-modulazzjoni ta' tagħbija qawwija bi provvista f'perjodi kwieti, li teħtieġ aġġustamenti fil-proċess ta' produzzjoni, tippermetti għal skontijiet sostanzjali fit-tariffa prinċipali.

    (23)  ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22; ara l-Artikoli 3(3)(c) u 5(2)(b).

    (24)  El Sistema Eléctrico Español 2005, pp. 54 u 55, Red Eléctrica de España.


    Top