Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0754

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 754/2014 tal- 11 ta' Lulju 2014 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 205, 12.7.2014, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/754/oj

    12.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 205/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 754/2014

    tal-11 ta' Lulju 2014

    dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistabbilixxi l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għar-rifjut ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(7) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 10(1) sa (4) tiegħu, jistipula d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-prodotti li kienu jintużaw bħala addittivi tas-silaġġ fl-Unjoni dakinhar li daħal fis-seħħ dak ir-Regolament.

    (2)

    Skont l-Artikolu 10(7) tar- Regolament (KE) Nru 1831/2003, il-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044), li qabel kien imsejjaħ Lactococcus lactis (NCIMB 30044), kienu ddaħħlu fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha.

    (3)

    Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqu applikazzjonijiet biex il-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jiġu awtorizzati bħala addittivi tal-għalf għal kull speċi tal-annimali, u ntalab li dawn l-addittivi jiġu klassifikati fil-kategorija tal-“addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali tal-“addittivi tas-silaġġ”. Dawk l-applikazzjonijiet tressqu magħhom id-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha tas-6 ta' Marzu 2014 (2) li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) huma reżistenti għat-tetraċiklina, li hija antibijotiku użat fil-mediċina umana u veterinarja.

    (5)

    It-tagħrif disponibbli ma jippermettix l-esklużjoni tar-riskju li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jistgħu jinfirxu fost mikroorganiżmi oħra li huma reżistenti għal dak l-antibijotiku. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) ma jħallux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, meta jintużaw bħala addittivi tal-għalf skont il-kundizzjonijiet proposti.

    (6)

    Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, mhux sodisfatti. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf għandha tiġi miċħuda.

    (7)

    Peress li l-użu ulterjuri tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi tal-għalf jista' jikkawża riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, dawk l-addittivi tal-għalf għandhom jiġu rtirati mis-suq mill-aktar fis possibbli. B'kunsiderazzjoni ta' raġunijiet prattiċi, madankollu, huwa neċessarju li l-partijiet interessati jingħatalhom perjodu ta' żmien li matulu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti tas-silaġġ prodotti b'dawk l-addittivi tal-għalf.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ċaħda tal-awtorizzazzjoni

    L-awtorizzazzjoni tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi tal-għalf għandha tiġi miċħuda.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżitorji

    1.   Il-ħażniet eżistenti ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) u taħlitiet lesti minn qabel li jinkluduhom għandhom jitneħħew mis-suq mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2014.

    2.   Is-silaġġ prodott bil-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jew bit-taħlitiet lesti minn qabel li jinkluduhom qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jista' jintuża sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  EFSA Journal 2014; 12(3):3609 u EFSA Journal 2014; 12(3):3610.


    Top