This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22014A0712(01)
Participation agreement between the European Union and the Swiss Confederation on the participation of the Swiss Confederation in the European Union Integrated Border Management Assistance Mission in Libya (EUBAM Libya)
Ftehim ta' parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' assistenza għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)
Ftehim ta' parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' assistenza għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)
ĠU L 205, 12.7.2014, p. 3–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/451/oj
12.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 205/3 |
TRADUZZJONI
FTEHIM TA' PARTEĊIPAZZJONI
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' assistenza għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)
L-UNJONI EWROPEA (l-UE jew l-Unjoni),
minn naħa, u
L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW:
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (1),
L-ittra datata s-6 ta' Settembru 2013 mill-Kap tad-Dipartiment Federali tal-Affarijiet Barranin (FDFA), li toffri kontribut lil EUTM Libya,
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUBAM Libya/2/2014 (2) tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera lill-missjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Libja,
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUBAM Libya/1/2014 tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (3),
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Parteċipazzjoni fil-missjoni
1. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-EUBAM Libya, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.
2. Il-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera lill-EUBAM Libya huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.
3. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiżgura li l-persunal Svizzeru li jipparteċipa fl-EUBAM Libya jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':
— |
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK u kwalunkwe emenda sussegwenti, |
— |
il-Pjan tal-Missjoni, |
— |
il-miżuri ta' implimentazzjoni. |
4. Il-persunal sekondat fil-missjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bil-ħsieb tal-interess ta' EUBAM Libya.
5. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tinforma lill-Kap tal-Missjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.
Artikolu 2
Status tal-persunal
1. L-istatus tal-persunal kontribwit lill-EUBAM Libya mill-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkun irregolat mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Libja dwar l-istatus tal-EUBAM Libya fil-Libja.
2. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkollha ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-EUBAM Libya.
3. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fl-EUBAM Libya fil-Libja, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun responsabbli li tieħu kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
4. Il-partijiet jaqblu li jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha, minbarra dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi li jkunu proprjetà ta'/operati minn waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mill-qadi tad-dmirijiet tagħhom marbuta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.
5. Il-Konfederazzjoni Svizzera tieħu l-impenn li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-EUBAM Libya, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
6. L-Unjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-EUBAM Libya, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Informazzjoni klassifikata
Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni Ewropea rigward il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (4), magħmul fi Brussell fit-28 ta' April 2008, għandu japplika fil-kuntest tal-EUBAM Libya.
Artikolu 4
Linja ta' kmand
1. Il-persunal Svizzeru li jipparteċipa fl-EUBAM Libya għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-Unjoni.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUBAM Libya fil-livell strateġiku.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUBAM Libya.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi lill-EUBAM Libya u jassumi t-tmexxija ta' kuljum tagħha.
6. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini tat-tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-UE.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal tal-EUBAM Libya. Fejn ikun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtoritajiet nazzjonali Svizzeri.
8. Għandu jiġi maħtur Punt Kontinġenti ta' Kuntatt Nazzjonali (“NPC”) mill-Konfederazzjoni Svizzera biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-EUBAM Libya. L-NCP għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.
9. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Konfederazzjoni Svizzera jekk din tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-EUBAM Libya fid-data tat-tmiem tal-missjoni.
Artikolu 5
Aspetti finanzjarji
1. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-EUBAM Libya, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) issir il-missjoni, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-forzi, jekk disponibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1).
3. L-Unjoni għandha teżenta lill-Konfederazzjoni Svizzera minn kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUBAM Libya.
Artikolu 6
Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti tal-Konfederazzjoni Svizzera.
Artikolu 7
Nonosservanza
Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat notifika minn xahar qabel.
Artikolu 8
Riżoluzzjoni ta' tilwim
Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dan il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju mid-data tal-firma.
3. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm idum il-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera lill-missjoni.
4. Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-tmiem isir effettiv tliet xhur wara d-data ta' tali notifika.
Magħmul fi Brussell, fir-raba' jum ta' Lulju fis sena elfejn u erbatax, bil-lingwa Ingliża f'żewġ kopji.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Konfederazzjoni Svizzera
(1) ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15.
(2) ĠU L 14, 18.1.2014, p. 15.
(3) ĠU L 14, 18.1.2014, p. 13.
(4) ĠU L 181, 10.7.2008, p. 58.
Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-UE
“Bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), l-Istati Membri tal-UE ser jagħmlu ħilithom sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistemi legali interni tagħhom, jirrinunzjaw, kemm jista' jkun, għall-pretensjonijiet kontra l-Konfederazzjoni Svizzera għal korriment jew mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal jew telf ta' kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħhom u li jintuża mill-EUBAM Libya jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kien ikkawżat minn persunal mill-Konfederazzjoni Svizzera fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-EUBAM Libya, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja, jew |
— |
irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkun proprjetà tal-Konfederazzjoni Svizzera, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-missjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-missjoni tal-UE mill-Konfederazzjoni Svizzera li juża dawk l-assi.”. |
Dikjarazzjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera
“Bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tagħmel ħilitha sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistema legali interna tagħha, tirrinunzja, kemm jista' jkun, għall-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa f'EUBAM Libya għal korriment jew mewt tal-persunal tagħha, jew dannu għal jew telf ta' kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħha u li jintuża mill-missjoni tal-UE jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kien ikkawżat minn persunal fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-EUBAM Libya, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja, jew |
— |
irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi tal-Istati li jipparteċipaw fil-missjoni tal-UE, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-missjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta' persunal tal-missjoni tal-UE li juża dawk l-assi.”. |