Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0072

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2014 tas- 27 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013 fir-rigward ta’ tnaqqis mill-kwota Portugiża għall-2013 għar-redfish fiż-żona 3LN tan-NAFO

    ĠU L 23, 28.1.2014, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/72/oj

    28.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 23/31


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 72/2014

    tas-27 ta’ Jannar 2014

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013 fir-rigward ta’ tnaqqis mill-kwota Portugiża għall-2013 għar-redfish fiż-żona 3LN tan-NAFO

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 105(1), (2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 770/2013 (2), l-industrija tas-sajd Portugiża sabet żball fiċ-ċifri ppubblikati ta’ qabdiet ta’ redfish għall-2012 fiż-żona 3LN tan-NAFO (Northwest Atlantic Fisheries Organization - L-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral).

    (2)

    L-awtoritajiet tas-sajd Portugiżi nnotaw li r-rapporti dwar il-qbid li fuqhom huma bbażati dawn iċ-ċifri dwar il-qbid għall-2012 ma kinux mibgħuta lill-Kummissjoni b’mod korrett. Dan ġie kkonfermat minn verifika indipendenti.

    (3)

    Abbażi tad-dejta kkoreġuta mibgħuta mill-Portugall fl-14 ta’ Novembru 2013, jidher li kien hemm sajd żejjed fir-rigward tal-kwota Portugiża għar-redfish fiż-żona 3LN tan-NAFO (RED/N3LN) b’ammont iżgħar minn dak ikkunsidrat għall-finijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013.

    (4)

    Għaldaqstant, it-tnaqqis mill-kwota Portugiża tar-redfish għall-2013 fiż-żona 3LN tan-NAFO għandha tkun ikkoreġuta fir-rigward taċ-ċifri dwar is-sajd żejjed li jikkonċerna l-kwota inkwistjoni.

    (5)

    Meta jiġi kkunsidrat li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni qiegħed jemenda tnaqqis li diġà jitħaddem għall-kwota tar-redfish għall-2013 fiż-żona 3LN tan-NAFO, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom japplikaw b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013.

    (6)

    Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2013 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madanakollu, għandu japplika mill-15 ta’ Awwissu 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 770/2013 tat-8 ta’ Awwissu 2013 għat-twettiq ta’ tnaqqis tal-kwoti tas-sajd disponibbli għal ċerti stokkijiet fl-2013 minħabba sajd żejjed fis-snin preċedenti (ĠU L 215, 10.8.2013, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 770/2012, f’paġna 12, il-linja ta’ hawn taħt

    “PRT

    RED

    N3NL

    Redfish

    NAFO 3LN

    0

    982,5

    1 204,691

    122,61

    222,191

    1,4

    /

    /

    /

    311,067 ”

     

    tinbidel b’li ġej:

    “PT

    RED

    N3NL

    Redfish

    NAFO 3LN

    0

    982,5

    1 112,457

    113,23

    129,957

    1,2

    /

    /

    /

    155,948 ”

     


    Top